52011PC0939

/* KUMM/2011/0939 finali - 2011/0466 (NLE) */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/491/UE dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Protokoll l-iktar riċenti tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd tal-UE mal-Marokk ġie ffirmat fil-25 ta’ Frar 2011. Kien intenzjonat li jkopri perjodu ta' sena waħda, bejn it-28 ta' Frar 2011 u s-27 ta' Frar 2012.

Billi kien iffirmat miż-żewġ Partijiet għall-Ftehim fit-13 ta’ Lulju 2011, il-Protokoll beda japplika provviżjorjament, b'lura sa mit-28 ta' Frar 2011, abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/491/UE dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk.

Għall-Protokoll li kellu eventwalment jiġi konkluż mill-Kunsill f’isem l-UE, il-Parlament Ewropew kellu japprova l-konklużjoni tiegħu, skont l-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, fl-14 ta’ Diċembru 2011, il-Parlament ivvota biex ma japprovax il-konklużjoni; fil-15 ta’ Diċembru nnotifika formalment lill-Kunsill b’din id-deċiżjoni.

L-Unjoni Ewropea għalhekk mhix f’pożizzjoni li tikkonkludi l-Protokoll. Skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, l-applikazzjoni provviżorja ta' Trattat għandha tiġi tterminata jekk waħda mill-Partijiet tinnotifika lill-Parti l-oħra li magħha t-Trattat ikun qiegħed jiġi applikat fuq bażi provviżorja, li ma tkunx beħsiebha ssir parti kontraenti tat-Trattat.

Il-Kummissjoni tipproponi, abbażi ta’ dan, li l-Kunsill jirrevoka d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll, u li l-Gvern tal-Marokk jiġi nfurmat b’din id-Deċiżjoni.

2011/0466 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/491/UE dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218 (5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[1],

Billi:

1. Il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ 'il-Protokoll') ilu japplika b’mod provviżorju mit-28 ta’ Frar 2011, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/491/UE tat-12 ta’ Lulju 2011[2],

2. Bi tweġiba għat-talba tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2011, skont l-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew fl-14 ta’ Diċembru 2011 ivvota biex ma japprovax li l-Kunsill jikkonkludi l-Protokoll[3],

3. Għalhekk jeħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/491/UE tiġi rrevokata u li l-Marokk jiġi nnotifikat dwar it-tmiem tal-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll, skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/491/UE dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk b’dan qed tiġi revokata.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar persuna/i awtorizzata/i biex tinnotifika/jinnotifikaw lir-Repubblika tal-Marokk, f’konformità mal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, li l-Unjoni Ewropea ma għadhiex beħsiebha ssir parti għall-Protokoll. Dik in-notifika għandha ssir fil-forma ta’ ittra.

It-test tal-ittra huwa anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

Anness

Ittra mill-Unjoni Ewropea

Sinjur/Sinjura,

B’referenza għall-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk, li ġie ffirmat fil-25 ta' Frar 2011, mill-applikazzjoni provviżorja tiegħu, kif miftiehem fl-Artikolu 12 tal-Protokoll u adottat permezz tal-iffirmar tal-Protokoll miż-żewġ Partijiet fit-13 ta' Lulju 2011:

L-Unjoni Ewropea b’dan tinnotifika lir-Repubblika tal-Marokk li, f’konformità mal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, ma għadhiex beħsiebha ssir parti għall-Protokoll imsemmi hawn fuq.

Sinjur/Sinjura, jekk jogħġbok aċċetta l-assigurazzjoni tal-ogħla konsiderazzjoni tiegħi.

F’isem l-Unjoni Ewropea,

[1] [żid referenza]

[2] ĠU L 202, 5.8.2011, p. 1.

[3] [żid referenza għan-notifika uffiċjali]