52011PC0888

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ċerti miżuri fir-rigward ta’ pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli għall-iskop tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut /* KUMM/2011/0888 finali - 2011/0434 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar[1] kif ukoll il-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet tal-Ħut[2] jitolbu lill-Istati kostali u lill-Istati li l-flotot tagħhom jistadu għal stokkijiet bħal dawn f’ibħra miftuħa kontigwi sabiex jikkooperaw fil-ġestjoni b’mod responsabbli tal-istokkijiet ta’ ħut transżonali u ta’ ħut ferm migratorju u tal-istokkijiet li jinstabu f’żoni ekonomiċi esklussivi u kontigwi sabiex jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul tagħhom, permezz ta’ konsultazzjoni diretta bejniethom jew permezz tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali xierqa għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs).

Ħafna drabi jkun diffiċli biex jintlaħaq ftehim dwar il-ġestjoni tal-istokkijiet ta’ ħut transżonali u ta’ ħut ferm migratorju, tant li dan ikun jeħtieġ rieda ġenwina mill-Istati kollha kkonċernati li jikkooperaw. L-adozzjoni ta’ miżuri unilaterali minn ċerti Stati li ma għandhomx rieda tajba li jaħdmu lejn il-miżuri miftiehma tista’ twassal għal tnaqqis konsiderevoli fl-istokk tal-ħut inkwistjoni, anki jekk ikun hemm Stati oħrajn li jimpenjaw ruħhom li jimmoderaw l-isforz tas-sajd tagħhom.

L-UE, bħala suq profittabbli ta’ destinazzjoni għal prodotti tas-sajd, għandha responsabbiltà partikolari li tiżgura li l-obbligu ta’ kooperazzjoni msemmi fuq jiġi rrispettat. Għalhekk, jeħtieġ li l-UE tiġi pprovduta bil-mezzi meħtieġa sabiex tkun tista’ tieħu miżuri effettivi kontra dawk l-Istati li ma jikkooperawx b’rieda tajba fl-adozzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni miftiehma jew li huma responsabbli għal miżuri u prattiċi li jwasslu għall-isfruttar eċċessiv tal-istokkijiet, bil-għan li jinħoloq diżinċentiv għall-kontinwazzjoni ta’ dan is-sajd mhux sostenibbli. Il-proposta preżenti għandha l-għan li tistabbilixxi mekkaniżmu rapidu u effettiv li juża l-kummerċ u tipi oħrajn ta’ miżuri f’sitwazzjonijiet bħal dawk deskritti hawn fuq. Dawn il-miżuri jimmiraw li jippromwovu l-kooperazzjoni fost l-Istati kkonċernati għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni xierqa u, safejn ikun possibbli, miftiehma għall-istokkijiet inkwistjoni sabiex ikun żgurat li jsir l-aħjar użu minn dawn l-istokkijiet.

2.           IR-RIŻULTATI TA’ KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-konsultazzjonijiet annwali ma’ Stati kostali mhux fl-UE dwar il-ġestjoni ta’ stokkijiet ta’ interess komuni joffru okkażjoni għal konsultazzjoni ma’ partijiet interessati dwar kif għandhom jirreaġixxu f’każijiet fejn ma tkunx disponibbli l-kooperazzjoni minn pajjiż terz partikolari. Ġeneralment, il-partijiet interessati jitolbu lill-Kummissjoni biex tadotta restrizzjonijiet kummerċjali u tipi oħrajn ta’ miżuri bħala mezz biex tagħmel pressjoni fuq dawk il-pajjiżi bil-għan li jkunu jistgħu jaqblu li jidħlu f’negozjati sinjifikanti u jsibu soluzzjoni ġusta li tiggarantixxi s-sostenibbiltà tal-istokkijiet ta’ interess komuni.

It-tħejjija ta’ valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta kienet preċeduta minn konsultazzjoni mmirata dwar l-użu ta’ miżuri relatati mal-kummerċ u tipi oħrajn ta’ miżuri bħala mezz li jwassal għal tnaqqis fl-intensità tas-sajd minn pajjiżi terzi li jippermettu sajd mhux sostenibbli. Ħafna partijiet interessati, forsi bl-unika eċċezzjoni tal-industrija tal-ipproċessar, kienu kjarament favur l-adozzjoni ta’ miżuri relatati mal-kummerċ u tipi oħrajn ta’ miżuri.

Twettqet valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta u s-sommarju eżekuttiv tagħha qiegħed jakkumpanja din il-proposta. Essenzjalment, il-valutazzjoni tal-impatt analizzat l-impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali tal-miżuri, li jvarjaw minn "għażla żero" għal projbizzjoni totali fuq l-importazzjonijiet tal-ħut u tal-prodotti tal-ħut inkwistjoni, u inklużi ż-żewġ miżuri li jistgħu jestendu lil hinn mill-kuntest kummerċjali u l-istrateġiji mhux leġiżlattivi. Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tal-impatt kienet li hija għandha tkun pertinenti biex tipprovdi lill-UE bi strument li jippermetti l-adozzjoni bla xkiel tal-miżuri, l-aktar dawk relatati mal-kummerċ. Il-miżuri ser jiġu introdotti kontra pajjiżi li jippermettu sajd li jsir b’mod mhux sostenibbli li jkun ta’ theddida għall-istokkijiet tal-ħut. Fil-valutazzjoni tal-impatt ġew suġġeriti indikazzjonijiet tal-forma u l-kontenut possibbli tal-istrument. Matul it-tħejjija tal-miżura, sar evidenti li l-bażi legali għandha tkun l-Artikolu 43(2) u 207 tat-TFUE billi l-għan aħħari tar-regolament huwa li jippromwovi l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u l-firxa ta’ miżuri kkunsidrati mhijiex limitata biss għal dawk li huma relatati mal-kummerċ.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

L-Artikolu 1 jiddefinixxi l-għan prinċipali tar-Regolament: li jistabbilixxi proċedura sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri kost-effettivi ekwitabbli bil-għan li jippromwovu s-sostenibbiltà tas-sajd.

L-Artikoli 2 sa 5 jiddeskrivu liema pajjiżi għandhom ikunu fil-mira tal-miżuri (pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli), it-tipi differenti ta’ miżuri li jistgħu jiġu adottati u l-kondizzjonijiet li jiddeterminaw fejn u meta jistgħu jiġu adottati. L-Artikolu 4 jistipula b’mod partikolari li l-miżuri għandhom jiġu adottati bħala atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (b’mod ġenerali, il-proċedura ta’ eżaminazzjoni għandha tkun applikabbli). Fejn tissemma l-ħtieġa li l-miżuri jkunu konsistenti mal-impenji internazzjonali tal-UE, huwa maħsub li jkun hemm kompatibbiltà mal-obbligi tal-UE skont il-Ftehim tad-WTO, b’mod partikolari safejn ikunu kkonċernati r-restrizzjonijiet kummerċjali.

L-Artikolu 6 jiddefinixxi ċerti passi dovuti fil-proċess li għandhom jittieħdu qabel l-adozzjoni tal-miżuri vis-à-vis il-pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli. Dawn l-inizjattivi għandhom jippermettu li l-pajjiżi kkonċernati jinstemgħu u jipprovdulhom opportunità biex jirranġaw l-azzjonijiet tagħhom. L-Artikolu 7 jistabbilixxi l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri, soġġett għall-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi mill-pajjiżi kkonċernati.

L-Artikolu 8 jiddefinixxi l-Kumitat li ser jgħin lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tar-Regolament.

Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament huwa stabbilit fl-Artikolu 9 bħala 20 jum wara l-pubblikazzjoni.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Ma hemm ebda implikazzjoni baġitarja

2011/0434 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ċerti miżuri fir-rigward ta’ pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli għall-iskop tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 207,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3]

Wara li aġixxew skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Kif stabbilit fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (li minn hawn ’il quddiem tissejjaħ "UNCLOS") u fil-Ftehim għall-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut Ferm Migratorju tal-4 ta’ Awwissu 1995 (li minn hawn ’il quddiem jissejjaħ il-"Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet tal-Ħut"), il-ġestjoni ta’ ċerti stokkijiet ta’ ħut transżonali u ta’ ħut ferm migratorju teħtieġ il-kooperazzjoni tal-pajjiżi kollha li l-flotot tagħhom jisfruttaw dak l-istokk. Din il-kooperazzjoni tista’ tiġi stabbilita fil-qafas tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) jew, meta l-RFMOs ma jkollhom ebda kompetenza għall-istokk inkwistjoni, permezz ta’ arranġamenti ad-hoc fost il-pajjiżi li għandhom interess fis-sajd.

(2) Meta l-pajjiżi terzi li għandhom interess f’sajd li jinvolvi stokkijiet ta’ interess komuni għal dak il-pajjiż u għall-Unjoni jwettqu, mingħajr kunsiderazzjoni xierqa għall-mudelli tas-sajd eżistenti u/jew għad-drittijiet, id-doveri u l-interessi ta’ Stati oħrajn u dawk tal-Unjoni, attivitajiet tas-sajd li jipperikolaw is-sostenibbiltà tal-istokk, fejn jonqsu li jikkooperaw mal-Unjoni fil-ġestjoni tagħha, għandhom jiġu adottati miżuri speċifiċi sabiex jippromwovu l-kontribuzzjoni ta’ dawk il-pajjiżi lejn il-konservazzjoni tal-istokk.

(3) L-istokkijiet tal-ħut għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma fi stat sostenibbli meta jinżammu kontinwament fi jew ’il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sostenibbli kif imsemmi fl-Artikoli 61(3) u 119(1) tal-UNCLOS u fl-Artikolu 5(b) tal-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet tal-Ħut.

(4) Jeħtieġ li jiġu definiti l-kondizzjonijiet li bihom pajjiż jista’ jitqies bħala li jippermetti sajd mhux sostenibbli u soġġett għal miżuri skont dan ir-Regolament, inkluż proċess li jagħti lill-pajjiżi kkonċernati d-dritt li jinstemgħu u li jkollhom l-opportunità li jadottaw azzjoni korrettiva.

(5) Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi definit it-tip ta’ miżuri li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli u li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet ġenerali għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri sabiex ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, filwaqt li jkunu ekwitabbli, kost-effettivi u kompatibbli mal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(6) Dawn il-miżuri għandhom jimmiraw li jneħħu l-inċentivi għall-flotot tal-pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli għal ħut fuq l-istokk ta’ interess komuni. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’, pereżempju, restrizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ ħut maqbuda minn bastimenti li jagħmlu s-sajd fuq stokk ta’ interess komuni taħt ir-responsabbiltà ta’ pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli, restrizzjoni fuq il-provvista ta’ servizzi tal-port lil dawk il-bastimenti, jew li jkun evitat li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jew it-tagħmir tas-sajd tal-Unjoni jkunu jistgħu jintużaw għal sajd għall-istokk ta’ interess komuni taħt ir-responsabbiltà tal-pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli.

(7) Sabiex tiġi żgurata azzjoni Komunitarja effettiva u koerenti għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut, huwa importanti li jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-miżuri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat[4].

(8) Jeħtieġ li l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri tkun ippreċeduta minn evalwazzjoni tal-effetti ambjentali, kummerċjali, ekonomiċi u soċjali mistennija tagħhom.

(9) Il-miżuri adottati skont dan ir-Regolament għandhom jieqfu milli jkomplu japplikaw kull meta l-pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli jkun adotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-istokk ta’ interess komuni.

(10) Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jipprovdu għall-proċedura ta’ eżaminazzjoni skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[5]. Madankollu, għal raġunijiet ta’ urġenza, id-deċiżjonijiet dwar jekk il-miżuri għandhomx jieqfu milli jkomplu japplikaw għandhom jiġu adottati bħala atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament skont l-Artikolu 8 tar-Regolament imsemmi.

(11) Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament fejn, f’każijiet debitament ġustifikati relatati mat-tmiem tal-applikazzjoni tal-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament, dan ikun meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-qafas għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri rigward attivitajiet u politiki relatati mas-sajd minn pajjiżi terzi bil-għan li jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul ta’ stokkijiet ta’ ħut ta’ interess komuni bejn l-Unjoni Ewropea u dawk il-pajjiżi terzi.

2. Il-miżuri adottati skont dan ir-Regolament jistgħu japplikaw fil-każijiet kollha fejn il-kooperazzjoni mal-Unjoni tkun meħtieġa fil-ġestjoni konġunta tal-istokkijiet ta’ interess komuni, inkluż fejn dik il-kooperazzjoni sseħħ fil-kuntest ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd jew xi korp simili.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) "stokk ta’ interess komuni" tfisser stokk ta’ ħut li d-distribuzzjoni ġeografika tiegħu tagħmilha disponibbli għall-flotot tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi u li l-ġestjoni tiegħu tirrikjedi l-kooperazzjoni bejn dawn il-pajjiżi terzi u l-Unjoni;

(b) "speċi assoċjata" tfisser kwalunkwe speċi ta’ ħut li tidher f’sajd imħallat bi stokk ta’ interess komuni;

(c) "sajd imħallat" tfisser sajd fejn ikunu preżenti aktar minn speċi waħda fiż-żona fejn ikun qiegħed isir is-sajd u li huma vulnerabbli li jinqabdu fix-xbieki tas-sajd.

(d) "organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd" tfisser organizzazzjoni subreġjonali, reġjonali jew simili b’kompetenza, kif rikonoxxut skont il-liġi internazzjonali, li tistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi marittimi ħajjin imqiegħda taħt ir-responsabbiltà tagħha permezz tal-konvenzjoni jew il-ftehim li bihom kienet stabbilita;

(e) "importazzjoni" tfisser l-introduzzjoni ta’ ħut jew prodotti ta’ ħut fit-territorju tal-Unjoni, inkluż għal skopijiet ta’ trasbord f’portijiet li jinsabu fit-territorju tagħha;

(f) "trasbord" tfisser il-ħatt tal-ħut jew tal-prodotti tal-ħut kollha abbord bastiment tas-sajd għal fuq bastiment tas-sajd ieħor;

(g) "rendiment massimu sostenibbli" tfisser il-qabda massima li tista’ tittieħed minn stokk ta’ ħut b’mod indefinit.

Artikolu 3 Pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli

1. Pajjiż terz jista’ jiġi identifikat bħala pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli meta

(a) huwa jonqos milli jikkoopera mal-Unjoni fil-ġestjoni ta’ stokk ta’ interess komuni b’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar jew tal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut Ferm Migratorju tal-4 ta’ Awwissu 1995, u

(b) dak il-pajjiż terz

(a) naqas milli jadotta miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd, jew

(b) adotta dawn il-miżuri mingħajr kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet, l-interessi u d-doveri ta’ oħrajn, inkluża l-Unjoni Ewropea, u dawk il-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd iwasslu għal attivitajiet tas-sajd li jwasslu l-istokk taħt il-livelli li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sostenibbli, meta kkunsidrati flimkien mal-miżuri meħuda mill-Unjoni b’mod awtonomu jew b’kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn.

2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1(b)(ii), il-livelli tal-istokkijiet li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sostenibbli għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli.

Artikolu 4 Miżuri li jistgħu jiġu adottati fir-rigward tal-pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli

1. Il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-miżuri li ġejjin fir-rigward tal-pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli:

(a) tidentifika l-pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli;

(b) tidentifika, fejn ikun meħtieġ, il-bastimenti jew flotot speċifiċi li għalihom japplikaw ċerti miżuri;

(c) timponi restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ħut jew prodotti ta’ ħut magħmula minn jew li fihom tali ħut, li joriġinaw mill-istokk ta’ interess komuni u li nqabdu taħt il-kontroll tal-pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli;

(d) timponi restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ħut ta’ kwalunkwe speċi assoċjata, u prodotti ta’ ħut magħmula minn jew li fihom tali ħut, meta jinqabdu waqt li jkun qiegħed isir sajd fuq l-istokk ta’ interess komuni taħt il-kontroll tal-pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli; f’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi mezzi xierqa sabiex tistabbilixxi liema qabdiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura;

(e) timponi restrizzjonijiet fuq l-użu tal-portijiet tal-Unjoni minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli għall-istokk ta’ interess komuni u minn bastimenti li jittrasportaw ħut u prodotti ta’ ħut li joriġinaw mill-istokk ta’ interess komuni li nqabdu minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli jew minn bastimenti awtorizzati minnu filwaqt li jtajru bandiera oħra; dawn ir-restrizzjonijiet ma għandhomx japplikaw f’każijiet ta’ force majeure jew periklu skont it-tifsira tal-Artikolu 18 tal-UNCLOS (force majeure jew periklu) għal servizzi strettament meħtieġa biex jirrimedjaw dawk is-sitwazzjonijiet;

(f) tipprojbixxi x-xiri mill-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni ta’ bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli;

(g) tipprojbixxi l-bdil tal-bandiera ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru għal pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli;

(h) tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jawtorizzaw il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ kiri ma’ operaturi ekonomiċi minn pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli;

(i) tipprojbixxi l-esportazzjoni lejn pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru jew ta’ tagħmir jew provvisti tas-sajd meħtieġa għas-sajd fuq l-istokk ta’ interess komuni;

(j) tipprojbixxi l-konklużjoni ta’ arranġamenti kummerċjali privati bejn ċittadini nazzjonali ta’ Stat Membru u ta’ pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli sabiex bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ dak l-Istat Membru jkun jista’ juża l-possibbiltajiet ta’ sajd li għandhom dawn il-pajjiżi;

(k) tipprojbixxi operazzjonijiet tas-sajd konġunti li jinvolvu bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru u bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli;

2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(2).

Artikolu 5 Rekwiżiti ġenerali li jikkonċernaw il-miżuri adottati skont dan ir-Regolament

1. Il-miżuri adottati skont dan ir-Regolament għandhom ikunu:

(a) relatati mal-konservazzjoni tal-istokk ta’ interess komuni;

(b) magħmula effettivi b’rabta mar-restrizzjonijiet fuq is-sajd minn bastimenti tal-Unjoni jew fuq il-produzzjoni jew il-konsum fi ħdan l-Unjoni applikabbli għall-ħut, u prodotti tal-ħut magħmula minn jew li jkun fihom tali ħut, tal-ispeċi li għalihom ġew adottati l-miżuri skont dan ir-Regolament. Dawn ir-restrizzjonijiet, fil-każ ta’ speċi assoċjati, jistgħu japplikaw biss meta dawn jinqabdu waqt li jkun qiegħed isir sajd fuq l-istokk ta’ interess komuni.

(c) kompatibbli mal-obbligi imposti mill-ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni hija parti kontraenti għalihom u kwalunkwe norma rilevanti oħra tal-liġi internazzjonali.

2. Il-miżuri adottati skont dan ir-Regolament għandhom jieħdu kont tal-miżuri diġà meħuda skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

3. Il-miżuri adottati skont dan ir-Regolament ma għandhomx jiġu applikati b’tali mod li jikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikata bejn pajjiżi fejn jipprevalu l-istess kondizzjonijiet, jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ internazzjonali.

4. Meta tiġi biex tadotta l-miżuri skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-effetti ambjentali, kummerċjali, ekonomiċi u soċjali ta’ dawk il-miżuri fuq perjodu ta’ żmien qasir jew twil, kif ukoll il-piż amministrattiv assoċjat mal-implimentazzjoni tagħhom.

5. Il-miżuri adottati skont dan ir-Regolament għandhom jipprevedu sistema xierqa għall-infurzar tagħhom mill-Awtoritajiet Kompetenti.

Artikolu 6 Proċeduri qabel l-adozzjoni ta’ miżuri fir-rigward tal-pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli

1. Meta l-Kummissjoni tqis li jeħtieġ li tadotta miżuri skont l-Artikolu 4, din għandha tinnotifika lill-pajjiż ikkonċernat bl-intenzjoni li tidentifikah bħala pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli.

2. Dik in-notifika għandha tinkludi informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-identifikazzjoni ta’ dak il-pajjiż bħala pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli u tiddeskrivi l-miżuri possibbli li jistgħu jittieħdu fir-rigward tiegħu skont dan ir-Regolament.

3. Qabel tadotta miżuri skont l-Artikolu 4, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-pajjiż terz ikkonċernat b’opportunità raġonevoli li jwieġeb għan-notifika bil-miktub u biex jirrimedja s-sitwazzjoni.

Artikolu 7 Perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri fir-rigward tal-pajjiżi li ma jippermettux sajd mhux sostenibbli

1. Il-miżuri adottati skont dan ir-Regolament għandhom jieqfu milli japplikaw wara l-adozzjoni mill-pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli ta’ miżuri korrettivi xierqa għall-ġestjoni tal-istokk ta’ interess komuni li

(a) intlaħaq ftehim dwarhom fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet mal-Unjoni u, fejn applikabbli, ma’ pajjiżi oħrajn ikkonċernati, jew

(b) ma jfixklux l-effett tal-miżuri meħuda mill-UE b’mod awtonomu jew b’kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn dwar il-konservazzjoni tal-istokkijiet ta’ ħut ikkonċernati.

2. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi jekk intlaħqitx konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 u għandha, fejn ikun meħtieġ, tiddeċiedi li l-miżuri adottati skont l-Artikolu 4 jieqfu milli jkomplu japplikaw. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(2).

Għal raġunijiet imperattivi debitament ġustifikati ta’ urġenza relatati mat-taqlib ekonomiku jew soċjali mhux previst, il-Kummissjoni għandha minnufih tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli sabiex tiddeċiedi li l-miżuri adottati skont l-Artikolu 4 jieqfu milli jkomplu japplikaw. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(3).

Artikolu 8 Proċedura tal-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Meta l-opinjoni tal-kumitat tkun trid tinkiseb permezz ta’ proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tiġi fi tmiemha mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, iċ-chairperson tal-kumitat jiddeċiedi dan jew inkella meta dan jintalab minn maġġoranza sempliċi ta’ membri tal-kumitat.

3. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, b’rabta mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 9 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982

[2]               Ftehim għall-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut Ferm Migratorju tal-4 ta’ Awwissu 1995

[3]               OJ C , , p. .

[4]               ĠU L 286, 29.10.2008, p.1

[5]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.