52011PC0880

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi Qafas Multiannwali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2013-2017 /* KUMM/2011/0880 finali - 2011/0431 (APP) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1. Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Fil-15 ta' Frar 2007, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 168/2007 (ir-Regolament)[1] li jistabbilixxi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (l-Aġenzija). L-Aġenzija bdiet topera fl-1 ta' Marzu 2007.

L-għan tal-Aġenzija huwa li tipprovdi lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha b’assistenza u b’għarfien espert relatat mad-drittijiet fundamentali biex tgħinhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali meta jieħdu miżuri u jfasslu strateġiji ta' azzjoni fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni. Id-dmirijiet fdati lill-Aġenzija jirrigwardaw il-ġbir u l-analiżi ta' informazzjoni u dejta; l-għoti ta' pariri permezz ta' rapporti u opinjonijiet; u l-koperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-ħolqien ta' kuxjenza dwar id-drittijiet fundamentali. L-Aġenzija mhiex awtorizzata titratta l-legalità tal-atti tal-Unjoni u lanqas it-twettiq tal-obbligi tal-Istati Membri skont il-liġi tal-Unjoni.

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament, l-oqsma tematiċi tal-attività tal-Aġenzija għandhom jiġu determinati permezz ta' Qafas Multiannwali ta' ħames snin. L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti msemmija hawn fuq f'dawn l-oqsma tematiċi. Il-Qafas Multiannwali mhuwiex programm ta' ħidma. Il-programmi ta' ħidma tal-Aġenzija huma adottati kull sena mill-Bord ta' Ġestjoni tagħha fl-oqsma tematiċi determinati mill-Qafas Multiannwali. Wara talbiet mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(1)(c) u (d) tar-Regolament, l-Aġenzija tista' taħdem barra minn dawn l-oqsma tematiċi, sakemm ir-riżorsi finanzjarji u umani tagħha jkunu jippermettu.

L-objettiv ta' din il-proposta hija li jiġi stabbilit Qafas Multiannwali għall-Aġenzija għall-perjodu 2013-2017, kif mitlub mill-Artikolu 5 tar-Regolament. Il-Qafas Multiannwali attwali (2007-2012) jiskadi fi tmiem l-2012.

1.2. Qafas Multiannwali 2007-2012:

Fit-28 ta’ Frar 2008, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2008/203/KE li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 168/2007 fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Qafas Multiannwali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2007-2012[2]. L-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni jistabbilixxi l-oqsma tematiċi segwenti:

(a) ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata;

(b) id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali jew immirata lejn persuni li jappartjenu għal minoranzi u kwalunkwe kombinazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet (diskriminazzjoni multipla);

(c) il-kumpens tal-vittmi;

(d) id-drittijiet tat-tfal, inkluża l-protezzjoni tat-tfal;

(e) l-asil, l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti;

(f) il-viżi u l-kontroll tal-fruntieri;

(g) il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-funzjonament demokratiku tal-Unjoni;

(h) is-soċjetà tal-informazzjoni u, b’mod partikolari, ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-dejta personali;

(i) l-aċċess għal ġustizzja effiċjenti u indipendenti.

1.3. Elementi tal-Qafas Multiannwali

Il-Qafas Multiannwali jrid jiddetermina l-oqsma tematiċi tal-attività tal-Aġenzija u jrid ikun ibbażat fuq numru ta' elementi stabbiliti mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament, flimkien mal-kamp ta' applikazzjoni tal-Aġenzija skont l-Artikolu 3. Dawn huma dawn li ġejjin:

(i) L-Aġenzija trid twettaq il-kompiti tagħha fi ħdan il-kompetenzi tal-Unjoni kif stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[3];

(ii) Il-Qafas Multiannwali jkopri ħames snin[4];

(iii) Il-Qafas Multiannwali jrid ikun konsistenti mal-prijoritajiet tal-Unjoni, filwaqt li jikkunsidra kif xieraq l-orjentamenti li jirriżultaw mir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u mill-konklużjonijiet tal-Kunsill fil-qasam tad-drittijiet fundamentali[5] (ara t-taqsima 1.4 hawn taħt).

(iv) Il-Qafas Multiannwali jrid jagħti l-importanza xierqa lir-riżorsi finanzjarji u umani tal-Aġenzija[6]. Għandu jkun innutat li r-riżorsi finanzjarji tal-aġenzija għall-2013 kienu stabbiliti mill-qafas finanzjarju anness mal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba tas-17 ta' Mejju 2006[7], u ppreżentat fid-Dokument V Programmar Finanzjarju 2008-2013 tar-Rendikont tal-Estimi tal-Kummissjoni għall-2008[8]. Fir-rigward tal-2014-2017, dawn se jkunu stabbiliti fil-limiti tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali għas-sena 2014-2020.

(v) Il-Qafas Multiannwali għandu jinkludi dispożizzjonijiet maħsuba sabiex ikun hemm kumplimentarjetà mar-responsabbiltajiet ta' korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni, kif ukoll mal-Kunsill tal-Ewropa u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra attivi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali[9]. L-iktar aġenziji u korpi relevanti tal-Unjoni relatati ma' din il-proposta huma l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO)[10], l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Koperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX)[11], in-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni[12], l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE)[13], il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (EDPS)[14], l-Unità għall-Koperazzjoni Ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea (EUROJUST)[15], l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (EUROPOL)[16], il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL)[17], l-Aġenzija għall-ġestjoni operazzjonali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja (Aġenzija tal-IT)[18], il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (EUROFOUND)[19].

(vi) Il-Qafas Multiannwali jrid jinkludi fost l-oqsma tematiċi l-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u intolleranza relatata[20].

1.4. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill

L-Artikolu 5(2)(c) jitlob li l-Qafas Multiannwali jkun konsistenti mal-prijoritajiet tal-Unjoni, filwaqt li jikkunsidra kif xieraq l-orjentamenti li jirriżultaw mir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-konklużjonijiet tal-Kunsill fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Il-kwistjonijiet li ġejjin, relatati mad-drittijiet fundamentali, tqajmu permezz ta' riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew fis-snin riċenti[21]:

– il-protezzjoni tad-dejta personali u tal-privatezza:

– id-drittijiet tat-tfal; kull forma ta' vjolenza fuq it-tfal, partikolarment l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal; it-tfal ta' migranti, dawk li jfittxu l-asil u r-refuġjati minorenni mhux akkumpanjati; il-faqar tat-tfal u t-tħaddim tat-tfal, ġustizzja għaż-żgħażagħ assistenza għat-tfal, il-partiċepazzjoni tat-tfal.

– il-ġustizzja ċivili u penali; id-drittijiet tal-individwi fil-proċedura kriminali;

– il-protezzjoni tal-vittmi;

– id-drittijiet taċ-ċittadini u l-moviment ħieles;

– l-esklużjoni tar-Roma u l-istigmatizzazzjoni;

– ir-razziżmu u l-ksenofobija;

– it-tfassil ta’ profili, b'mod partikulari fuq bażi ta' etniċità u razza, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fl-infurzar tal-liġi, l-immigrazzjoni u l-kontroll tad-dwana u tal-fruntieri;

– in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza;

– il-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali, id-drittijiet tal-minoranzi;

– l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tan-nisa, il-vjolenza kontra n-nisa; il-mutilazzjoni ġenitali femminili;

– l-omofobija u d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali;

– il-kwistjonijiet ta' diżabilità u d-diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità;

– id-diskriminazzjoni abbażi tal-età;

– il-libertajiet tal-espressjoni; il-ibertà tal-istampa u l-pluraliżmu tal-midja;

– il-libertà tar-reliġjon u d-diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin;

– is-sigurtà u l-libertajiet fundamentali fuq l-Internet;

– id-drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali;

– l-asil u s-Sistema Komuni Ewropea tal-Asil;

– l-immigrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri;

– l-integrazzjoni tal-migranti;

– id-drittijiet soċjali

– il-faqar u l-esklużjoni soċjali:

– id-dritt għal aċċess għall-kura tas-saħħa.

– id-drittijiet tal-konsumatur;

– it-traffikar tal-bnedmin;

– il-ġlieda kontra t-terroriżmu

– ir-rispett għad-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika;

– it-tifkira tad-delitti mwettqin minn reġimi totalitarji.

Il-kwistjonijiet li ġejjin, relatati mad-drittijiet fundamentali, tqajmu permezz tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew fis-snin riċenti[22]:

– il-protezzjoni tad-dejta personali u l-privatezza

– l-Ispazju Ġudizzjarju Ewropew;

– id-drittijiet tat-tfal

– l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

– Il-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni, inkluż il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil, is-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil, kwistjonijiet ta' viża u l-kontroll fuq il-fruntieri;

– it-traffikar tal-bnedmin;

– id-drittijiet soċjali

– l-istrateġija tas-sigurtà Interna

– id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

2. Konsultazzjoni

Waqt li kienet qed tipprepara l-proposta tagħha, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Bord ta' Ġestjoni tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, u rċeviet kontribuzzjoni preliminari fit-8 ta' Ġunju 2011. Il-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali tal-Aġenzija – netwerk ta' koperazzjoni mas-soċjetà ċivili – kienet ikkonsultata mill-Bord ta' Ġestjoni, li pprovda kontribut fit-18 ta' Ottubru 2011. Il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti li saru waqt il-konsultazzjoni dwar din il-proposta.

Il-Bord ta' Ġestjoni identifika l-oqsma tematiċi segwenti:

(a) Il-protezzjoni ġudizjarja effikaċi, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja;

(b) Il-vittmi tal-kriminalità;

(c) Il-koperazzjoni ġudizzjarja;

(d) Il-koperazzjoni bejn il-pulizija;

(e) L-immigrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti, il-kontroll tal-konfini u l-viża; l-asil;

(f)Ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata;

(g) L-integrazzjoni tar-Roma;

(h) Id-diskriminazzjoni kif definita fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

(i) Il-Parteċipazzjoni fil-qafas indipendenti tal-UE skont l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà;

(j) Id-drittijiet tat-tfal

(k) L-informazzjoni, il-privatezza u d-dejta personali;

(l)Id-drittijiet soċjali

3. L-Aspetti legali tal-proposta 3.1. Il-kontenut tal-azzjoni proposta

Flimkien mal-elementi mitluba mir-Regolament (ara t-taqsima 1.3 hawn fuq), il-Kummissjoni qieset il-kunsiderazzjonijiet segwenti fil-preparazzjoni ta' din il-proposta;

(i) Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u l-impatt tiegħu fuq l-attivitajiet tal-Aġenzija. It-Trattat ta' Lisbona emenda t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea billi kkonferixxa fuq l-Unjoni kompetenzi (dan il-prinċipju jissostittwixxi l-kliem "Komunità" u "Komunità Ewropea") fir-rigward tal-qasam tal-ġustizzja, is-sigurtà u l-libertà. Dan jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 1(3) TUE, li jiddikjara li "L-Unjoni għandha tissostitwixxi u tkun is-suċċessur tal-Komunità Ewropea". Suġġetti li preċedentement kienu inklużi taħt it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-UE (dak li kien "it-tielet pilastru") issa saru l-Kapitoli 4 ("Koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali") u 5 ("Koperazzjoni tal-Pulizija") tat-Titolu V ("L-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja) tat-TFUE.

(ii) Il-ħtieġa li jkun żgurat li l-ħidma tal-Aġenzija tibqa’ ffukata fuq oqsma ewlenin, filwaqt li jkunu meqjusa r-riżorsi finanzjarji u umani tagħha.

(iii) Il-ħtieġa li tkun żgurata l-kontinwità fil-ħidma tal-Aġenzija, partikolarment, fid-dawl tal-importanza tal-kisba tal-objettiv, dejta li wieħed jista' joqgħod fuqha u kumparabbli mill-Aġenzija matul is-snin.

Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni tipproponi li l-oqsma tematiċi li ġejjin jiġu inklużi fil-Qafas Multiannwali tal-Aġenzija għas-snin 2013-2017:

(a) L-aċċess għall-ġustizzja

(b) Il-vittmi tal-kriminalità

(c) Is-soċjetà tal-informazzjoni u, b’mod partikolari, ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-dejta personali;

(d) L-integrazzjoni tar-Roma:

(e) Koperazzjoni bejn il-pulizija, b’mod li jqis in-natura speċifika ta' dan il-qasam;

(f) Koperazzjoni ġudizzjarja, b’mod li jqis in-natura speċifika ta' din il-koperazzjoni meta tkun relatata ma' kwistjonijiet kriminali;

(g) Id-drittijiet tat-tfal

(h) Kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;

(i) L-immigrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti; il-kontroll fuq il-fruntieri u l-viża; l-asil;

(j) Ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata:

3.2. Il-bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika tal-Qafas Multiannwali 2007-2012 hija l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 li jistabbilixxi l-Aġenzija. Madanakollu, din il-bażi ġuridika ma għadhiex tista' tintuża minħabba li hi bażi ġuridika fit-tifsira tas-sentenza tal-Qorta Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża C-133/06[23].

Il-bażi ġuridika għall-proposta attwali għandha għalhekk tkun dispożizzjoni tat-Trattat. Fin-nuqqas ta' xi dispożizzjoni oħra (iktar speċifika), il-bażi ġuridika għandha tkun dik tar-Regolament tal-Aġenzija, li kien adottat abbażi tal-Artikolu 308 tat-Trattat tal-Komunità Ewropea preċedenti. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, verżjoni emendata ta' dan l-artikolu issa saret l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

4. L-Implikazzjoni Baġitarja

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni diretta għall-baġit tal-UE. L-Aġenzija ser tiżviluppa proġetti fl-oqsma suġġeriti u li għalihom diġà kienu allokati r-riżorsi mill-awtorità baġitarja.

5. SPJEGAZZJONI DETTALJATA TAL-PROPOSTA

L-oqsma tematiċi tal-attività tal-Aġenzija (l-Artikolu 2) jippermettu lill-Aġenzija sabiex tinvestiga l-kwistjonijiet kollha tad-drittijiet fundamentali – li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-UE - li jista' jkun hemm f'qasam tematiku partikolari.

– L-aċċess għall-ġustizzja: Il-Programm ta' Stokkolma ssottolinja l-bżonn li jkun hemm aċċess aħjar għall-ġustizzja fl-UE. Dan il-qasam jista' jkopri kwistjonijiet bħall-protezzjoni ġudizzjarja effikaċi, inkluż l-aċċess għal ġustizzja effiċjenti u indipendenti, u l-garanziji għal proċess ġust. L-aġenzija ppubblikat rapporti f'dan il-qasam ('Access to justice in Europe: an overview of challenges and opportunities', 'EU Minorities and Discrimination Survey') u għandha bżonn li tkompli tiġbor id-dejta dwar il-kwistjonijiet differenti li għandhom x'jaqsmu mal-aċċess għall-ġustizzja, inklużi l-liġi tal-kuntratti u d-drittijiet tal-konsumatur.

– Il-vittmi tal-kriminalità: L-Aġenzija indirettament trattat mal-vittmi fir-rapporti tagħha dwar l-'Access to Justice in Europe: an overview of challenges and opportunities' jew l-'EU Minorities and Discrimination Survey'. Fid-dawl tal-għadd dejjem jikber ta' inizjattivi tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi, il-ħidma tal-FRA għandha tkopri, inter alia, il-protezzjoni tal-vittmi, is-servizzi ta' sostenn għall-vittmi, il-pożizzjoni legali, il-kuxjenza dwar id-drittijiet u l-kumpens għad-danni.

– Is-soċjetà tal-informazzjoni u, b’mod partikolari, ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-dejta personali: Skont dan il-qasam tematiku l-Aġenzija tista' tiġbor dejta partikolari dwar l-implikazzjonijiet tal-ambjent onlajn għad-drittijiet fundamentali, bħall-protezzjoni tad-dejta personali u l-privatezza. L-importanza ta' dawn il-kwistjonijiet kienet enfasizzata mill-Parlament Ewropew. Il-FRA żviluppat xi xogħol f’dan il-qasam (ir-rapport 'Data Protection in the European Union: the role of National Data Protection Authorities') u mistennija tiżviluppa kompetenza esperta dwarha. L-attivitajiet tal-aġenzija għall-ġbir tad-dejta f'dan il-qasam jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni bla intoppi tal-qafas ġuridiku firormat tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta.

– L-integrazzjoni tar-Roma: L-integrazzjoni tar-Roma tikkostitwixxi prijorità ċara għall-UE. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-'Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma sal-2020' titlob li l-Aġenzija, f'ħidma mal-korpi relevanti l-oħra bħall-EUROFOUND, tiġbor dejta minn madwar is-27 Stat Membru dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni, kif ukoll taħdem mal-Istati Membri sabiex tiżviluppa metodi ta' monitoraġġ li jistgħu jipprovdu analiżi komparattiva tas-sitwazzjoni tar-Roma madwar l-Ewropa[24]. Il-ġbir tad-dejta se jsir ukoll minn riċerka speċifika ffinanzjata mill-Programm tax-Xjenzi Soċjoekonomiċi u l-Umanistika tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka. Matul l-aħħar snin l-Aġenzija bniet kompetenza esperta fil-ġbir tad-dejta dwar kwistjonijiet tar-Roma , kif jidher mir-rapport 'Housing conditions of Roma and Travellers in the EU', 'The situation of Roma EU citizens moving to and settling in other EU Member States' u 'EU Minorities and Discrimination Survey'.

– Koperazzjoni bejn il-pulizija, b’mod li jqis in-natura speċifika ta' dan il-qasam: It-tneħħija tal-hekk imsejħa 'pilastri' bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona għandu jwassal għall-inklużjoni tal-koperazzjoni bejn il-pulizija fl-oqsma tematiċi tal-Aġenzija, li tippermetti lill-FRA tiġbor dejta sakemm din tkun taqa' fil-kompetenza tal-UE u mingħajr ħsara għax-xogħol li jkun għaddej biex itejjeb l-istatistika dwar il-kriminalità. Il-FRA għandha tuża dejta li diġà teżisti/li tkun ipprovduta mill-Istati Membri sabiex tevita d-duplikazzjoni max-xogħol tas-servizzi għall-infurzar tal-liġi.

– Il-koperazzjoni ġudizzjarja, b’mod li jqis in-natura speċifika ta' din il-koperazzjoni meta tkun relatata ma' kwistjonijiet kriminali: Dan il-qasam jinkludi l-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kummerċjali kif ukoll f’materji kriminali. It-tneħħija tal-hekk imsejħa 'pilastri' tiġġustifika li dan il-qasam jiżdied mal-oqsma tematiċi tal-Aġenzija. Il-FRA tista' tiġbor id-dejta dwar il-kwistjonijiet relatati, inter alia, mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu jew it-traffikar tal-bnedmin.

– Id-drittijiet tat-tfal: Wieħed mill-objettivi tal-UE li t-Trattat ta’ Lisbona jagħmel aktar enfasi fuqhom huwa l-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal. Skont dan il-qasam tematiku l-Aġenzija tista' tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-'Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal' billi tiġbor dejta dwar kwistjonijiet bħall-ġustizzja favorevoli għat-tfal u t-tfal f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, kif ukoll billi l-indikaturi operazzjonali żviluppati mill-Aġenzija dwar id-drittijiet tat-tfal tagħmilhom operazzjonali[25]. Il-ġlieda kontra l-faqar tat-tfal hija priorità ewlenija tal-UE u r-riċerka tal-FRA dwarha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni futura tal-Kummissjoni dwar il-faqar tat-tfal. Il-FRA ppubblikat rapporti rigward it-tfal ('Child Trafficking in the EU: Challenges, perspectives and good practices', 'Separated asylum seeking children in EU Member States') u wettqet proġetti ta' edukazzjoni bħal 'S-Cool Agenda', il-linjigwida għall-għalliema, 'Ġiti fil-passat – tagħlim għall-futur' jew l-istudju dwar 'The role of historical sites and museums in Holocaust education and human rights education in the EU'. F'dan il-qasam tematiku x-xogħol tal-FRA jista' wkoll jirrelata mal-oqsma tal-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-politiki taż-żagħżagħ u politiki oħra relevanti tal-Unjoni.

– Kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali: Huwa mistenni li l-Aġenzija se tkompli tiġbor id-dejta dwar id-diskriminazzjoni. Il-bażijiet għad-diskriminazzjoni koperti huma dawk tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, iżda jeskludu 'is-sess' minħabba li l-EIGE issa saret kompletament operazzjonali u hija responsabbli għall-ġbir tad-dejta dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess. Dan ma għandux jipprevjeni lill-FRA milli tkopri kwistjonijiet ta' ġeneri meta titratta 'diskriminazzjoni multipla' jew tinkludi perspettiva dwar il-ġeneri fir-rapporti tagħha, f'koperazzjoni mill-qrib mal-EIGE. Dan il-qasam tematiku għandu jippermetti li jkunu koperti d-'diskriminazzjoni multipla', id-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, jew aspetti relatat mat-tnaqqis tal-faqar u l-inklużjoni soċjali. Il-FRA ppubblikat għadd ta' rapporti relevanti taħt din l-intestatura fis-snin riċenti, bħal 'Homophobia, transphobia and discrimination on grounds of sexual orientation and gender identity', 'Respect for and protection of persons belonging to minorities', 'Migrants, minorities and employment – Exclusion and discrimination in the 27 Member States of the EU', 'EU Minorities and Discrimination Survey', 'The legal protection of persons with mental health problems under non-discrimination law', 'Handbook on European non-discrimination law', 'The impact of the Racial Equality Directive – Views of trade unions and employers in the EU', 'Experience of Discrimination, Social Marginalisation and Violence among Muslim and non-Muslim Youth', u 'Racism, ethnic discrimination and exclusion of migrants and minorities in sport: the situation in the EU'.

– L-immigrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti; il-kontroll fuq il-fruntieri u l-viża; l-asil: It-trattament fuq il-fruntieri u l-kundizzjonijiet fiċ-ċentri ta' detenzjoni għall-migranti li jidħlu f'pajjiż b'mod regolari u irregolari, u kif ukoll aspetti relatati mal-vittmi tat-traffikar tal-persuni, qajmu preokkupazzjonijiet partikolari mill-aspett tad-drittijiet fundamentali. L-integrazzjoni tal-migranti hija qasam tematiku relatat mill-qrib mal-immigrazzjoni li fih id-drittijiet fundamentali huma wkoll kunsiderazzjoni importanti. Aspetti relatati mat-tnaqqis tal-faqar u mal-inklużjoni soċjali ma għandhomx ikunu mwarrba. Il-biċċa l-kbira tal-istrumenti leġiżlattivi fil-qasam tal-Fruntieri u l-Viżi fihom klawsoli speċifiċi għar-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Il-prattika tat-'tfassil ta' profili etniċi' tista' tkun trattata taħt dan il-qasam tematiku. L-asil huwa qasam kopert minn ħafna leġiżlazzjoni tal-UE, li fiha d-drittijiet fundamentali huma komponent essenzjali. L-Aġenzija għandha tkompli taħdem dwar il-ġbir tad-dejta fuq dan is-suġġett f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-EASO. Il-FRA ppubblikat għadd ta' rapporti dwar dawn is-suġġetti fis-snin riċenti ('Migrants in an irregular situation: access to healthcare in 10 EU Member States', 'Migrants, minorities and employment – Exclusion and discrimination in the 27 Member States of the EU', 'Migrants in an irregular situation employed in domestic work: fundamental rights challenges for the EU and its Member States', 'The asylum-seeker perspective: access to effective remedies and the duty to inform applicants', 'Detention of third country nationals in return procedures', 'Separated asylum seeking children in EU Member States', 'Coping with a fundamental rights emergency: The situation of persons crossing the Greek land border in an irregular manner') u għamlet taħriġ dwar id-drittijiet fundamentali għall-gwardji fuq il-fruntieri f'koperazzjoni mal-FRONTEX. L-Aġenzija għandha tkompli tikkopera ma' FRONTEX. L-aspettattiva fost il-partijiet involuti hija li l-FRA se tkompli tiġbor dejta dwar il-kwistjonijiet li jaqgħu f'dan il-qasam tematiku.

– Ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata: dan il-qasam tematiku huwa stabbilit mir-Regolament innifsu. Il-FRA għandha kompetenza esperta sinifikanti fil-ġbir tad-dejta f'dan il-qasam, kif jidher fir-rapporti tagħha 'Antisemitism: summary overview', 'Understanding and preventing ethnic profiling: a guide', 'Experience of Discrimination, Social Marginalisation and Violence among Muslim and non-Muslim Youth', u 'Racism, ethnic discrimination and exclusion of migrants and minorities in sport: the situation in the EU'. Matul dan il-perjodu, enfażi partikolari għandha tingħata lit-tfassil ta' profili etniċi, diskors odjuż razzist u ksenofobiku u kriminalità ta' odju, kif ukoll għall-analiżi minn perspettiva preventiva tal-bixriet soċjali li jwasslu għal tali fenomini.

2011/0431 (APP)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi Qafas Multiannwali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2013-2017

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Europea[26],

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[27],

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)       Waqt li jinżammu preżenti l-objettivi tal-fondazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (minn hawn ’il quddiem l-Aġenzija) u sabiex l-Aġenzija twettaq il-kompiti tagħha tajjeb, l-oqsma tematiċi preċiżi tal-attività tagħha għandhom jiġu determinati minn Qafas Multiannwali li jkopri ħames snin kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta' Frar 2007 li jistabbilixi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali[28].

(2)       L-ewwel Qafas Multiannwali ġie addotat mill-Kunsill fid-Deċiżjoni tiegħu 2008/203/KE tat-28 ta’ Frar 2008 li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 168/2007 fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Qafas Multiannwali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2007-2012.

(3)       Il-Qafas Multiannwali għandu jitwettaq biss fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

(4)       Il-Qafas Mutiannwali għandu jkun konsistenti mal-prijoritajiet tal-Unjoni, filwaqt li jikkunsidra kif xieraq l-orjentamenti li jirriżultaw mir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u mill-konklużjonijiet tal-Kunsill fil-qasam tad-drittijiet fundamentali.

(5)       Il-Qafas Multiannwali għandu jagħti l-importanza xierqa lir-riżorsi finanzjarji u umani tal-Aġenzija.

(6)       Il-Qafas Multiannwali għandu jinkludi dispożizzjonijiet maħsuba sabiex ikun hemm kumplimentarjetà mar-responsabbiltajiet ta' korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni, u kif ukoll mal-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra attivi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. L-iktar aġenziji u korpi relevanti tal-Unjoni relatati ma’ dan il-Qafas Multiannwali huma l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 439/2010[29], l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Koperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX) stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 2007/2004[30], in-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE[31], l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1922/2006[32], il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (EDPS) stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 45/2001[33], l-Unità għall-Koperazzjoni Ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea (EUROJUST) stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI[34], l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (EUROPOL) stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI[35], il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI[36], l-Aġenzija għall-ġestjoni operazzjonali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja (Aġenzija tal-IT) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1077/2011[37], u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (EUROFOUND) stabbilita mir-Regolament (KEE) Nru 1365/75[38].

(7)       Il-Qafas Multiannwali għandu jinkludi l-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata fost l-oqsma tematiċi tal-attività tal-Aġenzija.

(8)       Fid-dawl tal-importanza tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali għall-UE – li qiegħditha bħala waħda mill-ħames miri tal-istrateġija tagħha għat-tkabbir Ewropa 2020 -, l-Aġenzija għandha tagħti ħarsa lejn il-prekundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali li jippermettu tgawdija effettiva tad-drittijiet fundamentali meta tiġbor u tqassam dejta fi ħdan l-oqsma tematiċi stabbiliti minn din id-Deċiżjoni.

(9)       Waqt li kienet qed tipprepara l-proposta tagħha, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Bord ta' Ġestjoni tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, u rċeviet kummenti bil-miktub fit-18 ta' Ottubru 2011.

(10)     L-Aġenzija, fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, sakemm ir-riżorsi finanzjarji u umani tagħha jkunu jippermettu dan, tista’ taħdem barra mill-oqsma tematiċi determinati mill-Qafas Multiannwali, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 168/2007.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1 Qafas Multiannwali

1.         Qed jiġi stabbilit b'dan Qafas Multiannwali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (minn hawn 'il quddiem "l-Aġenzija") għall-perjodu 2013-2017.

2.         L-Aġenzija għandha, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007, twettaq il-kompiti definiti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 fl-ambitu tal-oqsma tematiċi stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2 Oqsma tematiċi

L-oqsma tematiċi jkunu s-segwenti:

(a) L-aċċess għall-ġustizzja

(b) Il-vittmi tal-kriminalità

(c) Is-soċjetà tal-informazzjoni u, b’mod partikolari, ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-dejta personali;

(d) L-integrazzjoni tar-Roma:

(e) Il-koperazzjoni bejn il-pulizija, b’mod li jqis in-natura speċifika ta' dan il-qasam;

(f) Il-koperazzjoni ġudizzjarja, b’mod li jqis in-natura speċifika ta' din il-koperazzjoni meta tkun relatata ma' kwistjonijiet kriminali;

(g) Id-drittijiet tat-tfal

(h) Id-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;

(i) L-immigrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti; il-viżi u l-kontroll tal-fruntieri; l-asil;

(j) Ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata.

Artikolu 3 Komplementarjetà u l-koperazzjoni ma’ korpi oħra

1.         L-Aġenzija tiżgura koperazzjoni u kordinazzjoni xierqa ma’ korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, mal-Istati Membri, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u mas-soċjetà ċivili, skond it-termini tal-Artikoli 7, 8 u 10 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007, għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Qafas Multiannwali.

2.         L-Aġenzija tittratta kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni abbażi tas-sessi biss bħala parti minn, u sal-punt relevanti għal, xogħolha li għandu jsir fuq il-kwistjonijiet ġenerali ta' diskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(g), fil-kunsiderazzjoni li huwa f’idejn l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE)[39] biex jiġbor id-dejta dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diskriminazzjoni bejn is-sessi. Il-FRA u l-EIGE għandhom jikkoperaw fil-patti stabbiliti mill-ftehim ta' koperazzjoni tat-22 ta' Novembru 2010.

3.         L-Aġenzija tikkopera mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (EUROFOUND)[40] skont il-patti stabbiliti fil-ftehim ta' koperazzjoni tat-8 ta' Ottubru 2009; l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Koperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX)[41] skont il-patti stabbiliti fil-ftehim ta' koperazzjoni tas-26 ta' Mejju 2010. Barra minn hekk hija tikkopera mal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO)[42], man-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni[43], mal-Unità għall-Koperazzjoni Ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea (EUROJUST)[44], mal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (EUROPOL)[45], mal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL)[46], u mal-Aġenzija għall-ġestjoni operazzjonali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja (Aġenzija tal-IT)[47] skont il-patti stabbiliti fil-futur minn ftehimiet ta' koperazzjoni rispettivi.

4.         L-Aġenzija twettaq il-kompiti tagħha fil-qasam tas-soċjetà tal-informazzjoni u, partikolarment, dawk relatati mar-rispett tal-ħajja privata u d-dejta personali, bla ħsara għar-responsabbiltajiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta sabiex jiżgura li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, u b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-privatezza, jiġu rrispettati mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni skont id-dmirijiet u poteri tagħhom kif stipulat fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

5.         L-Aġenzija tikkordina l-attivitajiet tagħha ma' dawk tal-Kunsill tal-Ewropa skont il-patti tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 u skont dawk fil-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa dwar koperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kunsill tal-Ewropa[48], imsemmi f'dak l-Artikolu.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 53, 22.2.2007, p.1.

[2]               ĠU L 63, 7.3.2008, p.14.

[3]               L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru. 168/2007 li jistabbilixxi l-Aġenzija (ir-Regolament FRA).

[4]               L-Artikolu 5(2) tar-Regolament FRA.

[5]               L-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament FRA

[6]               L-Artikolu 5(2)(d) tar-Regolament FRA.

[7]              ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[8]               SEC(2007) 500 finali tat-2 ta’ Mejju 2007.

[9]               L-Artikolu 5(2)(e) tar-Regolament FRA.

[10]             Stabbilit bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 439/2010, ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11.

[11]             Stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 2007/2004, ĠU L 153M, 7.6.2006, p.136-146

[12]             Stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE (ĠU L 131, 21.5.2008, p. 7).

[13]             Stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1922/2006 (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 9).

[14]             Stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 45/2001 (ĠU L 8, 12.1.2001, p.1).

[15]             Stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI, ĠU L 63, 6.3.2002, p.1.

[16]             Stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, ĠU L 121, 15.5.2009, p.37.

[17]             Stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI, ĠU L 168M, 21.6.2006, p.375-382.

[18]             Stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1077/2011, ĠU L 286, 1.11.2011, p.1.

[19]             Stabbilita bir-Regolament (KEE) Nru 1365/75 (ĠU L 139, 30.5.1975, p.1).

[20]             L-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament FRA.

[21]             Ir-Reżoluzzjonijet tal-14.1.2009, tat-3.2.2009, tad-19.2.2009, tal-10.3.2009, tal-11.3.2009, tat-12.3.2009, tal-24.3.2009, tas-26.3.2009, tat-2.4.2009, tat-22.4.2009, tal-24.4.2009, tas-7.5.2009, tas-17.9.2009, tal-25.11.2009, tas-26.11.2009, tal-10.2.2010, tal-25.3.2010, tal-5.5.2010, tat-18.5.2010, tal-15.6.2010, tas-17.6.2010, tas-7.9.2010, tad-9.9.2010, tat-22.9.2010, tal-20.10.2010, tat-23.11.2010, tal-14.12.2010, tal-15.12.2010, tad-19.1.2011, tat-8.3.2011, tad-9.3.2011, tal-10.3.2011, tal-24.3.2011, tal-5.4.2011 u [_].

[22]             Il-Kunsilli Ewropej tat-18/19.6.2009, tad-29/30.10.2009, tal-10/11.12.2009, tas-17.6.2010, tal-4.2.2011 u [_].

[23]             Is-Sentenza tas-6 ta' Mejju 2008, il-Parlament vs il-Kunsill, Kawża 133/06, Ġabra 2008 p. I-3189.

[24]             COM(2011) 173 finali

[25]             COM(2011) 60 finali

[26]             ĠU C , , p. .

[27]             ĠU C , , p. .

[28]             ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.

[29]             ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11.

[30]             ĠU L 153, 7.6.2006, p. 136-146.

[31]             ĠU L 131, 21.5.2008, p. 7.

[32]             ĠU L 403, 30.12.2006, p. 9.

[33]             ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

[34]             ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.

[35]             ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.

[36]             ĠU L 168, 21.6.2006, p. 375-382.

[37]             ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1.

[38]             ĠU L 139, 30.5.1975, p. 1.

[39]             Stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1922/2006 (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 9).

[40]             Stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1365/75 (ĠU L 139, 30.5.1975, p.1).

[41]             Stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 2007/2004, ĠU L 153, 7.6.2006, p.136-146

[42]             Stabbilit bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 439/2010, ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11.

[43]             Stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE (ĠU L 131, 21.5.2008, p. 7).

[44]             Stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI, ĠU L 63, 6.3.2002, p.1.

[45]             Stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, ĠU L 121, 15.5.2009, p.37.

[46]             Stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI, ĠU L 168, 21.06.2006, p.375-382.

[47]             Stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1077/2011, ĠU L 286, 1.11.2011, p.1.

[48]             ĠU L 186, 15.7.2008, p. 7.