Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1292/2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja /* KUMM/2011/0868 finali - 2011/0423 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA · Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni
tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra
l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi
mhux membri tal-Komunità Ewropea[1]
("ir-Regolament bażiku") fil-proċediment li
jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene
(PET) li joriġinaw mill-Indja · Kuntest ġenerali Din il-proposta qiegħda ssir fil-kuntest
tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta’
investigazzjoni li twettqet skont ir-rekwiżiti sostantivi u
proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku. Il-miżuri fis-seħħ bħalissa
huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru
1292/2007 (ĠU L 288, 6.11.2007, p. 1.) fuq importazzjonijiet ta' tertuqa
tal-polietilene tereftalat (PET) li joriġinaw mill-Indja, kif emendat
l-aħħar mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru
469/2011 (ĠU L 129, 17.5.2011, p. 1.). · Konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni Mhux applikabbli 2. RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U STIMI TAL-IMPATT · Konsultazzjoni mal-partijiet interessati Il-partijiet interessati kkonċernati mill-proċediment
kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul
l-investigazzjoni, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament
bażiku. · Ġbir u użu ta' għarfien espert Ma kienx hemm ħtieġa ta’ esperti
esterni. · Stima tal-impatt Din il-proposta hija r-riżultat
tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix stima
tal-impatt ġenerali iżda jinkludi lista eżawrjenti ta’
kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati. 3. ELEMENTI ĠURIDIĊI
TAL-PROPOSTA · Taqsira tal-azzjoni proposta Fid-29 ta’ Ottubru 2010,
il-Kummissjoni tat inizjazzjoni għal investigazzjoni ta’ reviżjoni
interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli
għall-importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li
joriġinaw mill-Indja, b'kamp ta' applikazzjoni limitat
għall-eżami tad-dumping f'dak li jirrigwardja Ester Industries Ltd.
("l-applikant"). Ir-reviżjoni inbdiet minħabba li
l-applikant, produttur esportatur fl-Indja, ipprovda biżżejjed
evidenza prima facie li ċ-ċirkustanzi fir-rigward tad-dumping
li abbażi tagħhom kienu stabbiliti l-miżuri nbidlu u li dawn
il-bidliet huma ta' natura dejjiema. It-tqabbil tal-valur normali tal-applikant u
l-prezz tal-esportazzjoni tiegħu lejn l-UE wera marġni ta' dumping
ta' 8,3 % fil-perjodu ta' investigazzjoni ta' reviżjoni, li huwa
sinifikantement inqas mid-dazju anti-dumping applikabbli bħalissa
lill-kumpanija. L-investigazzjoni wriet ukoll li
ċ-ċirkostanzi mibdula li wasslu għall-inizjazzjoni
tar-reviżjoni jistgħu jitqiesu b'mod raġonevoli bħala ta'
natura dejjiema. Għaldaqstant huwa propost li l-Kunsill
jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament biex ir-rata ta' dazju
applikabbli għal Ester Industries Ltd. tiġi emendata għal
8,3 %, li għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mhux iżjed tard
mit-28 ta’ Jannar 2012. · Bażi ġuridika Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009
tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra
l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi
mhux membri tal-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3)
tiegħu. · Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza
esklussiva tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà
ma japplikax. · Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju
tal-proporzjonalità għar-raġuni li ġejja: Il-forma ta’ azzjoni hija deskritta fir-Regolament
bażiku msemmi hawn fuq u ma tagħtix lok għal deċiżjoni
nazzjonali. L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li
jaqa’ fuq l-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u
lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini huwa mminimizzat u
proporzjonat meta mqabbel mal-għan tal-proposta, mhijiex applikabbli. · L-għażla tal-istrumenti Strument propost: Regolament tal-Kunsill. Mezzi oħrajn ma jkunux xierqa minħabba
li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet alternattivi. 4. IMPLIKAZZJONI TAL-BAĠIT Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni
għall-baġit tal-Unjoni. 2011/0423 (NLE) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1292/2007
li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa
tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra
l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi
mhux membri tal-Komunità Ewropea[2]
("ir-Regolament bażiku"), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) u
l-Artikolu 11(3), (5) u (6) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mressqa
mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara konsultazzjoni mal-Kumitat
Konsultattiv, Billi: A. PROĊEDURA 1.
Investigazzjonijiet preċedenti u
miżuri anti-dumping eżistenti (1)
F’Awwissu 2001, permezz tar-Regolament (KE)
Nru 1676/2001[3],
il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet
tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw, inter
alia, mill-Indja. Il-miżuri kienu jikkonsistu f’dazju anti-dumping ad
valorem li jvarja bejn 0 % u 62,6 % impost fuq importazzjonijiet
mingħand produtturi esportaturi msemmija individwalment, b’rata ta’ dazju
residwu ta’ 53,3 % fuq importazzjonijiet mingħand il-kumpaniji
l-oħrajn kollha. (2)
F’Awwissu 2001, il-Kummissjoni aċċettat,
permezz tad-Deċiżjoni 2001/645/KE[4], impenji ta' prezzijiet offruti minn
ħames produtturi Indjani. L-aċċettazzjoni tal-impenji kienet
sussegwentement irtirata[5]
f'Marzu 2006. (3)
F’Marzu 2006, permezz tar-Regolament (KE)
Nru 366/2006[6],
il-Kunsill emenda l-miżuri imposti mir-Regolament (KE) Nru 1676/2001.
Id-dazju anti-dumping impost varja bejn 0 % u 18 %, wara li tqiesu
s-sejbiet tar-reviżjoni ta’ skadenza tad-dazji kompensatorji definittivi
li huma dettaljati fir-Regolament (KE) Nru 367/2006[7]. (4)
F’Settembru 2006, bir-Regolament (KE)
Nru 1424/2006[8],
fuq talba ta’ produttur esportatur ġdid, il-Kunsill emenda r-Regolament
(KE) Nru 1676/2001 fir-rigward ta’ esportatur Indjan wieħed.
Ir-Regolament emendat stabbilixxa marġni ta’ dumping ta’ 15,5 %
għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u rata ta’
dazju anti-dumping ta’ 3,5 % għall-kumpanija kkonċernata wara li
tqies il-marġni ta’ sussidju fuq l-esportazzjoni tal-kumpanija kif
ġie aċċertat fl-investigazzjoni kontra s-sussidji li wasslet
għall-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 367/2006 imsemmi fuq. Billi
l-kumpanija ma kellhiex dazju kumpensatorju individwali, ġiet applikata
r-rata stabbilita għall-kumpaniji l-oħrajn kollha. (5)
F’Novembru 2007, permezz tar-Regolament (KE)
Nru 1292/2007[9],
il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet
tat-tertuqa PET li toriġina fl-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza
skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Bl-istess Regolament
intemmet reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3)
tar-Regolament bażiku, b'kamp ta' applikazzjoni limitat
għall-eżami tad-dumping fir-rigward ta' produttur esportatur Indjan
wieħed. (6)
Ir-Regolament (KE) Nru 1292/2007 żamm
ukoll l-estensjoni tal-miżuri għall-Brażil u l-Iżrael
bl-eżenzjoni ta' ċerti kumpaniji. L-aħħar emenda
għar-Regolament (KE) Nru 1292/2007 f’dan ir-rigward saret permezz
tar-Regolament (UE) Nru 806/2010[10]. (7)
F’Jannar 2009, permezz tar-Regolament (KE)
Nru 15/2009[11],
il-Kunsill, wara reviżjoni interim parzjali mibdija
mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess fir-rigward tas-sussidju
lil ħames produtturi Indjani tat-tertuqa tal-PET, emenda d-dazju
definittiv anti-dumping impost fuq dawn il-kumpaniji permezz tar-Regolament
(KE) Nru 1292/2007 u d-dazji kompensatorji definittivi imposti fuq dawn
il-kumpaniji permezz tar-Regolament (KE) Nru 367/2006. (8)
F’Mejju 2011, bir-Regolament (KE)
Nru 469/2011[12],
il-Kunsill emenda r-Regolament (KE) Nru 1292/2007 u b'hekk
aġġusta r-rati tad-dazju anti-dumping definittiv fid-dawl
tal-iskadenza tad-9 ta' Marzu 2011[13]
tad-dazju kompensatorju impost mir-Regolament (KE) Nru 367/2006. (9)
L-applikant ta’ din ir-reviżjoni interim -
Ester Industries Limited - huwa attwalment soġġett għal dazju
anti-dumping definittiv ta’ 29,3 %. 2.
Talba għal reviżjoni interim
parzjali (10)
F'Lulju 2010, il-Kummissjoni rċeviet
talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3)
tar-Regolament bażiku. It-talba, b'kamp ta' applikazzjoni limitat
għall-eżami tad-dumping, tressqet minn Ester Industries Limited,
produttur esportatur mill-Indja ("Ester" jew
"l-applikant"). Fit-talba tiegħu, l-applikant sostna li
ċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom ġew imposti
l-miżuri nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta’ natura dejjiema. L-applikant
ipprovda evidenza prima facie li t-tkomplija tal-impożizzjoni
tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex
meħtieġa biex tagħmel tajjeb għad-dumping
inġurjuż. 3.
L-inizjazzjoni ta' reviżjoni (11)
Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni
mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza li
tiġġustifika l-inizjazzjoni ta’ reviżjoni interim parzjali,
il-Kummissjoni ħabbret permezz ta' notifika ppubblikata
fl-29 ta' Ottubru 2010 f'Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea[14]
("in-Notifika tal-Inizzazzjoni") l-inizjazzjoni ta’
reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament
bażiku, b'kamp ta' applikazzjoni limitat għall-eżami tad-dumping
fir-rigward tal-applikant. (12)
In-Notifika tal-Inizjazzjoni ssemmi li
r-reviżjoni interim parzjali kienet ukoll biex tivvaluta
l-ħtieġa, skont is-sejbiet tar-reviżjoni, li tiġi emendata
r-rata ta' dazju applikabbli fuq l-importazzjonijiet tal-prodott
ikkonċernat mill-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat
li ma ssemmewx individwalment fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE)
Nru 1292/2007, jiġifieri r-rata tad-dazju anti-dumping li tapplika
għall-"kumpaniji l-oħra kollha" fl-Indja. 4.
L-investigazzjoni (13)
L-investigazzjoni tal-livell ta’ dumping kopriet
il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2009
sat-30 ta’ Settembru 2010 ("il-perjodu tal-investigazzjoni
għar-reviżjoni" jew "il-PIR"). (14)
Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment
lill-applikant, lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur u lill-industrija
tal-Unjoni bl-inizjazzjoni tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni interim
parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu
fehmithom bil-miktub u li jinstemgħu. (15)
Sabiex tikseb l-informazzjoni meħtieġa
għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet
kwestjonarju lill-applikant u rċeviet tweġiba fiż-żmien ta'
skadenza stipulat għal dan l-għan. (16)
Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni
kollha li qieset meħtieġa għad-determinazzjoni tad-dumping.
Saret żjara ta' verifika fil-bini tal-applikant. B. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U
L-PRODOTT SIMILI 1.
Il-prodott ikkonċernat (17)
Il-prodott ikkonċernat f'din ir-reviżjoni
huwa l-istess bħal dak definit fir-Regolament (KE)
Nru 1292/2007, kif emendat l-aħħar, li jimponi l-miżuri
fis-seħħ jiġifieri t-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene
(PET), li toriġina mill-Indja, li bħalissa hija kklassifikata fil-kodiċijiet
NM ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90. 2.
Il-prodott simili (18)
Bħal fl-investigazzjonijiet preċedenti,
din l-investigazzjoni wriet li t-tertuqa PET prodotta fl-Indja u esportata lejn
l-Unjoni u t-tertuqa PET prodotta u mibjugħa domestikament fis-suq Indjan,
kif ukoll it-tertuqa PET prodotta u mibjugħa fl-UE mill-produtturi
tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u
kimiċi bażiċi u l-istess użi bażiċi. (19)
Dawn il-prodotti għalhekk jitqiesu bħala
simili fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. C. DUMPING (a) Valur normali (20)
Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament
bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-bejgħ domestiku
tal-prodott simili tal-applikant lil klijenti indipendenti kienx
rappreżentattiv, jiġifieri jekk il-volum totali ta’ dan il-bejgħ
kienx daqs minn tal-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ ta'
esportazzjoni korrispondenti lejn l-Unjoni. (21)
Il-Kummissjoni mbagħad identifikat dawk
it-tipi tal-prodott simili mibjugħa domestikament mill-kumpanija li kienu
identiċi jew komparabbli direttament mat-tipi mibjugħa
għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. (22)
Sar eżami ulterjuri fuq jekk il-bejgħ
domestiku tal-applikant kienx rappreżentattiv għal kull tip ta’
prodott, jiġifieri jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull tip ta’ prodott
kienx jikkostitwixxi mill-inqas 5 % tal-volum tal-bejgħ tal-istess
tip ta’ prodott tal-Unjoni. Fil-każ ta’ dawk it-tipi ta’ prodotti
mibjugħa fi kwantitajiet rappreżentattivi, imbagħad ġie
eżaminat jekk dan il-bejgħ sarx f’sitwazzjoni ta’ kummerċ
normali, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. (23)
L-eżami dwar jekk il-bejgħ domestiku ta’
kull tip ta’ prodott, mibjugħ lokalment fi kwantitajiet
rappreżentattivi, jistax jitqies bħala li sar f’sitwazzjoni ta’
kummerċ normali, sar billi ġie stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ
bi profitt lil klijenti indipendenti tat-tip ikkonċernat.
Fil-każijiet kollha fejn il-bejgħ domestiku tat-tip ta’ prodott
partikolari sar fi kwantitajiet suffiċjenti u f’sitwazzjoni ta’
kummerċ normali, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku
reali, ikkalkulat bħala medja differenzjata tal-bejgħ domestiku kollu
ta’ dak it-tip li sar matul il-PIR. (24)
Għat-tipi ta’ prodotti li fadal fejn
il-bejgħ domestiku ma kienx rappreżentattiv jew ma nbigħux
f’sitwazzjoni ta’ kummerċ normali, il-valur normali inħadem skont
l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Il-valur normali inħadem
biż-żieda mal-ispejjeż tal-manifattura tat-tipi esportati,
aġġustati fejn meħtieġ, ta’ perċentwali
raġonevoli għall-ispejjeż ta’ bejgħ, ġenerali u
amministrattivi u ta’ marġni raġjonevoli ta’ qligħ, fuq
il-bażi tad-dejta effettiva relatata mal-produzzjoni u l-bejgħ,
f’sitwazzjoni ta’ kummerċ normali, tal-prodott simili, mill-produttur
esportatur investigat skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament
bażiku. (b) Il-prezz tal-esportazzjoni (25)
Fir-reviżjoni interim preċedenti li
wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 366/2006, kien
iddeterminat li l-impenji tal-prezzijiet influwenzaw il-prezzijiet
tal-esportazzjoni passati u għamluhom inaffidabbli
għad-determinazzjoni tal-imġiba futura tal-esportazzjoni. F'dik
ir-reviżjoni interim, peress li Ester kienu qed ibigħu l-prodott
ikkonċernat fi kwantitajiet sostanzjali fis-suq dinji, ġie
deċiż illi l-prezz għall-esportazzjoni jkun stabbilit
abbażi tal-prezzijiet imħallsin realment jew li għandhom
jitħallsu lill-pajjiżi terzi kollha. (26)
Ta' min ifakkar li l-aċċettazzjoni
tal-impenji għall-prezzijiet kienet irtirata f'Marzu 2006,
jiġifieri iktar minn tliet snin qabel il-PIR attwali. Għalhekk,
il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn Unjoni ta' Ester fil-PIR attwali ma kienu
influwenzati minn l-ebda impenji tal-prezzijiet. B'hekk jista' jiġi
konkluż li jistgħu jitqiesu affidabbli għad-determinazzjoni
tal-imġiba tal-esportazzjoni futura. (27)
Peress li l-bejgħ kollu tal-esportazzjonijiet
tal-applikant lejn l-Unjoni sar direttament lil klijenti indipendenti,
il-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew stabbiliti abbażi tal-prezzijiet
li effettivament tħallsu jew li jistgħu jitħallsu
għall-prodott ikkonċernat skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament
bażiku. (c) Tqabbil (28)
It-tqabbil bejn il-valur normali medju differenzjat
u l-prezz medju differenzjat tal-esportazzjoni sar fuq il-bażi ta' kif
joħroġ mill-fabbrika u fl-istess livell ta' negozju. Sabiex jiġi
żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta'
esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tqiesu
d-differenzi fil-fatturi li affettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezz.
Għan din il-fini, ingħatat konċessjoni xierqa f'forma ta'
aġġustamenti, fejn applikabbli u ġġustifikat,
għad-differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, l-assikurazzjoni, l-immaniġġar,
it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, il-kummissjonijiet,
l-ispejjeż finanzjarji u l-ispejjeż tal-ippakkjar imħallsa
mill-applikant. (29)
L-applikant sostna li meta mqabbel
mal-investigazzjoni tar-reviżjoni interim preċedenti, huwa qed joffri
lill-klijenti tiegħu varjetà ikbar ta' kisjiet kimiċi u dan l-aspett
għandu jitqies meta l-prodott ikkonċernat ikun qed jiġi
kklassifikat f'tipi differenti ta' prodotti. Madankollu, il-kumpanija ma wrietx
li t-tipi differenti ta' kisjiet kimiċi affettwaw il-komparabilità
tal-prezzijiet u, b'mod partikolari, li l-klijenti konsistentement ħallsu
prezzijiet differenti fis-suq domestiku u fis-suq tal-esportazzjoni tal-UE
skont it-tip ta' kisja kimika. Għalhekk, il-klassifikazzjoni tal-prodott
applikat fl-investigazzjonijiet preċedenti għandha tinżamm u
l-pretensjoni trid tiġi miċħuda. (30)
L-applikant talab ukoll aġġustament
fil-prezz tal-esportazzjoni, abbażi tal-benefiċċji li ħa
mal-esportazzjoni skont l-Iskema ta' Intitolament tad-Dazju tal-Importazzjoni
(DEPB) fuq bażi ta' wara l-esportazzjoni. F’dan ir-rigward, instab illi
taħt din l-iskema, il-krediti rċevuti meta l-prodott ikkonċernat
kien jiġi esportat setgħu jintużaw sabiex ipaċu d-dazji
doganali dovuti fuq l-improtazzjoni ta’ kwalunkwe prodotti jew setgħu
liberament jinbiegħu lil kumpaniji oħra. Barra minn hekk, ma hemm
l-ebda restrizzjoni li l-prodotti importati għandhom jintużaw biss
fil-produzzjoni tal-prodott esportat ikkonċernat. Ester ma wrewx li
l-benefiċċju taħt l-iskema DEPB affettwat il-komparabilità
tal-prezzijiet u, b'mod partikolari, li l-konsumaturi ħallsu
konsistentement prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba
l-benefiċċji tal-iskema DEPB. B’hekk, il-pretensjoni ġiet
miċħuda. (31)
L-applikant talab ukoll aġġustament
fil-prezz tal-esportazzjoni, abbażi tal-benefiċċji li ħa
mill-Iskema ta' Promozzjoni tal-Esportazzjonijiet ta' Prodotti Kapitali (EPCG)
u mill-Iskema tal-"Krediti tal-Esportazzjoni". F'dan ir-rigward ta'
min jinnota li b’mod simili għall-iskemi l-oħra msemmija hawn fuq ma
hemm l-ebda restrizzjoni li l-prodotti importati skont l-Iskema EPCG
għandha tintuża biss għall-produzzjoni tal-prodott esportat
ikkonċernat. It-tieni, l-applikant ma bagħat l-ebda evidenza ta'
rabta espliċita bejn il-prezzijiet tal-prodotti esportati u
l-benefiċċji li rċieva mill-Iskemi EPCG u tal-"Krediti
tal-Esportazzjoni". Fl-aħħar nett. l-applikant ma weriex li
l-benefiċċji minn dawn iż-żewġ skemi affettwaw
il-komparabilità tal-prezzijiet u, b'mod partikolari, li l-klijenti ħallsu
konsistentement prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba
l-benefiċċji tal-Iskemi EPCG u tal-"Krediti
tal-Esportazzjoni". Għalhekk, il-pretensjoni trid tiġi
miċħuda. (d) Marġni ta' dumping (32)
Kif stipulat fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament
bażiku, il-valur normali medju differenzjat skont it-tip tqabbel mal-prezz
tal-esportazzjoni medju differenzjat tat-tip korrispondenti tal-prodott
ikkonċernat. Wara l-kummenti dwar l-iżvelar stabbiliti
fil-premessi (44) u (45) hawn taħt, il-marġni tad-dumping,
espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni,
bid-dazju mhux imħallas, huwa ta’ 8,3 %. D. IN-NATURA DEJJIEMA
TAĊ-ĊIRKUSTANZI MIBDULA (33)
Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku,
ġie eżaminat ukoll jekk kienx raġonevoli li jitqies li
ċ-ċirkustanzi mibdula huma ta' natura dejjiema. (34)
F'dan ir-rigward l-investigazzjoni wriet li Ester
fil-fatt ħadet għadd ta' miżuri għat-tnaqqis
fl-ispejjeż u t-titjib fl-effiċjenza. Notevolment, il-kumpanija
mmodernizzat u bniet linja ta' produzzjoni ġdida. Barra minn hekk,
minħabba żieda sinifikanti fil-produzzjoni, l-ispejjeż
ġenerali naqsu b'mod sostanzjali. Il-kumpanija bdiet ukoll tikseb
il-materji primi b'mod iktar effiċjenti (minn post eqreb) u b'hekk
rnexxielha tnaqqas konsiderevolment l-ispejjeż tal-merkanzija. Dan
it-tnaqqis fl-ispejjeż għandu impatt dirett fuq il-marġni
tad-dumping. Din il-bidla fiċ-ċirkostanzi għalhekk tista’
titqies bħala waħda li ta' natura dejjiema. (35)
Fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni,
l-investigazzjoni wriet ċerta stabbilità fil-politiki tal-prezzijiet ta'
Ester tul perjodu twil, bejn l-2006 (is-sena meta l-impenn ġie rtirat) u
l-2010 (kważi tmiem il-PIR). Minħabba l-bidla fil-metodoloġija
għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni ta' Ester lejn l-Unjoni
kif deskritt fil-premessi (24) u (25) ta' hawn fuq u l-istabilità fil-prezzijiet
mesmmija fuq, il-marġni ta' dumping ikkalkulat mill-ġdid x'aktarx li
jkun ta' natura dejjiema. (36)
Għalhekk tqies li ċ-ċirkostanzi li
wasslu għall-inizjazzjoni ta’ din ir-reviżjoni interim mhumiex
probabbli li jinbidlu fil-futur prevedibbli b’mod li jaffettwaw is-sejbiet
tar-reviżjoni interim. Għalhekk ġie konkluż li
ċ-ċirkostanzi mibdula huma ta’ natura dejjiema u li l-applikazzjoni
tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex aktar
iġġustifikata. E.
MIŻURI ANTI-DUMPING (37)
Produttur esportatur sostna li marġni medju
ta' dumping tal-kampjun għandu jkun ikkalkulat mill-ġdid, f'każ
li r-reviżjoni interim attwali tirriżulta f'marġni ta' dumping
iktar baxx għal Ester (li kienet waħda mill-kumpaniji fil-kampjun)
minn kif kien stabbilit preċedentement. Ta' min ifakkar li l-kamp ta'
applikazzjoni tar-reviżjoni interim parzjali attwali skont
l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku huwa limitat
espliċitament għar-reviżjoni tal-marġni ta' dumping
tal-applikant, esportatur individwali, jiġifieri Ester. Għalhekk,
l-investigazzjoni kienet limitata għaċ-ċirkostanzi
speċifiċi tal-applikant, meta titqies l-evidenza rilevanti u
dovutament dokumentata kollha[15].
Il-konklużjonijiet milħuqa fuq din il-bażi mhumiex pertinenti
għall-kumpaniji l-oħra fil-kampjun u lanqas għall-ebda produttur
esportatur ieħor fil-pajjiż ikkonċernat. (38)
Huwa meqjus li d-determinazzjoni ta' marġni
ta' dumping medju għal kampjun ġdid skont l-Artikolu 9(6)
tar-Regolament bażiku f'dawn iċ-ċirkostanzi la huwa legalment
possibbli u lanqas ekonomikament xieraq għar-raġunijiet li
ġejjin. Tabilħaqq, ta' min ifakkar li jkun hemm rikors
għall-kalkolu ta' marġni ta' dumping medju ta' kampjun biss meta,
fil-kuntest ta' investigazzjoni partikolari, jitqies li l-għadd ta'
esportaturi huwa tant kbir li investigazzjoni individwali tal-esportaturi kollha
li jikkooperaw ikun ta' piż żejjed fuq l-Istituzzjonijiet u
jipperikola t-tlestija tal-investigazzjoni qabel l-iskadenza obbligatorja
stipulata fir-Regolament Bażiku. Il-preżunzjoni mbagħad hi li
l-komputazzjoni ta' marġni medju differenzjat fuq il-bażi
tal-marġini ta' dumping tal-esportaturi fil-kampjun hija
rappreżentattiva tal-marġni ta' dumping tal-esportaturi li kkooperaw
u li mhumiex fil-kampjun. Dan jista' jkun il-każ biss jekk dan il-kalkolu
jsir fuq il-bażi ta' marġini ta' dumping relatati mal-istess perjodu
ta' żmien. L-ebda wieħed miċ-ċirkostanzi ta' hawn fuq mhuma
preżenti fil-kuntest ta' reviżjoni interim parzjali limitata
għal kumpanija waħda li kienet oriġinalment fil-kampjun
bħal fl-investigazzjoni attwali. Minħabba f'hekk, il-konklużjoni
hi li ċ-ċirkostanzi fattwali tar-reviżjoni interim
parzjali attwali huma tali li d-dixxiplini tal-Artikolu 9(6) kjarament ma
japplikawx. (39)
Ta' min ifakkar li l-istqarrija fin-Notifika
tal-Inizjazzjoni li skontha "jekk ikun iddeterminat li l-miżuri
għandhom jitneħħew jew jiġu emendati għall-applikant,
jaf ikun hemm bżonn li tiġi emendata r-rata tad-dazju attwali
applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati minn
kumpaniji oħra fl-Indja" tfisser li, minħabba r-reviżjoni,
id-dazju residwu jista' jiżdied biex jevita l-evażjoni[16]. Peress
li d-dazju tal-applikant huwa rivedut 'l isfel, id-dispożizzjoni msemmija
hawn fuq tan-Notifika tal-Inizjazzjoni mhix rilevanti. (40)
Fid-dawl tar-raġunijiet deskritti
fil-premessi (37) sa (39) hawn fuq, il-pretensjoni li l-marġni ta'
dumping medju tal-kampjun għandu jiġi kkalkulat mill-ġdid
għandha tiġi miċħuda. (41)
Il-partijiet interessati kienu infurmati bil-fatti
essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien hemm
il-ħsieb li tiġi proposta emenda għar-rata tad-dazju li tapplika
għall-applikant u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. (42)
L-applikant tenna l-pretensjonijiet tiegħu
rigward il-klassifikazzjoni tal-prodott imsemmi fil-premessa (29) kif
ukoll il-pretensjonijiet tiegħu li jikkonċernaw aġġustament
għall-ħlas lura tad-dazju fuq il-prezz tal-esportazzjoni
minħabba l-benefiċċji tad-DEPB, l-EPCG u l-"Krediti
tal-Esportazzjoni" kif deskritt fil-premessi (30) u (31). Madankollu,
peress li l-ebda elementi ġodda ma ġew ipprovduti li jistgħu
jalteraw is-sejbiet tal-Kummissjoni, il-pretensjonijiet kellhom jiġu
miċħuda. (43)
L-applikant ikkontesta ulterjorment il-metodu ta'
kalkolu tal-valur tas-CIF ta' dawk it-tranżazzjonijiet li saru fuq
bażi tal-FOB. Waqt li tistabbilixxi l-valur CIF ta' unità l-Kummissjoni
rrelatat l-ispiża totali tat-trasport imħallsa mill-kumpanija
għat-tranżazzjonijiet kollha tal-esportazzjoni inklużi
t-tranżazzjonijiet tal-FOB. Il-kumpanija sostniet li l-ispiża totali
tat-trasport kellha tkun relatata mat-tranżazzjonijiet CIF biss. Din
il-pretensjoni ġiet aċċettata. (44)
L-applikant finalment sostna li l-bejgħ kollha
tal-kampjuni ġew esklużi mid-determinazzjoni tal-marġni ta'
dumping. Din il-pretensjoni ġiet aċċettata wkoll. (45)
Wara l-investigazzjoni tar-reviżjoni
l-marġni ta' dumping rivedut propost u r-rata ta' dazju anti-dumping li
tkun applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat
immanufatturat minn Ester Industries Limited jammonta għal 8,3 %, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 L-annotazzjoni li tikkonċerna lil Ester
Industries Limited, fit-tabella fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1292/2007, għandu jinbidel b'dan li ġej: Ester Industries Limited, DLF City, Phase II, Sector 25, Gurgaon, Haryana - 122022, L-Indja || 8,3 || A026 Artikolu 2 Dan ir-Regolament
għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni
tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan
ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament
applikabbli fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU
L 343, 22.12.2009, p. 51. [2] ĠU
L 343, 22.12.2009, p. 51. [3] ĠU
L 227, 23.8.2001, p. 1. [4] ĠU
L 227, 23.8.2001, p. 56. [5] ĠU
L 68, 8.3.2006, p. 37. [6] ĠU
L 68, 8.3.2006, p. 6. [7] ĠU
L 68, 8.3.2006, p. 15. [8] ĠU
L 270, 29.9.2006, p. 1. [9] ĠU
L 288, 6.11.2007, p. 1. [10] ĠU L 242,
15.9.2010. [11] ĠU L
6, 10.1.2009, p. 1. [12] ĠU L
129, 17.5.2011, p. 1. [13] Avviż
ta’ skadenza, (ĠU C 68, 3.3.2011, p. 6). [14] ĠU C
294, 29.10.2010, p. 10. [15] Sentenza
tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Diċembru 2010, EWRIA u
Oħrajn konra l-Kummissjoni, Kawża T-369/08, punt 7 u 79 u
l-ġurisprudenza kkwotata fiha. [16] Ir-Regolament
ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 270/2010 tad-29 ta’ Marzu 2010
(ĠU L 84, 31.3.2010, p. 13) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 452/2007
(ĠU L 109, 26.4.2007, p. 12) li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq
l-importazzjonijiet tat-twavel tal-mogħdija li joriġinaw, inter
alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina,.