WERREJ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW – IT-TĦADDIM TAD-DIRETTIVA 98/34/KE FL-2009 U FL-2010 Sommarju eżekuttiv 3 PARTI I: STANDARDIZZAZZJONI 4 1. Introduzzjoni 4 2. Proċedura tal-informazzjoni 4 2.1. It-tħaddim tal-proċedura fl-2009 u fl-2010 4 2.2. Konklużjoni 6 3. Mandati 6 3.1. Tħaddim tal-proċess tal-ħruġ tal-mandati fl-2009 u fl-2010 6 3.2. Tendenzi fil-mandati 7 3.3. Konklużjoni 8 4. Oġġezzjonijiet formali 9 4.1. Tħaddim tal-proċedura fl-2009 u fl-2010 9 4.2. Konklużjoni 9 PARTI II: REGOLAMENTI TEKNIĊI 10 1. Żviluppi fl-2009u fl-2010 10 1.1. Użu tal-proċedura fil-kuntest ta’ “Regolamentazzjoni aħjar” 10 1.2. Titjib fil-ġestjoni tal-proċedura 98/34 11 2. Applikazzjoni tal-proċedura 98/34 11 2.1. Effikaċja: ħarsa ġenerali 11 2.2. L-użu tal-proċedura ta’ urġenza 15 2.3. Segwitu għar-reazzjonijiet tal-Kummissjoni 15 2.4. Djalogu mal-Istati Membri 15 2.5. Ksur kontra d-Direttiva 16 2.6. Konklużjoni 17 SOMMARJU EżEKUTTIV Dan ir-rapport janalizza l-applikazzjoni bejn l-2009 u l-2010 tal-proċeduri stabbiliti mid-Direttiva 98/34/KE[1] għall-istandardizzazzjoni u regolamenti tekniċi. Ir-rapport juri l-kontribuzzjoni importanti tal-istandardizzazzjoni u tal-proċedura tan-notifika għal regolamenti tekniċi għall-funzjonament tas-suq uniku u għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar[2]. Il-parti tal-istandardizzazzjoni tikkonsisti fil-proċedura tal-informazzjoni dwar l-istandards, it-talbiet li l-Kummissjoni tagħmel lill-Organizzazzjonijiet tal-Istandardizzazzjoni Ewropej (ESOs)[3] għal xogħol ta’ standardizzazzjoni (“mandati”) u oġġezzjonijiet formali kontra l-istandards. Kull waħda minn dawn l-attivitajiet uriet li hija element importanti fit-tħaddim tas-suq uniku. Il-proċedura tal-informazzjoni ġabet trasparenza fl-istandards fuq livell nazzjonali u għaldaqstant ukoll fil-livell Ewropew, u inkoraġġixxiet lill-Korpi tal-Istandardizzazzjoni Nazzjonali (NSBs) biex ikomplu jieħdu inizjattivi fil-livell Ewropew biex jippromwovu l-armonizzazzjoni Ewropea. L-oġġezzjonijiet formali ppermettew lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni li jiżguraw li l-istandards jilħqu l-għanijiet tar-regolament meta użati għall-iskopijiet tal-leġislazzjoni “Approċċ Ġdid”. Il-mandati provdew il-mezzi li bihom ir-relazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-istandardizzaturi tiġi determinata; l-interfejs bejn il-livell ta’ politika u l-espressjoni teknika tiegħu. Fil-qasam tar-regolamenti tekniċi, in-notifika lill-Kummissjoni tar-regolamenti tekniċi nazzjonali qabel l-adozzjoni tagħhom uriet li kienet strument effettiv għall-prevenzjoni tal-barrieri għall-kummerċ u għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u fost l-Istati Membri nnifishom kif ukoll għat-titjib tal-qafas regolatorju. F’dan ir-rigward, il-proċedura ta’ notifika kienet ukoll għodda importanti għall-gwida tal-attività regolatorja nazzjonali f’ċerti setturi li qed jiżviluppaw u għat-titjib tal-kwalità tar-regolamenti tekniċi nazzjonali – f’termini ta’ żieda fit-trasparenza, il-leġġibiltà u l-effikaċja – f’oqsma mhux armonizzati jew parzjalment armonizzati. Iż-żieda fiċ-ċarezza fil-qafas legali ta’ kull Stat Membru għenet lill-operaturi ekonomiċi biex inaqqsu l-ispiża tal-aċċessar tar-regolamenti u biex japplikawhom b’mod korrett. PARTI I: STANDARDIZZAZZJONI INTRODUZZJONI Din it-taqsima tiddeskrivi t-tħaddim tal-parti tal-istandardizzazzjoni tad-Direttiva 98/34/KE li tkopri tliet attivitajiet prinċipali: il-proċedura tal-informazzjoni dwar l-istandards, it-talbiet tal-Kummissjoni lill-Organizzazzjonijiet tal-Istandardizzazzjoni Ewropej għal xogħol ta’ standardizzazzjoni (mandati[4]) u oġġezzjonijiet formali kontra standards li jappoġġjaw id-Direttivi tal-Approċċ il-Ġdid. Din tagħti statistika bi spjegazzjoni għall-perjodu 2009-2010. PROċEDURA TAL-INFORMAZZJONI Il-proċedura tal-informazzjoni fil-qasam tal-istandards hi deżinjata li tissorvelja l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni ġodda introdotti mill-NSBs (kif rikonoxxut taħt id-Direttiva). Is-sistema ta’ notifika ġiet stabbilita primarjament biex tippermetti lil korpi oħra li jikkumentaw, jipparteċipaw fix-xogħol jew jitolbu biex tittieħed inizjattiva fuq livell Ewropew (ara l-Anness 1). It-tħaddim tal-proċedura fl-2009 u fl-2010 Il-proċedura baqgħet taħdem b’suċċess fl-2009 u fl-2010. Mir-rapporti pprovduti minn CEN u CENELEC kull sena, jidher li l-medja annwali tal-miżuri nazzjonali żdiedet b’mod sostanzjali fl-2010. Din iż-żieda tista’ tiġi attribwita primarjament lil ELOT[5] li għaddiet minn medja annwali fl-għadd ta’ notifiki ta’ 1.25 għall-perjodu 2006-2009 għal 464 fl-2010 u lil UNI[6] li fl-2010 irdoppja l-għadd normali tan-notifiki tiegħu. L-Anness 2 jagħti disaggregazzjoni tan-notifiki minn kull Stat. Jekk wieħed jeskludi l-għadd mhux normali ta’ notifiki minn ELOT fl-2010 u jqabbel l-istatistika tal-2009-2010 mal-perjodu preċedenti, l-għadd ta’ notifiki magħmula mill-pajjiżi tal-UE15 huwa stabbli għal madwar 1,500 notifika fis-sena u l-għadd ta’ notifiki mill-pajjiżi tal-UE12 naqas minn 400 għal 230 (ara l-Anness 3). L-għadd eċċezzjonali ta’ notifiki li saru minn ELOT ġej minn deċiżjoni tal-Ministeru Grieg għax-Xogħlijiet Pubbliċi biex ibiddel l-istatut ta’ madwar 460 speċifikazzjoni teknika (pubblika u privata) dwar l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Nazzjonali. B’konsegwenza ta’ dan, ELOT bdiet proġett maġġuri biex terġa' tagħmel abbozz mill-ġdid tat-testi eżistenti fil-forma propja ta' Speċifikazzjoni Teknika Nazzjonali u tikkontrolla u taġġorna r-referenzi kollha skont l-Istandards Ewropej. ELOT ħabbret din l-azzjoni permezz tal-proċeduri tad-Direttiva 98/34/KE. Iż-żieda fin-notifiki tal-UNI fl-2010 hija dovuta primarjament għat-titjib tal-proċessi tal-elaborazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-istandard UNI. Din it-tendenza pożitttiva ppermettiet lil UNI jamministra aħjar ir-reviżjoni ta’ standards eżistenti nazzjonali, li huma wkoll suġġetti għan-notifika. Fil-fatt, fl-2010 aktar minn 60 % tan-notifiki tal-UNI kienu reviżjonijiet ta’ standards eżistenti Taljani. Id-disaggregazzjoni settorjali (Anness 4) turi li s-settur tal-kostruzzjoni, fis-sens l-aktar wiesa’ tiegħu, jiddomina n-notifiki nazzjonali, bi strutturi, u protezzjoni min-nar fil-quċċata. Il-prodotti tal-ikel kienu wkoll qasam sinjifikanti. L-informazzjoni mxerrda skont il-proċedura tibqa’ tagħti lok għal talbiet għal aktar informazzjoni mis-servizzi tal-Kummissjoni, kif ukoll għal domandi dwar il-waqfien totali (Artikolu 7) li ġejjin jew min-notifiki jew minn sorsi oħra. Apparti mis-sitwazzjoni eċċezzjonali tal-2010 l-għadd ta’ notifiki ilu jonqos mill-2006. Il-pajjiżi tal-UE-12 naqqsu l-għadd ta’ notifiki matul il-perjodu 2009-2010 u dan jista’ jkun interpretat bħala sinjal ta’ integrazzjoni tajjeb fis-sistema hekk kif qed jiġu żviluppati aktar standards Ewropej meta mqabbla ma’ dawk nazzjonali. B’mod ġenerali, il-proċedura hija applikata sew u taħdem tajjeb. Il-ksur fit-tendenza fl-2010 mhux mistenni li jitkompla fl-2011 għax dan huwa marbut ma’ attivitajiet speċifiċi. Konklużjoni Il-proċedura ta’ informazzjoni għad għandha rwol importanti fl-inkoraġġiment tal-korpi tal-istandardizzazzjoni nazzjonali sabiex iressqu l-inizjattivi tagħhom lejn livell Ewropew, u b’hekk tinkoraġġixxi s-suq uniku u l-armonizzazzjoni Ewropea. Notifiki minn Stati Membri ġodda huma stabbli, u dan jista’ jitqies bħala sinjal tajjeb tal-integrazzjoni tagħhom fis-sistema. MANDATI Il-“mandati” tal-istandardizzazzjoni huma għodda tal-Kummissjoni stabbilita sew sabiex jinkisbu speċifikazzjonijiet tekniċi li jappoġġjaw il-leġislazzjoni u/jew il-politika Ewropea. Dawn huma talbiet lill-ESOs għal xogħol ta’ standardizzazzjoni u jipprovdu qafas ta’ referenza għal dak ix-xogħol (ara l-Anness 1). Dawn huma indispensabbli f’każijiet fejn l-istandards jappoġġjaw il-leġislazzjoni, pereżempju fil-kuntest tad-Direttivi tal-Approċċ il-Ġdid. Tħaddim tal-proċess tal-ħruġ tal-mandati fl-2009 u fl-2010 Fil-perjodu tar-rappurtaġġ, inħareġ total ta’ 41 mandat lill-ESOs, b’erba' mandati ta’ emenda. Il-proporzjon tal-emendi huwa simili għal dak tas-snin ta’ qabel (ara l-Anness 5). L-għadd ta’ mandati li jikkonċernaw id-Direttivi tal-Approċċ il-Ġdid (disgħa, flimkien mal-erba’ emendi) naqas meta mqabbel mal-perjodu preċedenti. Il-proċess tal-ħruġ tal-mandati jaħdem tajjeb. Il-konsultazzjoni informali mwettqa qabel ma d-dokumenti jiġu ċċirkolati mal-membri tal-Kumitat tfisser li mandat ikun normalment kiseb qbil konsenswali qabel ma tibda l-konsultazzjoni formali. Il-partijiet Ewropej li għandhom interess fl-istandardizzazzjoni – ANEC (l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Koordinazzjoni tar-Rappreżentanza tal-Konsumatur fl-Istandardizzazzjoni), ECOS (l-Organizzazzjoni Ewropea għaċ-Ċittadini fl-Istandardizzazzjoni fl-Ambjent), NORMAPME (l-Uffiċċju Ewropew tas-Snajja’ u tal-Impriżi Żgħar u Medji għall-Istandardizzazzjoni) u ETUI-REHS (l-Istitut Ewropew tat-Trejdjunjins – Riċerka, Edukazzjoni, Saħħa u Sikurezza) kienu integrati tajjeb fil-proċess. Dan iġib iżjed trasparenza fil-konsultazzjoni informali. Bażi ta’ dejta tal-mandati Sabiex tkompli tiżdied it-trasparenza, id-DĠ għall-Intrapriża u l-Industrija tal-Kummissjoni żviluppa bażi ta’ dejta tal-mandati. Din tinkludi l-mandati bis-serje tan-numri M/xxx. Din il-bażi ta’ dejta saret aċċessibbli għall-pubbliku fuq l-Internet fl-2005 fuq: http://ec.europa.eu/enterprise/standards_policy/mandates/index.htm Il-prassi li jingħata segwitu għall-konsultazzjonijiet tal-mandati kollha lill-Kumitat permezz ta' lista aġġornata kompliet matul il-perjodu kollu. Produzzjoni ta’ standards Ewropej L-ambitu tad-Direttiva 98/34/KE u ta’ dan ir-rapport huwa llimitat għal mandati u ma jkoprix il-proċess tal-produzzjoni tal-istandards innifsu. Madankollu, huwa importanti li wieħed isemmi li s-sistema kollha tiddependi fuq il-kapaċità tal-ESOs li jipproduċu standards ta’ kwalità għolja, b’konsensus wiesa’ u fil-ħin. Reċentement, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-pakkett tal-Istandardizzazzjoni[7] li jikkonsisti fi proposta ta’ leġislazzjoni, komunikazzjoni strateġika u valutazzjoni tal-impatt. Waħda mill-miri hija li s-sistema ta’ standardizzazzjoni Ewropea tiġi mmodernizzata sabiex din issir aktar mgħaġġla, aktar effiċjenti, inklussiva u miftuħa. Minkejja l-progress magħmul mill-ESOs matul dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni waqqfet mira li tnaqqas iż-żmien tal-iżvilupp b’50 % sal-2020. Bħala eżempju, fl-2005 iż-żmien medju biex isir abbozz ta’ standard kien ta’ 6.20 snin għal CEN, 3.45 snin għal CENELEC u 1.08 snin biss għal ETSI. Is-sitwazzjoni fl-2009 kienet ta’ 2.42 snin għal CEN, 2.34 snin għal CENELEC u 1.79 snin għal ETSI. Bil-ħsieb li tippromwovi disponibbiltà aktar kmieni ta’ standards b’mandat, il-Kummissjoni qed tirrevedi l-proċeduri interni tagħha biex tħaffef il-proċedura tal-ħruġ ta’ mandati u tagħmilha aktar trasparenti sabiex l-ESOs, flimkien ma’ partijiet interressati oħra, ikunu jistgħu jantiċipaw aħjar ix-xogħol ta’ standardizzazzjoni fil-ġejjieni. Sabiex tinkoraġġixxi lill-ESOs biex ikomplu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-proċessi tagħhom, il-Kummissjoni qed tinnegozja magħhom dwar indikaturi ta' prestazzjoni bħalma huma "żvilupp fil-waqt", "inklussività” u “kwalità” li se jkunu marbuta mal-appoġġ finanzjarju futur li għandu jingħata mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se twettaq ukoll reviżjoni indipendenti tas-sistema ta’ standardizzazzjoni sabiex tistima l-progress mal-għanijiet strateġiċi u tivvaluta l-prestazzjoni tat-tmexxija preżenti fis-sistema ta’ standardizzazzjoni Ewropea mhux aktar tard mill-2013. Tendenzi fil-mandati Is-suġġett għall-mandati qed ikompli jitwessa’. Il-proporzjon tal-għadd ta’ mandati maħruġa għad-Direttivi ta’ Approċċ Ġdid hu 31 %, li juri tnaqqis mill-aħħar perjodu rappurtat. Il-mandati fl-oqsma l-oħra tal-politika jibqgħu jkunu numerużi, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-konsumatur, l-ambjent u l-enerġija. Standards b’appoġġ għal-leġislazzjoni Fil-perjodu tar-rappurtaġġ, inħarġu mandati bħala appoġġ għal firxa wiesgħa ta' leġislazzjoni. Xi eżempji jinkludu: leġislazzjoni dwar prodotti ta' kostruzzjoni, ekodisinn, sikurezza ġenerali ta’ prodotti jew vultaġġ baxx. Il-wisa’ ta’ oqsma leġislattivi turi l-importanza mogħtija lill-mudell. L-għadd ta’ mandati li jappoġġjaw il-politika Ewropea huwa xi ftit inferjuri meta mqabbel mal-perjodu preċedenti ta’ rappurtaġġ. Il-mandati taċ-ċarġer tal-mowbajl jew iċ-ċarġer ta' vettura elettrika huma eżempji tajbin tal-mandati ta' politika li jippromwovu interoperabbiltà. L-għadd ta’ mandati li jappoġġjaw il-leġislazzjoni apparti l-Approċċ il-Ġdid (ara l-Anness 5) żdied b’mod sinjifikanti bħala medja għal kull sena meta mqabbel mal-aħħar perjodu (minn 35 % għal 54) u juri li dan il-mudell ta’ koregolazzjoni jkompli jkun adottat fuq firxa wiesgħa ta’ servizzi tal-Kummissjoni. Il-mandati li jappoġġjaw id-Direttiva tal-ekodisinn kienu kontributuri maġġuri għal din iż-żieda. Inħarġu sa disa’ mandati[8] matul il-perjodu 2009–2010 bħala appoġġ tad-Direttiva tal-ekodisinn. Dawn il-mandati huma mmirati lejn prodotti bħal magni għall-ħasil tal-platti, apparat tad-dar ta’ refriġirazzjoni, ċirkulaturi u muturi elettriċi. Ma nħareġ l-ebda mandat fis-settur tas-servizz għal dan il-perjodu. Din it-tendenza għall-użu ta’ mandati bħala appoġġ ta’ leġislazzjoni barra mill-Approċċ Ġdid u f’oqsma ġodda ta’ politika tirrifletti s-sitwazzjoni li l-istandardizzazzjoni Ewropea qiegħda tintuża dejjem aktar bħala appoġġ għall–politika ta’ regolazzjoni aħjar. Dan ġie rikonoxxut, u anke mħeġġeġ, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2004 dwar l-irwol tal-istandardizzazzjoni Ewropea fil-qafas tal-politiki u l-leġislazzjoni Ewropej[9]. Konklużjoni Il-proċess ta’ ħruġ tal-mandati hu stabbilit sew, iżda wieħed għandu joqgħod attent li jiżgura li dan jibqa’ jaħdem mingħajr problemi. Għal dan il-għan, il-konsultazzjoni informali tal-ESOs u tal-partijiet kollha interessati, partikolarment dawk il-partijiet interessati Ewropej li jirrappreżentaw lill-utenti ta’ standards futuri, qabel il-konsultazzjoni mal-Kumitat hi essenzjali u għandha tkompli. Sabiex tittejjeb it-trasparenza fit-tħaddim tal-Kumitat, mill-2006 is-servizzi tal-Kummissjoni stiednu lill-partijiet Ewropej li għandhom interess fl-istandardizzazzjoni, ANEC, ECOS, ETUI-REHS u NORMAPME, biex jipparteċipaw fil-laqgħa mkabbra tagħhom. Għall-finijiet tat-trasparenza, u bis-saħħa tal-vantaġġi teknoloġiċi li se jkunu inkorporati fis-sistema CIRCA[10], is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà li tiġi organizzata proċedura bil-miktub ispirata minn forums fuq l-Internet. L-għan ikun li jiġi żgurat li l-membri kollha tal-kumitat ikunu jistgħu jaqraw l-osservazzjonijiet tal-membri l-oħra, biex b’hekk din it-tip ta’ konsultazzjoni ssir simili għal dik miżmuma fil-laqgħa tal-Kumitat. Il-proċess ta’ ħruġ tal-mandati kien strumentali fit-tkabbir tal-irwol tal-istandardizzazzjoni f’oqsma ġodda ta’ leġislazzjoni u politika tal-UE. Dan hu rifless ukoll bil-fatt li għadd ta’ atti leġislattivi tal-UE ġodda jirreferu għad-Direttiva Biex jippermetti użu usa’ u aktar effettiv tal-mandati bħala għodda ta’ politika, il-proċess ta’ ħruġ ta' mandati għandu jkun aktar reattiv– l-ESOs għandhom jirrispondu aktar kmieni dwar jekk l-istandards Ewropej mitluba humiex rilevanti għas-suq, jekk dawn jaċċettawx mandat u skont liema kundizzjonijiet jaċċettawh. Għalhekk, modifiki futuri fil-proċess ta’ ħruġ tal-mandati għandhom jiżguraw li jiġu stabbliti limiti ta’ żmien ċari għar-risposti tal-ESOs sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkollhom iż-żmien biex jiżviluppaw soluzzjonijiet alternattivi jekk l-ESOs ma jkunux jistgħu jew ma jridux jiżvuluppaw standards Ewropej. Vademecum dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea Il-proċedura kif jiġu ttrattati l-mandati, oġġezzjonijiet formali kontra standards armonizzati u l-pubblikazzjoni tar-referenzi ta’ standards armonizzati kollha jinstabu fil- Vademecum dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, flimkien ma’ għadd ta’ dokumenti oħra rilevanti. Il-Kummissjoni kkonsultat mal-Kumitat u partijiet oħra interessati dwar il- Vademecum qabel il-pubblikazzjoni tiegħu. Il- Vademecum huwa ppubblikat fuq il-websajt Europa fuq: http://ec.europa.eu/enterprise/standards_policy/vademecum/index.htm OġġEZZJONIJIET FORMALI Id-Direttivi tal-Approċċ il-Ġdid fihom protezzjoni għal każijiet fejn standard armonizzat ma jkunx jista’ jippermetti li prodotti jilħqu r-rekwiżiti essenzjali tad-direttivi kkonċernati. Meta jseħħu dawn il-każijiet, l-Istati Membri jew il-Kummissjoni jistgħu jintroduċu oġġezzjoni formali għall-istandard in kwistjoni li dwarha jista’ jiġi kkonsultat il-Kumitat (ara l-Anness 1 għad-dettalji tal-proċedura). Tħaddim tal-proċedura fl-2009 u fl-2010 L-għadd ta’ oġġezzjonijiet li wasslu għal Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni matul il-perjodu ta’ rappurtaġġ bħala medja għal kull sena kien ekwivalenti għall-aħħar perjodu b’total ta’ sebgħa. Fi tliet każijiet id-Deċiżjoni sostniet il-preżunzjoni tal-konformità; f’erba’ każijiet il-preżunzjoni tal-konformità ġiet ristretta jew irtirata (ara l-Anness 6). Konklużjoni Għalkemm il-proċess minn meta tiġi rċevuta l-oġġezzjoni sal-ħruġ tad-Deċiżjoni jieħu ftit taż-żmien, il-proċedura in ġenerali ħadmet tajjeb. B’mod simili għall-mandati, u għall-finijiet ta’ trasparenza, il-Kummissjoni tagħmel deċiżjonijiet dwar l-oġġezzjonijiet formali pubbliċi b’mod konsolidat, u tagħmel disponibbli tabella aġġornata tal-azzjonijiet b’rabta mal-oġġezzjonijiet formali ill-Kumitat f’kull laqgħa. PARTI II: REGOLAMENTI TEKNIĊI ŻVILUPPI FL-2009U FL-2010 Il-proċedura ta’ notifika għal regolamenti tekniċi nazzjonali (“il-proċedura”) tippermetti lill-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE li jeżaminaw b’mod preventiv ir-regolamenti tekniċi li l-Istati Membri għandhom l-intenzjoni li jintroduċu għal prodotti (industrijali, agrikoli u tas-sajd) u għal servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ara l-Anness 7). Il-proċedura tapplika b’mod simplifikat għall-Istati Membri EFTA li huma firmatarji għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u għall-Isvizzera u t-Turkija (ara l-Anness 10). Il-benefiċċji maġġuri tal-proċeduri - Tippermetti li jiġu skoperti ostakli ġodda għas-suq intern anke qabel ma dawn ikollhom effetti negattivi, biex b’hekk jiġu evitati proċeduri tal-ksur li jieħdu ż-żmien u li jiswew il-flus. - Tippermetti l-iskoperta ta’ miżuri protezzjonisti li jistgħu jitfasslu minn Stati Membri taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal kriżi ekonomika u dik finanzjarja. - Tippermetti lill-Istati Membri li jaċċertaw ruħhom mill-grad ta’ kompatibbiltà tal-abbozzi notifikati mal-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea. - Tippermetti djalogu effettiv bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni meta ssir valutazzjoni tal-abbozzi notifikati. - Din hija għodda ta’ valutazzjoni komparattiva li tippermetti lill-Istati Membri jibnu fuq l-ideat tal-imsieħba tagħhom sabiex isolvu problemi komuni dwar regolamenti tekniċi. - Tippermetti lill-operaturi ekonomiċi jsemmgħu leħinhom u jadattaw l-attivitajiet tagħhom fil-ħin skont regolamenti tekniċi futuri. Dan id-dritt ta’ skrutinju jintuża b’mod estensiv minn operaturi ekonomiċi, li jgħin lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali jiskopru xi ostakoli għall-kummerċ. - Tikkontribwixxi għall-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. - Hija strument regolatorju li jista’ jintuża biex jiġu identifikati oqsma fejn hija meħtieġa l-armonizzazzjoni. - Hija strument għal politika industrijali Użu tal-proċedura fil-kuntest ta’ “Regolamentazzjoni aħjar” Fil-Komunikazzjoni tagħha “Regolamentazzjoni aħjar għat-tkabbir u l-impjegi fl-UE" [11] il-Kummissjoni enfasizzat li l-mekkaniżmu ta’ kontroll preventiv stabbilit mid-Direttiva 98/34/KE huwa kruċjali għat-titjib ta’ regolamenti nazzjonali fuq il-prodotti u s-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika. Fil-qafas tal-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni sabiex tissimplifika u ttejjeb l-ambjent regolatorju[12], l-Istati Membri ġew mistiedna biex jissottomettu studji dwar l-impatt (jew il-konklużjonijiet tagħhom) flimkien ma’ abbozzi notifikati, fejn dawn l-istudji twettqu internament. L-analiżi ta’ dawn l-istudji ta’ impatt tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jirriflettu minn qabel dwar l-aktar strument adattat li għandu jintuża, u tippermetti lill-Kummissjoni biex tikkontrolla l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżuri proposti. Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika ta’ 98/34/KE tgħin sabiex tittejjeb iċ-ċarezza u l-konsistenza tal-leġislazzjonijiet nazzjonali ta’ abbozz notifikat. Din il-kooperazzjoni għandha tiġi intensifikata bil-ħsieb li jkun żgurat qafas regolatorju għal operaturi ekonomiċi filwaqt li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa pubblika, il-konsumaturi u l-ambjent. L-awtoritajiet nazzjonali huma mħeġġa li jikkunsidraw l-aspetti li ġejjin, partikolarment: - il-kliem tal-abbozzi: ċarezza, konsistenza, trasparenza u ċertezza legali fl-applikazzjoni tat-testi; - il-possibbiltà li jkunu aċċessati r-regolamenti kollha f’settur imsemmi permezz tal-pubblikazzjoni, kemm fuq il-karta u kif ukoll onlajn ta’ verżjonijiet konsolidati tat-testi; - l-identifikazzjoni u l-evitar ta’ proċeduri li jimponu piżijiet amministrattivi kumplessi u onerużi iżjed milli meħtieġ fuq l-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari meta jitqiegħed prodott fuq is-suq. Titjib fil-ġestjoni tal-proċedura 98/34 Il-Kummissjoni kompliet twettaq diversi kampanji matul l-2009-2010 sabiex iżżid it-trasparenza u d-djalogu mal-awtoritajiet nazzjonali. It-tħaddim tal-bażi ta’ dejta TRIS (“Sistema Informatika tar-Regolamenti Tekniċi”) rat titjib kontinwu u fl-2010 tnediet verżjoni ġdida TRIS v2.0, li għandha tnaqqas iż-żmien tal-ipproċessar tan-notifiki u tal-messaġġi u tippermetti konnessjoni diretta bejn TRIS u l-bażi ta’ dejta nazzjonali fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni tiżgura aċċess pubbliku għall-abbozzi notifikati, fit-23 lingwa uffiċjali tal-UE, u għall-informazzjoni essenzjali dwar it-tmexxija tal-proċedura permezz tal-websajt http://ec.europa.eu/enterprise/tris. Ġiet osservata żieda kostanti fl-għadd ta’ konsultazzjonijiet onlajn: fl-2009 u fl-2010 l-għadd ta’ tiftix żdied bi 23.4 % biex b’hekk laħaq bejn wieħed u ieħor 192,000 tiftixa fl-2010 (ara l-Anness 11). APPLIKAZZJONI TAL-PROċEDURA 98/34 Effikaċja: ħarsa ġenerali ► Volum ta’ notifiki u setturi involuti Fl-2009 u l-2010, l-għadd totali ta’ abbozzi notifikati żdied meta mqabbel mal-perjodu preċedenti (1 525 notifika għall-2009 u l-2010 meta mqabbel mal-1979 għall-2006, l-2007 u l-2008). Is-settur tal-kostruzzjoni reġa’ kellu l-ogħla għadd ta’ notifiki matul il-perjodu tar-rappurtaġġ. Ħafna miżuri kienu relatati mal-effikaċja tal-enerġija ta’ bini u t-tikkettjar ta’ prodotti ta’ kostruzzjoni u dekorazzjoni fir-rigward tal-emissjonijiet volatili li jniġġsu tagħhom. Wara l-kostruzzjoni kien hemm il-prodotti tal-agrikoltura u l-oġġetti tal-ikel. F’dan is-settur, diversi miżuri kienu relatati mal-iġjene tal-ikel, l-organiżmi modifikati ġenetikament, il-kompożizzjoni u t-tikkettjar tal-ikel u tax-xorb. In-notifiki żdiedu b’mod sinjifikanti fis- settur tat-trasport fejn diversi notifiki kienu jirrilataw ma’ sinjali tat-traffiku, is-sikurezza tal-vetturi, trakters u tagħmir ta’ vetturi bil-mutur. Ġew irċevuti diversi notifiki fis- settur tat-telekomunikazzjoni, partikolarment f’dak li jikkonċerna l-interfejs tar-radju, u fis- settur tal-ambjent (ekokontribuzzjoni fuq il-basktijiet tal-plastik, l-amministrazzjoni tal-batteriji mormija u akkumulaturi u tikkettjar ta’ imballaġġ tax-xorb li jista’ jerġa’ jintuża) (ara l-Annessi 9.3). ► Kwistjonijiet eżaminati Fl- oqsma mhux armonizzati , soġġetti għall-konformità mal-Artikoli 34-36 (il-moviment liberu tal-oġġetti) u 49 u 56 (id-dritt tal-istabbiliment u l-libertà għall-provvista ta’ servizzi) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-reazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu intiżi biex iwissu lill-Istati Membri dwar l-ostakoli potenzjali għall-kummerċ li setgħu jiġu maħluqa b’miżuri sproporzjonali mhux meħtieġa għall-għanijiet mixtieqa. Għaldaqstant, il-Kummissjoni żgurat il-konformità ma’ dawn il-prinċipji u barra minn dan baqgħet tistieden lill-Istati Membri biex jinserixxu klawżoli ta’ rikonoxximent reċiproku f’kull abbozz ta’ regolament tekniku li jaqa’ lil hinn mill-qasam armonizzat. F’ oqsma armonizzati , ir-reazzjonijiet kienu intiżi biex jiżguraw li l-miżuri nazzjonali jkunu meħtieġa, ġustifikati u kompatibbli mal-leġislazzjoni sekondarja tal-UE. - Sa mill-2009, l-Istati Membri nnotifikaw għadd għoli ta’ abbozzi ta’ regolamenti tekniċi fil-qasam tal- kostruzzjoni . Dawn l-abbozzi kienu jikkonċernaw it-tipi kollha ta' prodotti ta' kostruzzjoni (sustanzi perikolużi, materjal tal-injam, tagħmir għat-tifi tan-nar, strutturi ta’ appoġġ magħmula mill-konkrit, konkrit irrinforzat, ġeneraturi tas-sħana, eċċ.), il-proprjetajiet tagħhom (reżistenza mekkanika u stabilità, reżistenza għan-nar, proprjetajiet ta’ iżolament, eċċ.) u t-tikkettjar tagħhom (partikolarment tikkettjar fuq emissjonijiet volatili li jniġġsu). Dawn ġew analizzati prinċipalment skont id-Direttiva 89/106/KEE[13] dwar prodotti tal-kostruzzjoni u l-istandards armonizzati adottati fil-kuntest ta’ din id-Direttiva kif ukoll tad-Direttiva 2002/91/KE[14] dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini, imħassra mid-Direttiva 2010/31/UE[15]. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ħarġet opinjonijiet u kummenti dettaljati dwar l-abbozzi tar-regolamenti tekniċi li jirrelataw mat-tikkettjar ta’ prodotti tal-kostruzzjoni u ta’ dekorazzjoni fir-rigward tal-emissjonijiet volatili li jniġġsu. L-abbozzi notifikati ġew eżaminati fid-dawl tad-Direttiva 1999/45/KE[16] dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar tal-preparazzjonjijiet perikolużi u r-Regolament (KE) Nru 1272/2008[17] dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettjar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet Dawn l-abbozzi wasslu għal għadd ta’ reazzjonijiet minn diversi Stati Membri li ħarġu opinjonijiet dettaljati li qajmu l-kwistjoni tal-kompatibilità tal-miżuri notifikati mal-prinċipji tal-moviment liberu tal-oġġetti fis-suq intern. - L-Istati Membri nnotifikaw diversi abbozzi dwar organiżmi modifikati ġenetikament (GMOs). B’mod partikolari, in-notifiki kienu relatati mad-dritt li jitpoġġew GMOs fuq is-suq, li tiġi pprojbita jew ristretta l-kultivazzjoni tagħhom u dwar it-tixrid tagħhom fl-ambjent. Dawn ġew analizzati fil-kuntest tad-Direttiva 2001/18/KE[18] dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, ir-Regolament (KE) Nru. 1829/2003[19] dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament u r-Regolament (KE) 1830/2003[20] dwar it-traċċjabilità ta’ ikel u għalf prodotti minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE, u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Miżuri ta’ Koeżistenza (2010/C 200/01)[21]. - Fl-2009 u l-2010, l-Istati Membri nnotifikaw abbozzi li jikkonċernaw supplimenti ta’ ikel, materjali maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ ikel (kontenituri, imballaġġ u għodod tat-tisjir manifatturati minn stainless steel, tikkettjar ta’ oġġetti bbanjati fid-deheb, ibbanjati fil-fidda u oġġetti relatati), ilma minerali, tan-nixxiegħa u tax-xorb, tagħmir għat-trattament tal-ilma għall-konsum mill-bniedem, l-iġjene tal-ikel. Ċerti Stati Membri nnotifikaw abbozzi ta’ regolamenti dwar ir-restrizzjoni jew il-projbizzjoni tal-użu ta’ Bisfenol A fil-fliexken ta’ trabi u f’materjali u oġġetti li huma ddisinjati jew li huma maħsuba li jiġu f'kuntatt mal-ikel. F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jinnota li d-Direttiva 2011/8/UE[22] li temenda d-Direttiva 2002/72/KE[23] fir-rigward tar-restrizzjoni tal-użu ta’ Bisfenol A fi fliexken tal-plastik li jintużaw għat-tisqija tat-trabi ġiet adottata f'Jannar 2011 u tistipula l-projbizzjoni tal-manifattura mill-1 ta’ Marzu 2011, u tat-tpoġġija fis-suq u l-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Ġunju 2011, ta’ fliexken tal-plastik li jintużaw għat-tmigħ tat-trabi. - Fis-settur tas-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika kien hemm diversi notifiki dwar l-interfejs tar-radju, oħrajn li kkonċernaw inter alia l-logħob tal-azzard onlajn, l-ipprezzar ta’ kotba diġitali, ir-reġistri tat-taxxa elettroniċi, is-sistemi EpoS (Punt tal-Bejgħ Elettroniku) u t-tagħmir ta’ firma elettronika, l-interoperabbiltà ta’ sistemi informatiċi. - Fis-settur tal-ambjent, il-Kummissjoni eżaminat partikolarment l-abbozzi ta’ regolamenti dwar it-tikkettjar tal-imballaġġ tax-xorb, tikkettjar ta’ batteriji, tikkettjar ta’ basktijiet tal-plastik, u imballaġġ tal-PVC. Dawn in-notifiki ġew analizzati fid-dawl tal-Direttiva 94/62/KE[24] dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ u d-Direttiva 2006/66/KE[25] dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u akkumulaturi. - Il-proċedura ppermettiet ukoll li jsiru interventi fis-setturi fejn kienet ippjanata l-armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea u ppreveniet lill-Istati Membri milli jintroduċu miżuri nazzjonali diverġenti, bħal fil-każ tal-promozzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku minn bijomassa likwida, li b’mod obbligatorju jissemma l-oriġini tal-ikel fuq it-tikketti, l-importazzjoni u t-tranżitu ta’ proddotti abbażi ta’ foki, l-istandards ta’ approvazzjoni għal apparat tal-bank tat-test għal brejkijiet bir-roller ta’ vetturi b’massa totali li teċċedi 3.5 tunnellati, it-tikkettjar u l-preżentazzjoni ta’ ikel, il-kwalità tal-għeneb tal-mejda, ir-riċiklaġġ ta’ batteriji tal-aċidu biċ-ċomb u akkumulaturi użati, il-produzzjoni ta’ xorb alkoħoliku ffermentat minbarra l-birra u l-inbid, u l-impjanti tal-kombustjoni u stazzjonijiet tal-enerġija għat-tisħin mill-bogħod. ► Reazzjonijiet Il-Kummissjoni ħarġet opinjonijiet dettaljati b’rabta ma’ 105 notifika, li kienu jirrappreżentaw 7 % tal-għadd totali ta’ abbozzi notifikati mis-27 Stat Membru matul il-perjodu ta’ rappurtaġġ. Din il-figura turi tnaqqis fl-għadd ta’ opinjonijiet dettaljati maħruġa mill-Kummissjoni meta mqabbla mal-perjodu ta’ rappurtaġġ preċedenti, u tissuġġerixxi li l-Istati Membri qegħdin dejjem iżjed iżommu f’moħħhom il-leġislazzjoni u l-prinċipji tal-Unjoni Ewropea meta jgħaddu l-leġislazzjoni, u jikkunsidraw ir-rekwiżiti ta’ suq intern li jaħdem b’mod effettiv. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri ħarġu 130 opinjoni dettaljata. Mis-616-il osservazzjoni maħruġa matul il-perjodu ta’ rappurtaġġ, 262 saru mill-Kummissjoni u 354 mill-Istati Membri (ara l-Annessi 9.4 u 9.6). Fi 11-il każ, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kkonċernati biex jipposponu l-adozzjoni tar-regolamenti notifikati għal sena minn meta jiġu rċevuti, sabiex dawn ma jikkompromettux ix-xogħol ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea li kien għaddej f’dak il-qasam (ara l-Anness 9.5). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-Istati Membri għall-bżonn li tiġi żgurata l-kompatibbiltà mar-regoli tal-Ftehim dwar il-Barrieri Tekniċi għall-Kummerċ meta l-miżuri kkonċernati ġew notifikati wkoll lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. L-użu tal-proċedura ta’ urġenza Minn total ta’ 1 525 notifika, l-Istati Membri għamlu 52 talba sabiex japplikaw il-proċedura tal-urġenza għal abbozzi notifikati. Il-Kummissjoni kkonfermat l-interpretazzjoni stretta tagħha tal-kundizzjonijiet eċċezzjonali meħtieġa, jiġifieri ċirkostanzi serji u mhux previdibbli relatati b’mod partikolari mal-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza. B’konsegwenza, l-użu tal-proċedura tal-urġenza ġie miċħud meta l-ġustifikazzjoni mogħtija kienet ibbażata fuq raġunijiet purament ekonomiċi jew kienet l-effett ta’ tentattiv ta’ tpattija għal dewmien amministrattiv nazzjonali. Il-proċedura tal-urġenza ġiet meqjusa li kienet ġustifikata f’29 każ, partikolarment dawk li jikkonċernaw is-sustanzi psikotropiċi, il-kontroll ta’ narkotiċi, l-inkwinanti, il-logħob tal-azzard, il-basktijiet ta' sigurtà u s-settur tas-sigurtà privat (it-trasport ta’ oġġetti perikolużi, armi, sejfijiet, sistemi ta’ allarm, flus u oġġetti prezzjużi) (ara l-Anness 9.7). Segwitu għar-reazzjonijiet tal-Kummissjoni Fl-2009 u fl-2010, il-proporzjon bejn l-għadd ta’ risposti mogħtija mill-Istati Membri u l-volum tal-opinjonijiet dettaljati maħruġa mill-Kummissjoni kien sodisfaċenti (medja ta’ 89.5 % matul il-perjodu). Dan il-perċentwal huwa l-indikatur ewlieni użat biex jevalwa l-impenn tal-Istati Membri biex jilħqu l-obbligi tagħhom taħt il-proċedura. Il-Kummissjoni tosserva li l-għadd ta’ risposti sodisfaċenti ma kienx għoli (medja ta’ 32.5 % matul il-perjodu) (ara l-Anness 9.8). Djalogu mal-Istati Membri Il-laqgħat regolari tal-Kumitat dwar l-Istandards u r-Regolamenti Tekniċi ppermettew li jiġu skambjati opinjonijiet dwar punti ta’ interess ġenerali kif ukoll dwar aspetti speċifiċi tal-proċedura. Id-diskussjonijiet kienu b’mod partikolari jikkonċernaw l-iżvilupp tal-bażi ta’ dejta TRIS il-ġdida, il-kwalità tat-traduzzjoni tat-testi notifikati, il-miżuri fiskali maħsuba biex jittrattaw il-kriżi ekonomika u finanzjarja li kellhom jiġu notifikati taħt id-Direttiva 98/34/KE, il-kwistjoni tal-kunfidenzjalità ta’ ċerti abbozzi notifikati, ir-rabtiet bejn ir-Regolament (KE) Nru 764/2008[26] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta' ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u d-Direttiva 98/34/KE. Ġew ippreżentati mill-Kummissjoni l-linji gwida relatati rispettivament mal-waqfien previst fl-Artikolu 9 (3) u (4) u mal-proċedura ta’ urġenza stabbilita fl-Artikolu 9 (7) tad-Direttiva 98/34/KE. Barra minn dan, il-Kummissjoni għamlet preżentazzjoni tal-bażi ta' dejta TRIS v2.0 il-ġdida, tal-“punt ta’ waqfa waħda” (punt ta’ dħul uniku għal notifiki mill-Istati Membri tal-UE – inkluż meta ġew obbligati li jinnotifikaw dokumenti skont atti oħra tal-UE) u tal-gwida għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirregola l-moviment liberu ta' oġġetti. Saru wkoll seminars f’diversi Stati Membri, li ppermettew li jkun hemm djalogu dirett bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali involuti fil-proċedura u li jgħinu lil dawn imsemmija l-aħħar biex isiru familjari mal-elementi tekniċi ħafna tal-proċedura. Matul seminar organizzat f’Novembru 2008 fl-okkażjoni tal-25 anniversarju tad-Direttiva 98/34/KE, ġew ippreżentati proposti u suġġerimenti dwar il-funzjonament tal-proċedura tan-notifika mill-Istati Membri u minn operaturi ekonomiċi. Ispirati minn dawn it-talbiet, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, ġie deċiż li jitwaqqaf Grupp ta’ Ħidma dwar il-funzjonament tad-Direttiva 98/34/KE. Dan il-Grupp ta’ Ħidma jeżamina kif ħadmet s’issa l-proċedura ta’ notifika u jekk u kif il-funzjonament tagħha jista’ jittejjeb permezz ta’ aġġustamenti amministrattivi, jew, jekk inhu meħtieġ, permezz tal-introduzzjoni ta’ bidliet fid-Direttiva li tinsab fis-seħħ bħal issa. Il-grupp jinkludi rappreżentanti minn tnax-il Stat Membru (il-Punti tal-Kuntatt 98/34 tal-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, Malta, il-Pajjiżi Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u r-Renju Unit) u hija ppreseduta mis-servizz tal-Kummissjoni responsabbli għall-ġestjoni tal-proċedura tan-notifika 98/34. L-ewwel laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma nżammet fit-12 ta’ April 2010 fejn ġew diskussi problemi relatati, fuq naħa, mal-perjodu ta' waqfien ta' tliet xhur tal-abbozzi ta’ regolamenti notifikati u t-tnaqqis possibbli ta’ dan u, min-naħa l-oħra, għall-konsegwenzi tal-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja " CIA Security and Unilever" (nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ regolamenti mhux notifikati) fir-rigward ta’ testi nazzjonali li jikkonformaw fis-sustanza tagħhom mal-liġi tal-UE, imma li huma adottati mingħajr ma jiġu notifikati taħt il-proċedura 98/34/KE, jew li ġew adottati matul il-perjodu ta’ waqfien, jew li kienu sostanzjalment modifikati matul il-perjodu ta' waqfien. Matul it-tieni laqgħa, organizzata fid-29 ta’ Ġunju 2010 il-Grupp ta’ Ħidma ttratta l-estensjoni tal-perjodu ta’ waqfien inizjali b’aktar minn tliet xhur (xahar għas-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika) biss meta l-Kummissjoni (u mhux Stati Membri oħra) ħarġet opinjoni dettaljata. Dan iddiskuta wkoll il-possibbiltà li jiġi stabbilit perjodu minimu ta’ waqfien li għandu jkun osservat għal miżuri fiskali, finanzjarji u urġenti, sabiex jingħata żmien biżżejjed għall-eżaminazzjoni tajba tagħhom. It-tielet laqgħa seħħet fis-27 ta’ Ottubru 2010 u ffukat fuq il-kwistjoni ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti skambjati fil-qafas tal-proċedura 98/34/KE u l-iżvilupp tal-funzjoni “punt ta’ waqfa waħda” tad-Direttiva 98/34/KE. Ksur tad-Direttiva L-għadd ta’ proċeduri tal-ksur (l-Artikolu 258 tat-TFUE) li nġiebu kontra l-Istati Membri għall-ksur tal-obbligi taħt id-Direttiva baqa’ baxx matul il-perjodu in kwistjoni: tlieta fl-2009 u sebgħa fl-2010. Konklużjoni Matul l-2009 u l-2010, l-utilità tal-proċedura ġiet totalment ikkonfermata għal darb’oħra f’termini ta’ effikaċja, trasparenza u kooperazzjoni amministrattiva. L-approċċ preventiv u ta’ netwerking tal-proċedura 98/34 żgura li twettqu attivitajiet regolatorji nazzjonali mingħajr ma nħolqu ostakoli tekniċi għall-kummerċ u li l-armonizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea seħħet biss fejn fil-fatt kienet meħtieġa, f’konformità stretta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-fatt li l-għadd ta’ proċeduri ta’ ksur baqa’ baxx matul il-perjodu tar-rappurtaġġ juri li d-Direttiva 98/34/KE hija għodda importanti biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tajba tal-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Fl-applikazzjoni tad-Direttiva 98/34/KE, il-Kummissjoni se tibqa’ attenta fir-rigward tal-prinċipju ta’ regolamentazzjoni aħjar u l-bżonn li jinżamm ambjent favorevoli għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. L-abbozzi notifikati jibqgħu jkunu disponibbli b’mod elettroniku, mingħajr ħlas u fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, biex b’hekk tingħata l-opportunità lill-operaturi ekonomiċi sabiex jikkummentaw dwarhom. Se jkomplu l-isforzi sabiex ikun żgurat qafas legali ċar għall-operaturi ekonomiċi bil-għan li tittejjeb il-kompetitività tal-intrapriżi Ewropej fl-UE u barra minnha, b’kunsiderazzjoni għar-rabtiet bejn il-proċedura 98/34 u dik stabbilita mill-Ftehim dwar il-Barrieri Tekniċi għall-Kummerċ (TBT) fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). [1] Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 204 tal-21.07.1998), kif ġiet emendata bid-Direttiva 98/48/KE (ĠU L 217 tal-05.08.1998). [2] Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-ambjent regolatorju, COM (2002) 278 finali. Ara wkoll Regolamentazzjoni aħjar għat-tkabbir u l-impiegi fl-Unjoni Ewropea , COM (2005) 97 finali; L- Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: l-istrateġija għas-semplifikazzjoni ta’ l-ambjent regolatorju, COM (2005) 535 finali; Reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea , COM (2006) 689; It-Tieni reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea , COM (2008) 32 u It-Tielet Reviżjoni Strateġika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea, COM (2009) 15. [3] CEN (Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni), CENELEC (Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika) u ETSI (Istitut Ewropew għall-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet). [4] Mandati huma talbiet li jirrappreżentaw stedina lill-ESOs li jistgħu jiġu aċċettati taħt ċerti kundizzjonijiet. [5] ELOT – L-Organizzazzjoni Griega għall-Istandardizzazzjoni [6] UNI - Ente Nazionale Italiano di Unificazione [7] COM (2011) 311 finali tal-1.6.2011, COM (2011) 315 finali tal-1.6.2011, SEC (2011) 671 finali tal-1.6.2011 [8] Il-Mandati M450 M451, M458, M459, M462, M469, M470, M476 u M477 jagħmlu referenza għad-Direttiva 2005/32/KE [9] COM (2004) 674 finali tat-18.10.2004. [10] CIRCA huwa workspace ta’ kollaborazzjoni ma’ msieħba tal-Istituzzjonjiet Ewropej. Tista’ ssib aktar informazzjoni fuq dan il-URL: http://circa.europa.eu/ [11] Ara supra , in-nota f’qiegħ il-paġna 2. [12] Ara supra , in-nota f’qiegħ il-paġna 2. [13] Id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/EEC tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini (ĠU L 40, 11.2.1989, p. 12-26 [14] Id-Direttiva 2002/91/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini ( ĠU L 1, 4.1.2003, p. 65–71) [15] Id-Directive 2010/31/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13-35) [16] Id-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropw u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikettjar tal-preparazzjonijiet perikolużi ( ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1–68) [17] Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1-1355) [18] Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE – Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1-39) [19] Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1-23) [20] Ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24-28) [21] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2010 dwar linji gwida għall-iżvilupp ta’ miżuri nazzjonali għall-koeżistenza biex tiġi evitata l-preżenza mhux mixtieqa tal-GMOs f’għelejjel konvenzjonali u organiċi (ĠU C 200/1, 22.7.2010) [22] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/8/UE tat-28 ta’ Jannar 2011 li temenda d-Direttiva 2002/72/KE fir-rigward tar-restrizzjoni tal-użu ta’ Bisfenol A fil-fliexken tal-plastik għat-tisqija tat-trabi (ĠU L 26, 29.1.2011, p. 11-14) [23] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/72/KE tas-6 ta’ Awwissu 2002 dwar materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba sabiex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti tal-ikel (ĠU L 220, 15.8.2002, p. 18-58) [24] Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10-23) [25] Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1-14) [26] Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 21-29)