52011PC0821

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro /* KUMM/2011/0821 finali - 2011/0386 (COD) */


2011/0386 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121(6) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) It-Trattat jeħtieġ lill-Istati Membri jqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom bħala kwistjoni ta’ interess komuni u li l-politiki baġitarji tagħhom ikunu ggwidati mill-ħtieġa għal finanzi pubbliċi sodi u li l-politiki ekonomiċi tagħhom ma jirriskjawx li jpoġġu fil-periklu t-tħaddim xieraq tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

(2) Il-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir, partikolarment ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv[2], imfassal biex jiżgura dixxipplina baġitarja fl-Unjoni kollha, jistabilixxi l-qafas għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni tad-defiċits eċċessivi tal-gvern. Issaħħaħ aktar bir-Regolament Nru …/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika u r-Regolament (UE) Nru …/2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv. Ir-Regolament (KE) Nru …/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona euro żied sistema ta’ mekkaniżmi ta’ infurzar effikaċi, preventiva u gradwali fil-forma ta’ sanzjonijiet finanzjarji għall-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro.

(3) L-emendi għall-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir iżidu kemm il-gwida, kif ukoll, għall-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro, inċentivi għall-iffissar u l-implimentazzjoni ta’ politika baġitarja prudenti, filwaqt li jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-gvern. Dawn id-dispożizzjonijiet ħolqu qafas iktar robust fil-livell tal-Unjoni għas-sorveljanza tal-politiki ekonomiċi nazzjonali.

(4) It-Trattat jippermetti l-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi fiż-żona tal-euro li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

(5) Finanzi pubbliċi f'saħħithom jiġu żgurati l-aħjar fl-istadju tal-ippjanar u l-iżbalji kbar għandhom jiġu identifikati kmieni kemm jista’ jkun. L-Istati Membri għandhom jibbenefikaw mhux biss minn l-iffissar ta’ prinċipji ta’ gwida u miri baġitarji imma wkoll minn monitoraġġ sinkronizzat tal-politiki baġitarji tagħhom.

(6) L-istipular ta’ kronoliġija baġitarja komuni għall-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro għandu jissinkronizza aħjar il-passi ewlenin fit-tħejjija tal-baġits nazzjonali, b'hekk jikkontribwixxi favur l-effikaċja tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika baġitarja. L-adozzjoni ta’ kronoliġija baġitarja komuni għandha twassal għal sinerġiji aqwa billi tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politika fost l-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro u biex jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jkunu integrati kif xieraq fil-proċess nazzjonali tal-adozzjoni tal-baġit.

(7) Hemm evidenza qawwija li turi l-effikaċja ta’ oqfsa fiskali bbażati fuq regoli fl-appoġġ ta' politiki fiskali tajba u sostenibbli. L-introduzzjoni ta’ regoli fiskali nazzjonali li jkunu konsistenti mal-objettivi baġitarji stabiliti fil-livell tal-Unjoni għandhom ikunu element kruċjali biex tiġi żgurata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir. Partikolarment, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw regoli strutturali tal-baġit bilanċjat li jittrasponu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali l-prinċipji ewlenin tal-qafas fiskali tal-Unjoni. Din it-traspożizzjoni għandha tkun effettivi permezz ta' regoli vinkolanti preferibbilment ta' natura kostituzzjonali sabiex jintwera l-aqwa impenn tal-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir.

(8) Previżjonijiet makroekonomiċi u baġitarji mhux oġġettivi u irrealistiċi jistgħu jfixklu konsiderevolment l-effikaċja tal-ippjanar baġitarju u konsegwentement ixekklu l-impenn lejn id-dixxiplina baġitarja. Previżjonijiet minn korpi indipendenti jistgħu jipprovdu previżjonijiet makroekonomiċi oġġettivi u realistiċi.

(9) Din is-sorveljanza msaħħa gradwalment ser tikkumplimenta d-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir u ssaħħaħ is-sorveljanza tad-dixxipplina baġitarja fl-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro. Proċedura ta’ monitoraġġ imsaħħa gradwalment għandha tikkontribwixxi għal eżiti baġitarji aħjar għall-benefiċċju tal-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro. Bħala parti minn proċedura msaħħa gradwalment, monitoraġġ metikoluż huwa partikolarment ta’ valur għall-Istati Membri li jkunu soġġetti għal proċedura ta’ defiċit eċċessiv.

(10) B'li ħareġ mill-kriżi tad-dejn sovran, u partikolarment mill-ħtieġa li jiddaħħlu fis-seħħ ritensjonijiet finanzjarji aħħarin komuni, l-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro jikkondividu effetti sekondarji mtejba mill-politika baġitarja tagħhom. Kull Stat Membru li l-munita tiegħu tkun l-euro għandu jikkonsulta lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom tkun l-euro qabel ma jadottaw klawlunkwe pjanijiet kbar ta’ riforma fil-politika fiskali b'effetti sekondarji potenzjali, sabiex jippermettu l-possibilità ta’ valutazzjoni tal-impatt possibbli fuq iż-żona tal-euro kollha. Għandhom iqisu l-pjanijiet baġitarji tagħhom bħala ta’ interess komuni u jissottomettuhom lill-Kummissjoni għall-finijiet ta’ monitoraġġ qabel il-pjanijiet isiru vinkolanti. Il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni, jekk neċessarju, li tadotta opinjoni dwar l-abbozz tal-pjan baġitarju, li l-Istat Membru u partikolarment l-awtoritajiet tal-baġit għandhom jiġu mistiedna jqisu fil-proċess tal-adozzjoni tal-liġi tal-baġit. Tali opinjoni għandha tiżgura li l-gwida politika tal-Unjoni fil-qasam baġitarju tkun adegwatament integrata fil-preparazzjonijiet baġitarji nazzjonali. Partikolarment, din l-opinjoni għandha tinkludi valutazzjoni dwar jekk il-pjanijiet baġitarji jindirizzawx adegwatament ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest tas-Simestru Ewropew fil-qasam baġitarju. Il-Kummissjoni għandha tkun lesta biex tippreżenta din l-opinjoni lill-Parlament tal-Istat Membru konċernat, fuq it-talba tiegħu. L-estent safejn din l-opinjoni tkun tqieset għandu jkun parti mill-valutazzjoni, jekk u meta jintlaħqu l-kondizzjonijiet, li twassal għad-deċiżjoni li l-Istat Membru konċernat jitpoġġa taħt proċedura tad-defiċit eċċessiv, fejn in-nuqqas ta’ segwitu tal-gwida bikrija mill-Kummissjoni jitqies bħala fattur aggravanti. Ukoll, abbażi tal-valutazzjoni kumplessiva tal-pjanijiet mill-Kummissjoni, il-Grupp tal-euro għandu jiddiskuti s-sitwazzjoni u l-prospetti baġitarji fiż-żona tal-euro.

(11) L-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro u li jkunu soġġetti għal proċedura ta’ defiċit eċċessiv għandhom jiġu mmonitorjati aktar mill-qrib biex tiġi żgurat korrezzjoni sħiħa u fil-ħin tad-defiċit eċċessiv. Monitoraġġ metikoluż għandu jiżgura l-korrezzjoni bikrija ta’ kwalunkwe devjazzjoni mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv. Tali monitoraġġ għandu jikkomplementa d-dispożizzjonijiet stabiliti fir-Regolament (KE) Nru 1467/97. Il-modalitajiet ta' dan il-monitoraġġ metikoluż għandu jkun iggradat skont l-istadju tal-proċedura li għalih ikun soġġett l-Istat Membru, kif previst fl-Artikolu 126 tat-Trattat.

(12) Il-monitoraġġ metikoluż għall-Istati Membri soġġetti għal proċedura ta’ defiċit eċċessiv għandu jippermetti l-identifikazzjoni tar-riskji f'konformità mal-iskadenza għal Stat Membru biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv. Fil-każ li jiġu identifikati tali riskji, il-Kummissjoni għandha toħroġ rakkomandazzjoni lill-Istat Membru biex jittieħdu miżuri f’perjodu partikolari li għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament tal-Istat Membru konċernat, fuq it-talba tagħha. Din il-valutazzjoni għandha tippermetti korrezzjoni rapida ta’ kwalunkwe żvilupp li joħloq riskju għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-iskadenza stabilita. Il-valutazzjoni tal-konformità ma' din ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni għandha tkun parti mill-valutazzjoni kontinwa mill-Kummissjoni tal-azzjoni effettiva biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv. Meta jiddeċiedi jekk ittiħditx azzjoni effettiva biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu wkoll jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq jekk l-Istat Membru kkonformax mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.

(13) Sabiex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, partikolarment il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u biex tiġi żgurata trasparenza akbar u r-responsabilità pubblika akbar, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' joffri l-opportunità lill-Istat Membru konċernat minn rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex jipparteċipa fi skambju ta’ opinjonijiet,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1 Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.           Dan ir-Regolament jistipula dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ imsaħħaħ tal-politiki baġitarji fiż-żona euro billi:

(a) jikkomplimenta s-Semestru Ewropew kif iddefinit fl-Artikolu 2a tar-Regolament (KE) 1466/97 b'kronoloġija baġitarja komuni;

(b) jikkumplimenta s-sistema ta' sorveljanza multilaterali tal-politiki baġitarji kif stabilit mir-Regolament (KE) Nru 1466/97 b'rekwiżiti ta’ monitoraġġ addizzjonali sabiex jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tal-Unjoni fil-qasam baġitarju jiġu integrati adegwatement fil-preparazzjonijiet baġitarji nazzjonali;

(c) jikkumplimenta l-proċedura tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri kif stabilit mill-Artikolu 126 tat-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 1467/97 b'monitoraġġ metikoluż tal-politiki baġitarji tal-Istati Membri taħt proċedura ta’ defiċit eċċessiv sabiex tiġi żgurata l-korrezzjoni sostenibbli u f'waqtha tad-defiċit eċċessiv.

2.           Dan ir-Regolament japplika għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

1.           Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(1) "kunsill fiskali indipendenti" tfisser korp mogħni b'awtonomija funzjonali vis à vis l-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru inkarigati mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-regoli fiskali nazzjonali;

(2) "previżjonijiet makroekonomiċi indipendenti" tfisser il-previżjonijiet makroekonomiċi u/jew baġitarji prodotti minn korp indipendenti jew korp mogħni b’awtonomija funzjonali vis à vis l-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru;

(3) "qafas baġitarju ta’ terminu medju" tfisser kif stipulat fil-punt e tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill [.../...];

(4) "programm ta' stabilità" tfisser kif stipulat fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97;

(5) "gvern" u "defiċit" ifissru kif stipulat fl-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv [defiċit eċċessiv] anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.           Għandha tapplika wkoll id-definizzjoni ta’ "amministrazzjoni pubblika" u ta’ "sottosetturi tal-amministrazzjoni pubblika" (general government) stipulati fil-punt 2.70 tal-Anness A għar-Regolament (KE) Nru 2223/96.

Kapitolu II

Dispożizzjonijiet Baġitarji Komuni

Artikolu 3 Kronoliġika Baġitarji Komuni

1.           L-Istati Membri għandhom jippubblikaw annwalment il-pjanijiet fiskali ta’ terminu medju tagħhom skont il-qafas baġitarju ta’ terminu medju bbażati fuq previżjoni makroekonomika indipendenti flimkien mal-Programmi ta’ Stabilità, sa mhux aktar tard mill-15 ta’ April.

2.           L-abbozzi tal-liġijiet tal-baġit tal-amministrazzjoni pubblika għandhom isiru pubbliċi kull sena mhux aktar tard mill-15 ta' Ottubru flimkien mal-previżjonijiet makroekonomiċi indipendenti li fuqhom ikunu bbażati.

3.           Il-liġijiet tal-baġit tal-amministrazzjoni pubblika għandhom jiġu adottati u pubblikati kull sena sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru.

Artikolu 4 Regoli dwar il-bilanċ baġitarju u l-kunsill fiskali indipendenti nazzjonali

1.           L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ regoli fiskali numeriċi dwar il-bilanċ baġitarju li jimplimentaw fil-proċessi baġitarji nazzjonali l-objettivi baġitarji ta’ terminu medju tagħhom kif iddefinit fl-Artikolu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Tali regoli għandhom ikopru l-amministrazzjoni pubblika fis-sħuħija tagħha u jkunu ta’ natura vinkolanti, preferibbilment kostituzzjonali.

2.           L-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ kunsill fiskali indipendenti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-regoli nazzjonali fiskali kif imsemmi fil-paragrafu 1.

Kapitolu III

Monitoraġġ u valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri

Artikolu 5 Rekwiżiti tal-monitoraġġ

1.           L-Istati Membri kull sena għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni u lill-Grupp tal-euro abbozz ta’ pjan baġitarju għas-sena sussegwenti sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ottubru.

2.           L-abbozz tal-pjan baġitarju għandu jsir pubbliku fl-istess waqt.

3.           L-abbozz tal-pjan baġitarju għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja għas-sena sussegwenti:

(a) il-bilanċ baġitarju mmirat għall-amministrazzjoni pubblika bħala persentaġġ tal-Prodott Domestiku Gross (PDG), iddettaljat skont is-sottosetturi tal-amministrazzjoni pubblika;

(b) il-projezzjonijiet abbażi ta’ ebda bdil fil-politiki għan-nefqa u d-dħul bħala persentaġġ tal-PDG tal-amministrazzjoni pubblikua u l-komponenti ewlenin tagħhom;

(c) in-nefqa u d-dħul fil-mira bħala persentaġġ tal-PDG għall-amministrazzjoni pubblika u l-komponenti ewlenin tagħhom, b'kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet u l-kriterji tal-istabiliment tal-perkors tat-tkabbir fin-nefqa netta minn kwalunkwe miżuri diskrezzjonarji fid-dħul skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97;

(d) deskrizzjoni dettaljata u kwantifikazzjoni ddokumentata sew tal-miżuri li għandhom jiġu inklużi fil-baġit għas-sena sussegwenti sabiex jixxejjen id-distakk bejn il-miri msemmija fil-punt (c) u projezzjonijiet abbażi ta' ebda bdil fil-politiki pprovduti skont il-punt (b). Id-deskrizzjoni tista' tkun inqas dettaljata għal miżuri b’impatt baġitarju stmat li jkun inqas minn 0.1 % tal-PDG. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-pjanijiet ewlenin ta’ riforma ta’ politika fiskali b'effetti sekondarji potenzjali għall-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom tkun l-euro;

(e) l-assunzjonijiet ewlenin dwar l-iżviluppi ekonomiċi mistennija u l-varjabbli ekonomiċi importanti li jkunu rilevanti għall-kisba tal-miri baġitarji. Dawn l-assunzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq previżjoni indipendenti tat-tkabbir makroekonomiku;

(f) fejn applikabbli, indikazzjonijiet addizzjonali dwar kif se jiġu ssodisfati r-rakkomandazzjonijiet eżistenti indirizzati lill-Istat Membru konċernat skont l-Artikolu 121 tat-Trattat fil-qasam baġitarju.

4.           Fejn il-miri baġitarji rrapportati fl-abbozz tal-pjan baġitarju skont il-punti (a) u (c) tal-paragrafu 3 jew il-projezzjonijiet abbażi ta’ ebda bdil fil-politiki jkunu differenti minn dawk tal-programm ta’ stabilità l-aktar reċenti, id-differenzi għandhom ikunu spjegati kif xieraq.

5.           Fejn tidentifika nonkonformità partikolarment gravi mal-obbligi ta’ politika baġitarja stipulati fil-Patt ta' Stabilità u Tkabbir, il-Kummissjoni għandha, fi żmien ġimagħtejn mid-data tas-sottomissjoni tal-abbozz tal-pjan baġitarju, titlob abbozz tal-pjan baġitarju rivedut mill-Istat Membru konċernat. Din it-talba għandha ssir pubblika.

Il-paragrafi 2 sa 4 għandhom japplikaw fil-każ ta’ abbozz ta’ pjan baġitarju rivedut.

6.           Il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-kontenut tal-abbozz tal-pjan baġitarju msemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 6

Valutazzjoni tal-abbozz tal-pjan baġitarju

1.           Il-Kummissjoni għandha, jekk neċessarju, tadotta opinjoni dwar l-abbozz tal-pjan baġitarju sat-30 ta’ Novembru.

2.           L-opinjoni tal-Kummissjoni għandha ssir pubblika u, fuq talba tal-Parlament tal-Istat Membru konċernat, għandha tiġi ppreżentat mill-Kummissjoni lill-Parlament konċernat.

3.           Il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni kumplessiva tas-sitwazzjoni u l-prospetti baġitarji fiż-żona tal-euro fis-sħuħija tagħha. Il-valutazzjoni għanda ssir pubblika.

4.           Il-Grupp tal-euro għandu jiddiskuti l-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet baġitarji nazzjonali u s-sitwazzjoni u l-prospetti baġitarji fiż-żona tal-eura fis-sħuħija tagħha abbażi tal-valutazzjoni kumplessiva magħmula mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3. Il-valutazzjoni għanda ssir pubblika.

Kapitolu IV

Żgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv

Artikolu 7 Monitoraġġ metikoluż tal-Istati Membri taħt proċedura tad-defiċit eċċessiv

1.           Meta l-Kunsill jiddeċiedi skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat li jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru, l-Istat Membru konċernat għandu jkun soġġett għall-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, sa kemm tiġi abbrogata l-proċedura tad-defiċit eċċessiv.

2.           L-Istat Membru soġġett għal monitoraġġ metikoluż għandu mingħajr dewmien, iwettaq valutazzjoni komprensiva tal-eżekuzzjoni baġitarja tas-sena kurrenti għall-amministrazzjoni pubblika u s-sottosetturi tagħha. Ir-riskji finanzjarji assoċjati mal-entitajiet b'sjieda tal-gvern u mal-kuntratti tal-gvern għandhom ukoll ikunu koperti mill-valutazzjoni sal-estent li dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Ir-riżultat ta' din il-valutazzjoni għandu jkun inkluż fir-rapport sottomess skont l-Artikolu 3(4a) jew 5(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar l-azzjoni meħuda sabiex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv.

3.           Stat Membru għandu jirrapporta regolarment lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jew kwalunkwe sottokumitat maħtur mill-KEF għal dak il-għan, dwar l-amministrazzjoni pubbliku u s-sottosetturi tagħha, l-eżekuzzjoni baġitarja fis-sena kurrenti, l-impatt baġitarju ta' miżuri diskrezzjonarji meħuda kemm fuq in-naħa tan-nefqa kif ukoll fuq in-naħa tad-dħul, il-miri tan-nefqa u d-dħul tal-gvern, kif ukoll informazzjoni dwar il-miżuri adottati u n-natura ta' dawk maħsuba sabiex jintlaħqu l-miri. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.

Il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-kontenut tar-rapport imsemmi f'dan il-paragrafu.

4.           Jekk l-Istat Membru konċernat ikun soġġett għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat, it-rapport skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi sottomess għall-ewwel darba 6 xhur wara r-rapport inizjali previst fl-Artikolu 3(4a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, u wara dan kull 6 xhur.

5.           Jekk l-Istat Membru konċernat ikun s-suġġett għal avviż mill-Kunsill skont l-Artikolu 126(9) tat-Trattat, ir-rapport skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun fih informazzjoni dwar l-azzjonijiet meħuda b'respons għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-Kunsill. Dan ir-rapport għandu jiġi sottomess għall-darba 3 xhur wara r-rapport inizjali previst fl-Artikolu 5(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, u wara fuq bażi trimestrali.

6.           Fuq talba u fl-iskadenza ffissata mill-Kummissjoni, l-Istat Membru soġġett għal monitoraġġ metikoluż għandu:

(a) jwettaq, u jirrapporta dwar, awditu indipendenti komprensiv tal-kontijiet tal-amministrazzjoni pubblika mwettaq b'kordinament mal-istituzzjonijiet supremi nazzjonali tal-awditjar, bil-għan li jiġu vvalutati l-affidabilità, il-kompletezza u l-akkuratezza ta’ dawn il-kontijiet pubbliċi għall-finijiet tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tivvaluta l-kwalità tad-dejta rrapportata mill-Istat Membru konċernat skont ir-Regolament (KE) Nru 679/2010[3];

(b) jipprovdi informazzjoni addizzjonali għall-finijiet ta’ monitoraġġ tal-progress lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

.

Artikolu 8 L-Istati Membri f'riskju ta' nonkonformità mal-obbligi tagħhom skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv fil-konfront tagħhom

1.           Meta jiġi vvalutat jekk il-konformità mal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, kif stabilita mir-rakkomandazzjoni kurrenti tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat jew l-avviż tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(9) tat-Trattat, tkun mhedda, il-Kummissjoni għandha wkoll tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq ir-rapporti sottomessi mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-Regolament.

2.           F’każ ta’ riskji ta’ nonkonformità mal-iskadenza biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv, il-Kummissjoni għandha tindirizza rakkomandazzjoni lill-Istat Membru konċernat għall-adozzjoni ta' miżuri ulterjuri bi skadenza konsistenti mal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tiegħu msemmija fil-paragrafu 1. Ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni għandha ssir pubblika, u, fuq talba tal-Parlament tal-Istat Membru konċernat, għandha tiġi ppreżentat mill-Kummissjoni lill-Parlament konċernat.

3.           Fiż-żmien stabilit mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar il-miżuri adottati b'respons għal din ir-rakkomandazzjoni flimkien mar-rapporti previst fl-Artikolu 7(3). Ir-rapport għandu jinkludi l-impatt baġitarju tal-miżuri diskrezzjonarji kollha meħuda, il-miri għan-nefqa u d-dħul tal-gvern, informazzjoni dwar il-miżuri adottati u n-natura ta' dawk maħsuba biex jinkisbu l-miri, kif ukoll informazzjoni dwar azzjonijiet oħra meħuda b'respons għar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.

4.           Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' joffri l-opportunità lill-Istat Membru konċernat minn rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 2 biex jipparteċipa fi skambu ta’ opinjonijiet skont l-Artikolu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

5.           Fuq il-bażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-Istat Membru jkunx konformi mar-rakkomandazzjonijiet magħmula skont il-paragrafu 2.

Artikolu 9 Impatt fuq il-proċedura tad-defiċit eċċessiv

1.           Għandu jitqies l-estent sa fejn l-Istat Membru konċernat ikun ikkunsidra l-opinjoni msemmija fl-Artikolu 6(1):

(a) mill-Kummissjoni meta tagħmel rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat u meta tirrakkomanda l-impożizzjoni ta' depożitu bla mgħax skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru XXX/2011;

(b) mill-Kunsill meta jiddeċiedi jekk jeżistix defiċit eċċessiv skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat.

2.           Il-monitoraġġ metikoluż stabiliti mill-Artikoli 7 u 8 ta' dan ir-Regolament għandu jkun parti integrali mill-monitoraġġ regolari, kif previst fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, tal-implimentazzjoni tal-azzjoni meħuda mill-Istat Membru konċernat b'respons għar-rakkomandazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat jew avviżi mogħtija skont l-Artikolu 126(9) tat-Trattat għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

3.           Meta jikkunsidra jekk itteħditx azzjoni effettiva b'respons għar-rakkomandazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat jew l-avviżi skont l-Artikolu 126(9) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tqis il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(5) f’dan ir-Regolament u tirrakkomanda, kif xieraq, lill-Kunsill deċiżjonijiet possibbli skont l-Artikolu 126(8) jew l-Artikolu 126(11) tat-Trattat.

Artikolu 10 Konsistenza mar-Regolament (UE) Nru XXX dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom fiż-żona tal-euro

L-Istati Membri soġġetti għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru XXX ma għandhomx ikunu soġġetti għall-Artikoli 5 u 7 ta’ dan ir-Regolament.

Kapitolu V

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 11 Rieżami

1.           Sa [l-istess data bħal fl-Artikolu 13 tar-Regolament dwar is-sanzjonijiet] u kull ħames snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Dak ir-rapport għandu jevalwa, fost affarijiet oħra:

(a) l-effikaċja ta' dan ir-Regolament;

(b) il-progress fl-iżgurar ta’ koordinazzjoni eqreb tal-politiki ekonomiċi u l-konverġenza kontinwa fil-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri skont it-Trattat.

2.           Fejn xieraq, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi akkumpanjat minn proposta għal emendi għal dan ir-Regolament.

3.           Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 12 Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.           Dan ir-Regolament għandu japplika għall-Istati Membri li jkunu diġà soġġetti għal proċedura ta' defiċit eċċessiv fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2.           B'deroga mill-paragrafu 1, l-Artikolu 7(2) m'għandhux japplika għall-Istati Membri li dwarhom il-Kunsill ikun iddeċieda diġà li azzjoni effettiva tkun ittieħdet skont l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

3.           L-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 4 sa mhux aktar tard minn [6 xhur wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament].

Artikolu 13 Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

[3]               ĠU L 198, 30.7.2010, p. 1.