52011PC0805

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti /* KUMM/2011/0805 finali - 2011/0383 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti tagħti s-setgħa lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna (DHS) sabiex jirrikjedi li kull trasportatur tal-ajru li jopera titjiriet tal-passiġġieri lejn u mill-Istati Uniti jipprovdilu aċċess elettroniku għad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) qabel ma l-passiġġier jasal l-Istati Uniti jew jitlaq minnhom. Ir-rekwiżiti tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti huma bbażati fuq it-titolu 49 tal-Kodiċi tal-Istati Uniti, it-taqsima 44909c (3) u fuq ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni tiegħu (it-titolu 19 tal-Kodiċi tar-regolamenti federali, it-taqsima 122.49b).

Din il-leġiżlazzjoni timmira li tikseb id-dejta tal-PNR b’mod elettroniku qabel il-wasla ta’ titjira u b’hekk iżżid b’mod sinifikanti l-abbiltà tad-DHS li jwettaq valutazzjoni tar-riskju effiċjenti u effettiva minn qabel tal-passiġġieri u li jiffaċilita l-ivvjaġġar bona fide, biex b’hekk titjieb is-sigurtà tal-Istati Uniti. Il-Ftehim se jinkoraġġixxi wkoll il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fil-livell internazzjonali permezz tat-trasferiment ta' informazzjoni analitika li tirriżulta mid-dejta tal-PRN mill-Istati Unit għal għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif ukoll għal għand l-Europol u l-Eurojust fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Il-PNR huwa reġistrazzjoni tar-rekwiżiti tal-ivvjaġġar ta’ kull passiġġier li tinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja li tippermetti li l-prenotazzjonijiet jiġu pproċessati u kkontrollati mit-trasportaturi tal-ajru.

It-trasportaturi tal-ajru huma obbligati li jipprovdu lid-DHS aċċess għal ċerta dejta tal-PNR inkluża fis-sistemi awtomatizzati tal-prenotazzjoni u tal-kontroll tat-tluq tat-trasportatur tal-ajru.

Il-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta ma jippermettux li trasportaturi tal-ajru Ewropej u oħrajn li joperaw titjiriet mill-UE jittrażmettu d-dejta tal-PNR tal-passiġġieri tagħhom lil pajjiżi terzi li ma jiżgurawx livell adegwat ta’ protezzjoni tad-dejta personali mingħajr il-preżentazzjoni ta’ salvagwardji xierqa. Hija meħtieġa soluzzjoni li tipprovdi l-bażi legali għat-trasferiment tad-dejta tal-PNR mill-UE lejn l-Istati Uniti bħala rikonoxximent tan-neċessità u l-importanza tal-użu tad-dejta tal-PNR fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra, filwaqt li tiġi evitata l-inċertezza legali għat-trasportaturi tal-ajru. Barra minn hekk, din is-soluzzjoni għandha tiġi applikata b’mod omoġenju madwar l-Unjoni Ewropea kollha sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza legali għat-trasportaturi tal-ajru u r-rispett tad-drittijiet tal-individwi għall-protezzjoni tad-dejta personali kif ukoll is-sigurtà fiżika tagħhom.

Fl-2007 l-Unjoni Ewropea ffirmat ftehim mal-Istati Uniti dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-dejta tal-PNR, ibbażat fuq sett ta’ impenji mid-DHS fir-rigward tal-applikazzjoni tal-programm tal-PNR tagħha[1].

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u waqt l-istennija tal-konklużjoni tal-ftehim, il-Kunsill bagħat il-Ftehim tal-2007 mal–Istati Uniti lill-Parlament Ewropew biex jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni. Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni[2] li biha ddeċieda li jipposponi l-votazzjoni tiegħu dwar it-talba għall-approvazzjoni u talab li jkun hemm negozjar mill-ġdid tal-Ftehim abbażi ta' ċerti kriterji. Sakemm isir dan in-negozjar mill-ġdid, il-Ftehim tal-2007 jibqa’ applikabbli provviżorjament.

Fil-21 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill irċieva rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni biex jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għal Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika għall-użu u t-trasferiment ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) biex jipprevjeni u jiġġieled it-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra.

Fil-11 ta’ Novembru 2010, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar ir-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati.

Fit-2 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta Deċiżjoni, flimkien ma’ direttiva ta’ negozjar, li tawtorizza l-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea. B'riżultat ta' dawn in-negozjati bejn il-Partijiet, il-Ftehim ġie inizjalat fis-17 ta' Novembru 2011.

Dan il-Ftehim jieħu inkonsiderazzjoni l-kriterji ġenerali stabbiliti fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Approċċ Globali għat-trasferiment ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lejn pajjiżi terzi[3] u d-direttivi ta’ negozjar mogħtija mill-Kunsill, u huwa konsistenti magħhom.

Il-PNR wera li huwa għodda importanti ħafna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità serja. Il-Ftehim assigura diversi salvagwardji importanti għal dawk li d-dejta tagħhom ser tiġi trasferita u użata. B'mod partikolari, l-għan tal-ipproċessar tad-dejta tal-PNR hija strettament limitata għall-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità transnazzjonali serja. Il-perjodu taż-żamma tad-dejta tal-PNR huwa limitat u l-PNR ser jiġi użat għal perjodu iqsar fil-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali serja u għal perjodu itwal kontra t-terroriżmu. Barra minn hekk, id-dejta għandha tiġi spersonalizzata wara perjodu ta' sitt xhur. L-individwi huma pprovduti bid-dritt għall-aċċess, il-korrezzjoni, ir-rimedjar u l-informazzjoni. Il-metodu ‘push’ ta' trasferiment huwa rikonoxxut bħala l-mod standard ta’ trasferiment, li t-trasportaturi tal-ajru kollha se jkunu mitluba li jsegwu fi żmien sentejn mill-Ftehim. Dejta sensittiva għandha tintuża f'każijiet verament eċċezzjonali u mħassra wara żmien qasir ħafna. Il-konformità ma’ dawn ir-regoli tkun soġġetta għal reviżjoni indipendenti u kkontrollata minn diversi Uffiċjali tal-Privatezza tad-Dipartiment, kif ukoll mill-Uffiċċju tad-DHS tal-Ispettur Ġenerali, l-Uffiċċju tar-Responsabbiltà Governattiva u l-Kungress tal-Istati. Uniti.

L-Artikolu 218 (5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Kunsill jawtorizza l-iffirmar ta’ ftehimiet internazzjonali.

Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi lill-Kunsill li jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-użu u t-trasferiment tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti.

2011/0383 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 82 (1) (d) u 87 (2) (a), flimkien mal-Artikolu 218 (5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Fit-2 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta Deċiżjoni, flimkien ma’ direttivi ta’ negozjar, li awtorizzaw lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati f'isem l-Unjoni Ewropea bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika għat-trasferiment u l-użu tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra.

(2)       Il-Ftehim ġie negozjat. In-negozjati ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-ftehim.

(3)       Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(4)       Dan il-Ftehim jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, partikolarment id-dritt għall-ħajja privata u familjari, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta u d-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust rikonoxxut mill-Artikolu 47 tal-Karta. Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet u prinċipji.

(5)       [Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward taż-żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.]

(6)       Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u la hi marbuta bil-Ftehim u lanqas hi suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti huwa hawnhekk approvat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

It-test tal-Ftehim li għandu jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Il-Kummissjoni hija awtorizzata li taħtar il-persuni li jkollhom is-setgħa li jipproċedu bl-iffirmar tad-Deċiżjoni, soġġett għall-konklużjoni tagħha.

Artikolu 2

Id-Dikjarazzjoni mill-UE dwar il-Ftehim dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti ("Il-Ftehim") rigward l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 17 u 23 tal-Ftehim hija hawnhekk approvata.

It-test tad-Dikjarazzjoni huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS I

FTEHIM BEJN L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA U L-UNJONI EWROPEA DWAR L-UŻU U T-TRASFERIMENT TAR-REĠISTRI TAL-ISMIJIET TAL-PASSIĠĠIERI LID-DIPARTIMENT TAS-SIGURTÀ INTERNA TAL-ISTATI UNITI

L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA

kif ukoll

L-UNJONI EWROPEA,

Minn hawn 'il quddiem imsejħa bħala “il-Partijiet,”

FILWAQT LI JIXTIEQU li jipprevjenu u jiġġieldu t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja b'mod effettiv bħala mezz ta' protezzjoni tas-soċjetajiet demokratiċi rispettivi tagħhom u l-valuri komuni;

WAQT LI JFITTXU li jsaħħu u jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fi spirtu ta' sħubija transatlantika;

JIRRIKONOXXU d-dritt u r-responsabbiltà tal-istati li jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini tagħhom u jipproteġu l-fruntieri tagħhom u konxji tar-responsabbiltà tan-nazzjonijiet kollha li jipproteġu l-ħajja u s-sikurezza tal-pubbliku inklużi dawk li jużaw is-sistemi ta’ trasport internazzjonali;

KONVINTI li l-qsim tal-informazzjoni huwa komponent essenzjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja u li f'dan il-kuntest, l-ipproċessar u l-użu ta’ Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) huwa għodda neċessarja li tipprovdi informazzjoni li ma tistax tinkiseb b'mezzi oħra;

DETERMINATI li jipprevjenu u jiġġieldu r-reati terroristiċi u l-kriminalità transnazzjonali, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u jirrikonoxxu l-importanza tal-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta u l-informazzjoni personali;

WARA LI KKUNSIDRAW l-istrumenti internazzjonali, l-istatuti u r-regolamenti tal-Istati Uniti li jeħtieġu li kull trasportatur tal-ajru li jopera titjiriet tal-passiġġieri fit-trasport bl-ajru barrani lejn jew mill-Istati Uniti jagħmel il-PNR disponibbli lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna (DHS) sal-punt li jiġu miġbura u jinżammu fis-sistemi awtomatizzati tal-prenotazzjoni/kontroll tat-tluq tat-trasportatur tal-ajru, u r-rekwiżiti paragunabbli li huma jew jistgħu jiġu implimentati fl-UE;

FILWAQT LI JINNUTAW li d-DHS jipproċessa u juża l-PNR għall-għan ta’ prevenzjoni, kxif, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u l-kriminalità transnazzjonali f’konformità ma’ salvagwardji dwar il-privatezza u l-protezzjoni ta’ dejta u l-informazzjoni personali, kif stabbilit f'dan il-Ftehim;

JENFASIZZAW l-importanza tal-qsim tal-PNR u l-informazzjoni analitika rilevanti u xierqa miksuba mill-PNR mill-Istati Uniti mal-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membri, u l-Europol jew l-Eurojust bħala mezz biex tittrawwem il-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja.

JIRRIKONOXXU t-tradizzjonijiet antiki taż-żewġ Partijiet ta’ rispett għall-privatezza individwali, kif rifless fil-liġijiet tagħhom u d-dokumenti fundaturi;

KONXJI mill-impenji tal-UE skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, id-dritt għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali kif stipulat fl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u neċessità dwar id-dritt għall-ħajja privata u familjari, ir-rispett għall-privatezza, u l-protezzjoni ta’ dejta personali skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Nru. 108 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Dejta Personali u l-Protokoll addizzjonali tagħha 181, u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

KONXJI li d-DHS attwalment jimpjega proċessi b'saħħithom biex jipproteġi l-privatezza personali u jiżgura l-integrità tad-dejta, inkluż is-sigurtà fiżika, il-kontrolli tal-aċċess, is-separazzjoni u l-enkriptjar tad-dejta, kapaċitajiet ta' verifika u miżuri ta’ responsabbiltà effettivi;

JIRRIKONOXXU l-importanza li tiġi żgurata l-kwalità, l-eżattezza, l-integrità, u s-sigurtà tad-dejta, u li jistabbilixxu responsabbiltà xierqa biex jiżguraw li dawn il-prinċipji jiġu osservati;

JINNOTAW b'mod partikolari l-prinċipju tat-trasparenza u l-mezzi varji li bihom l-Istati Uniti tiżgura li l-passiġġieri li l-PNR tagħhom jiġi miġbur mid-DHS ikunu mgħarrfa mill-ħtieġa għal u l-użu tal-PNR tagħhom;

JIRRIKONOXXU AKTAR li l-ġbir u l-analiżi tal-PNR huwa meħtieġ għad-DHS sabiex iwettaq il-missjoni tiegħu ta’ sigurtà tal-fruntieri, filwaqt li jiġi żgurat li l-ġbir u l-użu tal-PNR jibqa’ rilevanti u neċessarju għall-għanijiet li għalih ikun inġabar;

JIRRIKONOXXU li, b’konsiderazzjoni ta’ dan il-Ftehim u l-implimentazzjoni tiegħu, id-DHS ikun meqjus bħala li jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-dejta għall-ipproċessar u l-użu ta’ PNR trasferiti lid-DHS;

KONXJI li l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea huma impenjati li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni għall-informazzjoni persunali filwaqt li jiġġieldu kontra l-kriminalità u t-terroriżmu, u huma ddeterminati li jilħqu, bla dewmien, ftehim sabiex jipproteġu l-informazzjoni persunali skambjata fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu b'manjiera komprensiva li ser tmexxi l-miri komuni tagħna 'l quddiem;

JIRRIKONOXXU r-Reviżjonijiet Konġunti b'suċċess fl-2005 u l-2010 tal-Ftehimiet tal-2004 u l-2007 bejn il-Partijiet dwar it-trasferiment tal-PNR;

JINNUTAW l-interess tal-partijiet, kif ukoll tal-Istati Membri tal-UE, fl-iskambju tal-informazzjoni fir-rigward tal-metodu ta' trażmissjoni tal-PNR kif ukoll it-trasferiment 'il quddiem tal-PNR kif spjegat fl-artikoli relevanti ta' dan il-Ftehim, u filwaqt li jinnutaw ukoll l-interess tal-UE fl-indirizzar ta' dan fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' konsultazzjoni u reviżjoni spjegat f'dan il-Ftehim;

WAQT LI JAFFERMAW li dan il-Ftehim ma jikkostitwix preċedent għal kwalunkwe arranġament ġejjieni bejn il-Partijiet, jew bejn xi waħda mill-Partijiet u kull parti oħra, rigward l-ipproċessar, l-użu, jew it-trasferiment tal-PNR jew kwalunkwe forma oħra ta' dejta, jew dwar il-protezzjoni tad-dejta;

JIRRIKONOXXU l-prinċipji relatati ta’ proporzjonalità kif ukoll ir-rilevanza u n-neċessità li jiggwidaw dan il-Ftehim u l-implimentazzjoni tiegħu mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti; kif ukoll

WARA LI KKUNSIDRAW il-possibbiltà li l-Partijiet jiddiskutu ulterjorment it-trasferiment ta’ dejta tal-PNR fil-modalità marittima;

HAWNHEKK JAQBLU:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 1

Għan

1. L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li jiżgura s-sigurtà u jipproteġi l-ħajja u s-sigurtà tal-pubbliku.

2. Għal dan il-għan, dan il-Ftehim jistabbilixxi r-responsabbiltajiet tal-Partijiet fir-rigward tal-kondizzjonijiet li taħthom il-PNR jista’ jiġi trasferit, ipproċessat u użat, u protett.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1. PNR, kif stabbilit fil-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili, ifisser ir-reġistrazzjoni maħluqa minn trasportaturi tal-ajru jew l-aġenti awtorizzati tagħhom għal kull vjaġġ ipprenotat minn kwalunkwe passiġġier, jew f'ismu, u inkluża f’sistemi ta’ prenotazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru, is-sistemi ta’ kontroll tat-tluq, jew sistemi ekwivalenti li jipprovdu funzjonalità simili (kollettivament imsemmija f'dan il-Ftehim bħala sistemi ta’ prenotazzjoni). Speċifikament, kif użat f’dan il-Ftehim, il-PNR jikkonsisti mit-tipi ta’ dejta stabbiliti fl-anness ta' ma' dan il-Ftehim.

2. Dan il-Ftehim japplika għat-trasportaturi tal-ajru li joperaw titjiriet tal-passiġġieri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti.

3. Dan il-Ftehim japplika wkoll għat-trasportaturi tal-ajru inkorporati jew li jaħżnu d-dejta fl-Unjoni Ewropea u li joperaw titjiriet tal-passiġġieri lejn jew mill-Istati Uniti.

Artikolu 3

Provvista ta’ PNR

Il-Partijiet jaqblu li t-trasportaturi tal-ajru jipprovdu l-PNR inkluż fis-sistemi ta’ prenotazzjoni tagħhom lid-DHS kif meħtieġ minn u skont l-istandards tad-DHS u b’mod konsistenti ma’ dan il-Ftehim. Jekk il-PNR trasferit mit-trasportaturi tal-ajru jkun jinkludi dejta oħra aktar minn dik elenkata fl-anness ta' ma' dan il-Ftehim, id-DHS iħassar dejta bħal din hekk kif jirċiviha.

Artikolu 4

Użu tal-PNR

1. L-Istati Uniti tiġbor, tuża u tipproċessa l-PNR għall-skopijiet ta’ prevenzjoni, kxif, investigazzjoni, u prosekuzzjoni:

(a) Reati terroristiċi u reati relatati, inklużi

i.        Imġiba li –

1.       tinvolvi att vjolenti jew att perikoluż għall-ħajja umana, il-proprjetà, jew l-infrastruttura; kif ukoll

2.       tidher li hi intiża biex –

a.       tintimida jew tisforza popolazzjoni ċivili;

b.       tinfluwenza l-politika ta’ gvern permezz ta’ intimidazzjoni jew sforzar; jew

c.       taffettwa l-komportament ta’ gvern permezz ta’ qerda tal-massa, qtil, ħtif, jew teħid ta' ostaġġi.

ii.       Attivitajiet li jikkostitwixxu reat fl-ambitu ta’ u kif definit f’konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli u l-protokolli dwar it-terroriżmu;

iii.      Il-provvista jew il-ġbir ta’ fondi, bi kwalunkwe mezz, direttament jew indirettament, bl-intenzjoni li għandhom jintużaw jew bil-konoxxenza li għandhom jintużaw, b’mod sħiħ jew parzjali, sabiex jitwettaq kwalunkwe mill-atti deskritti fis-subparagrafi (i) jew (ii);

iv.      It-tentattiv li jitwettaq kwalunkwe mill-atti deskritti fis-subparagrafi (i), (ii), jew (iii);

v.       Il-parteċipazzjoni bħala kompliċi fil-kummissjoni ta’ kwalunkwe mill-atti deskritti fis-subparagrafi (i), (ii), jew (iii);

vi.      L-organizzazzjoni jew id-direzzjoni ta’ oħrajn biex jikkommettu kwalunkwe mill-atti deskritti fis-subparagrafi (i), (ii), jew (iii);

vii.     Il-kontribuzzjoni b'xi mod ieħor għall-kummissjoni ta' kwalunkwe mill-atti deskritti fis-subparagrafi (i), (ii), jew (iii);

viii.     It-theddid li jitwettaq att deskritt fis-subparagrafu (i) taħt ċirkostanzi li jindikaw li t-theddida hija kredibbli;

(b) Reati oħra li huma kkastigati b'sentenza ta' priġunerija ta' tliet snin jew aktar u li huma ta' natura transnazzjonali.

Reat huwa meqjus bħala transnazzjonali fin-natura b’mod partikolari jekk:

i.        Jitwettaq f’aktar minn pajjiż wieħed;

ii.       Jitwettaq f'pajjiż wieħed iżda parti sostanzjali tal-preparazzjoni, tal-ippjanar, id-direzzjoni jew il-kontroll tiegħu jseħħu f'pajjiż ieħor;

iii.      Jitwettaq f'pajjiż wieħed iżda jinvolvi grupp kriminali organizzat li jwettaq attivitajiet kriminali f'aktar minn pajjiż wieħed;

iv.      Jitwettaq f'pajjiż wieħed iżda għandu effetti sostanzjali f'pajjiż ieħor; jew

v.       Jitwettaq f'pajjiż wieħed u min iwettaq ir-reat qiegħed jivvjaġġa jew għandu l-intenzjoni li jivvjaġġa lejn pajjiż ieħor.

2. Il-PNR jista’ jintuża u jiġi pproċessat abbażi ta’ każ b’każ fejn ikun meħtieġ fid-dawl ta' theddida serja u għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali ta’ kwalunkwe individwu jew jekk ikun ordnat minn xi qorti.

3. Il-PNR jista' jiġi użat u pproċessat mid-DHS sabiex jidentifika persuni li jistgħu jkunu soġġetti għal mistoqsijiet jew eżami ddetaljati mal-wasla fl-Istati Uniti jew meta jkunu se jitilqu, jew li forsi jkunu jeħtieġu li jiġu eżami aktar.

4. Il-paragrafi 1, 2, u 3 ta’ dan l-Artikolu jkunu bla ħsara għall-infurzar tal-liġi domestika, is-setgħat ġudizzjarji, jew il-proċedimenti, fejn ikun ġie skopert ksur ieħor tal-liġi jew indikazzjonijiet tagħhom matul l-użu u l-ipproċessar tal-PNR.

KAPITOLU II

Salvagwardji Applikabbli għall-Użu tal-PNR

Artikolu 5

Sigurtà tad-Dejta

1. Id-DHS jiżgura li miżuri tekniċi xierqa u arranġamenti organizzattivi jiġu implimentati biex jipproteġu d-dejta personali u informazzjoni personali li tinsab fil-PNR kontra qerda aċċidentali, illegali jew mhux awtorizzata, telf, żvelar, alterazzjonijiet, aċċess, ipproċessar jew użu.

2. Id-DHS jagħmel użu xieraq tat-teknoloġija biex jiżgura l-protezzjoni tad-dejta, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-integrità. B’mod partikolari, id-DHS jiżgura li:

(a) il-proċeduri ta’ enkriptjar, awtorizzazzjoni u dokumentazzjoni rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti jiġu applikati. B’mod partikolari, l-aċċess għall-PNR ikun assigurat u limitat għal uffiċjali speċifikament awtorizzati;

(b) Il-PNR jinżamm f'ambjent fiżiku sikur u protett b’kontrolli kontra dħul mhux awtorizzat fiżiku; kif ukoll

(c) jeżisti mekkaniżmu li jiżgura li investigazzjonijiet dwar il-PNR jitwettqu b’mod konsistenti mal-Artikolu 4.

3. Fil-każ ta’ inċident relatat mal-privatezza (inkluż aċċess mhux awtorizzat jew żvelar), id-DHS jieħu miżuri raġjonevoli sabiex jinnotifika l-individwi affettwati kif xieraq, biex jitnaqqas ir-riskju ta’ ħsara ta’ żvelar mhux awtorizzat ta’ dejta personali u informazzjoni, u biex jiftaħ miżuri ta’ rimedju li huma teknikament prattikabbli kemm jista' jkun.

4. Fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim, id-DHS jinforma mingħajr dewmien lill-awtoritajiet Ewropej rilevanti dwar każijiet ta’ inċidenti sinifikanti relatati mal-privatezza li jinvolvu l-PNR ta’ ċittadini jew residenti tal-UE li jirriżultaw mill-qerda aċċidentali jew illegali jew telf aċċidentali, alterazzjoni, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, jew kwalunkwe forma llegali ta' pproċessar jew użu.

5. L-Istati Uniti tikkonferma li miżuri effettivi ta’ infurzar amministrattiv, ċivili u kriminali huma disponibbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti għal inċidenti dwar il-privatezza. Id-DHS jista’ jieħu azzjoni dixxiplinari kif xieraq kontra persuni responsabbli għal kwalunkwe inċident dwar il-privatezza li tinkludi ċaħda ta’ aċċess għas-sistema, twissijiet formali, sospensjoni, demozzjoni jew tneħħija minn dmir.

6. Kull aċċess għall-PNR, kif ukoll l-ipproċessar u l-użu tiegħu, jkun irreġistrat jew dokumentat mid-DHS. Ir-reġistrazzjonijiet jew dokumentazzjoni jintużaw biss għall-finijiet ta’ sorveljanza, verifika, u manutenzjoni tas-sistema jew kif meħtieġ mod ieħor bil-liġi.

Artikolu 6

Dejta Sensittiva

1. Sal-punt li l-PNR ta’ passiġġier kif ikun miġbur jinkludi dejta sensittiva (jiġifieri, dejta personali u informazzjoni li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija fit-trejdunjins, jew dejta dwar is-saħħa u l-ħajja sesswali tal-individwu), id-DHS juża sistemi awtomatizzati għall-filtrazzjoni u l-protezzjoni ta’ dejta sensittiva mill-PNR. Barra minn hekk, id-DHS ma jipproċessax b’mod ulterjuri jew juża tali dejta, ħlief skont il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2. Id-DHS jipprovdi lill-Kummissjoni Ewropea fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim lista ta' kodiċi u termini li jidentifikaw dejta sensittiva li għandha tiġi ffiltrata.

3. L-aċċess għal dejta sensittiva, kif ukoll l-ipproċessar u l-użu tagħha, ikunu permessi f’ċirkostanzi eċċezzjonali fejn il-ħajja ta’ individwu tista’ tkun ipperikolata jew indebolita serjament. Tali dejta tista’ tiġi aċċessata esklussivament bl-użu ta’ proċessi restrittivi abbażi ta’ każ b’każ bl-approvazzjoni ta’ maniġer anzjan tad-DHS.

4. Dejta sensittiva tiġi mħassra b’mod permanenti mhux aktar tard minn 30 jum mill-aħħar irċevuta tal-PNR li jinkludi tali dejta mid-DHS. Madankollu, dejta sensittiva tista’ tinżamm għaż-żmien speċifikat f’liġi tal-Istati Uniti għall-għan ta’ azzjoni speċifika ta’ investigazzjoni, prosekuzzjoni jew infurzar.

Artikolu 7

Deċiżjonijiet Individwali Awtomatizzati

L-Istati Uniti ma tiħux deċiżjonijiet li jipproduċu azzjonijiet negattivi sinifikanti li jaffettwaw l-interessi legali ta’ individwi abbażi biss ta’ proċessar u użu awtomatizzat tal-PNR.

Artikolu 8

Żamma ta’ Dejta

1. Id-DHS iżomm il-PNR f’bażi ta' dejta attiva għal mhux aktar minn ħames snin. Wara l-ewwel sitt xhur ta’ dan il-perjodu, il-PNR jiġi spersonalizzat u protett skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Sakemm ma jkunx permess b’dan il-Ftehim, l-aċċess għal din il-bażi ta' dejta attiva jkun ristrett għal numru limitat ta’ uffiċjali awtorizzati speċifikament.

2. Sabiex isseħħ l-ispersonalizzazzjoni, titneħħa informazzjoni identifikabbli personalment tat-tipi ta' dejta tal-PNR li ġejjin:

(a) isem/ismijiet;

(b) ismijiet oħra fuq il-PNR;

(c) l-informazzjoni kollha disponibbli dwar kuntatti (inkluża informazzjoni dwar l-oriġinatur);

(d) Rimarki Ġenerali, inkluż informazzjoni supplimentari oħra (OSI), informazzjoni ta’ servizz speċjali (SSI), u talba għal servizz speċjali (SSR); kif ukoll

(e) kwalunkwe informazzjoni APIS miġbura.

3. Wara dan il-perjodu attiv, il-PNR jiġi trasferit lejn bażi ta' dejta inattiva għal perjodu ta’ mhux aktar minn għaxar snin. Din il-bażi ta' dejta inattiva tkun soġġetta għal kontrolli addizzjonali, inkluż numru aktar ristrett ta' persunal awtorizzat, kif ukoll livell ogħla ta’ approvazzjoni superviżorja meħtieġa qabel l-aċċess. F'din il-bażi ta' dejta inattiva, il-PNR ma jkunx personalizzat mill-ġdid minbarra b’konnessjoni ma’ operazzjonijiet ta’ infurzar tal-liġi u mbagħad f'konnessjoni biss ma’ każ, theddida jew riskju identifikabbli. Fir-rigward tal-għanjiet hekk kif stabbiliti fl-Artikolu 4, il-paragrafu (1)(b), il-PNR ta' din il-bażi ta' dejta inattiva jista' jiġi ppersonalizzat mill-ġdid biss għal perjodu ta' mhux aktar minn ħames snin.

4. Wara l-perjodu ta’ inattività, id-dejta miżmuma għandha tiġi totalment anonimizzata billi jitħassru t-tipi kollha ta-dejta li jistgħu jservu sabiex jidentifikaw lill-passiġġier li l-PNR ikun jirrelata miegħu mingħajr il-possibbiltà ta’ personalizzazzjoni mill-ġdid.

5. Id-dejta li hija relatata ma’ każ jew investigazzjoni speċifika tista’ tinżamm f'bażi ta' dejta attiva ta’ PNR sakemm il-każ jew l-investigazzjoni jiġu arkivjati. Dan il-paragrafu huwa mingħajr ħsara għal rekwiżiti taż-żamma tad-dejta għall-fajls ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni individwali.

6. Il-Partijiet jaqblu li, fil-qafas tal-evalwazzjoni kif previst fl-Artikolu 23, il-paragrafu 1, il-ħtieġa ta' perjodu inattiv ta’ 10 snin li matulhom tinżamm id-dejta ser tiġi kkunsidrata.

Artikolu 9

Nondiskriminazzjoni

L-Istati Uniti jiżguraw li s-salvagwardji applikabbli għall-ipproċessar u l-użu tal-PNR taħt dan il-Ftehim japplikaw għall-passiġġieri kollha fuq bażi ugwali mingħajr diskriminazzjoni illegali.

Artikolu 10

Trasparenza

1. Id-DHS jipprovdi informazzjoni lill-pubbliku li jivvjaġġa dwar l-użu u l-ipproċessar tal-PNR permezz ta’:

(a) pubblikazzjonijiet fir-Reġistru Federali;

(b) pubblikazzjonijiet fuq il-websajt tiegħu;

(c) avviżi li jistgħu jiġu inkorporati mit-trasportaturi tal-ajru fil-kuntratti ta' trasport;

(d) rapportar meħtieġ statutorjament lill-Kungress; kif ukoll

(e) miżuri oħra xierqa li jistgħu jiżviluppaw.

2. Id-DHS jippubblika u jipprovdi lill-UE għall-pubblikazzjoni possibbli l-proċeduri u l-modalitajiet tiegħu dwar l-aċċess, il-korrezzjoni jew ir-rettifika, u l-proċeduri ta’ rimedju.

3. Il-Partijiet jaħdmu mal-industrija tal-avjazzjoni biex jinkoraġġixxu viżibilità akbar għall-passiġġieri meta ssir il-prenotazzjoni dwar l-iskop tal-ġbir, l-ipproċessar u l-użu tal-PNR mid-DHS, u dwar kif issir talba għall-aċċess, il-korrezzjoni u r-rimedju.

Artikolu 11

Aċċess għall-Individwi

1. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, kull individwu, irrispettivament min-nazzjonalità, pajjiż ta’ oriġini, jew il-post ta' residenza huwa intitolat li jitlob il-PNR tiegħu jew tagħha mid-DHS. Id-DHS jipprovdi b’mod f’waqtu tali PNR soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

2. L-iżvelar tal-informazzjoni inkluża fil-PNR jista’ jkun soġġett għal limitazzjonijiet legali raġjonevoli, applikabbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti, inkluż kull limitazzjoni bħal din li tista’ tkun meħtieġa biex tkun salvagwardjata informazzjoni sensittiva dwar privatezza protetta, sigurtà nazzjonali, u infurzar tal-liġi.

3. Kwalunkwe ċaħda jew restrizzjoni tal-aċċess tkun stabbilita bil-miktub u pprovduta f'ħin f'waqtu lill-individwu li jkun talabha. Tali notifika tkun tinkludi l-bażi legali li fuqha l-informazzjoni ġiet miżmuma u għandha tinforma lill-individwu dwar l-għażliet disponibbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti biex ifittex rimedju.

4. Id-DHS ma jiżvelax il-PNR lill-pubbliku, għajr lill-individwu li l-PNR tiegħu ikun ġie pproċessat u użat jew lir-rappreżentant tiegħu jew tagħha, jew kif mitlub mil-liġi tal-Istati Uniti.

Artikolu 12

Korrezzjoni jew Rettifika għall-Individwi

1. Kull individwu, irrispettivament min-nazzjonalità, il-pajjiż ta’ oriġini, jew il-post ta’ residenza jista’ jitlob il-korrezzjoni jew ir-rettifika, inkluż il-possibbiltà ta’ tħassir jew imblukkar, tal-PNR tiegħu jew tagħha mid-DHS skont il-proċessi deskritti f’dan il-Ftehim.

2. Id-DHS jinforma, bla dewmien żejjed, lill-individwu li għamel talba bil-miktub bid-deċiżjoni tiegħu jekk għandux jikkoreġi jew jirrettifika l-PNR inkwistjoni.

3. Kwalunkwe ċaħda jew restrizzjoni ta’ korrezzjoni jew rettifika titniżżel bil-miktub u tiġi pprovduta f'ħin f'waqtu lill-individwu li jkun għamel it-talba. Tali notifika tkun tinkludi l-bażi legali ta’ ċaħda jew restrizzjoni bħal din u għandha tinforma lill-individwu bl-għażliet disponibbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti biex ifittex rimedju.

Artikolu 13

Rimedju għall-Individwi

1. Kwalunkwe individwu irrispettivament min-nazzjonalità, il-pajjiż ta' oriġini, jew il-post ta’ residenza tiegħu li d-dejta personali u l-informazzjoni personali tiegħu ġiet proċessata u użata b’mod inkonsistenti ma’ dan il-Ftehim jista’ jfittex rimedju amministrattiv u ġudizzjarju skont il-liġi tal-Istati Uniti.

2. Kwalunkwe individwu huwa intitolat li jfittex li amministrattivament jisfida d-deċiżjonijiet tad-DHS relatati mal-użu u l-ipproċessar tal-PNR.

3. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Amministrattiva u liġi applikabbli oħra, kwalunkwe individwu huwa intitolat għal petizzjoni għal reviżjoni ġudizzjarja fil-qorti federali tal-Istati Uniti fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni tal-aġenzija finali mid-DHS. Barra minn hekk, kwalunkwe individwu huwa intitolat għal petizzjoni għal reviżjoni ġudizzjarja skont il-liġi applikabbli u d-dispożizzjonijiet rilevanti ta':

(a) l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni;

(b) l-Att dwar il-Frodi u l-Abbuż tal-Kompjuter;

(c) l-Att dwar il-Privatezza tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi; kif ukoll

(d) dispożizzjonijiet applikabbli oħra tal-liġi tal-Istati Uniti.

4. B’mod partikolari, id-DHS jipprovdi lill-individwi kollha mezz amministrattiv (attwalment il-Programm ta’ Inkjesta u Rimedju tal-Vjaġġatur DHS (DHS TRIP)) biex isolvi inkjesti relatati mal-ivvjaġġar inklużi dawk relatati mal-użu tal-PNR. Id-DHS TRIP jipprovdi proċess ta’ rimedju għall-individwi li jemmnu li sofrew dewmien jew li ġew ipprojbiti milli jitilgħu abbord ajruplan kummerċjali peress li ġew identifikati bħala theddida meta dan ma kienx minnu. Skont l-Att dwar il-Proċedura Amministrattiva u t-Titolu 49, Kodiċi tal-Istati Uniti, Taqsima 46110, kwalunkwe tali individwu li jħossu aggravat huwa intitolat għal petizzjoni għal reviżjoni ġudizzjarja fil-qorti federali tal-Istati Uniti minn kull azzjoni tal-aġenzija finali mid-DHS fir-rigward ta' dan it-tħassib.

Artikolu 14

Sorveljanza

1. Il-konformità mas-salvagwardji tal-privatezza f'dan il-Ftehim tkun soġġetta għal reviżjoni indipendenti u sorveljanza mill-Uffiċjali dwar il-Privatezza tad-Dipartiment, bħall-Kap Uffiċjal tal-Privatezza tad-DHS, li:

(a) għandhom rekord ippruvat tal-awtonomija;

(b) jeżerċitaw setgħat effettivi ta’ sorveljanza, investigazzjoni, intervent, u reviżjoni; kif ukoll

(c) għandhom is-setgħa li jirreferu ksur tal-liġi marbut ma’ dan il-Ftehim għall-prosekuzzjoni jew azzjoni dixxiplinarja, meta jkun xieraq.

B’mod partikolari, jiżguraw li l-ilmenti relatati ma’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan il-Ftehim jiġu rċevuti, investigati, imwieġba, u rimedjati b’mod xieraq. Dawn l-ilmenti jistgħu jitressqu minn kwalunkwe individwu, irrispettivament min-nazzjonalità, il-pajjiż ta’ oriġini, jew il-post ta’ residenza.

2. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim mill-Istati Uniti tkun soġġetta għal reviżjoni indipendenti u sorveljanza minn waħda jew aktar mill-entitajiet li ġejjin:

(a) L-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali tad-DHS;

(b) L-Uffiċċju tar-Responsabbiltà Governattiva kif stabbilit mill-Kungress; kif ukoll

(c) il-Kungress tal-Istat Uniti.

Sorveljanza bħal din tista’ tkun manifestata fis-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' rapporti pubbliċi, smigħ pubbliku, u l-analiżi.

Kapitolu iii

Modalitajiet ta’ trasferimenti

Artikolu 15

Metodu ta’ Trażmissjoni tal-PNR

1. Għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim, it-trasportaturi tal-ajru jkunu mitlubin jittrasferixxu l-PNR lid-DHS bl-użu tal-metodu “push”, bi tkomplija tal-ħtieġa għall-preċiżjoni, il-puntwalità u l-kompletezza tal-PNR.

2. It-trasportaturi tal-ajru jkunu mitlubin jittrasferixxu l-PNR lid-DHS b’mezzi elettroniċi sikuri b’konformità mar-rekwiżiti tekniċi tad-DHS.

3. It-trasportaturi tal-ajru jkunu mitlubin jittrasferixxu l-PNR lid-DHS skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, inizjalment 96 siegħa qabel it-tluq tat-titjira skedata u addizzjonalment jew f’ħin reali jew għal numru fiss ta’ trasferimenti ta’ rutina u skedati kif speċifikat mid-DHS.

4. Fi kwalunkwe każ, il-Partijiet jaqblu li t-trasportaturi tal-ajru kollha jkunu mitlubin jiksbu l-kapaċità teknika li jużaw il-metodu “push” mhux aktar tard minn 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

5. Id-DHS jista’, fejn meħtieġ, abbażi ta’ każ b’każ, jirrikjedi li trasportatur tal-ajru jipprovdi l-PNR bejn jew wara t-trasferimenti regolari deskritti fil-paragrafu 3. Kull fejn it-trasportaturi tal-ajru ma jkunux jistgħu, għal raġunijiet tekniċi, jirrispondu fil-ħin għal talbiet li jsiru skont dan l-Artikolu u f'konformità mal-istandards tad-DHS jew, f’ċirkostanzi eċċezzjonali sabiex jirreaġġixxi għal theddida speċifika, urġenti, u serja, id-DHS jista' jirrikjedi li t-trasportaturi tal-ajru jipprovdu aċċess b'mod ieħor.

Artikolu 16

Kondiviżjoni domestika

1. Id-DHS jista’ jaqsam il-PNR biss skont valutazzjoni bir-reqqa tas-salvagwardji li ġejjin:

(a) Esklussivament b’mod konsistenti mal-Artikolu 4;

(b) Ma’ awtoritajiet governattivi domestiċi biss meta jaġixxu fl-avvanz tal-użi msemmija fl-Artikolu 4;

(c) L-awtoritajiet li jirċievu jipprovdu lill-PNR salvagwardji ekwivalenti jew paragunabbli kif stabbilit f'dan il-Ftehim; kif ukoll

(d) Il-PNR jiġi maqsum ma' ħaddieħor biss b’appoġġ għal dawk il-każijiet taħt eżaminazzjoni jew investigazzjoni u skont fehim bil-miktub u l-liġi tal-Istati Uniti dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet governattivi domestiċi.

2. Waqt it-trasferiment tal-informazzjoni analitika miksuba mill-PNR taħt dan il-Ftehim, jiġu rispettati s-salvagwardji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 17

Trasferiment 'il Quddiem

1. L-Istati Uniti tista’ tittrasferixxi l-PNR lill-awtoritajiet governattivi kompetenti ta’ pajjiżi terzi biss taħt termini konsistenti ma’ dan il-Ftehim u biss wara li tiżgura li l-użu maħsub tar-riċevitur huwa konsistenti ma’ dawn it-termini.

2. Minbarra ċirkostanzi ta’ emerġenza, kwalunkwe trasferiment tad-dejta bħal dan iseħħ skont fehim espliċitu li jinkorpora protezzjonijiet tal-privatezza tad-dejta komparabbli ma’ dawk applikati għall-PNR mid-DHS kif stabbilit f'dan il-Ftehim.

3. Il-PNR jinqasam biss b'appoġġ lejn dawk il-każijiet li huma taħt eżaminazzjoni jew investigazzjoni.

4. Meta d-DHS ikun konxju li jkun ġie trasferit il-PNR ta’ ċittadin jew resident ta’ Stat Membru tal-UE, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jiġu informati dwar il-kwistjoni mal-ewwel opportunità xierqa, kmieni kemm jista' jkun.

5. Waqt it-trasferiment ta’ informazzjoni analitika miksuba mill-PNR taħt dan il-Ftehim, jiġu rispettati s-salvagwardji stabbiliti fil-paragrafi 1-4 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 18

Pulizija, Infurzar tal-Liġi u Kooperazzjoni Ġudizzjarja

1. B’konformità ma’ infurzar tal-liġi eżistenti jew ftehimiet oħra ta’ qsim ta’ informazzjoni jew arranġamenti bejn l-Istati Uniti u kull Stat Membru tal-UE jew l-Europol u l-Eurojust, id-DHS jipprovdi lill-pulizija kompetenti, awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi speċjalizzati jew awtoritajiet ġudizzjarji oħra tal-Istati Membri u l-Europol u l-Eurojust fil-kompetenza tal-mandati rispettivi tagħhom, hekk kif ikun prattikabbli, rilevanti u xieraq, informazzjoni analitika miksuba mill-PNR f'dawk il-każijiet taħt eżaminazzjoni jew investigazzjoni sabiex jipprevjeni jikxef jinvestiga jew iħarrek fl-Unjoni Ewropea l-kriminalità transnazzjonali kif deskritta fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1(b) jew imġiba jew attivitajiet relatati ma’ reati terroristiċi.

2. Awtorità tal-pulizija jew ġudizzjarja ta’ Stat Membru tal-UE, jew l-Europol jew l-Eurojust, jistgħu jitolbu, fil-mandat tagħhom, aċċess għall-PNR jew informazzjoni analitika rilevanti miksuba mill-PNR li hija neċessarja f'każ speċifiku għall-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni, jew il-prosekuzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ reat terroristiku jew kriminalità transnazzjonali kif deskritta fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1(b). Id-DHS, soġġett għall-ftehimiet u l-arranġamenti indikati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jipprovdi tali informazzjoni.

3. Skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, id-DHS jaqsam il-PNR biss wara evalwazzjoni bir-reqqa tas-salvagwardji li ġejjin:

(a) Esklussivament b’mod konsistenti mal-Artikolu 4;

(b) Biss meta jaġixxi bl-iskop tal-użi msemmija fl-Artikolu 4; kif ukoll

(c) L-awtoritajiet li jirċievu jipprovdu lill-PNR salvagwardji ekwivalenti jew paragunabbli kif stabbilit f'dan il-Ftehim.

4. Waqt it-trasferiment ta’ informazzjoni analitika miksuba mill-PNR taħt dan il-Ftehim, jiġu rispettati s-salvagwardji stabbiliti fil-paragrafi 1-3 ta’ dan l-Artikolu.

Kapitolu IV

Dispożizzjonijiet implimentattivi u finali

Artikolu 19

Adegwatezza

Fil-konsiderazzjoni ta’ dan il-Ftehim u l-implimentazzjoni tiegħu, id-DHS jitqies li jipprovdi, fis-sens tal-liġi tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE, livell adegwat ta’ protezzjoni għall-ipproċessar u l-użu tal-PNR. F’dan ir-rigward, trasportaturi li pprovdew il-PNR lid-DHS f’konformità ma’ dan il-Ftehim jitqiesu li jkunu kkonformaw mar-rekwiżiti legali applikabbli fl-UE relatati mat-trasferiment ta’ tali dejta mill-UE lejn l-Istati Uniti.

Artikolu 20

Reċiproċità

1. Il-Partijiet jippromwovu b’mod attiv il-kooperazzjoni tat-trasportaturi fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom ma’ kwalunkwe sistema operattiva tal-PNR jew kif jistgħu jiġu adottati fil-ġurisdizzjonijiet tal-oħrajn, konsistenti ma’ dan il-Ftehim.

2. Minħabba li t-twaqqif ta’ sistema tal-PNR tal-UE jista’ jkollu effett materjali fuq l-obbligi tal-Partijiet taħt dan il-Ftehim, jekk u meta sistema tal-PNR tal-UE tiġi adottata, il-Partijiet jikkonsultaw biex jiddeterminaw jekk dan il-Ftehim jeħtieġx li jiġi aġġustat kif xieraq biex jiżgura r-reċiproċità sħiħa. Tali konsultazzjonijiet jeżaminaw b'mod partikolari jekk xi sistema futura tal-PNR tal-UE tapplikax standards ta’ protezzjoni tad-dejta inqas stretti minn dawk previsti f'dan il-Ftehim, u jekk, għaldaqstant, għandux jiġi emendat.

Artikolu 21

Implimentazzjoni u Non-Deroga

1. Dan il-Ftehim ma joħloqx jew jagħti, taħt il-liġi tal-Istati Uniti, xi dritt jew benefiċċju lil kwalunkwe persuna jew entità, privata jew pubblika. Kull parti tiżgura li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jiġu implimentati kif xieraq.

2. Xejn f'dan il-Ftehim ma jidderoga mill-obbligi eżistenti tal-Istati Uniti u l-Istati Membri, inkluż taħt il-Ftehim dwar l-Assistenza Legali Reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-25 ta’ Ġunju 2003 u l-istrumenti bilaterali relatati ta’ għajnuna legali reċiproka bejn l-Istati Uniti u Istati Membri.

Artikolu 22

Notifika ta’ Bidliet fil-Liġi Domestika

Il-Partijiet javżaw lil xulxin dwar l-approvazzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li materjalment taffettwa l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 23

Reviżjoni u Evalwazzjoni

1. Il-Partijiet jirrevedu flimkien l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu u b'mod regolari wara dan kif maqbul b’mod konġunt. Barra minn hekk, il-Partijiet jevalwaw dan il-Ftehim erba’ snin wara d-dħul tiegħu fis-seħħ.

2. Il-Partijiet jiddeterminaw flimkien minn qabel il-modalitajiet u t-termini tar-reviżjoni konġunta u għandhom jikkomunikaw lil xulxin il-kompożizzjoni tat-timijiet rispettivi tagħhom. Għall-fini tar-reviżjoni konġunta, l-Unjoni Ewropea tkun rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, u l-Istati Uniti tkun rappreżentata mid-DHS. It-timijiet jistgħu jinkludu esperti xierqa dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-infurzar tal-liġi. Soġġett għal-liġijiet applikabbli, il-parteċipanti fir-reviżjoni konġunta jkunu mitluba jkollhom il-permessi xierqa tas-sigurtà u jirrispettaw il-kunfidenzjalità tad-diskussjonijiet. Għall-iskopijiet tar-reviżjoni konġunta, id-DHS jiżgura aċċess xieraq għad-dokumentazzjoni, is-sistemi, u l-persunal rilevanti.

3. Wara r-reviżjoni konġunta, il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Uniti jingħataw opportunità li jipprovdu kummenti bil-miktub, li jkunu mehmuża mar-rapport.

Artikolu 24

Riżoluzzjoni tat-Tilwim u Sospensjoni tal-Ftehim

1. Kwalunkwe tilwima li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u kwalunkwe kwistjoni marbuta miegħu, jagħtu lok għal konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet, bil-ħsieb li tintlaħaq riżoluzzjoni reċiprokament maqbula, inkluż billi tipprovdi opportunità għal kull Parti li tirrimedja fi żmien raġjonevoli.

2. Fil-każ li l-konsultazzjonijiet ma jirriżultawx f’riżoluzzjoni tat-tilwima, kwalunkwe Parti tista’ tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim b’notifika bil-miktub b’mezzi diplomatiċi, b’sospensjoni bħal din tidħol fis-seħħ 90 jum mid-data ta’ tali notifika, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor għal data effettiva differenti.

3. Minkejja kull sospensjoni ta’ dan il-Ftehim, il-PNR kollha miksuba mid-DHS skont dan il-Ftehim qabel is-sospensjoni tiegħu jkomplu jiġu pproċessati u użati skont is-salvagwardji ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 25

Terminazzjoni

1. Kull Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim fi kwalunkwe żmien b’notifika bil-miktub b’mezzi diplomatiċi.

2. It-terminazzjoni tidħol fis-seħħ 120 jum mid-data ta’ tali notifika, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor għal data effettiva differenti.

3. Qabel kull terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet jikkonsultaw lil xulxin b’mod li jippermetti żmien biżżejjed biex tintlaħaq soluzzjoni maqbula reċiprokament.

4. Minkejja kull terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-PNR kollha miksuba mid-DHS skont dan il-Ftehim qabel it-terminazzjoni tiegħu jkomplu jiġu pproċessati u użati skont is-salvagwardji ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 26

Tul ta’ żmien

1. Soġġett għall-Artikolu 25, dan il-Ftehim jibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ seba’ snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

2. Malli jiskadi l-perjodu stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll kwalunkwe perjodu sussegwenti ta’ tiġdid taħt dan il-paragrafu, il-Ftehim jiġi mġedded għal perjodu sussegwenti ta’ seba’ snin sakemm waħda mill-Partijiet ma tinnotifikax lill-oħra bil-miktub b’mezzi diplomatiċi, mill-inqas tnax-il xahar bil-quddiem, bl-intenzjoni tagħha li ma ġġeddidx il-Ftehim.

3. Minkejja l-iskadenza ta’ dan il-Ftehim, il-PNR kollha miksuba mid-DHS taħt it-termini ta’ dan il-Ftehim ikomplu jiġu proċessati u użati skont is-salvagwardji ta’ dan il-Ftehim. B'mod simili, il-PNR kollha miskuba mid-DHS taħt it-termini tal-Ftehim Bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-Ipproċessar u t-Trasferiment tad-Dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn Trasportaturi tal-Ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna (DHS) tal-Istati Uniti, ifirmat fi Brussell u f'Washington fit-23 u s-26 ta' Lulju, 2007, tkompli tiġi pproċessata u użata skont is-salvagwardji ta' dak il-Ftehim.

Artikolu 27

Dispożizzjonijiet finali

1. Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu skambjaw in-notifiki li jindikaw illi jkunu temmew il-proċeduri interni tagħhom għal dan l-iskop.

2. Mill-jum tad-dħul fis-seħħ tiegħu, dan il-Ftehim jieħu post il-Ftehim tat-23 u s-26 ta' Lulju 2007.

3. Dan il-Ftehim ser japplika biss għat-territorju tad-Danimarka, tar-Renju Unit jew tal-Irlanda jekk il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-Istati Uniti bil-miktub li d-Danimarka, ir-Renju Unit jew l-Irlanda jkunu għażlu li jkunu marbuta b’dan il-Ftehim.

4. Jekk, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-Istati Uniti li jkun ser japplika għat-territorju tad-Danimarka, tar-Renju Unit jew tal-Irlanda, dan il-Ftehim japplika għat-territorju ta’ tali Stat fl-istess jum bħal dak tal-Istati Membri l-oħra tal-UE li huma marbuta b’dan il-Ftehim.

5. Jekk, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-Istati Uniti li jkun se japplika għat-territorju tad-Danimarka, tar-Renju Unit jew tal-Irlanda, dan il-Ftehim japplika għat-territorju ta’ tali Stat fl-ewwel jum wara l-irċevuta tan-notifika mill-Istati Uniti.

Magħmul fil-... illum ... jum ta’... 2011, f'żewġ oriġinali.

Skont l-liġi tal-UE, l-UE tikteb dan il-Ftehim ukoll bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol u bl-Isvediż.

ANNESS

Tipi ta’ Dejta tal-PNR

1. Kodiċi tal-lokalizzatur tar-reġistrazzjoni tal-PNR

2. Data tal-prenotazzjoni/ħruġ tal-biljett

3. Data(i) tal-ivvjaġġar previst

4. Isem(Ismijiet)

5. Informazzjoni disponibbli għal dawk li jtiru frekwentament u l-benefiċċji (jiġifieri, biljetti b’xejn, titjib tas-servizz, eċċ.)

6. Ismijiet oħra fuq il-PNR, inkluż in-numru ta’ vjaġġaturi fuq il-PNR

7. L-informazzjoni kollha disponibbli dwar kuntatti (inkluż informazzjoni dwar l-oriġinatur)

8. L-informazzjoni kollha disponibbli dwar ħlas/ħruġ ta’ kontijiet (mhux inklużi dettalji oħra ta’ tranżazzjonijiet marbuta ma’ karta tal-kreditu jew kont u mhux marbuta mat-tranżazzjoni tal-ivvjaġġar)

9. Itinerarju tal-ivvjaġġar għal PNR speċifiku

10. Aġenzija tal-ivvjaġġar/aġent tal-ivvjaġġar

11. Informazzjoni dwar qsim ta’ kodiċi

12. Informazzjoni maqsuma/diviża

13. Stat tal-ivvjaġġar tal-passiġġier (inklużi konfermi u stat ta’ reġistrazzjoni)

14. Informazzjoni dwar il-biljett, inkluż in-numru tal-biljett, biljetti ta’ mingħajr ritorn u Kwotazzjoni Awtomatizzata tal-Prezz tal-Biljett

15. Informazzjoni dwar il-bagalji kollha

16. Informazzjoni dwar is-sit, inkluż in-numru tas-sit

17. Rimarki ġenerali inkluż informazzjoni OSI, SSI u SSR

18. Kull informazzjoni oħra miġbura dwar is-Sistema ta' Informazzjoni Avvanzata dwar il-Passiġġieri (APIS)

19. Il-bidliet storiċi kollha għall-PNR elenkati fin-numri minn1 sa 18

ANNESS II

Id-Dikjarazzjoni mill-UE dwar il-Ftehim dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti ("Il-Ftehim") rigward l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 17 u 23 tal-Ftehim.

1. Fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' reviżjoni u evalwazzjoni konġunti stabbilit fl-Artikolu 23 tal-Ftehim, u mingħajr preġudizzjoni għal kwistjonijiet oħra li jistgħu jitqajmu matul it-tħaddim ta' dan il-mekkaniżmu, fejn xieraq l-Unjoni Ewropea se titlob informazzjoni mingħand l-Istati Uniti dwar l-iskambju ta' informazzjoni, fir-rigward tat-trasferimenti ta' dejta tal-PNR ta' ċittadini u residenti tal-Unjoni Ewropea, mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, kif stipulat fl-Artikolu 17 tal-Ftehim;

2. Fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' konsultazzjoni u reviżjoni stabbilit fl-Artikolu 23 tal-Ftehim, l-UE se titlob mingħand l-Istati Uniti l-informazzjoni kollha xierqa dwar l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirregolaw dawk it-trasferimenti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17;

3. L-UE, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' konsultazzjoni u reviżjoni stabbilit fl-Artikolu 23 tal-Ftehim, se tagħti attenzjoni partikolari għar-rispett tas-salvagwardji kollha għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(2), sabiex tkun sodisfatta li pajjiżi terzi li jirċievu tali dejta jkunu qablu li jagħtu lid-dejta livell ta' ħarsien tal-privatezza kumparabbli ma' dak ipprovdut għall-PNR mid-DHS skont il-Ftehim.

[1]               ĠU L204/16, 4.8.2007

[2]               P7_TA-(2010)0144, 5.5.2010

[3]               COM (2010) 492.