52011PC0757




MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fis-7 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li jieħu miżuri xierqa kontra r-Repubblika tal-Madagaskar għall-perjodu ta' tnax-il xahar, wara l-konklużjoni tal-konsultazzjonijiet li saru skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-CE (Nru 2010/371/UE)[1]. Din id-deċiżjoni ġiet estiża sas-6 ta' Diċembru 2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2011/324//UE tat-30 ta' Mejju 2011[2].

Il-miżuri xierqa adottati permezz tad-Deċiżjoni 2010/371/UE jinkludu b'mod speċjali s-sospensjoni tal-appoġġ baġitarju, tal-implimentazzjoni tal-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-għaxar (10) FEŻ u tal-azzjonijiet u l-pagamenti fil-qafas tad-disa' (9) FEŻ li jinvolvu direttament lill-gvern u lill-aġenziji tiegħu. Dawn il-miżuri involvew ukoll l-irkupru tal-funzjonijiet tal-Uffiċjal Nazzjonali li jawtorizza l-FEŻ min-naħa tal-Kummissjoni. Huma ma jaffettwaw la l-kontribuzzjonijiet għall-operazzjonijiet ta' natura umanitarja, u lanqas ċerti proġetti li jkunu ta' benefiċċju dirett għall-popolazzjoni.

L-isforzi ta' medjazzjoni sostnuti mill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) li saru tul il-kriżi kollha, bl-appoġġ tal-Unjoni Afrikana, tal-UE u ta' msieħba internazzjonali oħrajn, wasslu biex fis-17 ta' Settembru 2011, il-biċċa l-kbira tal-atturi politiċi ewlenin tal-Madagaskar, iffirmaw il-"Pjan Direzzjonali" għall-ħruġ mill-kriżi fil-Madagaskar. Dan id-dokument jippreżenta l-impenji li l-firmatarji qablu li jieħdu biex jitwettaq proċess ta' tranżizzjoni newtrali, inklussiv u konsenswali, li għandu jwassal għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet kredibbi, ħielsa u trasparenti li jippermettu r-ritorn tal-ordni kostituzzjonali fil-Madagaskar.

L-iffirmar ta' dan il-"Pjan Direzzjonali" fil-fatt jikkostitwixxi l-ewwel pass importanti, iżda dan għandu jkun sostnut mill-implimentazzjoni effettiva u rapida tiegħu, skont il-kisbiet li jistipula l-Pjan stess. Jekk dan iseħħ, l-Unjoni għandha tkun lesta li tappoġġja l-proċess ta' tranżizzjoni, hekk kif dejjem sostniet li se tagħmel tul il-kriżi kollha, u sakemm il-proċess ikun qed jimxi 'il quddiem, jista' jagħti l-każ li hija tieħu wkoll miżuri relatati mal-irkupru gradwali tal-kooperazzjoni tagħna għall-iżvilupp.

Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi pożittivi u biex jiġi evitat li jkun hemm lakuna ġuridika mis-6 ta' Diċembru 2011 'l hemm, il-modifika tal-miżuri xierqa skont kif definit fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/371/UE tas-7 ta' Ġunju 2010 kif ukoll l-estensjoni tal-perjodu ta' validità tagħhom għal tnax-il xahar, huma ġġustifikati.

Sabiex jingħata sinjal ċar mill-Unjoni li jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Madagaskar u lill-imsieħba kollha li huma l-partijiet involuti fil-"Pjan Direzzjonali" jżidu l-isforzi tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Pjan, qed jiġi propost li tintbagħat ittra ġdida lill-President tat-Tranżizzjoni li tinfurmah dwar it-teħid ta' din id-deċiżjoni u li tispjegalu f'tabella ta' impenji reċiproċi, il-miżuri li l-Unjoni tikkommetti ruħha li tadotta hekk kif il-Madagaskar tkun wettqet l-impenji tagħha fir-rigward tal-kisbiet ewlenin tat-tranżizzjoni jew ta' dawk li jistgħu jirriżultaw wara li jintlaħaq ftehim matul id-djalogu politiku li jista' jsir bejn iż-żewġ partijiet.

Id-deċiżjoni li għandha tiġi adottata tista' tiġi analizzata mill-ġdid fi kwalunkwe ħin, u dan ikun jippermetti li tiġi mmodifikata fid-dawl tal-evoluzzjoni politika tal-pajjiż u tal-progress li jkun sar jew li ma jkunx sar fl-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali.

2011/0343 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Li timmodifika u li testendi l-perjodu ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2010/371/UE tas-7 ta' Ġunju 2010 li ttemm il-proċedura ta’ konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Madagaskar skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000[3] u rivedut f'Ouagadougou, Burkina Faso fit-22 ta’ Ġunju 2010[4] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fil-Kunsill, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE[5], u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Bi ftehim mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

1. Id-Deċiżjoni 2010/371/UE[6] tas-7 ta’ Ġunju 2010 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Madagaskar taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE ġiet adottata bil-għan li jiġu implimentati l-miżuri xierqa b'segwitu għall-ksur tal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 ta' dan il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE.

2. Dawn il-miżuri ġew estiżi sas-6 ta' Diċembru 2011 permezz tad-Deċiżjoni 2011/324/UE[7] tat-30 ta' Mejju 2011, billi wara l-perjodu ta' tnax-il xahar, l-ebda pjan direzzjonali relatat ma' tranżizzjoni konsenswali ma ġie ffirmat min-naħa tal-Madagaskar jew approvat mill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, mill-Unjoni Afrikana jew mill-Komunità Internazzjonali.

3. Permezz tal-isforzi importanti li twettqu mill-partiti politiċi kollha tal-Madagaskar kif ukoll bil-medjazzjoni tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, fis-17 ta' Settembru 2011, il-biċċa l-kbira tal-atturi politiċi ewlenin tal-Madagaskar, iffirmaw "Pjan Direzzjonali" għall-ħruġ mill-kriżi fil-Madagaskar. Dan il-Pjan Direzzjonali jindika l-impenji li l-firmatarji qablu li jieħdu biex jitwettaq il-proċess ta' tranżizzjoni newtrali, inklussiv u konsenswali, li għandu jwassal għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet kredibbi, ħielsa u trasparenti li jippermettu r-ritorn tal-ordni kostituzzjonali.

4. Konsegwentement, jaqbel li l-miżuri xierqa fis-seħħ jiġu mmodifikati sabiex l-Unjoni tkun tista' tappoġġja l-proċess ta' tranżizzjoni, bil-kundizzjoni li l-Madagaskar tkun issodisfat l-impenji marbuta mal-kisbiet ewlenin tal-"Pjan Direzzjonali", jew ma' dawk li jista' jintlaħaq ftehim dwarhom matul id-djalogu politiku li jista' jsir bejn il-gvern tal-Madagaskar u l-Unjoni Ewropea.

5. Il-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2010/371/UE, hekk kif immodifikata permezz tad-Deċiżjoni 2011/324/UE, jiskadi fis-6 ta’ Diċembru. Il-miżuri xierqa skont kif ġew immodifikati minn din id-Deċiżjoni għandhom ikunu applikabbli matul perjodu ta' tnax-il xahar, mingħajr preġudizzju għar-reviżjoni regolari tagħhom matul dan il-perjodu.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/371/UE, li ġiet estiża permezz tad-Deċiżjoni 2011/324/UE, ġiet immodifikata kif ġej:

1) il-miżuri speċifikati fl-ittra fl-Anness tad-Deċiżjoni 2010/371/UE tas-7 ta' Ġunju 2010, ġew sostitwiti mill-miżuri speċifikati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

2) Fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2010/371/UE, it-tieni sentenza hija sostitwita mit-test segwenti: "Hi għandha tibqa' fis-seħħ sas-6 ta' Diċembru 2012, mingħajr preġudizzju għar-reviżjoni regolari tagħha matul dan il-perjodu".

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Brussell,

ABBOZZ TA' ITTRA INDIRIZZATA LILL-PRESIDENT TAT-TRANŻIZZJONI

Eċċellenza,

L-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE. Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-Istat tad-Dritt jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Sħubija u għalhekk, jiffurmaw il-bażi tar-relazzjonijiet tagħna.

Permezz ta' ittra ddatata s-16 ta’ Ġunju 2011, l-Unjoni Ewropea informatek bid-Deċiżjoni tagħha 2011/324/UE tat-30 ta' Mejju 2011 li testendi l-miżuri xierqa sas-6 ta' Diċembru 2011 skont l-Artikolu 96(2), il-punt c) ta' dan il-Ftehim, li ġiet adottata fis-7 ta' Ġunju 2010, kontra l-Madagaskar.

Minn dakinhar, l-Unjoni Ewropea segwit mill-qrib is-sitwazzjoni politika f'pajjiżek u appoġġjat b'mod attiv l-isforzi ta' medjazzjoni li ngħataw b'mod partikolari mill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) u minn imsieħba Afrikani oħrajn, li fl-aħħar dan wassal biex fis-17 ta' Settembru 2011, ġie ffirmat il-"Pjan Direzzjonali" hekk kif emendat wara s-Summit tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) ta' bejn il-11 u t-12 ta' Ġunju 2011.

L-Unjoni Ewropea tilqa' l-iffirmar tal-pjan direzzjonali filwaqt li tfakkar li hija se tkompli tagħti l-appoġġ politiku u finanzjarju tagħha għall-proċess ta' tranżizzjoni, jekk tintalab tagħmel dan mill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) u mill-Unjoni Afrikana, u li se tibqa' taħdem f'kollaborazzjoni stretta mal-Komunità Internazzjonali.

Dan l-impenn tal-Unjoni Ewropea huwa soġġett għar-rispett muri min-naħa tal-Madagaskar fir-rigward tal-impenji stabbiliti hawn isfel:

L-impenji min-naħa tal-Madagaskar | L-impenji tal-Unjoni Ewropea |

L-iffirmar tal-Pjan Direzzjonali | Id-dikjarazzjoni tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli u l-Viċi President Ashton (Rispons pożittiv li jilqa' l-iffirmar tal-Pjan Direzzjonali u li jesprimi r-rieda li tagħti appoġġ politiku u finanzjarju għall-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni, soġġett għat-twettiq tagħha) L-ewwel kuntatti ta' livell għoli mal-awtoritajiet tal-Madagaskar (żjara ta' 2 Ministri tal-Madagaskar) L-identifikazzjoni/il-formulazzjoni ta' programmi taħt l-10 FEŻ u l-Linji Baġitarji biex jingħata appoġġ lill-popolazzjonijiet vulnerabbli L-identifikazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u ta' programmi li jappoġġjaw it-tranżizzjoni taħt l-10 FEŻ u l-Linji Baġitarji |

Il-ħatra tal-Prim Ministru b'kunsens u tal-Gvern ta' Unità Nazzjonali | Ir-rikonoxximent tal-leġittimità tal-President u tal-Gvern ta' Tranżizzjoni tal-Madagaskar, li jwassal għall-Preżentazzjoni tal-Kredenzjali tal-Ambaxxatur tal-Unjoni fil-Madagaskar Is-sejħa tal-ewwel seduta plenarja ta' djalogu politiku skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou. (diskussjoni dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għall-irkupru gradwali tal-kooperazzjoni) Il-konsultazzjoni mal-SADC u mal-Unjoni Afrikana dwar l-appoġġ tagħhom għat-tranżizzjoni (biex jingħata appoġġ għall-"Pjan Direzzjonali" u l-ewwel miżuri ta' implimentazzjoni) u/jew is-seħja tal-Grupp Internazzjonali ta' Kuntatt dwar il-Madagaskar, ir-rispons pożittiv u l-parteċipazzjoni attiva tal-Unjoni fil-koordinazzjoni tar-rispons konġunt tal-Komunità Internazzjonali Il-formulazzjoni ta' proġetti ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u ta' proġetti li jappoġġjaw it-tranżizzjoni taħt l-10 FEŻ u l-Linji Baġitarji |

It-twaqqif tal-Parlament ta' Tranżizzjoni u tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI) u l-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta' qafas elettorali kredibbli bl-appoġġ tan-NU (ir-rapport tal-evalwazzjoni elettorali) | Jekk ir-rapport tal-missjoni ta' evalwazzjoni elettorali tan-NU jitqies bħala sodisfaċenti u l-iskeda elettorali bħala realistika: L-inklużjoni tal-Madagaskar fil-lista tal-pajjiżi prijoritarji għal Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE fl-2012, u għalhekk, il-konferma tar-rieda tal-Unjoni li tibgħat Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE, skont il-fondi disponibbli u l-missjoni ta' tiftix tal-fatti L-identifikazzjoni u l-formulazzjoni ta' miżuri ta' appoġġ elettorali permezz ta' strumenti varji, fosthom b'mod partikolari l-Istrument għall-Istabbiltà, skont il-fondi disponibbli |

L-adozzjoni mill-Parlament ta' Tranżizzjoni ta' Liġi ta' Amnestija rratifikata u l-adozzjoni mill-Parlament ta' liġi li biha jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet ta' implimentazzjoni tar-riżenja tal-President tat-Tranżizzjoni, tal-Prim Ministru u tal-Membri tal-Gvern jekk dawn jiddeċiedu li joħorġu kandidati għall-elezzjonijiet | It-tieni seduta plenarja tad-djalogu politiku f'konformità mal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou (titkompla d-diskussjoni dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għall-irkupru gradwali tal-kooperazzjoni) L-identifikazzjoni/il-formulazzjoni ta' azzjonijiet li jappoġġjaw ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali u d-demokratizzazzjoni |

L-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali | Tintbagħat Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE, skont il-fondi disponibbli |

It-tħabbir tar-riżultati tal-elezzjonijiet u r-ritorn għall-ordni kostituzzjonali | Id-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli u l-Viċi President Ashton dwar l-iżvolġiment u r-riżultati tal-elezzjonijiet filwaqt li tivvaluta l-kredibbiltà tagħhom F'każ ta' xenarju pożittiv, il-varar ta' proċedura għar-revoka tad-Deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-irkupru tal-funzjonijiet tal-Uffiċjal Awtorizzanti Nazzjonali L-implimentazzjoni ta' azzjonijiet għall-irkupru tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (l-FEŻ u l-Linji Baġitarji) |

President ġdid, il-Gvern u l-Parlament jassumu l-funzjonijiet tagħhom | Id-dikjarazzjoni tal-Unjoni mir-Rappreżentant Għoli u l-Viċi President Ashton u mill-Kummissarju Piebalgs li tilqa' r-ritorn għall-ordni kostituzzjonali u li tikkonferma n-normalizzazzjoni totali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Madagaskar flimkien mal-irkupru sħiħ tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp Ir-revoka tad-Deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-irkupru tal-funzjonijiet tal-Uffiċjal Awtorizzanti Nazzjonali |

Aħna nħeġġu lilek, kif ukoll lill-imsieħba politiċi tal-Madagaskar kollha, sabiex tissokkta b'perseveranza kbira, fl-isforzi tiegħek biex jiġi implimentat il-Pjan Direzzjonali mill-aktar fis possibbli bil-għan li l-Unjoni Ewropea tkun tista' tappoġġja l-proċess ta' tranżizzjoni konsenswali u newtrali għall-ħruġ mill-kriżi fil-Madagaskar, proċess li għandu jwassal għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u kredibbli li jippermettu r-ritorn tal-ordni kostituzzjonali.

Fid-dawl tal-elementi msemmija hawn fuq, l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tissostitwixxi l-miżuri speċifikati fl-ittra fl-Anness tad-Deċiżjoni 2010/371/UE tas-7 ta' Ġunju 2010, li ntbagħtitlek fis-16 ta' Ġunju 2010, bil-miżuri xierqa segwenti:

- L-għajnuna umanitarja u ta' urġenza mhijiex milquta.

- Il-Kummissjoni Ewropea tista’ timplimenta ċerti proġetti u programmi li jkunu ta’ benefiċċju dirett għall-popolazzjoni.

- L-appoġġ baġitarju previst fil-Programmi Indikattivi Nazzjonali (PIN) tad-9 u tal-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) jibqa' sospiż.

- Il-proġetti u l-programmi li huma diġà fis-seħħ skont id-disa' (9) FEŻ se jkomplu għaddejjin, minbarra l-azzjonijiet u l-pagamenti li jinvolvu direttament lill-gvern u lill-aġenziji tiegħu; il-possibbiltà ta' reviżjoni tiddependi mill-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni politika. L-emendi u l-addendums għall-kuntratti li jinsabu fis-seħħ bħalissa għandhom ikunu eżaminati skont il-każ.

- Il-proġetti reġjonali qed jiġu evalwati skont il-każ.

- L-implimentazzjoni tal-PIN tal-għaxar (10) FEŻ hija soġġetta għar-rispett muri min-naħa tal-Madagaskar fir-rigward tal-impenji tagħha, hekk kif speċifikat fit-tabella ta' hawn fuq, rispett li gradwalment se jiġġenera r-rispons tal-Unjoni Ewropea f'dak li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni ta' programmi ta' appoġġ għall-popolazzjonijiet, ta' appoġġ għat-tranżizzjoni, u fl-aħħar għall-irkupru sħiħ tal-kooperazzjoni mal-Madagaskar għall-iżvilupp.

Dawn il-miżuri se jibqgħu fis-seħħ għal perjodu ta' tnax-il xahar, iżda se jkunu jistgħu jiġu analizzati mill-ġdid fi kwalunkwe ħin, skont l-iżviluppi pożittivi jew negattivi tas-sitwazzjoni politika fil-Madagaskar.

Dejjem tiegħek,

Għall-Unjoni Ewropea

Catherine ASHTON Andris PIEBALGS

[1] ĠU L 169, 3.07.2010, p. 13.

[2] ĠU L 146, 1.6.2011, p. 2.

[3] ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

[4] ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

[5] ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

[6] ĠU L 169, 3.07.2010, p. 13.

[7] ĠU L 146, 1.6.2011, p. 2.