Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju /* KUMM/2011/0704 finali - 2011/0310 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Is-sistema tal-UE tal-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju, kif stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 428/2009[1], teħtieġ l-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni tal-oġġetti b'użu doppju[2] elenkati fl-Anness I mar-Regolament. L-Artikolu 9(1) tar-Regolament jispeċifika li l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-UE għall-Esportazzjoni huma wieħed mill-erba' tipi ta' awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni disponibbli li jistgħu jintużaw biex jesportaw oġġetti b'użu doppju mill-UE. L-Anness II mar-Regolament (KE) Nru 428/2009 jinkludi l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-UE għall-Esportazzjoni li huma attwalment fis-seħħ. Aġġornamenti tal-lista ta' kontroll tal-UE (l-Anness I mar-Regolament 428/2009) Id-deċiżjonijiet biex tiġi kkontrollata l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju jittieħdu b'kunsens fir-reġimi internazzjonali għall-kontroll tal-esportazzjoni (il-Grupp Awstralja (AG) għall-oġġetti bijoloġiċi u kimiċi; Il-Grupp ta' Fornituri Nukleari (NSG) għall-oġġetti nukleari ċivili, is-Sistema ta’ Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili (MTCR) u l-Arranġament ta' Wassenaar (WA) għall-armi konvenzjonali u l-oġġetti u t-teknoloġiji b'użu doppju). L-iskop ta' dawn ir-reġimi għall-kontroll tal-esportazzjoni huwa li jillimitaw ir-riskju ta' oġġetti sensittivi b'użu doppju li jintużaw għal skopijiet militari u/jew fi programmi ta' proliferazzjoni. Sabiex il-kontrolli tal-esportazzjoni jkunu kemm jista' jkun effettivi, ir-reġimi internazzjonali għall-kontroll tal-esportazzjoni jlaqqgħu flimkien il-fornituri ewlenin tal-oġġetti b'użu doppju. Billi jaqblu li jikkontrollaw il-kummerċ f'oġġetti speċifiċi, dawn il-fornituri jaħdmu flimkien b'mod effettiv biex jillimitaw ir-riskju ta' proliferazzjoni, filwaqt li jiżguraw li l-kummerċ leġittimu ma jiġix imxekkel. Il-progress teknoloġiku fid-dinja tal-lum ifisser li hemm ħtieġa li l-lista ta' oġġetti kontrollati tkun aġġornata regolarment. Filwaqt li d-deċiżjonijiet ta' dawn ir-reġimi internazzjonali ma jorbtux legalment, l-Artikolu 15 tar-Regolament jispeċifika li "l-lista ta’ oġġetti b’użu doppju stipulata fl-Anness I għandha tiġi aġġornata f’konformità mal-obbligi u l-impenji rilevanti, u kwalunkwe modifika tagħha, li l-Istati Membri aċċettaw bħala membri tar-reġimi internazzjonali ta’ nonproliferazzjoni u l-arranġamenti għall-kontroll tal-esportazzjoni, jew b'ratifika tat-trattati internazzjonali rilevanti". Ir-reġimi internazzjonali għall-kontroll tal-esportazzjoni jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-lista tal-kontroll bejn wieħed u ieħor erba' darbiet fis-sena. Dawn l-aġġornamenti jeħtieġu jiġu integrati fil-leġiżlazzjoni tal-UE fuq bażi regolari u f'waqtha minħabba l-implikazzjonijiet tas-sigurtà u l-kummerċ tagħhom. Fuq naħa waħda, deċiżjoni minn reġimi internazzjonali għall-kontroll tal-esportazzjoni biex jiżdiedu oġġetti ġodda mal-listi ta' kontroll tfisser li dawn l-oġġetti addizzjonali jeħtieġu wkoll li jiġu kontrollati b 'mod konsistenti mill-UE kollha għal raġunijiet ta’sigurtà. Min-naħa l-oħra, deċiżjoni minn reġimi internazzjonali għall-kontroll tal-esportazzjoni li twaqqaf il-kontroll ta' ċerti oġġetti għandha bżonn tiġi tradotta fil-leġiżlazzjoni tal-UE kemm jista' jkun malajr sabiex tippermetti lill-esportaturi tal-UE biex jikkompetu fis-suq globali. Attwalment, kwalunkwe aġġornament tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 inkluż l-Anness I jeħtieġ l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Fl-istess ħin, minħabba n-natura teknika ta' dawn l-emendi u l-fatt li dawn il-bidliet iridu jkunu konformi mad-deċiżjonijiet meħuda fir-reġimi internazzjonali għall-kontroll tal-esportazzjoni, ma tantx hemm post għall-immanuvrar biex jiġu introdotti modifiki għall-emendi li ntlaħaq ftehim dwarhom fir-reġimi. Konsegwentement, huwa neċessarju li jiddaħħlu atti delegati sabiex l-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 428/2009 jiġi aġġornat fuq bażi regolari. Dan l-approċċ jippermetti lill-Kummissjoni biex tagħmel l-aġġornamenti meħtieġa kif u meta meħtieġ. Il-modifiki neċessarji fl-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-UE għall-Esportazzjoni (l-Anness II mar-Regolament (KE) Nru 428/2009) L-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-UE għall-Esportazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 9(1) u l-Anness II mar-Regolament (KE) Nru 428/2009, urew li huma għodod li rnexxielhom sew jiffaċilitaw l-esportazzjonijiet b'riskju aktar baxx ta' ċerti oġġetti lejn ċerti destinazzjonijiet. Awtorizzazzjoni unika tal-UE għall-Esportazzjoni Ġenerali (EU001) ilha teżisti għal bosta snin biex b'hekk tippermetti l-esportazzjonijiet iffaċilitati ta' bosta oġġetti kontrollati lejn is-seba' destinazzjonijiet ta' riskju baxx (l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, New Zealand, in-Norveġja, l-Isvizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika). F'Diċembru 2008, il-Kummissjoni pproponiet li tintroduci sitt Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-UE għall-Esportazzjoni ġodda[3]. Ftehim dwar dawn l-Awtorizzazzjonijiet ġodda ntlaħaq f 'nofs l-2011. Il-kontenut tal-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-UE għall-Esportazzjoni eżistenti u futuri jeħtieġu jiġu mmonitorjati kontinwament sabiex jiżguraw li t-tranżazzjonijiet ta' riskju baxx ikunu koperti mill-Awtorizzazzjonijiet. Minħabba r-ritmu mgħaġġel tal-iżviluppi madwar id-dinja, hemm bżonn li jiġi żgurat li Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-UE għall-Esportazzjoni eżistenti jkunu jistgħu jiġu modifikati b'pass mgħaġġel fir-rigward tad-destinazzjoni u l-kampijiet tal-applikazzjoni tagħhom, sabiex iċ-ċirkostanzi globali li jinbidlu jkunu jistgħu jiġu riflessi adegwatament fis-sistema ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-UE. Konsegwentement, huwa neċessarju li jiġu introdotti atti delegatti sabiex jippermettu lill-Kummissjoni li tneħħi b'mod mgħaġġel id-destinazzjonijiet u/jew oġġetti mill-kamp tal-applikazzjoni tal-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-UE għall-Esportazzjoni eżistenti. Proposti leġiżlattivi eżistenti rigward il-kwistjonijiet ta' kontroll fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti b' użu doppju Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill attwalment qegħdin jittrattaw żewġ proposti leġiżlattivi li se jemendaw ir-Regolament (KE) Nru 428/2009: 1. L-ewwel proposta (COM(2008) 854) għandha l-għan li tintroduċi Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-UE ġodda. Il-Parlament Ewropew ivvota favur il-proposta fis-27 ta’ Settembru 2011. Ġaladarba jiġi adottat, dan ir-Regolament ta' emenda se jimmodifika wkoll it-terminoloġija użata fir-Regolament (KE) Nru 428/2009 (referenzi għall-'"Komunità" se jiġu sostitwiti, fejn hu possibbli, b'"Unjoni"). 2. It-tieni proposta (COM(2010) 509) għandha l-għan li taġġorna l-lista ta' kontroll tal-UE billi tintroduċi modifiki li kien hemm qbil dwarhom fir-reġimi internazzjonali għall-kontroll tal-esportazzjoni fl-2009. Il-Parlament Ewropew ivvota favur il-proposta fit-13 ta’ Settembru 2011. Il-proposta tal-Kummissjoni Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq hu neċessarju li r-Regolament (KE) Nru 428/2009 jiġi emendat. 2011/0310 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: 3. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju[4] jitlob li tali oġġetti jsirilhom kontroll effettiv meta jkunu esportati mill-Unjoni Ewropea (UE) jew ikunu fi transitu fiha, jew jitwasslu lejn pajjiż terz bħala riżultat tas-servizzi ta' senserija pprovduti minn sensar residenti jew stabbilit fl-UE. 4. Sabiex l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jħarsu l-impenji internazzjonali tagħhom, l-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 428/2009 jistabbilixxi l-lista komuni ta' oġġetti b'użu doppju li jsirulhom kontrolli fl-Unjoni Ewropea. Id-deċiżjonijiet dwar l-oġġetti jittieħdu fi ħdan il-qafas tal-Grupp Awstralja (AG), is-Sistema ta’ Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili (MTCR), il-Grupp ta' Fornituri Nukleari (NSG), l-Arranġament ta' Wassenaar u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC). 5. L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 jistipula li l-Anness I għandu jiġi aġġornat b’konformità mal-obbligi u l-impenji rilevanti, u kull modifika tagħhom, li l-Istati Membri aċċettaw bħala membri tar-reġimi internazzjonali ta’ nonproliferazzjoni u l-arranġamenti għall-kontroll tal-esportazzjoni, jew bir-ratifika tat-trattati internazzjonali rilevanti. 6. L-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 428/2009 jeħtieġ li jiġi aġġornat regolarment sabiex jiżgura l-konformità sħiħa mal-obbligi tas-sigurtà internazzjonali, biex jiggarantixxi t-trasparenza, u jżomm il-kompetittività tal-esportaturi. Id-dewmien fir-rigward tal-aġġornament tal-lista tal-kontroll tal-UE jista' jkollu effetti negattivi fuq is-sigurtà u fuq l-isforzi internazzjonali ta' nonproliferazzjoni, kif ukoll fuq il-prestazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi mill-esportaturi fl-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin, in-natura teknika tal-emendi u l-fatt li dawn il-bidliet għandhom ikunu konformi mad-deċiżjonijiet meħuda fir-reġimi internazzjonali għall-kontroll tal-esportazzjoni, ifissru li għandha tiġi użata proċedura aċċellerata biex tqiegħed fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea l-aġġornamenti meħtieġa. 7. L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 jintroduċi l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-UE għall-Esportazzjoni bħala wieħed minn erba' tipi ta' awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni disponibbli skont ir-Regolament. Dawn l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni jippermettu lill-esportaturi stabbiliti fl-UE li jesportaw ċerti oġġetti speċifiċi lejn ċerti destinazzjonijiet speċifiċi skont il-kundizzjonijiet tal-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali. 8. L-Anness II mar-Regolament (KE) Nru 428/2009 jistipula l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-UE li huma attwalment fis-seħħ. Minħabba n-natura ta' dawn l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-UE għall-Esportazzjoni, jista' jkun hemm bżonn li ċerti destinazzjonijiet u/jew oġġetti jitneħħew mill-Awtorizzazzjonijiet, b'mod partikolari jekk ċirkostanzi li jinbidlu juru li t-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni ffaċilitati ma għandhomx jibqgħu jiġu awtorizzati skont Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-UE għal destinazzjoni u/jew oġġett partikolari. Tali tneħħija ta' destinazzjoni u/jew oġġett mill-kamp tal-applikazzjoni ta' Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-UE ma għandhiex tipprekludi esportatur milli japplika għal tip ieħor ta' awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 428/2009. 9. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm aġġornamenti regolari u f’waqthom tal-lista tal-kontroll tal-UE f’konformità mal-obbligi u l-impenji meħuda mill-Istati Membri fi ħdan ir-reġimi internazzjonali għall-kontroll tal-esportazzjoni, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 428/2009 fil-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament. Huwa ferm importanti li l-Kummissjoni, matul ix-xogħol ta’ preparazzjoni tagħha, tikkonsulta b'mod xieraq, inkluż fil-livell tal-esperti. 10. Sabiex ikun hemm rispons mgħaġġel min-naħa tal-UE għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu fir-rigward tal-evalwazzjoni tas-sensittività tal-esportazzjonijiet skont l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-UE għall-Esportazzjoni, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-Anness II mar-Regolament (KE) Nru 428/2009 fir-rigward tat-tneħħija ta' destinazzjonijiet u/jew oġġetti mill-kamp tal-applikazzjoni tal-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-UE. Minħabba li dawn il-modifiki għandhom isiru biss bħala reazzjoni għal żieda fil-valutazzjoni tar-riskju tal-esportazzjonijiet rilevanti u li l-użu kontinwu tal-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-UE għal dawn l-esportazzjonijiet jista' jkollu effett negattiv fuq is-sigurtà tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha, il-Kummissjoni tista' tuża proċedura ta' urġenza. 11. Il-Kummissjoni, fil-preparazzjoni u t-tfassil tal-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 12. Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 428/2009 għandu jiġi emendat kif xieraq, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 428/2009 huwa emendat kif ġej: 13. Il-paragrafi li ġejjin qegħdin jiżdiedu fl-aħħar tal-paragrafu 1 fl-Artikolu 9: "Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23a dwar it-tneħħija ta' destinazzjonijiet u oġġetti mill-kamp tal-applikazzjoni tal-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-UE għall-Esportazzjoni inklużi fl-Anness II. Fejn, fil-każ ta' bidla sinifikanti fiċ-ċirkostanzi fir-rigward tal-evalwazzjoni tas-sensittività tal-esportazzjoni skont Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-UE inkluża fl-Anness II, irid ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza għat-tneħħija ta' destinazzjonijiet u/jew oġġetti partikolari mill-kamp tal-applikazzjoni ta' Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-UE, il-proċedura prevista fl-Artikolu 23b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu." 14. Il-paragrafu li ġej qed jiżdied bħala l-paragrafu 3 fl-Artikolu 15: "3. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23a fir-rigward tal-aġġornament tal-lista ta' oġġetti b’użu doppju stabbilita fl-Anness I. L-aġġornament tal-Anness I għandu jsir fil-kamp tal-applikazzjoni stabbilit fil-paragrafu 1." 15. Qiegħed jiżdied l-Artikolu 23a li ġej: "1. Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. 2. Id-delegazzjoni tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 9(1) u fl-Artikolu 15(3) għandha tingħata għal perjodu ta’ żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru../... [dan ir-Regolament]. 3. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 9(1) u fl-Artikolu 15(3) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att iddelegat li diġà jkun fis-seħħ. 4. Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tavża b'dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 15(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu, it-tnejn li huma, infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġġedded b'xahrejn oħra fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill." 16. Qiegħed jiżdied l-Artikolu 23b li ġej: "1. L-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta' urġenza. 2. Jew il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att iddelegat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 23a(5). F'tali każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att bla dewmien wara n-notifika tad-deċiżjoni ta' oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill." Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju [2] Oġġetti b'użu doppju huma definiti fl-artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 bħala "oġġetti, inklużi s-softwer u t-teknoloġija, li jistgħu jintużaw kemm għal skopijiet ċivili u dawk militari, u għandhom jinkludu l-merkanzija kollha li tista’ tintuża kemm għal użu mhux splussiv kemm għal assistenza fi kwalunkwe mod fil-manifattura ta’ armi nukleari jew mezzi splussivi nukleari oħrajn". [3] COM(2008) 854 finali [4] ĠU L 134, 29.05.2009, p. 1.