52011PC0663

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi /* KUMM/2011/0663 finali - 2011/0290 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddistingwu bejn żewġ tipi differenti ta’ atti tal-Kummissjoni:

L-Artikolu 290 tat-TFUE jippermetti lil-leġiżlatur li jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali biex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv. Atti leġiżlattivi adottati mill-Kummissjoni b’dan il-mod jissejħu fit-terminoloġija użata mit-Trattat "atti delegati" (l-Artikolu 290(3)).

L-Artikolu 291 tat-TFUE jippermetti lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri kollha tal-liġi nazzjonali meħtieġa biex ikunu implimentati atti tal-Unjoni li huma vinkolanti legalment. Dawk l-atti jistgħu jikkonferixxu setgħat implimentattivi lill-Kummissjoni fejn ikunu meħtieġa kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tagħhom. Fit-terminoloġija użata mit-Trattat, atti legali adottati mill-Kummissjoni b’dan il-mod jissejħu "atti ta’ implimentazzjoni" (Artikolu 291(4)).

L-objettiv ta’ din il-proposta jikkonsisti fl-allinjament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008[1] tas-17 ta’ Diċembru 2007 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi ma’ dawk id-dispożizzjonijiet tat-TFUE.

Skont din il-proposta, l-objettivi u l-prinċipji u elementi essenzjali oħra tal-politika dwar għoti ta’ informazzjoni u miżuri ta’ promozzjoni għal prodotti agrikoli fis-suq intern u f’pajjiżi terzi jkunu ddeterminati mil-Leġiżlatur. B’hekk, l-objettivi ta’ dik il-politika partikolari u l-prinċipji ta’ approċċ strateġiku, programmar, komplementarjetà, konsistenza u konformità ma’ politiki oħra tal-Unjoni jkunu ffissati mil-Leġiżlatur. Bl-istess mod, il-Leġiżlatur jistabbilixxi l-prinċipji ta’ sħubija, sussidjarjetà u ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u nondiskriminazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha permezz ta’ atti delegati tiddetermina xi jfisser programm ta’ informazzjoni u promozzjoni (Artikolu 1(1)). B'mod simili, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati biex tiddetermina l-karatteristiċi li magħhom messaġġi ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-programmi għandhom ikunu konformi sabiex tissaħħaħ l-oġġettività ta’ dawn il-messaġġi, kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi (Artikolu 1(3)). Flimkien ma’ dan, il-Kummissjoni għandha tfassal listi tat-temi, il-prodotti u l-pajjiżi terzi li jistgħu jkunu koperti minn dawn il-miżuri (Artikolu 4). Hija għandha tadotta wkoll regoli għall-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni (Artikolu 5). Barra minn dan, hija għandha tadotta regoli dettaljati dwar il-programmi li għandhom ikunu implimentati f’pajjiżi terzi b’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex tiżgura li jitmexxew mingħajr diffikultajiet (Artikolu 6). Sabiex tiżgura l-użu l-aktar effiċjenti ta’ finanzjament mill-Unjoni, hija tista’ wkoll tiddefinixxi prijoritajiet ulterjuri għall-għażla tal-programmi b’żieda ma’ dawk diġà stabbiliti mil-Leġiżlatur (Artikolu 8(1)).

Barra minn dan, il-Leġiżlatur għandu jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 (2) tat-Trattat, fir-rigward tal-kondizzjonijiet uniformi għall-għażla minn qabel tal-programmi mill-Istati Membri (Artikolu 7) u l-għażla tagħhom mill-Kummissjoni (Artikolu 8), il-proċedura f’każ ta’ nuqqas ta’ programmi (Artikolu 9), l-approvazzjoni ta’ korpi ta’ implimentazzjoni (Artikolu 11(4)), l-użu ta’ materjal u l-monitoraġġ tal-programmi (Artikolu 12(3)), il-modalitajiet ta’ finanzjament tal-programmi, il-konklużjoni ta’ kuntratti għall-implimentazzjoni tal-programmi, l-għoti ta’ titoli, il-modalitajiet ta’ pagament u l-irkupru ta’ pagamenti mhux dovuti, il-modalitajiet ta’ verifiki u pieni (Artikolu 13(9)).

Fl-aħħar nett, uħud mis-setgħat li s’issa kienu eżerċitati mill-Kummissjoni skont is-setgħat konferiti lilha bir-Regolament (KE) Nru 3/2008 kienu tqiesu ta’ importanza tali li kienu inkorporati f’dak ir-Regolament. Dan għandu x’jaqsam ma’ (i) l-esklużjoni minn għajnuna skont ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 ta’ miżuri ta’ informazzjoni u promozzjoni fis-suq intern li jirċievu għajnuna skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali biex ikun eliminat ir-riskju ta’ finanzjament doppju (cf. Artikolu 15[2] tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 501/2008[2]); (ii) il-prinċipji li, biex ikun żgurat l-immaniġġjar fis-sod tal-baġit tal-Unjoni, organizzazzjonijiet li jagħmlu proposti għandhom jiddepożitaw titoli bħala garanzija ta’ implimentazzjoni xierqa tal-programmi (cf. Artikolu 16[3] tar-Regolament (KE) Nru 501/2008) u li (iii) huma jkunu suġġetti għal pieni jekk jonqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom (cf. Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 501/2008).

2. RIŻULTATI TA’ KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Ma kien hemm l-ebda ħtieġa ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati jew ta’ analiżi tal-impatt minħabba li l-proposta li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 ikun allinjat mat-TFUE hija materja interistituzzjonali li għandha tikkonċerna r-Regolamenti kollha tal-Kunsill.

3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

· Sommarju tal-Proposta

Ikunu identifikati s-setgħat ta’ delega u ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 u li tkun stabbilita l-proċedura korrispondenti għall-adozzjoni ta’ dawn l-atti.

Ikunu inkorporati fir-Regolament (KE) Nru 3/2008 wħud mis-setgħat li s’issa kienu eżerċitati mill-Kummissjoni.

· Bażi legali

L-Artikoli 42 u 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

· Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-politika ta’ promozzjoni u informazzjoni tal-UE tissupplimenta u tirrinforza b’mod utli l-iskemi mmexxijin mill-Istati Membri billi tagħti spinta lid-dehra tal-prodotti f'għajnejn il-konsumaturi fl-UE u f’pajjiżi terzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalità, il-valur ta’ nutrizzjoni u s-sikurezza fl-oġġetti tal-ikel u l-metodi tal-produzzjoni. Meta tgħin biex jinfetħu swieq ġodda f’pajjiżi terzi, azzjoni bħal din aktarx li jkollha effett multiplikatur fuq inizjattivi nazzjonali u privati.

Il-proposta hija ta’ kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri u hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

· Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Minħabba li l-liberalizzazzjoni fil-kummerċ qed tiżdied, inkluż il-kummerċ fi prodotti agrikoli u tal-ikel, l-iskambju fil-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi jsir aktar u aktar importanti. Fl-istess waqt, l-appoġġ offrut lil produtturi tal-UE li jikkompetu fi swieq Ewropej u globali ma’ produtturi mhux tal-UE kien limitat (eż. rifużjonijiet għal esportazzjoni). Ir-regolament dwar għoti ta’ informazzjoni u miżuri ta’ promozzjoni għal prodotti agrikoli fis-suq intern u f’pajjiżi terzi huwa, għalhekk, strument kruċjali li huwa konsistenti mal-qafas il-ġdid tal-Ftehim tad-WTO dwar l-agrikoltura.

Naturalment huwa wkoll dmir tal-UE li tippromwovi l-istandards ta’ kwalità għolja ta’ prodotti agrikoli tal-UE u li tinkoraġġixxi programmi promozzjonali konġunti li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed tal-UE jew aktar minn settur agrikolu wieħed.

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

· Għażla ta’ strument legali

Strument propost: Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

4. IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex impatt fuq in-nefqa baġitarja.

5. ELEMENTI FAKULTATTIVI

Ma hemmx elementi fakultattivi.

2011/0290 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[3],

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[5],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008[6] jikkonferixxi kompetenza lill-Kummissjoni li tadotta regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(2) Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-setgħat konferiti bir-Regolament (KE) Nru 3/2008 lill-Kummissjoni jeħtiġilhom ikunu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat).

(3) Biex ikunu żgurati l-konsistenza u l-effikaċja tal-miżuri pprovduti fir-Regolament (KE) Nru 3/2008, kif ukoll l-immaniġġar fis-sod tagħhom u l-użu l-aktar effiċjenti ta’ fondi tal-Unjoni, is-setgħa li jkunu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-programm ta’ informazzjoni u promozzjoni, id-determinazzjoni tal-karatteristiċi li magħhom għandhom ikunu konformi l-messaġġi ta’ informazzjoni u promozzjoni, it-tfassil ta’ listi tat-temi, il-prodotti u l-pajjiżi terzi li jistgħu jkunu koperti minn dawn il-miżuri, l-adozzjoni ta’ regoli li jiddefinixxu l-istrateġija għall-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni, l-adozzjoni ta’ regoli dettaljati fir-rigward tal-programmi li għandhom ikunu implimentati f’pajjiżi terzi b’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u d-definizzjoni ta’ prijoritajiet ulterjuri għall-għażla tal-programmi b’żieda ma’ dawk diġà stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 3/2008. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż f’livell espert. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u adatta ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(4) Biex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 3/2008, għandhom ikunu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[7].

(5) Uħud mis-setgħat li s’issa kienu eżerċitati mill-Kummissjoni skont is-setgħat konferiti lilha bir-Regolament (KE) Nru 3/2008 jitqiesu ta’ importanza tali li għandhom ikunu inkorporati f’dak ir-Regolament. Dan għandu x’jaqsam ma’ (i) l-esklużjoni minn appoġġ skont ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 ta’ miżuri ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni li jirċievu appoġġ skont skemi oħra tal-Unjoni li jistgħu jġibu magħhom ir-riskju ta’ finanzjament doppju; (ii) il-prinċipju li organizzazzjonijiet li jagħmlu proposti għandhom jiddepożitaw titoli bħala garanzija ta’ implimentazzjoni xierqa tal-programmi; u (iii) il-prinċipju li, biex ikun żgurat l-immaniġġjar fis-sod tal-baġit tal-Unjoni, dawn l-organizzazzjonijiet li jagħmlu l-proposti jkunu suġġetti għal pieni jekk jonqsu li jwettqu l-obbligi tagħhom.

(6) Ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 għandu, għalhekk, ikun emendat b’dan il-mod,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 1, is-subparagrafu li ġej huwa miżjud:

"Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti delegati, tiddetermina l-karatteristiċi tal-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni u l-perjodu għall-implimentazzjoni tagħhom."

(b) Il-paragrafi li ġejjin huma miżjudin:

"3.     Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti delegati, tiddetermina l-karatteristiċi ta’ messaġġi ta’ informazzjoni u promozzjoni.

4.       Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli li jkunu jappartjenu lid-deżinjazzjoni mill-Istati Membri tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-implimentazzjoni tal-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1."

(2) Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4, l-ewwel sentenza hija sostitwita bit-test li ġej:

"Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti delegati, tfassal listi tat-temi u tal-prodotti skont l-Artikolu 3 u tal-pajjiżi terzi konċernati."

(3) L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 5 Strateġija għall-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni

1.      Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti delegati, tadotta regoli li għandhom ikunu segwiti li jiddefinixxu l-istrateġija għall-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni fis-suq intern.

Dawn ir-regoli għandhom jipprovdu indikazzjonijiet ġenerali, b’mod partikolari li jikkonċernaw:

(a)     objettivi u miri li jridu jintlaħqu;

(b)     tema waħda jew aktar li għandha/om tkun/ikunu s-suġġett tal-miżuri magħżulin;

(c)     it-tipi ta’ miżuri li għandhom ikunu implimentati;

(d)     it-tul tal-programmi;

(e)     id-distribuzzjoni indikattiva, skont is-suq u t-tip ta’ miżura prospettata, tal-ammont disponibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-programmi.

Fir-rigward tal-promozzjoni ta’ frott u ħaxix frisk, għandha tingħata attenzjoni partikolari għal miżuri ta’ promozzjoni maħsubin għat-tfal fl-iskejjel.

2.      Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti delegati, tadotta regoli li jiddefinixxu l-istrateġija li għandha tkun segwita fi proposti għall-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni f’pajjiżi terzi għal xi wħud mill-prodotti jew għall-prodotti kollha msemmijin fl-Artikolu 3(2)."

(4) L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1.     Biex jimplimentaw il-miżuri msemmijin fl-Artikolu 2(1)(a), (b) u (c), fl-Artikolu 2(2) u fl-Artikolu 2(3)(a), (b) u (c), skont l-atti delegati msemmijin fl-Artikolu 5(1) u suġġetti għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-organizzazzjoni(jiet) kummerċjali u/jew interkummerċjali li jirrappreżentaw is-settur(i) konċernat(i) fi Stat Membru wieħed jew aktar jew fil-livell tal-Unjoni għandhom ifasslu proposti għall-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni li t-tul tagħhom ikun ta’ massimu ta’ tliet snin."

(b) fil-paragrafu 2, is-subparagrafu li ġej huwa miżjud:

"Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti delegati, tadotta regoli dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ promozzjoni f’pajjiżi terzi implimentati b’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali."

(5) L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"L-Istat(i) Membru/i konċernat(i) għandu/hom jeżamina(w) kemm ikunu adatti l-proposti għall-programmi u għandhom jivverifikaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, mal-atti delegati msemmijin fl-Artikolu 5 u mal-ispeċifikazzjonijiet rilevanti. Għandhom ukoll jaraw li l-programm joffri valur għall-flus.'

(b) Fil-paragrafu 2, it-tieni u t-tielet subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

"Jekk il-Kummissjoni ssib li programm li jkun ġie sottomess jew li xi wħud mill-miżuri tiegħu ma jkunux skont regoli tal-Unjoni jew, għall-miżuri li jkollhom jitwettqu fis-suq intern, mal-atti delegati msemmijin fl-Artikolu 5, jew ma joffrux valur għall-flus, hija għandha tinnotifika lill-Istat(i) Membru/i konċernat(i) dwar l-ineġibbiltà tal-programm kollu jew ta’ parti minnu, f’limitu determinat ta’ żmien. Malli dan il-limitu ta’ żmien jinqabeż u ma tkunx intbagħtet notifika bħal dik, il-programm għandu jitqies eliġibbli.

L-Istat(i) Membru/i għandu/hom iqisu kull osservazzjoni magħmula mill-Kummissjoni u għandhom jibagħtulha l-programmi riveduti b’konformità mal-organizzazzjoni(jiet) li tagħmel/jagħmlu l-proposti msemmija fl-Artikolu 6(1) limitu stabbilit ta’ żmien"

(c) Il-paragrafu 3 li ġej huwa miżjud:

"3.     Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi:

(a)     ir-regoli relatati mas-sottomissjoni tal-proposti tal-programmi lill-Istati Membri,

(b)     ir-rekwiżiti li l-programmi għandhom ikunu konformi magħhom u l-kriterji li magħhom għandhom ikunu vverifikati l-programmi,

(c)     ir-regoli li jappartjenu għall-proċedura ta’ għażla minn qabel mill-Istati Membri u l-għażla mill-Kummissjoni u limiti relatati ta’ żmien ."

(6) L-Artikolu 8 huwa sostitwit bit-test li ġej:

"Artikolu 8 Għażla tal-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni

1.      Fl-għażla tal-programmi, għandha tingħata prijorità lill-programmi proposti minn diversi Stati Membri jew lil dawk li jipprovdu għal miżuri f’diversi Stati Membri jew f’pajjiżi terzi.

Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti delegati, tiddefinixxi prijoritajiet ulterjuri għall-għażla tal-programmi.

2.      Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddeċiedi liema programmi speċifiċi għandhom jintgħażlu, kull modifika għalihom u l-baġits li jikkorrispondu magħhom."

(7) L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1.     Fin-nuqqas ta’ programmi li jkollhom ikunu esegwiti fis-suq intern għal miżura waħda jew aktar ta’ informazzjoni msemmijin fl-Artikolu 2(1)(b), sottomessi skont l-Artikolu 6(1), kull Stat Membru konċernat għandu jfassal, abbażi tal-atti delegati msemmijin fl-Artikolu 5(1), programm u l-ispeċifikazzjoni tiegħu u għandu jagħżel permezz ta’ sejħa pubblika għall-offerti l-korp ta’ implimentazzjoni għall-programm li huwa jieħu biex jikkofinanzja."

(b) fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Fin-nuqqas ta’ programmi li jkollhom ikunu esegwiti f’pajjiżi terzi għal miżura waħda jew aktar ta’ informazzjoni msemmijin fl-Artikolu 2(1)(a), (b) u (c), sottomessi skont l-Artikolu 6(1), kull Stat Membru konċernat għandu jfassal, abbażi tal-atti delegati msemmijin fl-Artikolu 5(2), programm u l-ispeċifikazzjoni tiegħu u għandu jagħżel permezz ta’ sejħa pubblika għall-offerti l-korp ta’ implimentazzjoni għall-programm li huwa jieħu biex jikkofinanzja."

(c) fil-paragrafu 3, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"b)     il-konformità tal-programm u tal-korp propost ma’ dan ir-Regolament u, fejn ikun meħtieġ, mal-atti delegati applikabbli;"

(d) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"4.     Għall-finijiet tal-eżami mill-Kummissjoni tal-programmi, għandhom japplikaw l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8."

(e) Il-paragrafu 5 huma mħassar.

(8) Fl-Artikolu 10, is-sentenza ta’ introduzzjoni hija sostitwita bit-test li ġej:

"Wara li tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 16b(1) jew, fejn ikun meħtieġ, lill-kumitat għall-agrikoltura organika stabbilit bl-Artikolu 38e tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi* jew lill-Kumitat għall-Politika tal-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli stabbilit bl-Artikolu [54] tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru XXX/201X ta’ XX Xxxxx 201X dwar skemi għall-kwalità ta’ prodotti agrikoli**, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tesegwixxi waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

* ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

**ĠU L …."

(9) L-Artikolu 11 għandu jkun emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa mħassar.

(b) Il-paragrafu 4 li ġej huwa miżjud:

"4.     Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi l-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni mill-Istati Membri tal-korpi ta’ implimentazzjoni magħżulin, kif ukoll il-kondizzjonijiet li bihom l-organizzazzjoni li tagħmel proposti tkun tista’ tiġi awtorizzata timplimenta ċerti partijiet tal-programm innifsu."

(10) Fl-Artikolu 12, il-paragrafu 3 li ġej huwa miżjud:

"3.     Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli li jappartjenu għall-użu ta’ materjal ta’ informazzjoni u promozzjoni u l-monitoraġġ tal-programmi."

(11) L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"6.     Permezz ta’ deroga mill-Artikolu [XXX li qabel kien 180 tar-Regolament 1234/2007] tar-Regolament (UE) XXXX/20.. tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* ta’ …. [li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-suq tal-prodotti agrikoli (Regolament dwar l-OKS Unika)] [OKS allinjata] u mill-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 tal-24 ta’ Lulju 2006 li japplika ċerti regoli ta' kompetizzjoni għall-produzzjoni ta', u l-kummerċ fi, prodotti agrikoli**, l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat ma għandhomx japplikaw għal pagamenti magħmulin mill-Istati Membri, inklużi l-parteċipazzjonijiet finanzjarji tagħhom, lanqas għall-parteċipazzjonijiet finanzjarji minn imposti parafiskali jew kontribuzzjonijiet obbligatorji tal-Istati Membri jew ta’ organizzazzjonijiet li jagħmlu proposti għall-programmi eliġibbli għal appoġġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 42 tat-Trattat, li l-Kummissjoni tkun għażlet skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament.

* ĠU L…….

** ĠU L 214, 4.8.2006, p. 7"

(b) Il-paragrafi li ġejjin huma miżjudin:

"7.     Operazzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni li jirċievu appoġġ skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) * ma għandhomx ikunu eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni Ewropea skont dan ir-Regolament.

8.       It-titoli għandhom ikunu ddepożitati mill-organizzazzjonijiet li jagħmlu proposti biex tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-programmi u għandhom ikunu imposti pieni fuq organizzazzjonijiet li jagħmlu proposti jekk jonqsu li jwettqu l-obbligi tagħhom.

9.       Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli li jappartjenu lil:

(a)     il-modalitajiet ta’ ffinanzjar tal-programmi approvati skont dan ir-Regolament,

(b)     il-konklużjoni ta’ kuntratti għall-implimentazzjoni tal-programmi approvati skont dan ir-Regolament,

(c)     l-għoti ta’ titoli minn organizzazzjonijiet li jagħmlu proposti u l-modalitajiet għar-rilaxx tagħhom,

(d)     il-modalitajiet ta’ pagamenti u l-irkupru ta’ pagamenti mhux dovuti,

(e)     il-modalitajiet tal-verifiki li jkollhom isiru mill-Istati Membri u l-pieni li għalihom ikunu suġġetti organizzazzjonijiet li jagħmlu proposti.

* ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1."

(12) L-Artikoli 15 u 16 huma mħassrin.

(13) L-Artikoli 15a, 16a u 16b li ġejjin huma mdaħħla:

"Artikolu 15a Setgħat tal-Kummissjoni

Meta jingħataw setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati, għandu japplika l-Artikolu 16a.

Meta jingħataw setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni, hija għandha taġixxi skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16b.

Artikolu 16a Exerċitar tad-delega

1.      Is-setgħa li tadotta atti delegati hija kkonferita lill-Kummissjoni suġġetta għall-kondizzjonijiet stabbhiliti f’dan l-Artikolu.

2.      Id-delega ta’ setgħa msemmija f’dan ir-Regolament għandha tkun ikkonferita għal perjodu indeterminat ta’ żmien.

3.      Id-delega ta’ setgħat imsemmija f’dan ir-Regolament tista’ tkun irrevokata f’kull żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandu jkollha effett fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata hemmhekk. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kull att li jkun diġà fis-seħħ.

4.      Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.      Att delegat adottat skont dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun espressa ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li huma ma jkunux ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jkun estiż b’xahrejn bl-iniżjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 16b Atti ta’ implimentazzjoni - kumitat

1.      Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit bl-Artikolu 323(2) tar-Regolament (UE) XXXX/20.. tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* ta’ …. [li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-suq fi prodotti agrikoli (Regolament dwar l-OKS Unika)] [OKS allinjata]. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni**.

2.      Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

* ĠU L…….

** ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13."

(14) L-Artikolu 17 huwa sostitwit bit-test li ġej:

"Artikolu 17 Konsultazzjoni

Qabel tadotta atti delegati jew atti ta’ implimentazzjoni msemmijin f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta:

(a)     mal-Grupp ta’ Konsulenza dwar il-Promozzjoni ta’ Prodotti Agrikoli stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/391/KE;

(b)     mal-gruppi ta’ ħidma tekniċi ad hoc magħmulin minn membri tal-kumitat jew esperti fil-promozzjoni u r-reklamar."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA ||

||

1. || INTESTATURA TAL-BAĠIT: Kapitolu 05: agrikoltura u żvilupp rurali || APPROPRJAZZJONIJIET: AI: EUR 57 292 184 763 AP: EUR 55 269 004 060

2. || TITOLU: Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 3/2008 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

3. || BAŻI LEGALI: Artikolu 43 TFUE

4. || GĦANIJIET: Ikunu identifikati s-setgħat ta’ delega u ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 u tkun stabbilita l-proċedura korrispondenti għall-adozzjoni ta’ dawn l-atti (allinjament tar-Regolament mat-Trattat ta’ Lisbona).

5. || IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI || PERJODU TA’ 12-IL XAHAR (EUR miljun) || SENA FINANZJARJA KURRENTI [2011] (EUR miljun) || SENA FINANZJARJA SEGWENTI [2012] (EUR miljun)

5.0 || INFIQ TA’ -               INFIQ TAL-BAĠIT TAL-UE (RIFUŻJONIJIET/INTERVENTI) -               BAĠITS NAZZJONALI -               OĦRAJN || - || - || -

5.1 || INTROJTU -               RIŻORSI PROPRJI TAL-UE (IMPOSTI/DAZJI DOGANALI) -               NAZZJONALI || - || - || -

|| || [2013] || [2014] || [2015] || [2016]

5.0.1 || NEFQA PROĠETTATA || - || - || - || -

5.1.1 || DĦUL PROĠETTAT || - || - || - || -

5.2 || METODU TA’ KALKULAZZJONI:

6.0 || JISTA' L-PROĠETT IKUN IFFINANZJAT MINN APPROPRJAZZJONIJIET IMDAĦĦLIN FIL-KAPITOLU RILEVANTI TAL-BAĠIT KURRENTI? || IVA LE

6.1 || JISTA' L-PROĠETT IKUN IFFINANZJAT BI TRASFERIMENT BEJN KAPITOLI TAL-BAĠIT KURRENTI? || IVA LE

6.2 || GĦANDU JKUN MEĦTIEĠ BAĠIT SUPPLIMENTARI? || IVA LE

6.3 || L-APPROPRJAZZJONIJIET SE JKUN JEĦTIĠILHOM JIDDAĦĦLU FIL-BAĠITS FUTURI? || IVA LE

OSSERVAZZJONIJIET: L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li r-Regolament tal-Kunsill ikun allinjat mat-Trattat ta’ Lisbona; għalhekk, huwa mingħajr impatt fuq infiq baġitarju.

[1]               ĠU L 3, 5.1.2008, p. 1.

[2]               ĠU L 147, 6.6.2008, p. 3

[3]               ĠU C , , p. .

[4]               ĠU C , , p. .

[5]               ĠU C , , p. .

[6]               ĠU L 3, 5.1.2008, p. 1.

[7]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.