Proposta għal REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta' ċerti alkoħols xaħmin u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja /* KUMM/2011/0644 finali - 2011/0277 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ("ir-Regolament bażiku") fil-proċediment kontra d-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols xaħmin u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja. Il-kuntest ġenerali Din il-proposta qiegħda ssir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku. Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ġew imposti miżuri provviżorji bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 446/2011 (ĠU L 122, 11.05.2011, p. 47). Il-konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni Mhux applikabbli. 2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Konsultazzjoni mal-partijiet interessati Il-partijiet interessati milquta mill-proċediment kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi Ma kienx hemm ħtieġa ta’ kompetenzi esterni. Il-valutazzjoni tal-impatt Din il-proposta hija r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma fihx dispożizzjonijiet għal valutazzjoni ġenerali tal-impatt iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jeħtieġ li jiġu vvalutati. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Taqsira tal-azzjoni proposta Il-proposta mehmuża mar-Regolament tal-Kunsill hija bbażata fuq ir-riżultati definittivi dwar id-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni. Huwa għalhekk propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament li għandu jiġi ppubblikat sa mhux aktar tard mill-11 ta’ Novembru 2011. Il-Bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa' fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax. Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin: Il-forma ta’ azzjoni hija deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma tagħtix lok għal deċiżjoni nazzjonali. L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq l-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini huwa mminimizzat u proporzjonat meta mqabbel mal-għan tal-proposta, mhijiex applikabbli. L-għażla tal-istrumenti L-istrumenti proposti: regolament. Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni li ġejja: Mezzi oħrajn ma jkunux xierqa minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet alternattivi. 4. L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni. 2011/0277 (NLE) Proposta għal REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta' ċerti alkoħols xaħmin u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] ("ir-Regolament bażiku"), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea ("il-Kummissjoni") wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv, Billi: A. PROĊEDURA 1. Miżuri provviżorji 2. Il-Kummissjoni, bir-Regolament (UE) Nru 446/2011[2] ("ir-Regolament provviżorju") imponiet dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti alkoħols xaħmin u t-taħlitiet tagħhom (FOH) li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja ("il-pajjiżi kkonċernati"). 3. Il-proċediment inbeda permezz ta' Notifika tal-Inizjazzjoni (NOI) ippubblikata fit-13 ta' Awwissu 2010[3] wara ilment imressaq fit-30 ta' Ġunju 2010 minn żewġ produtturi tal-Unjoni, Cognis GmbH (Cognis) u Sasol Olefins & Surfactants GmbH (Sasol), (flimkien imsejħa "l-ilmentaturi"). Dawn iż-żewġ kumpaniji jirrappreżentaw sehem ewlieni, f'dan il-każ aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott investigat. 4. Kif stipulat fil-premessa 9 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni ta’ dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2010 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sa tmiem il-PI ("il-perjodu kkunsidrat"). 5. Il-proċedura sussegwenti 6. Wara li ġew żvelati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li abbazi tagħhom ġie deċiż li jkunu imposti miżuri provviżorji tal-antidumping ("żvelar provviżorju"), għadd ta' partijiet interessati ressqu sottomissjonijiet bil-miktub li bihom urew il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li talbu dan ingħataw l-opportunità li jinstemgħu. 7. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. 8. Sussegwentement, il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li tkun rakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju definittiv ta’ antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols xaħmin u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja u l-ġbir definittiv tal-ammonti garantiti permezz tad-dazju provviżorju ("l-iżvelar finali"). Il-partijiet ingħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu kummenti dwar dan l-iżvelar finali. 9. Il-kummenti orali u bil-miktub imressqa mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu fejn kien xieraq. B. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI 10. Il-prodott ikkonċernat 11. Il-prodott ikkonċernat, kif stipulat fil-premessi (10) u (11) tar-Regolament provviżorju, huwa alkoħols xaħmija saturati b’katina ta’ atomi ta’ karbonju ta’ tul ta’ C8, C10, C12, C14, C16 jew C18 (l-iżomeri bil-friegħi mhux inklużi) li jinkludu alkoħols xaħmija saturati uniċi (imsejħa wkoll "qatgħat uniċi") u taħlitiet li b’mod predominanti jinkludu kombinazzjoni ta’ ktajjen ta’ atomi ta’ karbonju ta’ tulijiet ta’ C6-C8, C6-C10, C8-C10, C10-C12 (ġeneralment kategorizzati bħala C8-C10), taħlitiet li b’mod predominanti jinkludu kombinazzjoni ta’ ktajjen ta’ atomi ta’ karbonju ta’ tulijiet ta’ C12-C14, C12-C16, C12-C18, C14-C16 (ġeneralment kategorizzati bħala C12-C14), u taħlitiet li b’mod predominanti jinkludu kombinazzjoni ta’ ktajjen ta’ atomi ta’ karbonju ta’ tulijiet ta’ C16-C18, li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja, u l-Malasja, li bħalissa jaqaw taħt il-kodiċijiet NM ex 2905 16 85, 2905 17 00, ex 2905 19 00 u ex 3823 70 00. 12. Wara l-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji ċerti partijiet ilmentaw dwar l-ambigwità tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Huma sostnew li skont l-NOI, l-FOH lineari biss huma inklużi fil-karatteristiċi tal-prodott, u b'hekk qegħdin jiġu esklużi l-FOH li jkun fihom l-iżomeri bil-friegħi, jew l-FOH bil-friegħi. Partijiet oħrajn sostnew li ma jagħmilx sens li wieħed jeskludi l-FOH li jkun fihom l-iżomeri bil-friegħi prodotti permezz tal-proċess oxo għax għandhom l-istess użu u jikkompetu mal-FOH lineari fis-suq. 13. Ġie stabbilit li t-tipi kollha ta’ FOH koperti minn din l-investigazzjoni, kif deskritt fil-premessa (8), minkejja differenzi possibbli f’termini ta’ materja prima użata għall-produzzjoni, jew varjanti fil-proċess ta’ produzzjoni, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi jew simili ħafna u jintużaw għall-istess finijiet. Il-varjazzjonijiet possibbli fil-prodott ikkonċernat ma jibdlux id-definizzjoni bażika, il-karatteristiċi tiegħu jew il-perċezzjoni li bosta partijiet għandhom tiegħu. 14. Għalhekk, id-deċiżjoni provviżorja li jiġu esklużi l-FOH li jkun fihom l-iżomeri bil-friegħi mill-karatteristiċi tal-prodott kif imsemmi fl-NOI u biex tiġi eskluża l-produzzjoni ta' dawn il-kumpaniji ta' FOH bil-friegħi mid-definizzjoni tal-produzzjoni tal-UE (inklużi dawk il-kumpaniji li jipproduċu FOH permezz tal-proċess oxo) għandha tinżamm. Minħabba li ma hemm l-ebda kumment ieħor rigward il-prodott ikkonċernat, il-premessi (10) u (11) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati. 15. Il-prodott simili 16. Huwa mfakkar li ġie determinat b'mod provviżorju fil-premessa (13) tar-Regolament provviżorju li l-FOH lineari u l-FOH bil-friegħi mhumiex prodotti simili u għalhekk id-dejta li tirrigwarda produtturi li jipproduċu FOH magħmul minn iżomeri bil-friegħi għandhom jiġu esklużi mill-analiżi tal-ħsara. 17. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor rigward il-prodott simili, il-premessi (12) u (13) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati. C. DUMPING 18. L-Indja 19. Il-Valur Normali 20. Fin-nuqqas ta’ kummenti li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-valur normali, is-sejbiet provviżorji fil-premessi minn (14) sa (18) tar-Regolament provviżorju huma permezz ta' dan ikkonfermati. 21. Il-prezz tal-esportazzjoni 22. Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra rigward id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, is-sejbiet provviżorji tal-premessa (19) tar-Regolament provviżorju huma permezz ta' dan ikkonfermati. 23. It-tqabbil 24. Wara żvelar provviżorju u definittiv, iż-żewġ produtturi esportaturi Indjani tennew id-dikjarazzjoni tagħhom li l-bejgħ tagħhom li sar lil wieħed mill-ilmentaturi oriġinali fl-Unjoni matul il-PI ma għandux jitqies fil-kalkolu tal-marġni tad-dumping (ara l-premessa (22) tar-Regolament provviżorju). Il-kumpaniji bbażaw id-dikjarazzjoni tagħhom fuq il-fatt li l-Artikolu 9.1 tal-Ftehim Antidumping tad-WTO jipprevedi li l-ammont tad-dazju li għandu jiġi impost għandu jkun il-marġni sħiħ tad-dumping jew inqas. Il-produtturi esportaturi Indjani irreferew ukoll għall-Artikolu 2.4 tal-Ftehim Antidumping tad-WTO skont liema għandu jsir tqabbil ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Abbażi ta' dan, huma allegaw li l-ilmentatur kien innegozja magħhom ix-xiri ta' kwantitajiet kbar bi prezzijiet baxxi ħafna fl-istess ħin meta dan kien qed iħejji l-ilment, u li għalhekk il-prezzijiet ta' dawn it-tranżazzjonijiet ma kinux ġew stabbiliti b'mod ġust, u għal din ir-raġuni tali tranżazzjonijiet ma għandhomx jiġu inklużi fil-kalkoli tad-dumping. 25. L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li l-fatt li l-Ftehim Antidumping tad-WTO jipprevedi l-possibbiltà li jiġi impost dazju aktar baxx mill-marġni sħiħ tad-dumping, ma joħloqx obbligu li dan isir. L-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku sempliċement jimponi obbligu li jiġi limitat id-dazju antidumping għal livell li huwa biżżejjed biex jiġi eliminat id-dannu. Barra minn hekk, ma kienx hemm evidenza li l-prezzijiet ma kinux innegozjati b'mod ħieles bejn il-partijiet. Eżami tax-xiri globali li għamel l-ilmentatur ikkonċernat wera wkoll li l-prezzijiet innegozjati miż-żewġ produtturi esportaturi Indjani kienu konformi mal-prezzijiet miftiehma għax-xiri ta' prodotti simili mill-ilmentatur ikkonċernat minn fornituri oħrajn. Barra minn hekk, ġie stabbilit li l-ilmentatur kien qed jimporta l-prodott ikkonċernat mill-produtturi esportaturi Indjani għal għadd ta' snin u mhux biss matul il-PI. Barra dan, produttur esportatur wieħed iddikjara f'seduta orali ppreseduta mill-uffiċjal tas-seduta li l-prezzijiet tagħhom għall-ilmentatur ikkonċernat kienu strutturalment aktar baxxi minn dawk mitluba minn klijenti oħrajn. Bħala konklużjoni, ma hemm l-ebda evidenza li turi li l-prezzijiet ma kinux stabbiliti b'mod ġust biss minħabba l-fatt li l-bejgħ sar lil ilmentatur u huwa kkonfermat li t-talba hija rrifjutata. 26. Wara l-iżvelar provviżorju u definittiv, iż-żewġ produtturi esportaturi Indjani tennew it-talba tagħhom għal aġġustament għall-kambju tal-munita skont l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku bl-argument li kien hemm żieda sostnuta fil-valur tar-Rupee Indjan (INR) meta mqabbel mal-Euro (EUR) minn Novembru 2009 li jista' jkollha effett ta' tgħawwiġ fuq il-kalkoli tad-dumping (ara l-premessa (23) tar-Regolament provviżorju). Iż-żewġ produtturi esportaturi rrikonoxxew li l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom fit-tieni nofs tal-PI kienu aktar għoljin minn dawk fl-ewwel nofs tal-PI iżda sostnew li din it-tendenza kienet dovuta esklussivament għal żieda fil-kosti tal-materja prima u għat-titjib ġenerali fil-kundizzjonijiet tas-suq wara t-tmiem tal-kriżi ekonomika, u ma kinux jirriflettu ż-żieda tal-INR meta mqabbel mal-EUR. Barra minn hekk, il-kumpaniji sostnew li anke jekk kienu kapaċi jaddattaw il-prezzijiet tagħhom b'mod regolari u f'intervalli qosra, qatt ma kienu se jistgħu jkunu kapaċi jipprevedu b'mod eżatt l-iżviluppi fir-rati tal-kambju għal perjodu fil-ġejjieni. 27. L-investigazzjoni wriet li anke jekk l-INR żied fil-valur b'mod gradwali meta mqabbel mal-EUR matul it-tieni nofs tal-PI, għal kull produttur esportatur Indjan il-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti ewlenin għal bosta klijenti ewlenin proprjament inbiddlu minn xahar għal xahar, b'mod partikolari matul it-tieni nofs tal-PI. Għalhekk, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-prezzijiet għall-bejgħ lill-Unjoni setgħu nbidlu fl-istess mument biex jirriflettu wkoll il-bidliet fir-rati tal-kambju fi żmien 60 jum kif previst fl-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 2.4.1 tal-Ftehim Antidumping tad-WTO. Billi, f'bosta każijiet, il-prezzijiet inbidlu ta' spiss, kwalunkwe bidla fir-rati ta' kambju setgħet ukoll ġiet riflessa. Barra minn hekk, dan wera li s-suq tal-FOH b'mod ġenerali huwa miftuħ sabiex jaċċetta bidliet frekwenti fil-prezzijiet. Għalhekk, anke f'każijiet fejn il-prezzijiet inbidlu inqas ta' spiss, ma hemm l-ebda evidenza li turi li dan ma kienx minħabba l-għażla ta' negozju li għamlu l-partijiet. Il-fatt li l-prezzijiet jistgħu jiġu adattati malajr biex jirriflettu s-sitwazzjonijiet tas-suq imbiddla (f'dan il-każ, bidliet allegati fir-rati tal-kambju tal-munita) ta lill-produtturi esportaturi Indjani l-possibbiltà li jirriflettu tali bidliet fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom jekk jixtiequ u kif apparentement għamlu f'għadd ta' każijiet. Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, kwalunkwe aġġustament għall-kambju tal-munita mhuwiex iġġustifikat u t-talba hija rrifjutata. 28. Wara żvelar provviżorju, produttur esportatur Indjan sostna li l-konċessjoni li ngħatat skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku għad-differenzi fit-taxxi indiretti, li kienet ingħatat fir-rigward ta' ċerti tipi ta' prodotti, kellha tingħata wkoll fir-rigward ta' prodotti u taħlitiet bi ktajjen ta' tulijiet ta' C12 u C14 għax id-dazju li tħallas fuq il-materja prima li ntużat għal dawn il-prodotti kien ġie rimborżat meta l-prodott ġie esportat. Madankollu, ma tressqet l-ebda informazzjoni li setgħet tiġi vverifikata fil-post matul l-investigazzjoni, li hija prova li tali dazji kienu tħallsu lura sussegwentement. Wara l-iżvelar definittiv, il-kumpanija sostniet li l-kummenti tagħha nftiehmu ħażin u li l-materja prima kollha li ntużat għall-produzzjoni ta' prodotti u taħlitiet bi ktajjen ta' tulijiet ta' C12 u C14 kienu ġew importati mingħajr dazju. Billi għandha titħallas taxxa indiretta jekk din il-materja prima mbagħad tiġi inkorporata fi prodotti mibjugħin fis-suq domestiku, il-kumpanija titlob aġġustament tal-valur normali għal dawn it-tipi speċifiċi tal-prodott. Madankollu, l-evidenza mressqa matul il-verifika turi li l-materja prima speċifika li hija meħtieġa għall-produzzjoni tat-tipi tal-prodott bi ktajjen ta' tulijiet ta' C12 u C14 u li kienet importata mingħajr dazju matul il-PI, kienet suffiċjenti għall-manifattura ta' parti biss mill-bejgħ tal-esportazzjoni tal-kumpanija ta' dan il-produtt matul il-PI. Għalhekk huwa ċert li mill-inqas żewġ terzi tal-prodott esportat bi ktajjen ta' tulijiet ta' C12 u C14 ġew manifatturati bl-użu ta' materja prima li għaliha tħallsu d-dazji tal-importazzjoni. Billi l-kumpanija qatt ma ressqet evidenza li turi li din il-materja prima importata mingħajr dazju ntużat għall-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-UE u mhux għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, id-dikjarazzjoni hija rrifjutata. 29. Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra rigward it-tqabbil, il-kontenut tal-premessi (20) u (23) tar-Regolament provviżorju huwa b'dan ikkonfermat. 30. Il-marġni tad-dumping 31. Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra rigward il-kalkolu tal-marġni tad-dumping, il-kontenut tal-premessi minn (24) sa (26) tar-Regolament provviżorju huwa b'dan ikkonfermat. 32. L-ammont ta' dumping kif fl-aħħar ikkalkolat, espress f'perċentwal tal-prezz ħieles nett tas-CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, huwa kif ġej: Kumpanija | Il-marġni definittiv tad-dumping | Godrej Industries Limited | 9,3 % | VVF Limited | 4,8 % | Il-kumpaniji l-oħra kollha | 9,3 % | 33. L-Indoneżja 34. Il-valur normali 35. Wara l-iżvelar provviżorju u definittiv, produttur esportatur Indoneżjan sostna li waqt l-ittestjar tal-profitabbiltà tat-tranżazzjonijiet, l-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (SG&A) ma kellhomx jiġu allokati lil tranżazzjonijiet individwali fuq il-bażi tal-fatturat, u li dan wassal għal fatt li għadd ta' tranżazzjonijiet instabu li ma kienu qed iħallu l-ebda profitt. It-talba ġiet eżaminata, iżda instab li t-tqabbil tal-ispejjeż SG&A ma' tranżazzjonijiet individwali fuq il-bażi tal-fatturat huwa aktar xieraq minħabba n-natura ta' tali spejjeż, li huma aktar relatati mal-valur milli mal-volum. Għandu jiġi nnutat li l-ammont totali tal-ispejjeż SG&A allokati lil kull tip ta' prodott jibqa' l-istess ikun x'ikun il-metodu li jintuża miż-żewġ metodi għat-tqabbil tal-ispejjeż SG&A mat-tranżazzjonijiet individwali. Fl-aħħar nett, it-tranżazzjonijiet li l-produttur esportatur staqsa dwar ir-riżultat tat-test tal-profitabbiltà tagħhom, ġew eżaminati mill-ġdid u ġie kkonfermat li t-tranżazzjonijiet ma kinux ta' profitt. It-talba għalhekk hija rrifjutata. 36. L-istess produttur esportatur mill-Indoneżja sostna wkoll li meta ġie stabbilit il-livell tal-profitt li ntuża fil-ħidma tal-valur normali, il-profitt tal-bejgħ identifikat bħala mhux fil-kummerċ normali fil-livell tat-tip tal-prodott ma għandux jiġi eskluż, billi aktar minn 80 % tal-bejgħ domestiku globali kien ta' profitt. Fir-rigward ta' din it-talba, huwa mfakkar li l-istabbiliment ta' liema bejgħ huwa fit-tmexxija normali tal-kummerċ għandu jsir fil-livell tat-tipi ta' prodott, kif spjegat fil-premessi minn (29) sa (32) tar-Regolament provviżorju billi dan huwa l-aktar mod xieraq biex jitqabblu b'mod preċiż il-prezzijiet tal-bejgħ mal-kosti relatati tal-produzzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku ma jeskludix id-diviżjoni tal-prodott investigat f'tipi ta' prodott fejn xieraq. Għalhekk, il-bejgħ li jinstab li mhuwiex fit-tmexxija normali tal-kummerċ għandu jiġi eskluż fil-livell tat-tip tal-prodott mill-kalkolu tal-profitt li għandu jintuża fil-ħidma tal-valur normali. It-talba għalhekk hija rrifjutata. 37. L-istess produttur esportatur mill-Indoneżja sostna wkoll li fil-ħidma tal-valur normali għal ċerti tipi ta' prodotti, l-ebda tnaqqis għall-konċessjonijiet ma sar sabiex il-valuri normali jinġiebu lura għal livell frank mill-fabbrika. It-talba ġiet aċċettata u l-kalkolu ġie emendat kif xieraq. 38. Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-valur normali, is-sejbiet provviżorji fil-premessi minn (27) sa (33) tar-Regolament provviżorju - emendati kif indikat fil-premessa (26) hawn fuq - huma b'dan ikkonfermati. 39. Il-prezz tal-esportazzjoni 40. Wara l-iżvelar provvizorju, produttur esportatur mill-Indoneżja sostna li l-ebda ġustifikazzjoni ma kienet ingħatat biex il-prezz għall-kumpanija ta' importazzjoni relatata tiegħu fl-Unjoni jitqies bħala mhux affidabbli, u għall-ħidma tal-prezz tal-esportazzjoni, fir-rigward ta' tali bejgħ, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-prezzijiet ta' trasferiment bejn partijiet relatati ma jitqisux bħala affidabbli għax jistgħu jiġu stabbiliti b'mod artifiċjali f'livelli differenti skont xi jkun l-aktar ta' vantaġġ għall-kumpaniji relatati kkonċernati. Għal din ir-raġuni, il-ħidma tal-prezz ta' esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, bl-użu ta' marġni ta' profitt raġonevoli b'mod indipendenti mill-profitt reali li jirriżulta mill-prezzijiet ta' trasferiment, tevita kwalunkwe effett ta' tgħawwiġ li jista' jinqala' mill-prezzijiet ta' trasferiment. It-talba għalhekk hija rrifjutata. 41. Għall-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni permezz ta' importaturi relatati li jinsabu fl-Unjoni, wara l-iżvelar provviżorju, iż-żewġ esportaturi mill-Indoneżja sostnew li l-marġni ta' profitt li ntuża għall-ħidma tal-prezz ta' esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku ma kienx xieraq. It-tnejn argumentaw li l-profitt li ntuża fl-istadju provviżorju kien jirreferi għal importatur wieħed biss li kien qed jikkoopera parzjalment u ma kienx ġie vverifikat, u għalhekk ma kienx affidabbli. Għalhekk, huma ssuġġerew li jintuża profitt ta' 5 % kif kien sar f'investigazzjonijiet oħrajn. Wara li tqies il-livell baxx ta' kooperazzjoni minn importaturi indipendenti f'din l-investigazzjoni, it-talba ġiet aċċettata u ġie applikat livell ta' profitt ta' 5 % li huwa konformi mal-livelli ta' profitt li ntużaw f'investigazzjonijiet preċedenti għall-istess settur. 42. Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra rigward it-tqabbil, il-kontenut tal-premessi minn (34) sa (36) tar-Regolament provviżorju – aġġustat kif spjegat fil-premessa (29) hawn fuq - huwa b'dan ikkonfermat. 43. It-tqabbil 44. Wara l-iżvelar provviżorju, iż-żewġ esportaturi mill-Indoneżja indikaw li l-ebda aġġustament ma kellu jsir għal differenzi fil-kummissjonijiet skont l-Arikolu 2(10)(i) għall-bejgħ permezz tan-negozjanti relatati rispettivi f'pajjiż terz. Iż-żewġ kumpaniji argumentaw li l-kumpaniji ta' produzzjoni tagħhom fl-Indoneżja u n-negozjanti relatati rispettivi f'Singapor jifformaw entità ekonomika unika u li n-negozjanti fil-pajjiż terz jaġixxu bħala d-dipartiment ta' esportazzjoni tal-kumpaniji relatati tagħhom Indoneżjani. Madankollu, fiż-żewġ każijiet, il-bejgħ domestiku kif ukoll xi bejgħ ta' esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi, huwa fatturat direttament mill-manifattur fl-Indoneżja, u n-negozjanti f'Singapor jirċievu kummissjoni speċifika. Għal waħda mill-kumpaniji Indoneżjani din il-kummissjoni hija msemmija f'kuntratt li jkopri l-bejgħ tal-esportazzjoni biss. Barra minn hekk, in-negozjanti fil-pajjiż terz ibigħu wkoll prodotti manifatturati minn produtturi oħrajn u f'każ wieħed anke minn produtturi mhux relatati. Iż-żewġ negozjanti relatati f'Singapor għalhekk, b'mod ċar, għandhom funzjonijiet li huma simili għal dawk ta' aġent li qed jaħdem b'kummissjoni. It-talba għalhekk hija rrifjutata. 45. Wara l-iżvelar definittiv, il-gvern Indoneżjan u produttur esportatur Indoneżjan tennew it-talba għal entità ekonomika unika msemmija fil-premessa preċedenti. Huma argumentaw li f' Matsushita kontra l-Kunsill [4] il-Qorti kienet sostniet qabel li l-fatt li l-produttur iwettaq ċerti funzjonijiet ta' bejgħ ma jfissirx li kumpanija li timmanifattura u kumpanija li tinnegozja ma jistgħux jikkostitwixxu entità ekonomika unika. Barra minn hekk, huma sostnew ukoll li l-bejgħ lil pajjiżi terzi li jitwettaq mill-esportatur direttament mingħajr l-involviment tan-negozjant f'Singapor jirrappreżenta biss perċentwal żgħir tal-bejgħ tal-esportazzjoni u li fis-sentenza Interpipe [5] il-Qorti tal-Prim'Istanza sostniet li volumi żgħar ta' bejgħ dirett mill-produttur ma appoġġawx id-dikjarazzjoni li ma kienx hemm entità ekonomika unika. Fl-aħħar nett sostnew li f' Canon kontra l-Kunsill [6] il-fatt li sussidjarju tal-bejgħ aġixxa wkoll bħala distributur ta' prodotti minn kumpaniji oħrajn ma affettwax is-sejba ta' entità ekonomika unika. 46. Anke jekk f' Matsushita kontra l-Kunsill il-Qorti sostniet li l-istituzzjonijiet f'dak il-każ kienu intitolati li jqisu li manifattur, flimkien ma' kumpanija ta' distribuzzjoni waħda jew aktar li jikkontrolla, jiffurmaw entità ekonomika anke jekk twettaq ċerti funzjonijiet ta' bejgħ hija stess u mhux bilfors ikun hemm l-obbligu li produttur u l-kumpanija tal-bejgħ relatata tiegħu jitqiesu dejjem bħal entità ekonomika unika. Barra minn hekk, b'mod differenti mill-produttur esportatur Indoneżjan, il-manifattur f' Matsushita kontra l-Kunsill ma għamilx bejgħ dirett huwa stess. It-tieni nett, fis-sentenza Interpipe , il-fatt li l-bejgħ dirett mill-produttur esportatur irrappreżenta perċentwal limitat biss tal-volum totali tal-bejgħ lill-UE, kien element wieħed biss li ġie analizzat mill-Qorti tal-Prim'Istanza. B'mod aktar importanti, il-Qorti enfasizzat il-fatt li dan il-bejgħ dirett sar lill-Istati Membri l-ġodda għal perjodu tranżizzjonali biss. Għall-kuntrarju, f'dan il-każ l-evidenza disponibbli tindika li l-bejgħ li sar direttament mill-produttur lil ċerti pajjiżi terzi mhuwiex temporanju - mill-inqas fil-prinċipju - iżda strutturali, jiġifieri permanenti. Barra minn hekk, għal kull produttur ikkonċernat, dak il-bejgħ jirrappreżenta perċentwal konsiderevoli tal-bejgħ domestiku tiegħu. Fl-aħħar nett f' Canon kontra l-Kunsill il-bejgħ tas-sussidjarju tal-bejgħ tal-produttur esportatur fis-suq domestiku kien jinkludi prodotti oħrajn li nbiegħu biss bil-marka kummerċjali differenti iżda madankollu kollha kienu ġew prodotti mill-produttur esportatur innifsu. It-talba għalhekk reġgħet ġiet irrifjutata. 47. Kumpanija Indoneżjana waħda sostniet ukoll li, anke jekk il-kunċett tal-entità ekonomika waħda ma jkunx aċċettat, il-Kummissjoni kienet imponiet "marġni doppja" billi, mill-prezz ta' esportazzjoni għall-klijenti indipendenti fl-Unjoni, naqqset profitt għall-importatur relatat fl-Unjoni kif ukoll kummissjoni għan-negozjant relatat fil-pajjiż terz. Madankollu, iż-żewġ punti tqiesu għal skopijiet differenti u tnaqqsu separatament. Kif spjegat fil-premessa (28), għall-bejgħ ta' esportazzjoni li sar permezz ta' importaturi relatati fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni huwa maħdum skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti importati l-ewwel jinbiegħu mill-ġdid lil xerrej indipendenti. F'dawn il-każijiet għandu jsir aġġustament għall-akkumulazzjoni tal-profitt sabiex jiġi stabbilit prezz ta' esportazzjoni affidabbli fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni. Bil-kontra, il-kummissjoni għan-negozjanti relatat fil-pajjiż terz tnaqqset skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, it-talba hija rrifjutata. 48. Il-kumpanija sostniet ukoll li, jekk il-prezz ta' esportazzjoni jiġi aġġustat għall-kummissjoni tan-negozjant relatat fil-pajjiż terz skont l-Artikolu 2(10)(i), għandu jsir aġġustament identiku għall-valur normali, billi dan in-negozjant jikkoordina wkoll il-bejgħ domestiku. Madankollu, il-kuntratt bil-miktub bejn in-negozjant u l-produttur fl-Indoneżja jkopri biss il-bejgħ ta' esportazzjoni. Barra minn hekk, il-bejgħ domestiku huwa fatturat mill-kumpanija fl-Indoneżja. It-talba għalhekk hija rrifjutata. 49. Fir-rigward tal-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, huwa meqjus xieraq li jintuża marġni ta' profitt raġonevoli indipendentement mill-profitt reali li jirriżulta mill-prezzijiet ta' trasferiment sabiex jiġi evitat kwalunkwe effett ta' tgħawwiġ li jista' jirriżulta mill-prezzijiet ta' trasferiment. Għalhekk, il-marġni tal-profitt reali tan-negozjanti fil-pajjiż terz li ntużaw fi stadju provviżorju ġew sostitwiti bi profitt ta' 5 % li huwa meqjus bħala profitt raġonevoli għall-attivitajiet imwettqa mill-kumpaniji kummerċjali fis-settur tal-kimika, kif kien sar f'każijiet preċedenti[7]. 50. Kumpanija Indoneżjana oħra sostniet li l-Kummissjoni naqqset l-ispejjeż tal-kummissjoni darbtejn għall-bejgħ permezz tal-importatur relatat tagħha fl-Unjoni. Il-kumpanija argumentat li kien sar aġġustament għall-ispejjeż SG&A tal-importatur relatat kif ukoll għall-ispejjeż tal-kummissjoni bħala spiża tal-bejgħ dirett meta kien qed jiġi maħdum il-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Billi l-ispejjeż tal-kummissjoni huma diġà inklużi fl-ispejjeż SG&A, dan irriżulta fi tnaqqis doppju għall-ispejjeż tal-kummissjoni. Din it-talba tqieset bħala waħda ġġustifikata u l-kalkolu ġie emendat kif xieraq. 51. Waħda mill-kumpaniji reġgħet talbet aġġustament għad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi abbażi li hija tesporta l-prodott ikkonċernat kemm fil-forma likwida kif ukoll dik solida lill-UE filwaqt li fuq is-suq domestiku hija tbigħu biss fil-forma solida u li l-prezzijiet tal-forma likwida huma aktar baxxi minn dawk tal-forma solida tal-prodott investigat (ara l-premessa (39) tar-Regolament provviżorju). Biex tappoġġa t-talba tagħha, il-kumpanija ressqet il-kopja ta' żewġ fatturi għall-bejgħ lil swieq tal-esportazzjoni oħra. Madankollu, din l-evidenza ma setgħetx tiġi vverifikata f'dan l-istadju avvanzat tal-proċediment, u lanqas ma seta' jiġi żgurat li d-differenza murija kienet tapplika għall-każijiet kollha fejn id-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi msemmijin hawn fuq jeżistu. It-talba għalhekk hija rrifjutata. 52. Wara l-iżvelar provviżorju, esportatur Indoneżjan sostna li r-rata ta' mgħax li ntużat għall-kalkolu tal-kosti tal-kreditu tal-importatur relatat tiegħu fl-Unjoni fir-Regolament provviżorju kienet sproporzjonata u ssuġġerixxa li tintuża rata ta' mgħax ibbażata fuq ċifri ppubblikati għall-PI mid-Deutsche Bundesbank. Billi ċ-ċifra tar-rata tal-imgħax li ntużat għall-kalkolu tal-kosti tal-kreditu għal din il-kumpanija fir-Regolament provviżorju kienet ibbażata fuq informazzjoni mressqa minn partijiet oħra u għalhekk tirrifletti s-sitwazzjoni finanzjarja speċifika tagħhom li mhux neċessarjament tapplika għall-importatur relatat ikkonċernat, it-talba ġiet aċċettata u l-kalkolu ġie emendat kif xieraq. 53. Fin-nuqqas ta' kummenti oħra li jikkonċernaw it-tqabbil, is-sejbiet provviżorji fil-premessi minn (37) sa (40) tar-Regolament provviżorju - aġġustati kif spjegat fil-premessi (35), (36) u (38) hawn fuq - huma b'dan ikkonfermati. 54. Il-marġni tad-dumping 55. Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra rigward il-kalkolu tal-marġni tad-dumping, il-kontenut tal-premessi (41) u (42) tar-Regolament provviżorju huwa b'dan ikkonfermat. 56. L-ammont ta' dumping kif fl-aħħar ikkalkolat, espress f'perċentwal tal-prezz ħieles nett tas-CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, huwa kif ġej: Kumpanija | Il-marġini tad-dumping provviżorju | P.T. Ecogreen Oleochemicals | 7,3% | P.T. Musim Mas | 5,4% | Il-kumpaniji l-oħra kollha | 7,3% | 57. Il-Malasja 58. Il-valur normali 59. Wara l-iżvelar provvizorju, wieħed mill-produtturi esportaturi Malasjani sostna li t-test tal-profitabbiltà fil-valutazzjoni tat-tmexxija normali tal-kummerċ (ara l-premessa 46 tar-Regolament provviżorju) ma kellux ikun ibbażat fuq il-kost annwali medju peżat tal-produzzjoni iżda li, minħabba l-varjazzjonijiet tal-prezzijiet ta' kuljum tal-materja prima ewlenija, kellu jintuża l-kost individwali ta' kull tranżazzjoni domestika. Fir-rigward ta' din it-talba għandu jiġi enfasizzat li l-użu tal-kost medju peżat tal-produzzjoni bħala valur referenzjarju għat-test tal-profitabbiltà huwa l-prattika konsistenti tal-Kummissjoni. Dan il-format ġie rispettat mill-kumpanija fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju u kien il-bażi għaż-żjara ta' verifikazzjoni fuq il-post li rrikonċiljat id-dejta rrappurtata mill-kumpanija mal-kontijiet tal-kumpanija. It-talba biex jintuża kost tal-produzzjoni bbażat fuq tranżazzjoni, li kieku tkun tikkostitwixxi differenza kbira mill-prassi normali tal-Kummissjoni, tqajmet għall-ewwel darba fil-kummenti tal-kumpanija għad-dokument tal-iżvelar provviżorju u għalhekk ċ-ċifri korrispondenti ma setgħux jiġu vverifikati fil-post. Għandu wkoll jiġi nnutat li l-folji tal-kost tat-tranżazzjoni individwali mressqa mill-kumpanija bħala appoġġ għat-talba tagħhom huma fil-parti l-kbira bbażati fuq stimi u għalhekk jonqsu li jirrappreżentaw dejta tal-kosti aktar preċiża u rappreżentattiva minn dik irrappuratata mill-kumpanija fil-bidu u li ġew ivverifikati fil-post. Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnutat li l-istruttura tal-folja tal-kosti l-ġdida pprovduta ma tippermettix ir-rikonċiljazzjoni ma' din il-parti tar-rapporti tal-amministrazzjoni li ġew ivverifikati fil-post. Għalhekk, it-talba hija rrifjutata. 60. L-esportatur Malasjan mingħajr bejgħ domestiku (ara l-premessa (51) tar-Regolament provviżorju) sostna li l-ammonti għall-kosti SG&A u għall-profitti li ntużaw għall-kalkolu tal-valur normali ma għandhomx ikunu bbażati fuq il-medja peżata tal-ammonti reali stabbiliti għaż-żewġ produtturi esportaturi l-oħra li jbigħu l-prodott simili fis-suq Malasjan. Il-kumpanija sostniet li dawn iċ-ċifri mhumiex rappreżentattivi, għaliex il-kumpanija qiegħda tuża metodi ta' manifattura differenti li jinvolvu materja prima bażika differenti. Fir-rigward ta' din it-talba wieħed għandu jfakkar li fil-kalkolu tal-valur normali ntużaw il-kosti tal-manifattura tal-kumpanija stess. L-ammonti li jikkonċernaw il-kosti SG&A biss kienu bbażati fuq iċ-ċifri miksuba miż-żewġ produtturi esportaturi Malasjani l-oħra. Fir-rigward tal-ammont għall-profitt, dan ġie stabbilit kif spjegat fil-premessa (44) hawn taħt. It-tieni nett, il-kumpanija naqset milli tispjega l-effett allegat tal-metodu tal-produzzjoni użat fuq il-kosti SG&A. Barra minn hekk, huwa nnotat li parti limitata biss tal-produzzjoni tal-kumpanija hija bbażata fuq il-metodu tal-produzzjoni allegatament differenti filwaqt li parti sostanzjali tal-produzzjoni hija manifatturata bl-istess proċess ta' produzzjoni u bl-użu tal-istess materja prima bażika bħal fil-każ taż-żewġ produtturi Malasjani l-oħra. Għalhekk, ġie konkluż li l-kumpanija naqset milli turi li ċ-ċifri li ntużaw ma kinux rappreżentattivi u t-talba f'dan ir-rigward hija rrifjutata. 61. L-istess esportatur Malasjan sostna wkoll li, jekk il-Kummissjoni xorta tuża d-dejta miż-żewġ esportaturi l-oħrajn għall-istabbiliment tal-SG&A, din id-dejta għandha tkun bbażata fuq iċ-ċifri tal-medja peżata relatati mat-tranżazzjonijiet domestiċi kollha ta' dawk il-produtturi esportaturi u mhux biss relatati mat-tranżazzjonijiet bi profitt. Fil-prinċipju din it-talba ġiet aċċettata. Għalhekk, fir-rigward tal-SG&A, huwa kkonfermat li l-kosti medji tal-SG&A għat-tranżazzjonijiet domestiċi kollha taż-żewġ produtturi esportaturi Malasjani ntużaw fil-ħidma tal-valur normali. Iċ-ċifri li ntużaw għal dan il-kalkolu ġew ivverifikati matul iż-żjarat ta' verifika fil-kumpaniji Malasjani rispettivi. Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-profitt, għandu jiġi nnutat li ma kienx possibbli li jiġi determinat ammont għall-profitt fuq il-bażi tal-ammonti mġarrba u mwettqa miż-żewġ produtturi esportaturi l-oħra. Fil-fatt, tali komputazzjoni tirriżulta f'ammont ta' telf globali. Għalhekk ma setgħet tiġi stabbilita l-ebda dejta ta' profitt fuq dik il-bażi. F'dak ir-rigward, it-talba tal-esportatur Malasjan li ammont negattiv jista' jintuża bħala ammont ta' profitt għall-ħidma tal-valur normali hija rrifjutata. Fil-fatt, il-kunċett tal-profitt bilfors jimplika l-eżistenza ta' ammont pożittiv. Tqies ukoll jekk l-ammont għall-profitt jistax jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-bejgħ bi profitt tal-produttur esportatur Malasjan iżda dan l-approċċ ġie rrifjutat minħabba li jikkontradixxi s-sejbiet tad-WTO fil-każ tal-Importazzjonijiet ta' Lożor ta' Tip tal-Qoton mill-Indja[8]. Għalhekk, skont l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku, il-kalkolu tal-profitt għandu jkun bbażat fuq kwalunkwe metodu raġonevoli ieħor u, fin-nuqqas ta' kwalunkwe dejta oħra disponibbli, ir-rata ta' mgħax kummerċjali fuq perjodu ta' żmien twil fil-Malasja tqieset bħala l-bażi l-aktar xierqa għall-istabbiliment tal-profitt. Dan il-metodu tqies bħala wieħed konservattiv, raġonevoli u l-aktar wieħed xieraq fit-tifsira tal-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku. Huwa nnutat li l-marġni tal-profitt b'hekk stabbilit ma jaqbiżx il-profitt imwettaq minn produtturi esportaturi oħra fuq bejgħ ta' prodotti tal-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż ta' oriġini. 62. Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-valur normali, is-sejbiet provviżorji fil-premessi minn (44) sa (51) tar-Regolament provviżorju, għajr għall-emenda kif spjegat fil-premessa (45) hawn fuq, huma b'dan ikkonfermati. 63. Il-prezz tal-esportazzjoni 64. Għall-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni permezz ta' importaturi relatati li jinsabu fl-Unjoni, wara l-iżvelar provviżorju, iż-żewġ esportaturi Malasjani sostnew li l-marġni ta' profitt li ntuża għall-ħidma tal-prezz ta' esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku ma kienx xieraq. Waħda mill-kumpaniji appoġġat it-talbiet tagħha permezz taċ-ċifri tal-profittabbiltà tal-PI ta' xi wħud min-negozjanti Ewropej mhux relatati tagħhom. F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li dawn iċ-ċifri ma jistgħux jitqiesu bħala ċifri rappreżentattivi, għaliex in-negozjanti indikaw il-kummerċ f'firxa kbira ta' prodotti kimiċi, u f'każ wieħed in-negozjant huwa wkoll produttur. Għalhekk, dawn huma rrifjutati bħala valur referenzjarju affidabbli. It-tieni kumpanija sostniet li l-importatur relatat tagħha fl-UE ma għandux jitqies bħala distributur iżda bħala aġent relatat u għalhekk l-aġġustament tal-kosti u l-profitt tal-SG&A fil-ħidma tal-prezz tal-esportazzjoni ma għandux jaqbeż il-perċentwal tal-kummissjoni li normalment tingħata lill-aġenti indipendenti li jinnegozjaw fis-settur. Il-kumpanija ressqet il-ftehimiet tagħha bl-aġenti indipendenti bħala valur referenzjarju. Id-dikjarazzjoni ġiet żviluppata aktar wara l-iżvelar definittiv bl-argument li fil-każ tal-elettrodi tat-tungstenu[9] l-profitt ta' importatur relatat tqies affidabbli u ġie aċċettat fil-ħidma tal-prezz tal-esportazzjoni. Bħala tweġiba għat-talba tagħha għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku ma jipprevedix trattament differenti bejn l-importaturi relatati li allegatament qed jaġixxu bħala distributuri u l-importaturi li allegatament qed jaġixxu bħala aġenti. L-Artikolu 2(9) jeħtieġ aġġustamenti għall-kosti kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid u għall-profitti li qed jiżdiedu. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li l-investigazzjoni wriet li l-kumpanija relatata tinsab fl-Unjoni. Din timmaniġġja, inter alia , l-ordnijiet tal-klijenti u l-ħruġ tal-fatturi tal-prodott ikkonċernat prodott mill-esportatur relatat tagħha u hija wkoll responsabbli biex tikseb l-approvazzjoni doganali. Għandu jiġi nnutat li l-fatt li ċertu attivitajiet jitwettqu mill-kumpanija relatata qabel l-importazzjoni ma jfissirx li l-prezz tal-esportazzjoni ma jistax jerġa’ jinbena fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel klijent indipendenti bid-dispożizzjonijiet neċessarji jsiru skont l-Artikolu 2(9). Id-differenzi fil-funzjonijiet iddikjarati mill-kumpanija meta mqabbla ma' importaturi relatati oħrajn huma normalment riflessi fl-ispejjeż SG&A fejn il-Kummissjoni użat id-dejta reali tal-kumpanija. Għalhekk, din it-talba ma tistax tiġi milqugħa. Għandu jiġi nnutat ukoll li fil-każ tal-elettrodi tat-tungstenu msemmi hawn fuq, l-importatur relatat ġie integrat aktar fil-prodott downstream prodott mill-grupp relatat u kien ukoll qed iwettaq attivitajiet oħra għajr dawk ta' kumpanija li tinnegozja. Għalhekk, għal struttura daqshekk kumplessa, il-profitt tal-importaturi mhux relatati nstab li ma kienx rappreżentattiv biżżejjed. Is-sitwazzjoni f'dak il-każ ma tistax titqabbel mas-sitwazzjoni tal-importatur Malasjan relatat ikkonċernat, li jwettaq funzjonijiet ta' negozju biss. Madankollu, għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (28) hawn fuq, il-marġni tal-profitt ikkonċernat huwa aġġustat għal 5%. Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, is-sejbiet provviżorji fil-premessi minn (52) sa (54) tar-Regolament provviżorju, għajr għall-emenda kif spjegat hawn fuq, huma b'dan ikkonfermati. 65. It-tqabbil 66. Wara l-iżvelar provviżorju, esportatur Malasjan wieħed tenna t-talba tiegħu (ara wkoll il-premessa 57 tar-Regolament provviżorju) li l-importatur relatat tiegħu fl-Unjoni fil-fatt huwa d-dipartiment tal-esportazzjoni tal-manifattur u li kien se jkun hemm tnaqqis eċċessiv fl-istabbiliment tal-prezz tal-esportazzjoni frank mill-fabbrika jekk isiru l-aġġustamenti kollha għall-kosti u l-profitt tal-SG&A skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Il-kumpanija sostniet li, b'mod alternattiv, għandu jsir aġġustament simili meta jiġi kkalkulat il-valur normali. It-talba reġgħet ġiet imtennija fis-sottomissjoni wara l-iżvelar definittiv. Madankollu ma ġie ppreżentat l-ebda argument ġdid li jwassal għal bidla fil-konklużjonijiet f'dan ir-rigward. B'mod partikolari, huwa mfakkar li l-fatturi nħarġu mill-kumpanija relatata lill-klijenti fl-Unjoni u li l-ħlasijiet mill-klijenti fl-Unjoni nġabru mill-kumpanija relatata. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li l-bejgħ li sar mill-kumpanija relatata inkluda żieda fil-prezz għall-qligħ (mark-up). Barra minn hekk, il-kontijiet finanzjarji tal-kumpanija relatata wrew li ġarrbet kosti SG&A normali bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid. Għalhekk, il-kumpanija relatata fil-fatt twettaq il-funzjonijiet tipiċi ta' importatur. Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnutat li l-produttur fil-Malasja wettaq ukoll bejgħ dirett lil klijenti indipendenti fl-Unjoni u pajjiżi oħrajn. Fil-kwistjoni tal-aħħar, il-kumpanija rreferiet għas-sentenza Interpipe b'argumenti simili għal dawk li tqajmu mill-produtturi esportaturi Indoneżjani. Għar-raġunijiet li diġà ġew spjegati fil-premessa (33) hawn fuq, iċ-ċirkostanzi ta' dan il-każ huma differenti miċ-ċirkostanzi diskussi fis-sentenza Interpipe . Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-esportatur Malasjan li l-bejgħ indipendenti tal-kumpanija ġie nnegozjat mill-importatur relatat tagħha fl-UE li jaġixxi fil-kapaċità tad-dipartiment tal-bejgħ tal-esportazzjoni tal-kumpanija Malasjana, tikkontradixxi l-ispjegazzjonijiet provduti matul iż-żjara ta' verifika fejn, minflok, ir-rwol ewlieni li kellha l-kumpanija ewlenija fil-Ġappun ġie enfasizzat f'dan il-kuntest. Is-sejbiet ta' hawn fuq wasslu għall-konklużjoni li l-aġġustament għall-SG&A u l-profitt għandu jinżamm u l-ebda aġġustament simili għall-kalkolu tal-valur normali ma huwa ġġustifikat. 67. L-istess kumpanija sostniet ukoll li t-tnaqqis ta' ċertu spejjeż tal-bejgħ tal-importatur relatat tagħha kien sar darbtejn fil-ħidma mill-ġdid tal-prezz tal-esportazzjoni. Il-kalkoli ġew ivverifikati u billi t-talba nstabet li hija ġġustifikata dawn ġew aġġustati kif xieraq. 68. Wieħed mill-esportaturi Malasjani sostna li t-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ma għandux ikun ibbażat fuq it-tipi tal-prodott kif identifikati min-numri għall-kontroll tal-prodott (product control numbers - PCN) iżda fuq il-bażi tal-kodiċijiet tal-prodott tal-kumpanija stess. Skont din il-kumpanija, l-PCNs li ntużaw fl-investigazzjoni ma jagħtux biżżejjed dettall dwar l-ispeċifiċitajiet tal-proċess tal-produzzjoni u d-differenzi fil-kosti u l-prezzijiet. Bħala appoġġ għal din it-talba il-kumpanija rreferiet għal xi wħud mill-prodotti tagħha li ġew manifatturati bl-użu ta' proċessi differenti tal-produzzjoni u materja prima bażika differenti, u dan irriżulta f'unitajiet tal-kosti tal-produzzjoni ogħla. Għandu jiġi nnutat li din it-talba ma tqajmitx fl-istadju provviżorju tal-investigazzjoni u lanqas matul iż-żjara ta' verifika fil-post. Barra minn hekk, l-użu tal-kodiċijiet tal-prodott tal-kumpanija stess fil-kalkolu ma jsolvix il-problema ta' metodi differenti ta' produzzjoni billi l-istess kodiċijiet tal-produzzjoni tal-kumpanija ntużaw ukoll għall-prodotti manifatturati permezz ta' proċessi ta' produzzjoni differenti. Għalhekk, it-talba hija rrifjutata. 69. Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn li jikkonċernaw it-tqabbil, is-sejbiet provviżorji fil-premessi minn (55) sa (58) tar-Regolament provviżorju, għajr għall-emenda kif spjegat fil-premessa (48) hawn fuq, huma b'dan ikkonfermati. 70. Il-marġni tad-dumping 71. Wara l-iżvelar provviżorju, produttur Malasjan li ma esportax lejn l-UE kkummenta dwar il-premessa (60) tar-Regolament provviżorju u sostna li hemm produtturi oħra tal-prodott ikkonċernat fil-Malasja. F'dan ir-rigward huwa nnutat li l-preżenza ta' produttur addizzjonali fil-Malasja, li mhuwiex esportatur lejn l-UE, ma tbiddilx is-sejba fir-rigward tal-livell ta' kooperazzjoni fil-Malasja billi ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza li l-kumpaniji investigati ma qisux l-esportazzjonijiet kollha tal-prodott ikkonċernat lejn l-UE fil-PI. Barra minn hekk, l-istess produttur Malasjan ikkritika l-fatt li l-produtturi, bħalu, li ma esportawx lejn l-Unjoni fil-PI jkunu soġġetti għar-rata ta' dazju residwa. F'dan ir-rigward għandu jiġi nnutat li l-kumpaniji li ma esportawx lejn l-UE matul il-PI ma jistgħux ikollhom rata tad-dazju individwali. Madankollu, malli dawn il-kumpaniji jibdew jesportaw, jew jidħlu f'obbligu irrevokabbli li jbigħu lill-UE, jistgħu japplikaw għal reviżjoni maħsuba għal min hu ġdid skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku li tista' tirriżulta f'marġni tad-dazju individwali, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Artikolu jkunu ssodisfati. 72. Wieħed mill-produtturi Malasjani sostna li l-valur CIF li ntuża bħala bażi għall-kalkolu tal-perċentwal tal-marġni tad-dumping ma għandux ikun ibbażat fuq il-prezz iddikjarat lid-dwana, iżda għandu jkun ikkalkulat lura mill-prezz tal-bejgħ mill-ġdid, bil-kosti kollha ta' wara l-importazzjoni fl-UE mnaqqsa. Madankollu, billi l-prezz CIF intuża bħala l-bażi tad-dikjarazzjonijiet tal-valur doganali fil-fruntiera tal-Unjoni, u ma jidhirx li ġie ddikjarat b'mod żbaljat, dan l-istess prezz għandu jintuża bħala l-bażi għall-kalkolu tal-perċentwal tal-marġni tad-dumping. Il-kumpanija sostniet li teżisti differenza fil-ħin bejn il-kunsinni relatati mill-Malasja u l-approvazzjoni doganali għall-iskop ta' bejgħ mill-ġdid fl-UE. Madankollu, anke jekk il-fatturi għall-approvazzjoni doganali jinħarġu fi stadju aktar tard, bil-prezzijiet li jsegwu l-metodu ta' valutazzjoni tal-ħażna FIFO, xorta huwa l-prezz ta' trasferiment u mhux il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid li huwa l-bażi għall-kalkolu tal-valur doganali. Għalhekk, it-talba hija rrifjutata. 73. Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra rigward il-kalkolu tal-marġni tad-dumping, il-kontenut tal-premessi (59) u (60) tar-Regolament provviżorju huwa b'dan ikkonfermat. 74. L-ammont ta' dumping kif ikkalkolat fl-aħħar, espress f'perċentwal tal-prezz ħieles nett tas-CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, huwa kif ġej: Kumpanija | Il-marġni definittiv tad-dumping | KL-Kepong Oleomas Sdn. Bhd. | 3,3 % | Emery Oleochemicals (M) Sdn. Bhd. | 5,3% | Fatty Chemicals Malaysia Sdn. Bhd. | 5,7 % | Il-kumpaniji l-oħra kollha | 5,7 % | D. ĦSARA 75. Il-kummenti preliminari 76. Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, instab li kellhom isiru xi korrezzjonijiet żgħar fiċ-ċifri tal-konsum minħabba żball ta' kopjar. Dan wassal għal bidliet żgħar fil-volum tal-bejgħ, fis-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni u fis-sehem tas-suq tal-pajjiżi kkonċernati. Madankollu, dawn il-korrezzjonijiet ma għandhomx impatt sinifikanti fuq ix-xejriet u l-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tal-konsum, il-volum tal-bejgħ, is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni u s-sehem tas-suq tal-pajjiżi kkonċernati matul il-perjodu kkunsidrat fis-suq tal-Unjoni. 77. Il-produzzjoni tal-Unjoni u l-industrija tal-Unjoni 78. Kif imsemmi fil-premessa (62) tar-Regolament provviżorju, instab li l-prodott simili ġie manifatturat miż-żewġ ilmentaturi u minn produtturi żgħar fl-Unjoni. Kif imsemmi fil-premessi (10) u (12) hawn fuq, il-produtturi li jipproduċu FOH li fihom iżomeri bil-friegħi kienu esklużi mid-definizzjoni tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-FOH. Minkejja l-fatt spjegat fil-premessa (57) hawn taħt, l-industrija tal-Unjoni kif definita fil-premessi (62) u (63) tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata. 79. Wieħed miż-żewġ ilmentaturi ttieħed minn kumpanija li qed tipparteċipa fil-proċediment attwali bħala utent. Dan l-ilmentatur ħa pożizzjoni newtrali wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju. 80. Għalhekk, xi partijiet kellhom dubji dwar il-livell ta' appoġġ jew ta' impenn għall-investigazzjoni filwaqt li sostnew li l-appoġġ għall-investigazzjoni għandu jibqa' matul l-investigazzjoni kollha. 81. L-analiżi ta' din id-dikjarazzjoni wriet li l-ilmentatur l-ieħor jirrappreżenta aktar minn 40% tal-produzzjoni totali tal-Unjoni, jiġifieri aktar minn 25% tal-produzzjoni totali tal-Unjoni u 100% tal-produtturi tal-Unjoni tal-FOH li qed jesprimu l-appoġġ jew l-oppożizzjoni tagħhom għall-ilment. Għalhekk, il-limiti ta' 25% u 50% rikjesti mill-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku huma ssodisfati bis-sħuħ u l-impenn jista' jiġi kkonfermat. 82. Xi partijiet sostnew li billi ż-żewġ ilmentaturi kienu importaw il-prodott ikkonċernat matul il-PI, dawn ma għandhomx jitqiesu bħala parti mill-industrija tal-Unjoni. Madankollu ġie vverifikat li l-perċentwal tal-prodott importat minn dawn il-kumpaniji mill-pajjiżi kkonċernati ma kienx sostanzjali meta mqabbel mal-produzzjoni tagħhom tal-prodott simili. Barra minn hekk, dawn l-importazzjonijiet kienu fil-parti l-kbira ta' natura temporanja. Għalhekk jista' jiġi kkonfermat li l-attività ewlenija ta' dawn il-kumpaniji hija l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili. Konsegwentement, il-premessi minn (62) sa (63) tar-Regolament provviżorju huma b’dan kkonfermati. 83. Il-konsum tal-Unjoni 84. Fin-nuqqas ta' kummenti dwar il-konsum tal-Unjoni, il-premessi minn (64) sa (66) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati. 85. L-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni u t-twaqqigħ tal-prezz 86. 4.1 Il-kumulazzjoni 87. Għadd ta' partijiet argumentaw kontra l-fatt li saret valutazzjoni kumulattiva għat-tliet pajjiżi kkonċernati fir-Regolament provviżorju. Fl-opinjoni tagħhom il-kundizzjonijiet għall-kumulazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku ma ġewx issodisfati. B'mod speċifiku, dawn argumentaw li t-twaqqigħ tal-prezz negattiv li nstab għal wieħed mill-pajjiżi ma ppermettiex il-kumulazzjoni. Barra minn hekk, dawn qalu li x-xejriet fil-volumi tal-bejgħ għat-tliet pajjiżi li jesportaw kienu differenti matul il-perjodu kkunsidrat, li l-materja prima li ntużat fit-tliet pajjiżi li jesportaw u l-aċċess għaliha kienu wkoll differenti. Fl-aħħar nett, ġie msemmi li l-bejgħ ta' esportazzjoni minn wieħed mill-pajjiżi kkonċernati għadda minn kumpaniji relatati. Fil-fehma tagħhom, kienu jeżistu kundizzjonijiet differenti ta' kompetizzjoni bejn il-pajjiżi kkonċernati fis-suq tal-Unjoni. L-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku jgħid li fejn l-importazzjonijiet ta' prodott minn aktar minn pajjiż wieħed ikunu fl-istess ħin soġġetti għal investigazzjonijiet antidumping, l-effetti ta' importazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu vvalutati b'mod kumulattiv biss jekk ikun stabbilit li: (a) il-marġini ta' dumping stabbilit fir-rigward tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż ikun iktar minn de minimis kif definit fl-Artikolu 9(3) u li l-volum tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż ma jkunx negliġibbli; u (b) valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet tkun xierqa fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn prodotti importati u l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn il-prodotti importati u l-prodott simili tal-Unjoni. 88. kif spjegat fil-paragrafu 4.3.2 tar-Regolament provviżorju, il-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping għal kull pajjiż ikkonċernat ma kienx negliġibbli, u l-preżenza ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping baqgħet sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat. 89. Instab li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-ipprezzar tal-pajjiżi kkonċernati kienu simili bejn il-prodotti importati u l-prodott simili b'mod partikolari matul il-PI. Kif spjegat fil-premessa (127) tar-Regolament provviżorju, il-livelli tal-eliminazzjoni tal-ħsara stabbiliti għall-pajjiżi kkonċernati kienu b'mod sinifikanti aktar mil-limitu de minimis ta' 2%. Għalhekk, it-twaqqigħ tal-prezz mhux qed jirrifletti b'mod eżatt is-sitwazzjoni li tista' sseħħ f'suq b'kompetizzjoni tal-prezzijiet effettiva. Barra minn hekk, il-mezzi tal-bejgħ u x-xejriet tal-prezzijiet għal kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati ġew analizzati u nstabu li huma simili kif muri fit-tabella ta' hawn taħt. Il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-pajjiżi kkonċernati kellhom tendenza jonqsu u kienu partikolarment baxxi matul il-PI meta mqabbla mal-prezzijiet medji tal-industrija tal-Unjoni. Importazzjonijiet ibbażati fuq l-Eurostat (kif aġġustati biex ikopru l-prodott ikkonċernat biss) | 2007 | 2008 | 2009 | PI | Prezz medju f’EUR/tunnellata Malasja | 911 | 944 | 799 | 857 | Indiċi: 2007=100 | 100 | 104 | 88 | 94 | Annwali Δ% | 3,6 | -15,4 | 7,3 | Prezz medju f’EUR/tunnellata Indoneżja | 996 | 1169 | 899 | 912 | Indiċi: 2007=100 | 100 | 117 | 90 | 92 | Annwali Δ% | 17,3 | -23,1 | 1,4 | Prezz medju f’EUR/tunnellata l-Indja | 997 | 1141 | 897 | 915 | Indiċi: 2007=100 | 100 | 114 | 90 | 92 | Annwali Δ% | 14,4 | -21,4 | 2,1 | 90. Konsegwentement, il-premessi (67) sa (70) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati. 91. Il-volum, il-prezz u s-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati 92. Fin-nuqqas ta' kummenti dwar il-volum, il-prezz u s-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping mill-pajjiż ikkonċernat, il-premessi minn (71) sa (73) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.. 93. It-twaqqigħ tal-prezz 94. Il-partijiet sostnew li hemm differenzi fil-prezzijiet tal-materja prima bejn il-FOH prodott miż-żjut u x-xaħmijiet naturali u sorsi sintetiċi bħal pereżempju ż-żejt mhux maħdum jew iż-żejt minerali u li kellu jiġi introdott kriterju addizzjonali għal numru għall-kontroll tal-prodott (PCN) sabiex jitqiesu d-differenzi fil-kost tal-produzzjoni li jirriżultaw mill-proċessi ta' produzzjoni differenti. Madankollu, il-PCNs huma stabbiliti fuq il-bażi tal-karatteristiċi individwali ta' kull subkategorija ta' oġġetti li jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u mhux fuq il-bażi tal-prezz ta' kull wieħed minn dawk l-oġġetti. Barra minn hekk, instab li ma hemm l-ebda differenza sostanzjali f'termini tal-karatterisitiċi bażiċi tal-FOH prodott miż-żjut u x-xaħmijiet naturali u l-FOH magħmul miż-żejt mhux maħdum jew iż-żejt minerali, u d-differenza fil-kost tal-produzzjoni mhijiex tali li titlob differenzjazzjoni f'termini tal-PCN. Għalhekk, din it-talba hija rrifjutata. 95. Ċerti partijiet sostnew li ċ-ċifra li ntużat biex tirrifletti l-kosti ta' wara l-importazzjoni, li huma madwar 3% tal-prezz tal-importazzjoni, li ntużat għall-istabbiliment tal-livell tat-twaqqigħ tal-prezz mill-pajjiżi kkonċernati ma kinitx ċara u dehret li ma kinitx xierqa għal dan il-każ. Madankollu, l-informazzjoni vverifikata matul l-investigazzjoni wriet li l-partijiet li jimpurtaw bħal pereżempju l-importaturi u l-utenti kellhom iħallsu tali ammont ta' kosti ta' wara l-importazzjoni sabiex jirrilaxxaw il-prodott ikkonċernat għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-partijiet ma pprovdewx evidenza li tista' tindika li l-kosti ta' wara l-importazzjoni ma ġewx stabbiliti b'mod korrett f'dan il-każ. Għalhekk din it-talba ġiet irrifjutata. Il-metodoloġija li ntużat għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz kif spjegat fil-premessi (74) u (75) tar-Regolament provviżorju b'dan qed tiġi kkonfermata. 96. Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni 97. Il-kummenti preliminari 98. Minkejja l-bidla fis-sjieda msemmija fil-premessa (57) hawn fuq, tqies li d-dejta pprovduta minn u vverifikata fil-bini tal-ilmentatur li rtira, ma għandhiex awtomatikament tiġi eskluża mill-analiżi tal-ħsara billi l-produzzjoni tiegħu tibqa' parti mill-produzzjoni tal-Unjoni. 99. Xi partijiet argumentaw li xi dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tax-xiri tagħhom tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Indja, l-Malasja u l-Indoneżja, għandha tiġi eskluża mill-analiżi tal-ħsara u mill-kalkolu tal-marġni tal-ħsara minħabba li kwalunkwe ħsara allegata li għandha x'taqsam ma' dan ix-xiri tkun iġġarrbet minnhom stess. Madankollu, kif iddikjarat fil-premessa (63) tar-Regolament provviżorju, dan ix-xiri kien l-aktar dovut għall-għeluq temporanju ta' waħda mis-siti tal-produzzjoni ta' produttur wieħed. Barra minn hekk, dan ix-xiri ma kienx sostanzjali meta mqabbel mal-produzzjoni totali tal-ilmentaturi. Għalhekk ma kien hemm l-ebda raġuni għall-eskluzjoni ta' dan ix-xiri tal-produtturi msemmija mill-analiżi tal-ħsara jew mill-kalkolu tal-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara. 100. Ir-rimarki preliminari kif imniżżla fil-premessa (76) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati. 101. Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità, il-bejgħ u s-sehem fis-suq 102. Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-bejgħ u s-sehem fis-suq tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi minn (77) sa (81) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. 103. Il-prezzijiet ta’ unità medji tal-industrija tal-Unjoni 104. Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, instab li kellhom isiru xi korrezzjonijiet fil-prezzijiet ta' unità medji tal-industrija tal-Unjoni minħabba żball ta' kopjar. It-tabella hawn taħt turi x-xejra modifikata fil-prezz ta' unità tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Prezz ta’ unità, bejgħ fl-UE lil dawk mhux relatati | 2007 | 2008 | 2009 | PI | Indiċi: 2007=100 | 100 | 123 | 102 | 96 | Annwali Δ% | 22,6% | -16,9% | -5,3% | Sors: tweġibiet għall-kwestjonarju | 105. B'mod kontra għal dak li huwa msemmi fil-premessa (84) tar-Regolament provviżorju, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni naqsu b'4% matul il-perjodu kkunsidrat. It-tnaqqis kien sinifikanti mill-2008 sal-2009 bi tnaqqis ieħor fil-PI. Matul dan il-perdjou il-prezz tal-bejgħ naqas bi 22%. Il-bidla ta' hawn fuq ma għandha l-ebda impatt fuq il-konklużjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni, fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tal-prezzijiet ta' unità medji tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi (82) u (83) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati. 106. Il-ħażniet, l-impjiegi, is-salarji u l-produttività, il-profitabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-ritorn fuq l-investimenti u l-abbiltà li jżidu l-kapital, it-tkabbir, il-kobor tal-marġni reali tad-dumping 107. Xi partijiet sostnew li ma kienx possibbli li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet il-ħsara billi l-kumpaniji li huma parti mill-industrija tal-Unjoni huma integrati vertikalment u importaw il-prodott ikkonċernat minn pajjiżi terzi. Għalhekk dawn setgħu jużaw il-prodott importat għall-produzzjoni downstream tagħhom u jbigħu l-produzzjoni tagħhom li ma tagħmilx profitt. 108. Għandu jiġi nnutat li f'ċerti investigazzjonijiet antidumping, il-produtturi bħal pereżempju l-produtturi tal-azzar u l-manifatturi tal-prodotti kimiċi inklużi fid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni f'dawn il-każijiet għandhom attività downstream u li sehem tal-produzzjoni tagħhom tal-prodott ikkonċernat huwa maħsub għal użu vinkolanti. Madankollu, f'tali sitwazzjoni, l-eżistenza possibbli ta' ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni hija investigata esklussivament għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. F'dan il-każ instabet ħsara materjali fin-negozju tal-prodott ikkonċernat kif spjegat fil-premessi minn (77) sa (93) tar-Regolament provviżorju. Il-partijiet ma pprovdu l-ebda evidenza li turi li s-sejbiet imsemmija f'dawn il-premessi mhumiex korretti u li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx ħsara materjali matul il-PI. Għalhekk din id-dikjarazzjoni hija rrifjutata. 109. Xi partijiet sostnew li l-għeluq ta' ċerta kapaċità ta' produzzjoni mill-ilmentaturi wera stampa qarrieqa tal-ħsara allegata li ġarrbu. Huma argumentaw li kien hemm produtturi oħrajn fl-Unjoni li kkontribwew għall-kapaċità fl-Unjoni u li l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni żdiedet permezz ta' investimenti f'kapaċitajiet ġodda. Dan ma jurix b'mod preċiż li l-industrija ġarrbet il-ħsara. Partijiet oħra sostnew li t-tnaqqis tal-investiment ma jfissirx ħsara, iżda jfisser rilokazzjoni tal-produzzjoni 'l barra mill-UE. 110. L-investigazzjoni stabbilixxiet fil-premessa (78) tar-Regoalment provviżorju li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdiedet b'9% fl-2008 iżda mbagħad naqset b'10% matul il-PI. Dan kien ir-riżultat ta' deċiżjonijiet meħuda sabiex tiġi milqugħa l-kompetizzjoni mill-pajjiżi kkonċernati, u li l-għeluq temporanju sussegwenti kien ukoll dovut għall-pressjoni li ġabu magħhom l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Fir-rigward tal-investimenti, ġie stabbilit fil-premessa (89) tar-Regolament provviżorju li l-investimenti magħmula mill-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni naqsu b'35% matul il-perjodu kkunsidrat. Dan huwa wieħed mill-bosta fatturi ta' ħsara li ppermettew li wieħed jikkonkludi fil-premessi (92) u (93) tar-Regolament provviżorju li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet ħsara materjali matul il-PI. 111. Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment ieħor dwar il-ħażniet, l-impjiegi, is-salarji u l-produttività, il-profitabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-ritorn fuq l-investimenti u l-abbiltà li jżidu l-kapital, it-tkabbir, il-kobor tal-marġni reali tad-dumping, il-premessi minn (85) sa (91) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati. 112. Żviluppi wara l-PI 113. Xi partijiet argumentaw li ma kien hemm l-ebda evidenza ta' ħsara materjali li ġġarrbet mill-industrija tal-Unjoni u l-fatt li wieħed miż-żewġ ilmentaturi oriġinali kien irtira l-appoġġ tiegħu għall-investigazzjoni wera li ma kienx qed iġarrab ħsara. Intqal ukoll li l-indikaturi tal-ħsara għall-ilmentatur l-ieħor ma wrewx stampa ta' ħsara. 114. Għandu jiġi nnutat li l-kumpanija kkonċernata ma opponietx għall-investigazzjoni iżda ħadet pożizzjoni newtrali. Għalhekk, kif spjegat fil-premessa (57) hawn fuq, xorta tqies xieraq li jinżammu ż-żewġ produtturi tal-Unjoni bħala parti mill-industrija tal-Unjoni. 115. Ġie affermat li kien hemm żieda kbira fil-prezzijiet wara l-perjodu PI, u li dawn l-iżviluppi fil-prezzijiet f'dan il-perjodu se jirriżultaw minnufih fi profitti għall-ilmentaturi li huma stess ħabbru riżultati aħjar fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tagħhom għall-perjodu 2010-2011. 116. Xi partijiet insistew li kien hemm titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta' wara l-PI u indikaw li xi kumpaniji kienu qed jippjanaw li jibnu faċilitajiet ġodda fl-UE. Intqal ukoll li fid-dawl taż-żieda reċenti fil-prezzijiet tal-importazzjoni, għandhom jiġu sospiżi jew imposti miżuri fil-forma ta' prezz minimu għall-importazzjoni (minimum import price - MIP). 117. Avvenimenti li seħħew wara l-PI normalment ma għandhomx jitqiesu f'investigazzjoni antidumping. Barra minn hekk, ma ġiet provduta l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li l-avvenimenti msemmija ta' wara l-PI huma viżibbli, ċerti u dejjiema. Fir-rigward ta' kwalunkwe sospensjoni tal-miżuri definittivi, dan għandu jitqies fid-dawl tal-iżviluppi ta' wara l-PI li jkunu ta' natura dejjiema. 118. Fir-rigward tal-impożizzjoni ta' MIP, kif spjegat hawn taħt fil-premessi minn (123) sa (126) huwa meqjus li ċ-ċirkostanzi mhumiex tali li jeħtieġu din l-impożizzjoni. Għalhekk, it-talbiet ta’ hawn fuq kollha huma miċħuda. 119. Konklużjoni dwar il-ħsara 120. L-investigazzjoni kkonfermat li l-parti l-kbira tal-indikaturi tal-ħsara relatati mal-industrija tal-Unjoni wrew tendenza li jonqsu matul il-perjodu kkunsidrat. Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-konklużjoni li ntlaħqet fil-premessi (92) u (93) tar-Regolament provviżorju li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet ħsara materjali matul il-PI hija kkonfermata. E. KAWŻALITÀ 121. Effett tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping 122. Parti waħda osservat li l-analiżi fil-premessa (108) tar-Regolament provviżorju għandha difetti, minħabba li tidher li qed torbot tnaqqis globali u kontinwu fil-konsum maż-żieda fl-importazzjonijiet, filwaqt li, skont din il-parti, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żviluppaw flimkien mal-konsum. 123. Għandu jiġi ċċarat li, kif imsemmi fil-premessi minn (64) sa (66) tar-Regolament provviżorju, il-konsum globali żdied bi 2% matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, dan ma jeliminax il-fatt li kien hemm żieda globali kbira fil-volum u fis-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezz baxx mill-pajjiżi kkonċernati matul il-perjodu kkunsidrat (ara l-premessa (96) tar-Regolament provviżorju), filwaqt li d-daqs tas-suq baqa' ma nbidilx, u filwaqt li l-industrija tal-Unjoni tilfet sehem kbir tas-suq, b'mod partikolari bejn l-2009 u l-PI. 124. Xi partijiet qalu li x-xejriet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati mhumiex marbuta mad-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni, b'mod partikolari l-volum tal-bejgħ, il-valuri tal-bejgħ u l-profitabbiltà. Dawn isostnu li kien hemm titjib fil-profitabbiltà tal-industrija tal-Unjoni meta l-importazzjonijiet żdiedu fl-2008, u mbagħad naqset b'mod sinifikanti meta l-importazzjonijiet baqgħu stabbli. 125. B'mod kontra għall-allegazzjoni ta' hawn fuq, l-investigazzjoni indikat korrelazzjoni globali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezz baxx u l-ħsara li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kollu kkunsidrat (ara l-premessi minn (95) sa (98) tar-Regolament provviżorju). L-investigazzjoni wriet ukoll li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tirkupra fil-perjodu kkunsidrat minħabba preżenza akbar ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezz baxx fis-suq tal-Unjoni. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni għandha tiġi rrifjutata. 126. Intqal ukoll li d-differenzi fix-xejriet fl-importazzjonijiet kienu jeżistu skont it-tipi ta' alkoħol prodotti minn xi produtturi esportaturi, u li għalhekk, għandha titwettaq analiżi tal-ħsara separata għal dawn l-alkoħols. Madankollu, it-tipi differenti inklużi fil-karatteristiċi tal-prodott għandhom l-istess karatterisitiċi bażiċi. L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda differenza sostanzjali bejn l-FOH prodotti minn materja prima differenti. Għalhekk ma hemm l-ebda raġuni f'dan il-każ biex tiġi stabbilita analiżi separata għax-xejriet għal kull tip ta' alkoħol. 127. Intqal ukoll li l-ħsara ma setgħetx tiġi attribwita lill-Indja minħabba li l-importazzjonijiet tagħha ma żdidux matul il-perjodu kkunsidrat, b'mod partikolari meta x-xiri mill-ilmentaturi ma jitqisux. Madankollu, instab li l-importazzjonijiet mill-Indja saru bi prezzijiet ta' dumping fis-suq tal-Unjoni u li l-marġni ta' ħsara kien ħafna aktar għoli mil-livell de minimis ta' 2%. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessi minn (63) sa (65) hawn fuq, il-kundizzjonijiet għal valutazzjoni kumulattiva għall-pajjiżi kkonċernati ġew issodisfati. Din id-dikjarazzjoni għalhekk għandha tiġi rrifjutata. 128. Intqal ukoll li l-ħsara ma setgħetx tiġi attribwita lill-kumpaniji li kellhom marġni ta' twaqqigħ tal-prezz negattiv, jew minħabba din ir-raġuni, lill-importazzjonijiet mill-Indoneżja kollha. 129. Kif spjegat fil-premessi minn (63) sa (65) hawn fuq, il-kundizzjonijiet kollha għal valutazzjoni kumulattiva tal-importazzjonijiet ikkonċernati ġew issodisfati. Għaldaqstant l-effetti li kellhom l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezz baxx li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati fuq l-industrija tal-Unjoni kienu vvalutati flimkien għall-iskop tal-analiżi tal-ħsara u l-kawża tal-ħsara. Barra minn hekk, in-nuqqas tat-twaqqigħ tal-prezz ma jeskludix l-eżistenza ta' ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni. Fil-fatt, kif spjegat fil-premessi minn (124) sa (127) tar-Regolament provviżorju, instab li l-prezz mitlub mill-industrija tal-Unjoni ma kienx biżżejjed biex tkopri l-kosti kollha tal-produzzjoni u biex tikseb il-marġni ta' profitt raġonevoli li setgħet tikseb fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping matul il-PI. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni hija rrifjutata. 130. Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment ieħor rigward l-effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, il-premessi minn (95) sa (98) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. 131. Effetti ta’ fatturi oħra 132. Bosta partijiet qalu li l-kawża reali tal-ħsara li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni għandha tiġi attribwita lill-kriżi finanzjarja, billi d-dannu ewlieni lil dik l-industrija seħħ meta l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati saru stabbli. Issemma wkoll li d-deterjorament tal-profitabbiltà tal-industrija tal-Unjoni kien simili għal dak li kien osservat għal kumpaniji oħra li joperaw fis-settur tal-kimika. 133. Il-kriżi kellha rwol fil-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Ix-xejriet fil-fatturi tal-ħsara bħall-użu tal-kapaċità u l-volum tal-bejgħ juru li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni saret agħar bil-kriżi u ttejbet kemxejn bl-irkupru fis-suq. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li t-titjib ma ppermettiex l-irkupru tal-industrija tal-Unjoni li kienet 'il bogħod mis-sitwazzjoni ekonomika li kellha fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (89) hawn fuq, l-2008 eżatt qabel ma bdiet il-kriżi finanzjarja, kienet is-sena bl-aktar żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati u l-aktar tnaqqis fil-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Wara dik is-sena, l-industrija tal-Unjoni ma rkupratx u l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping komplew ikunu preżenti ħafna fis-suq tal-Unjoni. Għal dawn ir-raġunijiet huwa ċar li, irrispettivament minn fatturi oħra, l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping ikkontribwew ħafna għall-ħsara materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni matul il-PI. Għalhekk din id-dikjarazzjoni hija rrifjutata. 134. Bosta partijiet qalu wkoll li l-kawża reali bejn il-ħsara allegata tal-industrija tal-Unjoni kienet l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, it-tnaqqis fid-domanda, iż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima u n-nuqqas ta' aċċess tajjeb għal din il-materja prima, deċiżjonijiet strateġiċi ħżiena meħuda mill-industrija tal-Unjoni, il-pressjoni kompetittiva fis-suq downstream tagħhom, it-tnaqqis fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat maħsub għall-użu vinkolanti, il-bidla ġenerali fil-kundizzjonijiet tas-suq u s-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq tal-Unjoni. 135. Ta' min isemmi li l-partijiet ta' hawn fuq ma setgħux isostnu d-dikjarazzjonijiet tagħhom u juru li fatturi għajr l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezzijiet baxxi mill-pajjiżi kkonċernati kienu qed jiksru r-rabta kawżali bejn il-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. 136. Xi partijiet qalu li l-Kummissjoni ma analizzatx l-impatt li seta' kellu l-bejgħ ta' FOH bi friegħi fuq il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat magħmul mill-industrija tal-Unjoni u l-effetti li kellu fuq is-sitwazzjoni ekonomika tagħha. L-investigazzjoni ffokat fuq il-prodott kif definit fil-premessi minn (8) sa (12) u l-ebda parti ma pprovdiet dejta affidabbli li setgħet tippermetti l-aċċess għall-impatt negattiv possibbli li l-FOH bil-friegħi kellu fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni hija rrifjutata. 137. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor dwar l-effetti ta' fatturi oħra, il-premessi (99) sa (106) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati. 138. Il-konklużjoni dwar il-kawżalità 139. L-investigazzjoni ma indikatx il-fatt li kien hemm fatturi oħra għajr l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezzijiet baxxi mill-pajjiżi kkonċernati li kienu qed jiksru r-rabta kawżali bejn il-ħsara materjali mġarrba mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. 140. Fin-nuqqas ta' kummenti dwar il-konklużjoni dwar il-kawżalità, il-premessi minn (107) sa (110) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. F. L-INTERESS TAL-UNJONI 141. L-industrija tal-Unjoni 142. Fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tal-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi (112) u (113) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. 143. L-Importaturi 144. Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-interess tal-importaturi, il-premessi (115) u (116) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. 145. L-Utenti 146. Huwa mfakkar li sabiex jiġi vvalutat l-impatt possibbli tal-miżuri antidumping fuq l-utenti tal-Unjoni, l-investigazzjoni ffokat l-aktar fuq id-dejta aggregata pprovduta minn ħames kumpaniji utenti kbar li saritilhom żjara fl-istadju provviżorju. 147. Fuq din il-bażi nstab provviżorjament li s-sehem tal-kost tal-prodott ikkonċernat fil-kost totali tal-produzzjoni għal dan il-grupp kien sinifikanti u varja bejn 10% u 20%, skont il-prodott finali. Madankollu, id-dejta disponibbli ġiet riveduta u skont kalkoli ġodda u l-korrezzjoni ta' xi ċifri, din il-firxa nstabet li hija bejn 15% u 25%. B'mod simili, il-marġni ta' profitt medju fin-negozju bl-użu tal-prodott ikkonċernat instab li huwa madwar 6% għall-grupp tal-ħames kumpaniji li saritilhom żjara; il-kalkoli l-ġodda juru marġni ta' profitt medju ogħla, li huwa madwar 7,5%. Fl-aħħar nett, is-sehem medju tan-negozju bl-użu tal-prodott ikkonċernat min-negozju totali ġie kkoreġut ukoll. B'mod provviżorju dan instab li huwa madwar 22%, filwaqt li skont kalkoli ġodda, instab perċentwal ta' 25%. 148. Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, għadd ta' utenti rreaġixxew u għamlu kummenti fir-rigward tal-iżvelar finali. Huma kkontestaw l-għażla tal-ħames kumpaniji utenti msemmijin fil-premessa (118) tar-Regolament provviżorju u argumentaw li d-dejta li ntużat għall-valutazzjoni tal-impatt possibbli tal-miżuri fuq l-industrija tal-utenti ma kinitx trasparenti, mhux ibbażata fuq partijiet rappreżentattivi u fuq għadd żgħir ta' partijiet. Intqal li l-analiżi għandha tqis id-dejta pprovduta mill-utenti kollha li kkooperaw fl-investigazzjoni. 149. Madankollu, kif imsemmi fil-premessi (117) u (118) tar-Regolament provviżorju, filwaqt li l-21 kumpanija li kkooperaw jirrappreżentaw flimkien madwar 25% tax-xiri totali tal-UE tal-prodott ikkonċernat matul il-PI, filwaqt li l-ħames kumpaniji li ntużaw għall-valutazzjoni tal-interess tal-utenti kienu jirrappreżentaw madwar 18% ta' dan ix-xiri, u 72% tax-xiri tal-prodott ikkonċernat tal-utenti li kkooperaw. Barra li huma rappreżentattivi f'termini ta' volum tax-xiri tal-prodott ikkonċernat, dawn il-ħames utenti kienu jirrappreżentaw tajjeb is-setturi tan-negozju differenti tal-industrija tal-utenti. Fil-fatt, il-ħames kumpaniji li saritilhom żjara huma grupp eteroġenu li jinkludi mhux biss il-produtturi tal-ewwel użu, jiġifieri l-produtturi tal-aġenti tensjoattivi, iżda wkoll l-utenti tal-aġenti tensjoattivi u l-utenti aktar downstream. 150. Madankollu, twettqet analiżi aktar wiesgħa li tqis l-informazzjoni kollha mressqa mill-utenti li kkooperaw. B'mod partikolari, twettqet valutazzjoni speċifika tal-impatt possibbli tad-dazji antidumping fuq il-produtturi tal-aġenti tensjoattivi bħala grupp separat minħabba li dan il-grupp jista' jkun l-aktar affettwat mill-impożizzjoni ta' miżuri. Twettqet analiżi separata oħra għal grupp ieħor ta' utenti, li jikkonsisti fil-kumpaniji utenti l-oħra kollha li kkooperaw matul l-investigazzjoni. 151. Twettqet simulazzjoni li tivvaluta l-effett possibbli ta' dazju medju ta' 5% fuq l-importazzjonijiet tal-FOH l-ewwel fuq l-utenti kollha li kkooperaw u mbagħad fuq iż-żewġ gruppi separati. Ir-riżultat tas-simulazzjoni wera li l-impatt finali ta' dan id-dazju medju fuq il-kost totali tal-produzzjoni għan-negozju bl-użu tal-prodott ikkonċernat ikun ta' madwar 0,09% għall-utenti kollha, filwaqt li l-impatt tal-istess dazju fuq il-prodott downstream bl-użu tal-prodott ikkonċernat, għall-grupp tal-aġenti tensjoattivi ikun ta' madwar 0,05% u fuq it-tieni grupp ta' kumpaniji ikun madwar 0,29%. 152. L-analiżi wriet ukoll li l-produtturi tal-aġenti tensjoattivi kisbu marġnijiet ta' profitt aktar baxxi fis-setturi bl-użu tal-prodott investigat; madankollu, dan il-grupp importa mill-pajjiżi kkonċernati madwar 2,6% biss tax-xiri totali tiegħu tal-prodott investigat matul il-PI. Barra minn hekk, il-perċentwal tan-negozju tal-aġenti tensjoattivi bl-użu tal-FOH meta mqabbel mal-fatturat totali tagħhom huwa madwar 24%. Għalhekk, anke bl-applikazzjoni ta' dazju tad-dumping medju ta' 5%, l-impatt finali fuq il-kost tal-produzzjoni tal-prodotti inkluż il-prodott li qed jiġi investigat huwa limitat ħafna u anke negliġibbli fuq il-profitabbiltà totali tagħhom. 153. Xi produtturi ta' aġenti tensjoattivi madankollu argumentaw li d-dazji antidumping se jimpedixxuhom milli jixtru b'mod ħieles il-materja prima tagħhom, u b'hekk jinħoloq tgħawwiġ fis-segment tas-suq tagħhom. 154. Kif iddikjarat fil-premessa (120) tar-Regolament provviżorju, il-livell tad-dazji antidumping u l-impatt possibbli fuq l-industrija tal-utenti u fuq is-suq downstream, ma joħolqux ostakoli serji għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. L-investigazzjoni kkonfermat li d-dazji antidumping definittivi ma setgħux joħolqu tgħawwiġ fis-suq downstream. Fl-istess ħin, ma għandux ikun diffiċli għall-produtturi tal-aġenti tensjoattivi biex jgħaddu din iż-żieda pjuttost baxxa fil-kost fil-prezz finali tal-prodotti tagħhom. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet li d-dazji antidumping jistgħu joħolqu tgħawwiġ fis-suq downstream huma rrifjutati. 155. Wara l-iżvelar tas-sejbiet definittivi xi utenti instistew li l-produtturi tal-Unjoni kienu rrifjutaw li jipprovdulhom il-prodotti, u li kien hemm ftit alternattivi għall-provvista. Madankollu, kif intqal fil-premessa (120) tar-Regolament provviżorju, il-livell relattivament baxx ta' miżuri proposti ma għandux jeskludi l-possibbiltà li l-prodott ikkonċernat jiġi importat. Barra minn hekk, il-produtturi tal-Unjoni ma pproduċewx bil-kapaċità sħiħa tagħhom matul il-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet huma wkoll possibbli minn pajjiżi terzi oħra li mhumiex soġġetti għal miżuri u ċ-ċifri tal-Eurostat għall-importazzjonijiet tal-FOH mill-bqija tad-dinja wara l-PI juru li dawn l-importazzjonijiet qed jikbru, u dan jindika li r-riskju allegat tan-nuqqas tal-provvista mhuwiex sostanzjat. Għalhekk, din it-talba ġiet miċħuda. 156. Xi assoċjazzjonijiet tal-utenti li naqsu milli jippreżentaw irwieħhom fiż-żmien ta' skadenza previst fil-punt 5.3 tan-Notifika tal-Inizjazzjoni sostnew li l-opinjonijiet tagħhom, speċjalment dwar l-impatt possibbli tal-miżuri fuq l-impriżi żgħar u medji u fuq setturi speċifiċi, ma kinux ġew riflessi fil-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni. Madankollu, għandu jiġi nnutat li l-kummenti kollha mqajma minn dawn l-assoċjazzjonijiet tqiesu f'din l-investigazzjoni. Barra minn hekk, kif intqal fil-premessa (109) hawn fuq, il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni qieset l-informazzjoni kollha mressqa mill-utenti li kkooperaw. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet irrifjutata. 157. Bosta partijiet sostnew li t-tul ta' żmien tal-miżuri, jekk dawn jiġu imposti, għandu jiġi limitat għal perjodu massimu ta' sentejn. Skont ir-Regolament bażiku, miżura antidumping definittiva normalment tiġi imposta għat-tul ta' żmien ta' ħames snin. Billi l-ebda waħda mill-partijiet ma wriet li perjodu ta' sentejn ikun biżżejjed biex jirribatti d-dumping li qed jikkawża ħsara kif mitlub fl-Artikolu 11.1 tar-Regolament bażiku, jidher li ma hemm l-ebda raġuni valida biex wieħed jiddevja mit-tul ta' żmien standard tal-miżuri. Għalhekk, din it-talba ġiet irrifjutata. 158. Fin-nuqqas ta' kummenti oħra dwar l-interess tal-utenti, huwa kkonfermat li l-impożizzjoni ta' miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ma tmurx kontra l-interess tal-Unjoni, il-premessi minn (117) sa (121) huma b'dan ikkonfermati. 159. Il-konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni 160. Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-konklużjoni magħmula fil-premessa (122) tar-Regolament provviżorju tista' tiġi kkonfermata. Ma hemm l-ebda raġuni serja kontra l-impożizzjoni ta' dazji antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-FOH mill-pajjiżi kkonċernati. G. MIŻURI ANTIDUMPING DEFINITTIVI 161. Il-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara 162. Huwa mfakkar li l-marġni tal-profitt li ntuża għall-kalkolu tal-mira ta' profitt fl-istadju provviżorju kien 7,7%. L-ilmentaturi argumentaw li mira ta' profitt ta' 15% tkun aktar xierqa. F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li naqsu milli jressqu evidenza li tista' tiġi vverifikata biex jappoġġaw id-dikjarazzjoni li l-mira ta' profitt kienet baxxa wisq. Għalhekk, huwa propost li tiġi kkonfermata l-mira ta' profitt provviżorja ta' 7,7% li hija bbażata fuq il-marġni ta' profitt miksub għan-negozju kollu tal-alkoħol ta' lmentatur wieħed fl-aħħar sena bi profitt tiegħu qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezzijiet baxxi. 163. Ċerti partijiet sostnew li 7,7% ma kienx realistiku u kien għoli wisq. Huma ssuġġerew li jintuża marġni ta' profitt aktar baxx ta' bejn 3% u 5% biex jiġi stabbilit il-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara. Din id-dikjarazzjoni madankollu ma kinitx appoġġata b'evidenza li turi li l-profitt propost kien dak li seta' jinkiseb mill-industrija tal-Unjoni fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping fis-suq tal-Unjoni u għalhekk ma ġietx aċċettata. 164. Ċerti partijiet sostnew li l-Kummissjoni stabbiliet bi żball il-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara fuq il-bażi tal-marġni ta' bejgħ bi prezz baxx, filwaqt li kellha tuża l-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz. F'dan il-każ, ma tqiesx li l-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz kien bażi xierqa biex jiġi stabbilit il-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara għall-industrija tal-Unjoni minħabba li ma jirriflettix il-livell tal-prezz li seta' jinkiseb fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet irrifjutata. 165. Fuq din il-bażi, il-marġnijiet tal-ħsara provviżorji espressi bħala perċentwal tal-prezz tas-CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, mingħajr id-dazju mħallas kif indikat fil-premessa (127) tar-Regolament provviżorju jistgħu jiġu kkonfermati. 166. Miżuri definittivi 167. Forma tal-miżuri definittivi 168. Kif imsemmi fil-premessi minn (79) sa (84) hawn fuq, xi partijiet sostnew inter alia li l-miżuri attwali għandhom jiġu sospiżi minħabba li l-avvenimenti ta' wara l-PI li jikkonċernaw iż-żieda fil-prezz tal-prodott ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni kienu viżibbli, ċerti u dejjiema. Huma sostnew ukoll li kwalunkwe miżura definittiva ma għandhiex tieħu l-forma ta' dazju ad valorem iżda pjuttost imposta fil-forma ta' MIP. 169. Madankollu tqies li f'dan il-każ partikolari ċ-ċirkostanzi mhumiex tali li jitolbu l-impożizzjoni ta' prezz minimu għall-importazzjoni. Din il-forma tal-miżura tista' faċilment tiġi evitata minħabba n-natura tal-prodott ikkonċernat u l-istrutturi korporattivi kumplessi tal-esportaturi kkonċernati. 170. Madankollu, huwa aċċettat li hemm ċerta sensittività fil-prezz fis-suq għall-prodott inkwistjoni u għalhekk ikun raġonevoli li wieħed jimminimizza l-impatt tal-miżuri definittivi fuq l-utenti tal-Unjoni fl-eventwalità ta' żidiet possibbli fil-prezz tal-prodott ikkonċernat. Għalhekk, huwa meqjus xieraq li tinbidel il-forma tal-miżuri definittivi minn dazji ad valorem għal dazji speċifiċi. 171. Din il-forma ta' miżuri hija mistennija li tillimita sa ċertu punt kwalunkwe impatt negattiv mhux dovut possibbli fuq l-utenti jekk il-prezzijiet jiżdiedu b'mod sinifikanti u malajr. Jekk, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet jonqsu, id-dazji speċifiċi xorta jibqgħu jiżguraw biżżejjed protezzjoni għall-produtturi tal-Unjoni. Id-dazji speċifiċi huma bbażati fuq il-valuri CIF tal-esportazzjonijiet lejn l-UE fil-PI tal-kumpaniji li kkooperaw, mibdula għal EUR bl-użu tar-rati ta' kambju ta' kull xahar, immultiplikati bil-marġni l-aktar baxx mill-marġnijiet tad-dumping u tal-ħsara skont ir-regola tad-dazju l-iżjed baxx. 172. F'dan ir-rigward, żewġ produtturi esportaturi sostnew li għandha tintuża r-rata ta' kambju medja annwali minflok dik ta' kull xahar. Madankollu, huwa nnutat li skont il-prassi normali, kwalunkwe konverżjoni ta' valuti fl-investigazzjonijiet antidumping issir bl-użu tar-rati ta' kambju ta' kull xahar. Dan kien il-każ ukoll għal din l-investigazzjoni. It-talba għalhekk ġiet irrifjutata. 173. L-ilmentatur sostna li meta ġew stabbiliti d-dazji speċifiċi, kellhom jintużaw il-prezzijiet attwali tal-FOH u mhux il-valuri CIF matul il-PI. Għandu jiġi nnutat li d-dazji speċifiċi huma stabbiliti fuq il-bażi tal-kalkoli tad-dumping u tal-ħsara għall-PI. L-ebda argument sostanzjat ma tressaq biex il-kalkoli tad-dazji speċifiċi f'dan il-każ jiġu bbażati fuq perjodu wara l-PI. Għalhekk din id-dikjarazzjoni ġiet irrifjutata. 174. L-impożizzjoni tal-miżuri definittivi 175. Wara l-pubblikazzjoni tal-miżuri provviżorji produttur esportatur potenzjali ppreżenta ruħu u sostna li r-rata tad-dazju residwa għandha tiġi stabbilita fil-livell tal-ogħla dazju impost u mhux tal-ogħla marġni tad-dumping li nstab għall-Indoneżja. Madankollu, id-dazju residwu huwa stabbilit fuq id-dumping residwu jew il-marġni tal-ħsara residwa bl-applikazzjoni tar-regola tal-inqas dazju. It-talba għalhekk ġiet irrifjutata. 176. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, qed jitqies li, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandhom jiġu imposti miżuri ta' antidumping definittivi fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fil-livell l-aktar baxx tal-marġnijiet ta' dumping u ta' ħsara, skont ir-regola tad-dazju l-iżjed baxx. 177. Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta' dazji antidumping definittivi. Huma ngħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara l-iżvelar finali. Il-kummenti sottomessi mill-partijiet kienu kkunsidrati sew, u, fejn kien xieraq, is-sejbiet kienu modifikati skont dan. 178. Id-dazji antidumping definittivi proposti huma dawn li ġejjin: Pajjiż | Kumpanija | Dazju definittiv AD speċifiku (EUR għal kull tunnellata nett) | L-Indja | VVF Limited | 46,98 | Il-kumpaniji l-oħra kollha | 86,99 | L-Indoneżja | P.T. Musim Mas | 45,63 | Il-kumpaniji l-oħra kollha | 80,34 | Il-Malasja | KL-Kepong Oleomas Sdn.Bhd. | 35,19 | Emery Oleochemicals (M) Sdn. Bhd. | 61,01 | Fatty Chemical Malaysia Sdn. Bhd | 51,07 | Il-kumpaniji l-oħra kollha | 61,01 | 179. Ir-rati tad-dazju antidumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament japplikaw biss għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat prodott minn dawn il-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fl-Artikolu 1 b'isimha u l-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet konnessi ma' dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata ta' dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”. 180. Kwalunkwe pretensjoni li titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati ta' dazju antidumping individwali (pereżempju wara bidla fl-isem tal-entità jew wara t-twaqqif ta' entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew bejgħ) għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni[10] flimkien mal-informazzjoni kollha rilevanti, b'mod partikolari kwalunkwe bidla fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni assoċjata ma', pereżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni jew bejgħ. Jekk ikun xieraq, dan ir-Regolament jiġi mbagħad emendat skont dan billi tiġi aġġornata l-lista ta' kumpaniji li jgawdu minn rati ta' dazju antidumping individwali. 181. Impenji 182. Produttur esportatur Indjan kif ukoll wieħed Malasjan, flimkien mal-importatur relatat tiegħu, offrew garanzija ta' prezz skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku. Iż-żewġ offerti ta' garanzija ta' prezz kien fihom għadd kbir ta' gruppi ta' prodotti (stabbiliti permezz tal-ispeċifikazzjoni kimika), kull grupp soġġett għal Prezz Minimu għall-Importazzjoni (MIP) differenti, b'differenzi fil-prezzijiet bejn il-gruppi sa 25% għall-esportatur Malasjan u sa 100% għall-esportatur Indjan. Barra minn hekk, il-prezzijiet varjaw sa 20% fil-gruppi individwali stess, u għalhekk dan ġab riskju għoli ta' kumpens reċiproku. Ġie wkoll innutat li l-offerta tal-esportatur Indjan ma indirizzatx il-volatilità tal-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat. Ġew identifikati riskji ta' kumpens reċiproku addizzjonali fir-rigward tal-esportatur Malasjan u l-importatur relatat tiegħu fl-Unjoni li mhux biss kiseb il-prodott ikkonċernat mill-esportatur Malasjan iżda wkoll minn fornituri oħrajn. Fl-aħħar nett, ikun diffiċli għad-dwana biex tiddetermina l-ispeċifikazzjoni kimika tal-prodott mingħajr analiżi individwali, u dan jagħmel il-monitoraġġ diffiċli ħafna jew kważi impossibbli. Għalhekk l-offerti tal-garanzija tal-prezz ġew irrifjutati. Wara l-proposta biex tinbidel il-forma ta' dawn il-miżuri, produttur esportatur wieħed biddel l-offerta ta' garanzija tiegħu u ssuġġerixxa MIP medju għall-gruppi kollha tal-prodotti u sostna li mhux se jkun hemm riskju ta' kumpens trasversali aktar. Il-produttur esportatur l-ieħor sempliċement ikkonferma l-offerta tiegħu. Madankollu, minħabba l-għadd ta' tipi tal-prodott u l-varjazzjoni tal-prezz bejniethom, MIP jista' jikkomprometti kompletament l-effettività tal-miżuri. Barra minn hekk, l-istruttura tal-kumpaniji u tal-offerti tagħhom kif indikat hawn fuq xorta tikkostitwixxi ostakolu biex garanzija tiġi aċċettata. Ir-reġim ta' rappurtar u tal-prezz issuġġerit minn esportatur wieħed ma jindirizzax dan it-tħassib u fi kwalunkwe każ jagħmel il-monitoraġġ diffiċli ħafna jekk mhux kważi impossibbli. Għalhekk, l-offerti ta' garanzija ma jistgħux jiġu aċċettati. 183. Il-ġbir definittiv ta’ dazji antidumping provviżorji 184. Fid-dawl tal-kobor tal-marġnijiet tad-dumping misjuba u fid-dawl tal-livell tal-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Unjoni, jitqies neċessarju li l-ammonti garantiti permezz tad-dazju antidumping provviżorju, imposti permezz tar-Regolament provviżorju, jinġabru b’mod definittiv sakemm jintlaħaq l-ammont tad-dazji definittivi imposti. Fejn id-dazji definittivi jkunu aktar baxxi mid-dazji provviżorji, l-ammonti garantiti b’mod provviżorju li jkunu ogħla mir-rata definittiva tad-dazji antidumping għandhom jiġu rilaxxati. ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 1. Dazju antidumping definittiv huwa b’dan impost fuq l-importazzjonijiet ta’ alkoħols xaħmija saturati b’katina ta’ atomi ta’ karbonju ta’ tul ta’ C8, C10, C12, C14, C16 jew C18 (l-iżomeri bil-friegħi mhux inklużi) li jinkludu alkoħols xaħmija saturati uniċi (imsejħa wkoll "qatgħat uniċi") u taħlitiet li b’mod predominanti jinkludu kombinazzjoni ta’ ktajjen ta’ atomi ta’ karbonju ta’ tulijiet ta’ C6-C8, C6-C10, C8-C10, C10-C12 (ġeneralment kategorizzati bħala C8-C10), taħlitiet li b’mod predominanti jinkludu kombinazzjoni ta’ ktajjen ta’ atomi ta’ karbonju ta’ tulijiet ta’ C12-C14, C12-C16, C12-C18, C14-C16 (ġeneralment kategorizzati bħala C12-C14), u taħlitiet li b’mod predominanti jinkludu kombinazzjoni ta’ ktajjen ta’ atomi ta’ karbonju ta’ tulijiet ta’ C16-C18, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 2905 16 85, 2905 17 00, ex 2905 19 00 u ex 3823 70 00 (kodiċijiet TARIC 2905 16 85 10, 2905 19 00 60, 3823 70 00 11 u 3823 70 00 91), u li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja, u l-Malasja. 2. Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpaniji hawn taħt għandha tkun kif ġej: Pajjiż | Kumpanija | Dazju definittiv AD (EUR għal kull tunnellata nett) | Kodiċi Addizzjonali TARIC | L-Indja | VVF Ltd, Taloja, Maharashtra | 46,98 | B110 | Il-kumpaniji l-oħra kollha | 86,99 | B999 | L-Indoneżja | P.T. Musim Mas, Tanjung Mulia, Medan, Sumatera Utara | 45,63 | B112 | Il-kumpaniji l-oħra kollha | 80,34 | B999 | Il-Malasja | KL-Kepong Oleomas Sdn. Bhd, Petaling Jaya, Selangor Darul Ehsan | 35,19 | B113 | Emery Oleochemicals (M) Sdn. Bhd., Kuala Langat, Selangor | 61,01 | B114 | Fatty Chemical Malaysia Sdn. Bhd. Prai, Penang | 51,07 | B117 | Il-kumpaniji l-oħra kollha | 61.01 | B999 | 3. F'każijiet fejn il-prodotti ġarrbu ħsara qabel id-dħul fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa u, għalhekk, il-prezz li tħallas realment jew li għandu jitħallas huwa allokat għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju[11], l-ammont tad-dazju antidumping, maħdum fuq l-ammonti stabbiti hawn fuq, għandu jitnaqqas b'perċentwal li jikkorrispondi mal-allokazzjoni tal-prezz imħallas realment jew li għandu jitħallas. 4. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana. Artikolu 2 L-ammonti garantiti bħala dazju antidumping provviżorju skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 446/2011 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols xaħmija u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja għandhom jinġabru definittivament. L-ammonti garantiti ogħla mir-rati definittivi tad-dazju antidumping għandhom jiġu rilaxxati. Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President […] [1] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51. [2] ĠU L 122, 11.5.2011, p. 47. [3] ĠU C 219, 13.8.2010, p. 12. [4] Matsushita Electric Industrial Co. Ltd u Matsushita Electric Trading Co. Ltd kontra l-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej, Kawża C-175/87, Sentenza tal-Qorti tal-10 ta' Marzu 1992. [5] Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube ZAT u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant VAT kontra l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Kawża T-249/06, Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-10 ta' Marzu 2009. [6] Canon Inc kontra l-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej, Kawża C-171/87, Sentenza tal-Qorti tal-10 ta' Marzu 1992. [7] Pereżempju fil-politetrafluworoetilen Granulari (PTFE) li joriġina mir-Russja u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ĠU L 144, 8.6.2005, p. 11, u fil-Perossosulfati (persulfati) li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan, ĠU L 97, 12.4.2007, p. 6 [8] WT/DS141/AB/R, adottat fit-12 ta' Marzu 2001. [9] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2007 tad-9.03.2007,.ĠU L 72, 13.03.2007, p. 1, premessa 25. [10] European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, NERV-105, 1049 Bruxelles/Brussel, BELGIUM. [11] ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.