52011PC0619

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/021 IE/Kostruzzjoni 71 mill-Irlanda) /* KUMM/2011/0619 finali */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibilità, fi ħdan il-massimu annwali ta' EUR 500 miljun, u dan apparti mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-EGF huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fid-9 ta' Ġunju 2010, l-Irlanda ssottomettiet applikazzjoni EGF/2010/21 IE/Kostruzzjoni 71 għal kontribuzzjoni finali mill-EGF, wara sensji f'230 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 71 ('Attivitajiet tal-arkitettura u tal-inġinerija; ittestjar tekniku u analiżi') tan-NACE Reviżjoni 2 [3]fir-reġjuni tan-NUTS II tal-Border, Midlands and Western (IE01) u s-Southern and Eastern (IE02) fl-Irlanda. Dawn iż-żewġ reġjuni kontigwi jinkludu l-Istat kollu tal-Irlanda.

Din l-applikazzjoni hija parti minn serje ta' tlieta, li kollha jikkonċernaw is-settur tal-kostruzzjoni fl-Irlanda. Iż-żewġ applikazzjonijiet l-oħra jappoġġaw il-ħaddiema li ngħataw is-senjsa fid-Diviżjonijiet 43('Attivitajiet speċjalizzati tal-kostruzzjoni') u 41 ('Il-kostruzzjoni tal-bini) tan-NACE Reviżjoni 2.

Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li l-kundizzjonijiet għal kontribut finanzjarju skont dan ir-Regolament huma ssodisfati.

TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI

Dejta ewlenija: ||

Nru ta' Referenza tal-EGF || EGF/2010/21

Stat Membru || L-Irlanda

Artikolu 2 || (b)

Intrapriżi kkonċernati || 230

Reġjuni NUTS II || Il-Border, Midlands and Western (IE01) Is-Southern and Eastern (IE02)

Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2 || 71 ('Attivitajiet tal-arkitettura u tal-inġinerija; ittestjar tekniku u analiżi')

Perjodu ta’ referenza || 1.7.2009 – 31.3.2010

Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati || 1.7.2009

Data tal-applikazzjoni || 9.6.2010

Sensji matul il-perjodu ta’ referenza || 842

Ħaddiema li ngħataw is-sensja u li huma identifikati għall-għajnuna || 554

Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) || 1 995 427,57

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF[4] (EUR) || 139 679,75

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (%) || 6,5

Baġit totali (EUR) || 2 135 107,32

Kontribut tal-EGF (65 %) (EUR) || 1 387 819

1. L-applikazzjoni kienet ippreżentata lill-Kummissjoni fid-9 ta’ Ġunju 2010 u ntbagħat tagħrif addizzjonali sas-17 ta’ Ġunju 2011.

2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet biex jintuża l-EGF kif stabbilit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fil-limitu ta' żmien ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

Ir-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

3. Sabiex tiġi stabbilita rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, l-Irlanda targumenta li l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali bdiet bil-kriżi tal-ipoteki subprime fl-Istati Uniti f'nofs l-2007, bil-kontaġju jinfirex malajr fis-swieq finanzjarji. Bħala ekonomija żgħira orjentata lejn l-esportazzjoni, l-Irlanda sofriet mill-effetti tal-għafsa tal-kreditu fuq l-imsieħba ewlenin fil-kummerċ, fi żmien meta l-ekonomija dinjija kienet qed tesperjenza l-agħar tnaqqis fil-perjodu ta' wara l-gwerra. L-għafsa tal-kreditu affetwat severament lill-banek fl-Irlanda, b'aktar effetti fuq is-self tal-ipoteka u l-attività tal-bini fil-pajjiż.

4. Ix-xogħol fis-settur tal-bini li kien qed jikber b'rata mgħaġġla qabel, naqas f'daqqa. L-Irlanda kienet qed tgawdi minn 'perjodu ferm pożittiv' fil-bini, bil-proporzjoni tal-investiment fid-djar mal-PGD jilħaq il-11 % tal-PGD fl-2006 meta mqabbel mal-investiment tal-UE fil-bini fuq medda twila ta' żmien mal-medja tal-PGD ta' madwar 6 % tal-PGD. Meta l-kriżi laqtet lill-Irlanda, is-sehem ta' dawk impjegati fil-kostruzzjoni fl-Irlanda waqa' minn 12,25 % fil-Q4 / 2007 għal 9,2 % fil-Q1 / 2009 u 6,25 % sal-Q3 / 2010. Ħafna mis-sensji fis-settur kienu kkawżati mill-għeluq ta' malajr tal-intrapriża li tħaddem għal raġunijiet ikkwotati bħal-likwidazzjoni, l-għeluq, il-perjodu ta' uffiċċju ta' riċevitur, l-għeluq, l-insolvenza, tmiem il-kuntratt u l-falliment.

5. Wara deċennju ta' rata baxxa ta' qgħad (4 % - 6 %), ir-rata tal-qgħad fil-kostruzzjoni żdiedet b'aktar minn sitt darbiet bejn Q2 / 2007 u Q2 / 2009. F'nofs l-2009, wieħed minn kull tliet ħaddiema fil-kostruzzjoni kienu bla xogħol. Dan iqabbel mar-rata ġenerali ta' qgħad nazzjonali f'dak iż-żmien ta' 12,4 %. F'termini ta' sottosetturi tal-kostruzzjoni, fil-Q4 / 2009, l-akbar livelli assoluti ta' qgħad ġew osservati fil-kostruzzjoni tal-bini (id-Diviżjoni 41 tan-NACE Reviżjoni 2) u s-sottosetturi tal-kostruzzjoni speċjalizzata (id-Diviżjoni 43 tan-NACE Reviżjoni 2). Fil-Q2 / 2009 ir-rati ta' qgħad f'dawn is-sottosetturi kien kważi 40 %. Il-qgħad fid-Diviżjoni 71 tan-NACE Reviżjoni 2 żdied b'mod rapidu minn madwar 3 500 fil-Q1 / 2009 għal 5 600 fl-aħħar tal-Q3 / 2009 u kien għadu għoli b'4,900 sal-aħħar tal-Q3 / 2010.

Turija tal-għadd ta’ sensji u l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(b)

6. L-Irlanda ssottomettiet din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jitlob li jkun hemm minn tal-inqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2 f'reġjun wieħed jew żewġ reġjuni kontigwi fil-livell tan-NUTS II fi Stat Membru.

7. L-applikazzjoni tikkwota 842 sensja f'230 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 71 tan-NACE Reviżjoni 2 ('Attivitajiet tal-arkitettura u l-inġinerija; ittestjar tekniku u analiżi')[5] fir-reġjuni tan-NUTS II tal-Border, Midlands and Western (IE01) u s-Southern and Eastern (IE02) matul il-perjodu ta' referenza ta' disa' xhur mill-1 ta' Lulju 2009 sal-31 ta' Marzu 2010. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkolati skont l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta' dawk is-sensji

8. L-awtoritajiet Irlandiżi jargumentaw li l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali ma kinitx prevista mill-gvernijiet, mill-istituzzjonijiet finanzjarji u mill-kummentaturi madwar id-dinja u l-ħafna intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fis-settur tal-kostruzzjoni fl-Irlanda ma setgħux jipprevedu sa fejn kienet se taffettwa n-negozji tagħhom il-kriżi.

Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema li huma identifikati għall-għajnuna

9. L-applikazzjoni tirrigwardja 842 sensja f'230 intrapriża mifruxa madwar iż-żewġ reġjuni kontigwi, li flimkien jagħmlu l-Istat tal-Irlanda kollu. Kważi 80 % tal-intrapriżi jinsabu fir-reġjun tas-Southern and Eastern (IE02) filwaqt li l-bqija jinsabu fir-reġjun tal-Border, Midlands and Western (IE01). Mit-842 ħaddiem li ngħataw is-senjsa, 554 ħaddiem huma identifikati għall-miżuri deskritti hawn taħt.

Reġjun || In-numru ta' intrapriżi || Numru ta' sensji

Il-Border, Midlands and Western (IE01) || 42 || 85

Is-Southern and Eastern (IE02) || 188 || 757

Totali || 230 || 842

Il-lista sħiħa ta' intrapriżi koperti mill-applikazzjoni EGF/2010/021 IE/Kostruzzjoni 71 mill-Irlanda hija msemmija fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-Proposta.

10. It-tqassim tal-ħaddiema identifikati huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Irġiel || 384 || 69,31

Nisa || 170 || 30,69

Ċittadini tal-UE || 554 || 100,00

Ċittadini minn barra l-UE || 0 || 0,00

bejn 15 u 24 sena || 5 || 0,90

bejn 25 u 54 sena || 509 || 91,88

bejn il-55 u l-64 sena || 33 || 5,96

aktar minn 64 sena || 7 || 1,26

11. Fost dan il-grupp ma hemmx ħaddiema li għandhom problemi ta’ saħħa fit-tul jew diżabilitajiet.

12. Fir-rigward ta' kategoriji ta’ xogħol, it-tqassim huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Leġiżlaturi, uffiċjali għolja u maniġers || 53 || 9,57

Professjonisti || 318 || 57,40

Tekniċi u professjonisti assoċjati || 60 || 10,83

Skrivani || 30 || 5,42

Ħaddiema fis-servizzi u ħaddiema fil-bejgħ fil-ħwienet u fis-swieq || 1 || 0,18

Ħaddiema tas-sengħa fil-qasam agrikolu u tas-sajd || 0 || 0,00

Ħaddiema fl-artiġjanat u snajja' relatati || 37 || 6,68

Operaturi tal-impjanti u tal-magni u dawk li jimmuntaw il-magni || 5 || 0,90

Xogħlijiet elementari || 20 || 3,61

Mhux applikabbli || 30 || 5,42

13. In-numru ta' ħaddiema identifikati fi ħdan in-numru ġenerali ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja jista' jinbidel , jiddependi mir-riżultat ta' kuntatti b'ħaddiema individwali li ngħataw is-sensja.

14. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-Irlanda kkonfermat li ġiet applikata politika ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni, u għandha tkompli tapplika, matul l-istadji differenti tal-implimentazzjoni tal-EGF u, b'mod partikolari, b’aċċess għalih.

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

15. L-applikazzjoni tkopri l-Istat kollu tal-Irlanda, li hu organizzat f'żewġ reġjuni kontigwi fil-livell NUTS II. Madwar 80 % tal-eksimpjegati tal-populazzjoni milquta kienu bbażati fir-reġjun ta' Southern and Eastern, fejn jinsabu l-akbar żewġt ibliet ta' Dublin u Cork. Filwaqt li dan jista' jissuġġerixxi li r-reġjun l-ieħor tan-NUTS II (il-Border, Midlands and Western) huma nqas milquta, ħinijiet u distanzi qosra ta' vvjaġġar, it-tħejjija tal-ħaddiema biex jivvjaġġaw, u preponderanza akbar ta' proġetti ta' kostruzzjoni f'ċentri urbani jkun aktar mistenni li ħafna ħaddiema li joqogħdu fir-reġjun ta' Border, Midlands and Western jemigraw jew jivvjaġġaw kuljum lejn impjegati bbażati fir-reġjun ta' Southern and Eastern għax-xogħol.

16. L-Irlanda kellha waħda mill-ekonomiji l-aktar globalizzati u dinamiċi tad-dinja b'negozju estern estremament b'saħħtu u rabtiet ta' investiment sa madwar l-2008. Madankollu, mill-aħħar tliet xhur tal-2008 u l-ewwel tliet xhur tal-2009, ir-rata ta' tkabbir ekonomiku naqset b'mod konsiderevoli, proċess li qed ikompli anki issa. Bi tnaqqis ta' 3 % tal-PGD fl-2008, l-Irlanda kienet affettwata severament bil-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. Il-forza tax-xogħol Irlandiża kollha għaddejja minn bidla strutturali primarjament bħala riżultat tal-waqgħa tas-setturi tal-kostruzzjoni u tal-banek.

17. Madankollu x-xogħol żdied fl-2009 fis-settur tal-ICT, b'żieda modesta reġistrata wkoll fis-setturi tat-trasport, tal-ikel u tas-saħħa. Barra minn hekk, b'riżultat tad-deregulazzjoni u t-tkabbir tas-settur tal-enerġija rinovabbli, ix-xogħol żdied fis-settur tal-enerġija (il-gass u l-elettriku).

18. Filwaqt li b'mod ġenerali l-provvista ta' ħaddiema taqbeż id-domanda, jeżistu xi oqsma ta' nuqqas ta' ħiliet f'numru żgħir ta' karigi iżda ġeneralment huma limitati għal speċjalisti (eż. inġiniera tal-elettriku b'għarfien fi grids b'vultaġġ għoli, persunal ta' livell għoli bħall-maniġer tal-proġett tal-ICT, oqsma speċifiċi (eż. telebejgħ b'ħila fit-taħdiet ta' lingwi barranin) u ħiliet speċifiċi (eż. professjonisti tal-ICT b'ħiliet fl-iżvilupp tan-negozju).

19. Ir-responsabilità għall-formulazzjoni tal-politika nazzjonali dwar ix-xogħol u t-taħriġ u l-finanzjament nazzjonali huma f'idejn id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet. Ir-responsabilita fil-livell operazzjonali hija f'idejn l-awtorità nazzjonali tat-taħriġ u x-xogħol, Foras Áiseanna Saothair (FÁS). Permezz ta' netwerk ta' 66 uffiċċju u 20 ċentru tat-taħriġ, FÁS topera programmi ta' taħriġ u xogħol, inklużi apprendistati, tipprovdi servizz ta' reklutaġġ għal dawk li qed ifittxu impjieg u lil min iħaddem, u servizz ta' konsulenza għall-industrija, u tappoġġja wkoll intrapriżi bbażati fil-komunità.

Barra minn hekk, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet huwa responsabbli għall-formulazzjoni tal-politika u l-finanzjament tas-sistema tal-edukazzjoni pubblika għolja u ulterjuri fl-Irlanda. Ir-responsabilità operazzjonali għal edukazzjoni ulterjuri taqa' (fil-livell ta kwalifiki edukattivi aktar baxxi) taħt il-Kumitati tal-Edukazzjoni Vokazzjonali (VECs) f'termini tad-dispożizzjoni tat-tagħlim adult. Is-sistema tal-edukazzjoni għolja ffinanzjata mill-pubbliku tinkludi 7 universitajiet u 13-il istitut tat-teknoloġija. L-Awtorita għall-Edukazzjoni Għolja (HEA), li taqa' taħt il-mandat tad-Dipartiment, hija l-korp ta' finanzjament għal dawn l-istituzzjonijiet. L-istituti tat-teknoloġija jaħdmu mill-qrib mal-FÁS fit-twassil tat-taħriġ tal-apprendistat.

20. Il-35 City and County Enterprise Boards (CEBs), li jaqgħu taħt il-mandat tad-Dipartiment tal-Intrapriża, il-Kummerċ & l-Innovazzjoni, jipprovdu appoġġ għal intrapriżi żgħar b'10 impjegati jew inqas fil-livell lokali.

21. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Soċjali jifformula politiki xierqa dwar il-protezzjoni soċjali u jmexxi u jimmaniġġja t-twassil ta' skemi u servizzi statutorji u mhux statutorji. Dan għandu wkoll funzjoni ta' tfittix għal impjieg u appoġġ għax-xogħol, inkluż appoġġ għall-intrapriża / biex tibda n-negozju tiegħek.

22. Fl-aħħar, hemm numru ta' fornituri privati tal-edukazzjoni għolja f'pożizzjoni biex jipprovdi opportunitajiet edukattivi għal dawk li qabel kienu impjegati fis-settur tal-kostruzzjoni, li jista' jiġi ffinanzjat mill-FÁS permezz ta' sistemi ta' għotjiet rilevanti.

23. It-trejdjunjins, il-korpi settorjali, ir-rappreżentanti politiċi lokali, korpi tal-iżvilupp lokali u reġjonali, Sħubiji ta' żona lokali u Bordijiet tal-Intrapriża lokali huma fost il-ħafna partijiet interessati oħra.

L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

24. Wara tnaqqis f'daqqa fl-attività tal-kostruzzjoni fl-Irlanda fl-2008, ix-xogħol fis-settur tal-kostruzzjoni kompla jonqos fl-2009 u l-2010. L-Istatistika tal-OECD dwar il-Forza tax-Xogħol l-istatistika (MEI) turi li l-Irlanda sofriet tnaqqis ta' 19 % fix-xogħol fl-industrija tal-kostruzzjoni fil-perjodu mill-Q3 / 2009 sal-Q1 / 2010, l-akbar tnaqqis fix-xogħol f'dak is-settur għal kwalunkwe pajjiż tal-OECD[6].

25. B'mod globali x-xogħol fl-industrija tal-kostruzzjoni (id-Diviżjonijiet kollha tan-NACE Reviżjoni 2) bħala sehem mix-xogħol kollu nazzjonali waqa' minn 12,8% fl-aħħar tal-Q2 / 2007 għal 6,9 % fl-aħħar tal-Q1 / 2010. Il-qgħad fid-Diviżjoni 71 tan-NACE Reviżjoni 2 żdied b'mod rapidu minn madwar 3 500 fil-Q1 / 2009 għal 5 600 fl-aħħar tal-Q3 / 2009 u kien għadu għoli b'4 900 sal-aħħar tal-Q3 / 2010.

26. Fis-snin riċenti, l-industrija tal-kostruzzjoni ġġenerat eċċess ta' 8 %tal-PGD, ħafna aktar mill-medja ta' minn 4 sa 6 % għall-pajjiżi tal-OECD. It-tnaqqis fid-domanda għas-servizzi tal-kostruzzjoni u s-sensji konsgewenza ta' hekk għandhom impatti ovvji negattivi f'termini ta' telf ta' dħul dirett tal-paga, telf fl-irċevuti tat-teżor permezz ta' taxxi fuq id-dħul u l-kumpaniji, żieda fin-nefqa tal-assistenza soċjali fuq dawk li spiċċaw bla xogħol riċentament. Barra minn hekk, it-telf ta' nfieq sekondarju marbut mal-konsum ta' eksħaddiema tal-kostruzzjoni se jkollu impatt aktar wiesa' fuq is-setturi kollha tal-ekonomija.

Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u analiżi tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-komplementarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

27. L-Irlanda qed tipproponi pakkett ta’ miżuri favur il-ħaddiema li ngħataw is-sensja li hu mibni fuq ħames pilastri: Pariri dwar ix-xogħol, Programmi ta' Taħriġ u allokazzjonijiet marbuta mat-taħriġ, Programmi vokazzjonali / ta' edukazzjoni tat-tieni livell u taħriġ u appoġġi ta' dħul, Appoġġ lill-Intrapriża / Impjieg għal Rasek, u Edukazzjoni tat-tielet livell u appoġġi ta' dħul:

– Pariri dwar ix-xogħol: Dan jikkonsisti minn konsulenza dwar ix-xogħol fuq bażi individwali u parir għall-maġġoranza tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, li jwassal għal firxa miftiehma ta' passi li għandhom jittieħdu sabiex imorru lura għax-xogħol. Dawn il-passi jinkludu mhux biss taħriġ, iżda wkoll appoġġ permezz ta' grupp ta' gwida, klabbs tal-impjiegi u għażliet tal-edukazzjoni.

– Il-Programmi ta' taħriġ u allokazzjonijiet marbuta mat-taħriġ: Il-korsijiet tal-FÁS ikopru firxa wiesgħa ta' suġġetti rilevanti, inklużi l-konservazzjoni tal-enerġija, teknoloġiji u strutturi tal-enerġija ħadra u sostenibbli, u l-immaniġġjar tal-ambjent. Qed titwettaq strateġija mfassla biex tkabbar il-ħiliet u l-kwalifiki ta' ħaddiema tal-kostruzzjoni li jinsabu bla xogħol biex tippermettihom jiksbu xogħol f'dawk l-oqsma li qed jikbru. Il-persuni li qed jipparteċipaw f'korsijiet tal-FÁS fuq bażi full time jikkwalifikaw għal allokazzjoni ta' taħriġ in lieu tal-ħlas tal-assistenza soċjali. Għotja għal assistenza għal attendenza ta' taħriġ provdut b'mod privat jew korsijiet edukattivi mhux imwassla minn jew permezz tal-aġenzija nazzjonali tat-taħriġ se jiġu provduti kif xieraq. It-tfassil ta' internship speċifiku, esperjenzi fil-postijiet tax-xogħol u programmi ta' taħriġ orjentati lejn il-komunità se jkunu karatteristika tal-intervenzjonijiet tat-taħriġ kif xieraq.

– Programmi vokazzjonali / ta' edukazzjoni tat-tieni livell u programmi ta' taħriġ u appoġġi ta' dħul: Hemm rikonoxximent li dejjem jikber li t-titjib tal-ħiliet huwa ewlieni biex jassigura xogħol fis-snin li ġejjin. Konsegwentament, ħaddiema tal-kostruzzjoni li huma qiegħda li, ftit snin ilu biss, ma kinux ħasbu biex jirritornaw lejn l-edukazzjoni jew it-taħriġ, qegħdin dejjem aktar jirrealizzaw li jeħtieġu jtejbu l-ħiliet tagħhom biex itejbu l-possibilitajiet tagħhom għal xogħol. Ġie stabbilit li ħaddiema tal-kostruzzjoni li ngħataw is-sensja, li ħafna minnhom għandhom ħiliet tekniċi għoljin, huma realistiċi dwar il-qagħda tagħhom u huma lesti li jikkunsidraw karrieri alternattivi barra s-settur tal-kostruzzjoni. Billi jagħmlu dan, huma konxji ta' nuqqasijiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom u jilqgħu gwida dwar kif jistgħu jeliminaw dawn in-nuqqasijiet. F'dan il-kuntest, qed jiġu proposti bosta għażliet, li jinvolvu l-Kumitati dwar l-Edukazzjoni Vokazzjonali, korsijiet ta' Post Leaving Certificate, Skemi ta' Opportunitajiet għal Taħriġ Vokazzjonali, Tagħlim Intensiv fl-Edukazzjoni Bażika tal-Adulti, u l-Inizjattiva Lura għax-Xogħol. Ħafna minn dawn il-programmi jgħoddu għal premju ta' ċertifikazzjoni rikonoxxut fuq bażi nazzjonali u internazzjonali.

– Ħolqien ta' intrapriża / impjieg għal rasek: Korpi li jappoġġaw l-intrapriżi bħas-City and County Enterprise Boards (CEBs) jippromwovu l-firxa ta' appoġġi disponibbli għal ħaddiema li ngħataw is-senjsa li qed jaħsbu biex jibdew in-negozju tagħhom permezz, pereżempju, il-parteċipazzjoni ta' workshops ta' tagħrif, fieri u wirjiet mat-toroq u promozzjoni oħra marbuta mal-attivitajiet. Se tiġi offruta għajnuna f'għotja f'każijiet fejn il-proposti tan-negozju jikkonformaw mal-kriterji ta' eliġibilità. Tali għajnuna tinkludi għotjiet ta' priming u ta' xogħol mħallsa mis-CEBs biex jipprovdu persuni li bdew jaħdmu għal rashom jew kumpaniji żgħar li għadhom jibdew b'għajnuna għall-ispejjeż tal-bidu u biex jimpjegaw lill-ħaddiema. Il-benefiċjarji ġeneralment huma negozjanti għal rashom u mikro intrapriżi li jikkonċentraw fuq is-servizzi tal-manifattura jew fuq servizzi negozjati internazzjonalment. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Soċjali jopera numru ta' skemi mfassla biex jipprovdu appoġġ ta' dħul għal riċevituri tal-assistenza soċjali biex jidħlu f'impjieg għal rashom. Dawn jinkludu l-Allokazzjoni tal-Intrapriża Lura għax-Xogħol u Allokazzjoni fuq terminu qasir għall-Intrapriża fejn persuna qiegħda tista' tifforma bħalha persuna li taħdem għal rasha f'negozju li ġie approvat minn faċilitatur tad-Dipartiment dwar l-impjiegi jew kumpanija ta' żvilupp li qed tintegra lokalment. Ma hemmx restrizzjoni dwar in-natura ta' negozju għal rashom, iżda jeħtieġ li jkun ikkunsidrat bħala vijabbli u sostenibbli mill-faċilitatur tal-impjiegi.

– Programmi tal-Edukazzjoni tat-Tielet Livell u appoġġi ta' dħul: Eluf ta' moduli u programmi huma disponibbli fis-settur tal-edukazzjoni għolja li huma rilevanti għall-ħaddiema tal-kostruzzjoni li ngħataw is-sensja, skont l-isfond edukattiv tagħhom u l-livelli ta' ħiliet. Uħud minn dawn il-programmi huma fil-qasam tat-teknoloġija ambjentali, li tista' tkun partikolarment rilevanti għal nies bi sfond fil-kostruzzjoni. Se jkun hemm enfasi konsiderevoli fil-bidu dwar il-valutazzjoni ta' dawk li qed jikkunsidraw mogħdijiet ta' edukazzjoni għolja, is-sett ta' ħiliet tagħhom u l-adattazzjoni biex jidħlu f'korsijiet partikolari jew jekk il-korsijiet preparatorji jew għażliet alternattivi f'oqsma oħra ta' appoġġ humiex aktar xierqa. Is-settur tal-edukazzjoni għolja huwa f'pożizzjoni li jipprovdi programmi ta' tranżizzjoni, ta' tul ta' żmien qasir u medju, programmi full-time u programmi part-time. Il-kulleġġi kollha tat-tielet livell jipprovdu opportunitajiet għal dħul dirett u dħul avvanzat għal programmi bbażati fuq il-ħiliet preċedenti tal-individwu u l-esperjenza fuq ix-xogħol. Fil-kuntest ta' aktar flessibilità ta' modi ta' twassil, huwa wkoll possibbli għal studenti biex jagħżlu moduli jew premjijiet minuri ta' tul ta' żmien qasir, bl-għażla tul iż-żmien biex jibnu lejn kwalifika maġġuri. Hemm ukoll opportunitajiet għal detenturi ta' ċertifikati ta' bċejjeċ biex jiksbu dħul avvanzat għal numru ta' programmi speċifiċi ta' livell ta' lawrja fl-Istituti tat-Teknoloġija. Madankollu, it-tul ta' żmien limitat tal-perjodu ta' implimentazzjoni tal-EGF ma jiffaċilitax b'mod ġenerali l-appoġġ ta' kors sħiħ tal-lawrja fl-intier tiegħu. Bosta appoġġi ta' dħul huma disponibbli biex jiffaċilitaw ħaddiema tal-kostruzzjoni li ngħataw is-sensja biex jaċċessaw u jipparteċipaw fi programmi tat-tielet livell.

28. In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF, li hija inkluża fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni u kontroll kif ukoll ta' informazzjoni u pubbliċità. Ladarba dan il-każ ikopri l-Istat kollu tal-Irlanda, l-awtoritajiet Irlandiżi ddedikaw l-aktar parti sinifikanti tan-nefqa għat-tmexxija u s-sorveljanza, kif ukoll il-kontroll, inklużi l-verifiki. Rigward it-tagħrif u l-pubbliċità, il-miżuri kollha provduti skont l-għajnuna tal-EGF se jiġu enfasizzati fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jiżguraw li l-EGF hija attribwita b'tali għajnuna. Dan se jinkludi l-materjali ta' pubbliċità, il-lowgos, il-letterheads, il-powsters, il-fuljetti u r-reklami tal-midja eċċ. Il-Gvern, primarjament permezz tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet, u l-aġenziji kollha rilevanti tal-Istat u istituzzjonijiet edukattivi, se jkompli jenfasizza l-għajnuna tal-Komunità fl-okkażjonijiet kollha xierqa, bħall-aġġornamenti għall-istampa, mistoqsijiet parlamentari, dibattiti, avvenimenti tal-midja eċċ.

29. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Irlandiżi huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli kif definiti bl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Irlandiżi jistmaw li l-kosti totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’ EUR 1,995,427.57 u li n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF hija ta' EUR 139,679.75 (6.5 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-EGF hija ta’ EUR 1,387,819 (65 % tal-kosti totali).

Azzjonijiet || Għadd stmat ta’ ħaddiema identifikati || Kost stmat għal kull ħaddiem identifikat (EUR) || Kosti totali (l-EGF u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR)

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Pariri dwar ix-xogħol || 453 || 122,08 || 55 302,24

Programmi ta' taħriġ. || 159 || 1 017,43 || 161 771,37

Allokazzjonijiet għat-taħriġ || 53 || 5 192,98 || 275 227,94

Programmi vokazzjonali / ta' edukazzjoni tat-tieni livell u taħriġ || 130 || 2 920,00 || 379 600,00

Programmi vokazzjonali / ta' edukazzjoni tat-tieni livell u taħriġ || 15 || 10 946,03 || 164 190,45

Ħolqien ta' intrapriża / impjieg għal rasek || 135 || 1 625,59 || 219 454,65

Programmi edukattivi tat-tielet livell || 35 || 13 737,14 || 480 799,90

Programmi edukattivi tat-tielet livell || 18 || 14 393,39 || 259 081,02

Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 1 995 427,57

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Attivitajiet ta' tħejjija || || 12 696,89

Amministrazzjoni || || 73 010,60

Informazzjoni u pubbliċità || || 25 393,78

Attivitajiet ta’ kontroll || || 28 578,48

Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF || || 139 679,75

Total tal-kosti stmati || || 2 135 107,32

Kontribut tal-EGF (65 % tal-kosti totali) || || 1 387 819

30. L-Irlanda tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma komplementarji mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali. L-awtoritajiet Irlandiżi stabbilixxew Kumitat ta' Monitoraġġ għall-Koordinazzjoni tal-Fondi tal-UE skont il-Qafas ta' Referenza Strateġika Nazzjonali. Id-Dipartiment tal-Finanzi jmexxi l-Kumitat li jiddiskuti kwalunkwe kwistjoni ta' rilevanza inkluż id-demarkazzjoni ta' fondi fi programmi operazzjonali u kwalunkwe kwistjoni ta' implimentazzjoni li tista' tinqala u kwalunkwe pjan għal programmi ġodda biex tiżgura li l-Fondi mhumiex jirkbu fuq xulxin. Barra minn hekk, bħala parti mill-proċess ta' implimentazzjoni għall-ESF u l-ERDF ġie stabbilit grupp u huwa mmexxi u kkoordonat mid-Dipartiment tal-Finanzi, biex jitratta kwalunkwe kwistjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali għall-perjodu ta' bejn l-2007 u l-2013. Sa mill-2010, il-EGF ġiet inkluża f'dan il-proċess.

Data(i) li fiha/fihom bdew jew kienu ppjanati li jibdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati

31. L-Irlanda bdiet is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati inkluż il-pakkett koordinat propost għall-kofinanzjament lill-EGF fl-1 ta' Lulju 2009. Din id-data, għalhekk, tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibilità għal kwalunkwe għajnuna li tista' tingħata mill-EGF.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

32. Mar-riċeviment tan-notifika mid-Dipartiment tal-Intrapriża, il-Kummerċ u l-Innovazzjoni tas-sensji kollettivi imminenti, il- FÁS tagħmel kuntatt mat-tmexxija tal-kumpanija kkonċernata biex tiddiskuti s-servizzi disponibbli u l-ħtiġijiet potenzjali tal-impjegati. It-Trejdjunjins ġew ikkonsultati wkoll kif xieraq.

33. L-awtoritajiet Irlandiżi kkonfermaw li r-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfati.

Tagħrif dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi

34. Fir-rigward tat-twettiq tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Irlandiżi fl-applikazzjoni tagħhom:

· ikkonfermaw li l-kontribut finanzjarju mill-EGF ma jiħux post il-miżuri li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

· taw prova li l-azzjonijiet jipprovdu sostenn lill-ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE.

Sistemi ta' ġestjoni u kontroll

35. L-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu ġestiti u kkontrollati mill-istess korpi li jiġġestixxu u jikkontrollaw il-finanzjament tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fl-Irlanda.

Il-finanzjament

36. Abbażi tal-applikazzjoni mill-Irlanda, il-kontribuzzjoni proposta mill-EGF għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati (inkluża n-nefqa biex jiġi implimentat il-EGF) hija ta' EUR 1 387 819, li tirrappreżenta 65 % tal-kost totali. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq it-tagħrif li ngħatat mill-Irlanda.

37. B'kunsiderazzjoni tal-ammont massimu possibbli ta' kontribut finanzjarju mill-EGF skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll tal-kamp ta' applikazzjoni tal-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-EGF għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat skont l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

38. L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarja jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-EGF jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

39. Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta biex timmobilizza l-EGF, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura ssimplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-EGF u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex, f'livell politiku xieraq, tgħarraf lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, tissejjaħ laqgħa formali ta' trijalogu.

40. B’mod separat il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal fil-baġit għall-2011 approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' ħlas speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Sors tal-approprjazzjonijiet għall-ħlas

41. L-ammont ta' approprjazzjoni ta' ħlas li inizjalment beda fuq il-linja tal-baġit 04.0501 se jkun ġie ikkunsmat kollu wara l-adozzjoni miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja tal-proposti sottomessi sa issa għall-mobilizzazzjoni tal-EGF.

42. Minħabba li l-approprjazzjonijiet ta' ħlas huma disponibbli fl-2011 skont il-linja tal-baġit 04.0201 "Tlestija tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) - Għan 1 (mill-2000 sal-2006)", għaldaqstant jista' jsir disponibbli ammont ta' EUR 1,387,819 meħtieġ għall-applikazzjoni preżenti għat-trasferiment.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/021 IE/Kostruzzjoni 71 mill-Irlanda)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba[7], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[8], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[9],

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)       Il-kamp ta' applikazzjoni tal-EGF twessa’ għall-applikazzjonijiet sottomessi mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)       Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF fil-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)       L-Irlanda ssottomettiet applikazzjoni biex timmobilizza l-EGF, fir-rigward ta' sensji f'230 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 71 tan-NACE Reviżjoni 2 ('Attivitajiet tal-arkitettura u l-inġinerija; ittestjar tekniku u analiżi')fir-reġjuni tan-NUTS II tal-Border, Midlands and Western (IE01) u s-Southern and Eastern (IE02) , fid-9 ta' Ġunju 2010 u ntbagħat tagħrif addizzjonali sas-17 ta' Ġunju 2011. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontributi finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li timmobilizza ammont ta' EUR 1,387,819.

(5)       Il-EGF għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-applikazzjonijiet sottomessi mill-Irlanda.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jkun mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 387 819 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi [Brussell/Strasburgu],

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3]               Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

[4]               Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

[5]               Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

[6]               L-Istatistika tal-OECD dwar il-Forza tax-Xogħol (MEI), Q1/2010.

[7]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[8]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[9]               ĠU C […], […], p. […].