52011PC0618

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'applikazzjoni tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/020 IE/Kostruzzjoni 43, mill-Irlanda) /* KUMM/2011/0618 finali */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibilità, bil-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun li huma addizzjonali għall-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-EGF huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fid-9 ta' Ġunju 2010, l-Irlanda ressqet l-applikazzjoni EGF/2010/20 IE/Kostruzzjoni 43 għal kontribut finanzjarju mill-EGF, wara s-sensji f'1 560 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 43 ('Attivitajiet speċjalizzati tal-kostruzzjoni')[3] fin-NACE Reviżjoni 2 fir-reġjuni tan-NUTS II ta' Border, Midlands, u Western (IE01) u Southern u Eastern (IE02) fl-Irlanda. Dawn iż-żewġ reġjuni li jmissu ma' xulxin jikkonsistu fl-Istat kollu tal-Irlanda.

L-applikazzjoni hija parti minn sensiela ta' tlieta, li lkoll jolqtu s-settur tal-kostruzzjoni fl-Irlanda. Iż-żewġ applikazzjonijiet l-oħra huma għal appoġġ tal-ħaddiema ssensjati fid-Diviżjonijiet 41 ('Kostruzzjoni ta' bini') u 71 ('Attivitajiet ta' arkittettura u inġinerija; analiżi u ttestjar tekniċi') fin-NACE Reviżjoni 2.

Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma ssodisfati.

TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI

Dejta ewlenija: ||

Nru ta' Referenza tal-EGF || EGF/2010/020

Stat Membru || Irlanda

Artikolu 2 || (b)

Intrapriżi kkonċernati || 1 560

Reġjuni NUTS II || Border, Midlands and Western (IE01) Southern and Eastern (IE02)

Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2 || 43 ('Attivitajiet ta’ kostruzzjoni speċjalizzati')

Perjodu ta’ referenza || 1.7.2009 – 31.3.2010

Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati || 1.7.2009

Data tal-applikazzjoni || 9.6.2010

Sensji matul il-perjodu ta’ referenza || 3 382

Ħaddiema li ngħataw is-sensja u li huma identifikati għall-għajnuna || 2 228

Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) || 31 149 027,78

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF[4] (EUR) || 2 180 431,53

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (%) || 6,5

Baġit totali (EUR) || 33 329 459,31

Il-kontribuzzjoni tal-EGF (65 %) (EUR) || 21 664 148

1. L-applikazzjoni kienet ippreżentata quddiem il-Kummissjoni fid-9 ta’ Ġunju 2010 u ntbagħat tagħrif addizzjonali sas-17 ta’ Ġunju 2011.

2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet biex jintuża l-EGF kif stabbilit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fil-limitu ta' żmien ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

Ir-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali prinċipali fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

3. Biex tistabbilixxi r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, l-Irlanda targumenta li l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali bdiet bi kriżi tal-ipoteki fuq is-self għall-proprjetà subprimi fl-Istati Uniti f'nofs l-2007, bl-effett negattiv li mbagħad infirex malajr fis-swieq finanzjarji. L-Irlanda, li hija pajjiż żgħir b'ekonomija orjentata għall-esportazjoni, batiet bl-effetti tan-nuqqas fid-disponibbiltà tal-kreditu fuq l-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħha, fi żmien meta l-ekonomija dinjija kienet qed iġġarrab l-agħar kontrazzjoni minn tmiem il-gwerra 'l hawn. In-nuqqas fid-disponibbiltà tal-kreditu laqat lill-banek fl-Irlanda, b'effetti ulterjuri fuq is-self b'ipoteka u l-attività tal-bini fil-pajjiż.

4. L-impjiegi fis-settur tal-bini li qabel kien qed jikber qatigħ naqsu f'daqqa. L-Irlanda kienet qed tgawdi minn perjodu tajjeb ħafna fis-settur tal-bini, bi proporzjoni ta' investiment fid-djar mal-PGD jilħaq il-11 % tal-PGD fl-2006 mqabbel mal-medja fit-tul tal-UE tal-investiment fid-djar viżavì l-PGD ta' madwar 6% tal-PGD. Meta feġġet il-kriżi, sehem dawk impjegati fil-kostruzzjoni fl-Irlanda waqa' minn 12,25 % fil-K4 / 2007 għal 9,2 % fil-K1 / 2009 u 6,25 % sal-K3 / 2010. Bosta mis-sensji fid-settur ikkawżahom l-għeluq effettiv tal-intrapriża tal-impjiegi minħabba raġunijiet bħal likwidazzjoni, sekwestru ġudizzjarju, għeluq, insolvenza, tmiem ta' kuntratt u falliment.

5. Wara diċennju ta' qgħad baxx 4 % - 6 %) ir-rata tal-qgħad fil-qasam tal-kostruzzjoni żdiedet b'sitt darbiet bejn il-K2 / 2007 u l-K2 / 2009. F'nofs l-2009, wieħed minn kull tliet ħaddiema fil-kostruzzjoni kien qiegħed. Dan huwa paragunabbli mar-rata tal-qgħad kumplessiva nazzjonlai ta' dak iż-żmien ta' 12,4 %. F'dawk li huma sottosetturi tal-kostruzzjoni, fil-K4 / 2009, l-ogħla livelli ta' qgħad assoluti ġew osservati fis-setturi tal-kostruzzjoni tal-bini (id-Diviżjoni 41 tan-NACE Reviżjoni 2) u fil-kostruzzjoni speċjalizzata (id-Diviżjoni 43 tan-NACE Reviżjoni 2). Fil-K2 / 2009, ir-rati tal-qgħad f'dawn is-subsetturi kienu ta' kważi 40 %.

Turija tal-għadd ta’ sensji u l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(b)

6. L-Irlanda ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jitlob li jkun hemm minn tal-inqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess Diviżjoni tar-Reviżjoni 2 tan-NACE f'reġjun wieħed jew żewġ reġjuni kontigwi fil-livell tan-NUTS II fi Stat Membru.

7. L-applikazzjoni tindika 3 382 sensja f’1 560 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 43 (“Attivitajiet ta' kostruzzjoni speċjalizzati")[5] tan-NACE Reviżjoni 2 fir-reġjuni NUTS II ta’ Border, Midlands and Western (IE01) u Southern and Eastern (IE02) matul il-perjodu ta' referenza ta' disa’ xhur mill-1 ta’ Lulju 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkolati skont l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta' dawk is-sensji

8. L-awtoritajiet Irlandiżi jargumentaw li l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali ma kinetx prevista mill-gvernijiet, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-kummentaturi dinjin u l-bosta intrapriżi żgħar u medji (SMEs) fil-qasam tal-kostruzzjoni fl-Irlanda ma setgħux ibassru sa liema punt il-kriżi kienet se tolqot in-negozji tagħhom.

Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema li huma identifikati għall-għajnuna

9. L-applikazzjoni hija marbuta ma' 3 382 sensja f'1 560 intrapriża mifruxa tul iż-żewġ reġjuni li jmissu ma' xulxin, li flimkien jiffurmaw l-Istat kollu tal-Irlanda. Kważi 80 % tal-intrapriżi jinsabu fir-reġjun Southern and Eastern (IE02) filwaqt li l-20 % li jifdal jinasbu fir-reġjun Border, Midlands and Western (IE01). Mit-3 382 ħaddiem li ngħataw is-sensja, 2 228 huma fil-mira tal-miżuri msemmija hawn taħt.

Reġjun || In-numru ta' intrapriżi || Numru ta' tkeċċijiet

Border, Midlands and Western (IE01) || 369 || 634

Southern and Eastern (IE02) || 1 191 || 2 748

Total || 1 560 || 3 382

Il-lista sħiħa tal-intrapriżi msemmija fl-applikazzjoni EGF/2010/020 IE/Kostruzzjoni 43 mill-Irlanda hija mehmuża mad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil din il-Proposta.

10. It-tqassim tal-ħaddiema identifikati huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Irġiel || 2 132 || 95,69

Nisa || 96 || 4,31

Ċittadini tal-UE || 2 228 || 100,00

Ċittadini mhux tal-UE || 0 || 0,00

Ta' età bejn il-15 u l-24 sena || 821 || 36,85

Ta' età bejn il-25 u l-54 sena || 1 276 || 57,27

Ta' età bejn il-55 u l-64 sena || 109 || 4,89

Ta' aktar minn 64 sena || 22 || 0,99

11. F'dan il-grupp ma hemmx ħaddiema li għandhom problemi ta’ saħħa fit-tul jew diżabilitajiet.

12. Fir-rigward ta' kategoriji ta’ xogħol, it-tqassim huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Leġiżlaturi, uffiċjali għolja u maniġers || 60 || 2,69

Professjonisti || 41 || 1,84

Teknixins u professjonisti assoċjati || 69 || 3,10

Skrivani || 27 || 1,21

Ħaddiema fis-servizzi u ħaddiema fil-bejgħ fil-ħwienet u s-swieq || 1 || 0,04

Ħaddiema tas-sengħa fil-qasam agrikolu u tas-sajd || 0 || 0,00

Ħaddiema fl-artiġjanat u snajja' relatati || 1 702 || 76,39

Operaturi tal-impjanti u tal-magni u dawk li jimmuntaw il-magni || 32 || 1,44

Okkupazzjonijiet elementari || 203 || 9,11

Mhux applikabbli || 93 || 4,17

13. L-għadd ta' ħaddiema fil-mira fi ħdan l-għadd kumplessiv ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja jaf jinbidel, b'dan jiddependi fuq l-eżitu tal-kuntatti ma' ħaddiema individwali ssensjati. Fi ħdan il-ħaddiema fil-mira hemm 1 589 apprentisti ssensjati, l-aktar fosthom irġiel żgħażagħ sal-età ta' 25 sena, li huma f'riskju partikolari li jisfaw f'qgħad fuq medda ta' żmien medja jew anki twila.

14. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-Irlanda kkonfermat li ġiet applikata politika ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni, u għandha tkompli tapplika, matul l-istadji differenti tal-implimentazzjoni tar-regolament u, b'mod partikolari, b’aċċess għall-EGF.

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

15. L-applikazzjoni tkopri l-Istat kollu tal-Irlanda, li huwa organizzat f'żewġ reġjuni kontigwi fil-livell NUTS II. Madwar 80 % tal-impjegaturi preċedenti tal-popolazzjoni milquta kienu bbażati fir-reġjun Southern and Eastern, li fih jinsabu l-akbar żewġt ibliet ta' Dublin u Cork. Filwaqt li dan jaf jagħti lil wieħed x'jifhem li r-reġjun ta' NUTS II l-ieħor (Border, Midlands and Western) intlaqat anqas, minħabba l-ħinijiet u distanzi qosra biex wieħed imur ix-xogħol u lura d-dar, id-disponibbiltà tal-ħaddiema li jivvjaġġaw, u l-preponderanza akbar tal-proġetti tal-kostruzzjoni fiċ-ċentri urbani, aktarx li bosta ħaddiema jgħixu fir-reġjun Border, Midlands and Western u jimmigraw jew jivvjaġġaw ta' kuljum biex jaħdmu għand l-impjegaturi tagħhom ibbażati fir-reġjun Southern and Eastern.

16. L-Irlanda għandha waħda mill-aktar ekonomiji globalizzati u dinamiċi fid-dinja, b'rabtiet kummerċjali u ta' investiment barrani b'saħħithom ħafna sa madwar l-2008. Madankollu, mill-aħħar kwart tal-2008 u l-ewwel kwart tal-2009, ir-rata tat-tkabbir ekonomiku naqqset il-pass konsiderevolment, u dan għadu qed iseħħ anki issa. B'waqgħa fil-PGD ta' 3 % fl-2008, l-Irlanda ntlaqtet ħażin ħafna mill-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija. Il-forza tax-xogħol kollha Irlandiża tinsab għaddejja minn bidliet strutturali li primarjament irriżultaw mill-waqgħa tas-setturi tal-kostruzzjoni u l-banek.

17. L-impjiegi, madankollu, żdiedu fl-2009 fis-settur tal-ICT, b'żidiet modesti rreġistrati wkoll fis-setturi tat-trasport, l-ikel u s-saħħa. Barra minn hekk, minħabba d-deregolazzjoni u t-tkabbir tas-setturi tal-enerġija rinovabbli, żdiedu l-impjiegi fis-settur tal-enerġija (gass u elettriku).

18. Filwaqt li b'mod ġenerali l-provvista tal-ħaddiema hija ikbar mid-domanda, jeżisti nuqqas ta' ħiliet f'xi oqsma f'għadd żgħir ta' postijiet tax-xogħol li iżda huma ristretti għall-ispeċjalisti (eż. inġiniera elettriċi b'ħiliet fil-grids tal-vultaġġ għoli, persunal b'karigi avvanzati bħal maniġers ta' proġetti fl-ICT, oqsma niċeċ (eż. telebejgħ b'kompetenzi fil-lingwi barranin) u taħlitiet ta' ħiliet speċifiċi (eż. professjonisti tal-ICT b'ħiliet fl-iżvilupp tan-negozju).

19. Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet huwa responsabbli mit-tfassil tal-politika nazzjonali dwar l-impjiegi u t-taħriġ u mill-finanzjament nazzjonali. Ir-responsabbiltà fil-livell operattiv hija f'idejn l-awtorità nazzjonali għat-taħriġ u l-impjiegi, Foras Áiseanna Saothair (FÁS). Permezz ta' netwerk ta' 66 uffiċċju u 20 ċentru tat-taħriġ, il-FÁS topera programmi ta' taħriġ u impjiegi, inklużi apprentistati, li jipprovdu servizz ta' reklutaġġ lil dawk li qed ifittxu x-xogħol u lill-impjegaturi, u servizz konsultattiv għall-industrija, u tappoġġja wkoll l-intrapriżi bbażati fil-komunità.

Barra minn hekk, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet huwa responsabbli mit-tfassil tal-politika u l-finanzjament tas-sistema pubblika tal-edukazzjoni avvanzata u għolja fl-Irlanda. Ir-responsabbiltà operattiva rigward l-edukazzjoni avvanzata (fil-livell ta' kwalifiki edukattivi aktar baxxi) hija f'idejn il-Kumitati tal-Edukazzjoni Vokazzjonali (VECs) f'dak li huwa provvediment tat-tagħlim għall-adulti. Is-sistema tal-edukazzjoni għolja ffinanzjata b'mod pubbliku tinkludi seba' (7) universitajiet u 13-il istitut tat-teknoloġija. L-Awtorità tal-Edukazzjoni Għolja (HEA), li taqa' taħt il-mandat tad-Dipartiment, hija l-entità li tiffinanzja lil dawn l-istituzzjonijiet. L-istituti tat-teknoloġija jaħdmu mill-qrib mal-FÁS fil-provvediment tat-taħriġ għall-apprentisti.

20. Il-35 City and County Enterprise Boards (CEBs), li jaqgħu taħt il-mandat tad-Dipartiment tal-Intrapriża, il-Kummerċ u l-Innovazzjoni, jipprovdu appoġġ għall-mikrointrapriżi b'10 impjegati jew anqas fil-livell lokali.

21. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Soċjali jfassal il-politiki xierqa dwar il-protezzjoni soċjali u jamministra u jimmaniġġja l-provvediment ta' servizzi u skemi statutorji u mhux statutorji. Għandu wkoll funzjoni ta' appoġġ fit-tiftix għax-xogħol u l-impjiegi, inkluż appoġġ għal dawk li jridu jniedu l-intrapriża jew in-negozju tagħhom.

22. Fl-aħħar nett, hemm għadd ta' fornituri tal-edukazzjoni għolja privata f'pożizzjoni li jipprovdu opportunitajiet edukattivi għal dawk li qabel kienu impjegati fis-settur tal-kostruzzjoni, u li jistgħu jiġi ffinanzjati mill-FÁS permezz tas-sistemi rilevanti tal-għotjiet.

23. It-trejdjunjins, l-entitajiet settorjali, ir-rappreżentanti politiċi lokali, l-entitajiet tal-iżvkupp lokali u reġjonali, il-Partenarjati taż-żona lokali u l-Bordijiet tal-Intrapriżi lokali huma fost il-bosta partijiet interessati l-oħrajn.

L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

24. Wara tnaqqis qawwi fl-attività tal-kostruzzjoni fl-Irlanda fl-2008, l-impjiegi fis-settur tal-kostruzzjoni komplew jonqsu fl-2009 u l-2010. L-Istatistika dwar il-Forza tax-Xogħol (MEI) tal-OECD turi li l-Irlanda sofriet minn nuqqas fl-impjiegi fl-industrija tal-kostruzzjoni ta' 19 % fil-perjodu mill-K3 / 2009 sal-K1 / 2010, li huwa l-akbar tnaqqis fl-impjiegi f'dak is-settur fil-pajjiżi kollha tal-OECD[6].

25. L-impjiegi kumplessivi fl-industrija tal-kostruzzjoni (id-Diviżjonijiet kollha tan-NACE Reviżjoni 2) bħala sehem mill-impjiegi nazzjonali kollha waqgħu minn 12,8 % fi tmiem K2 / 2007 għal 6,9 % fi tmiem K1 / 2010. L-impjiegi tad-Diviżjoni 43 tan-NACE Reviżjoni 2 waqgħu bi 12,200 (16,1 %) bejn tmiem K2 /2009 u tmiem K1 / 2010. Fi tmiem K1 / 2010, ir-rata tal-impjiegi għall-ħaddiema kollha tad-Diviżjoni 43 tan-NACE Reviżjoni 2 kienet ta' 39,8 %, jiġifieri aktar mit-tripplu tar-rata nazzjonali tal-qgħad ta' 12,9 %. Il-qgħad fil-każ tan-NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 43 żdied b'mod drammatiku minn 34 100 fi tmiem K1 / 2009 għal 42 100 fi tmiem il-perjodu ta' referenza (K1 /2010), jiġifieri żieda ta' 19 %.

26. F'dawn l-aħħar snin, l-industrija tal-kostruzzjoni ġġenerat aktar minn 8 % tal-PGD, jiġifieri ferm aktar mill-medja ta' bejn 4 sa 6 % tal-pajjiżi tal-OECD. It-tnaqqis fid-domanda għas-servizzi tal-kostruzzjoni u s-sensji minħabba fih għandhom impatt negattiv ovvju f'dak li hu telf fl-introjtu dirett mill-pagi, telf għall-gvern permezz ta' taxxi fuq id-dħul u fuq il-korporazzjonijiet, żieda fin-nefqa fis-servizzi soċjali mogħtija lil dawk li sfaw qiegħda, tnaqqis fid-domanda għal oġġetti u servizzi mingħand il-fornituri tal-industrija inkluż il-qasam importanti tal-awtokuntratturi, inqas investiment u / jew kiri ta' makkinarju u tagħmir ġdid. Barra minn hekk, it-telf ta' nfiq sekondarju marbut mal-konsum ta' dawk li qabel kienu jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni għad ikollu impatt fuq is-setturi kollha tal-ekonomija.

Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u analiżi tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-komplementarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

27. L-Irlanda qed tipproponi pakkett ta’ miżuri favur il-ħaddiema li tilfu x-xogħol li hu mibni fuq sitt pilastri: Pariri dwar ix-Xogħol, Programmi ta' Taħriġ u benefiċċji għat-taħriġ assoċjati, taħriġ u appoġġ fuq il-post tax-xogħol u lil hinn minnu għall-Apprentisti Ssensjati, edukazzjoni Vokazzjonali / tat-Tieni Livell u programmi edukattivi u appoġġi ta' introjtu, appoġġi lill-Intrapriżi u lil dawk li Jaħdmu għal Rashom, u appoġġi edukattivi u ta' introjtu tat-Tielet Livell:

– Pariri dwar ix-xogħol: Din tikkonsisti f'pariri dwar ix-xogħol persuna persuna għall-maġġoranza tal-ħaddiema ssensjati, li twassal għal firxa ta' passi maqbula li għandhom jittieħdu sabiex dak li jkun jirritorna fid-dinja tax-xogħol. Il-passi ma jinkludux biss taħriġ, iżda wkoll appoġġ permezz ta' gwida fi gruppi, klabbs tal-impjiegi u għażliet edukattivi.

– Programmi ta' Taħriġ u benefiċċji għat-taħriġ assoċjati: Il-korsijiet tal-FÁS ikopru firxa wiesgħa ta' suġġetti rilevanti, inklużi l-konservazzjoni tal-enerġija, strutturi u teknoloġija tal-enerġija sostenibbli u kompatibbli mal-ambjent, u l-immaniġġjar tal-ambjent. Qed tiġi segwita strateġija mfassla biex iżżid il-ħiliet u l-kwalifiki tal-ħaddiema qiegħda tal-kostruzzjoni biex dawn ikunu jistgħu jiksbu impjieg f'dawk l-oqsma li qed jespandu. Dawk li jattendu korsijiet fulltime tal-FÁS jikkwalifikaw għal benefiċċju tat-taħriġ flok ħlas ta' benefiċċju soċjali. Skont kif ikun xieraq, tingħata wkoll għajnuna għal assistenza biex wieħed jattendi taħriġ jew korsijiet edukattivi pprovduti privatament li mhumiex organizzati mill-aġenziji nazzjonali tat-taħriġ jew permezz tagħhom. It-tfassil ta' internships speċifiċi, skjeramenti fuq il-postijiet tax-xogħol u programmi ta' taħriġ orjentati għall-komunità se jkunu inklużi wkoll fl-interventi ta' taħriġ skont kif jitlob il-każ.

– Taħriġ u appoġġ fuq il-post tax-xogħol u lil hinn minnu għall-Apprentisti Ssensjati: Dan tfassal biex jippermetti lil 1 589 apprentist eżistenti jkomplu l-apprentistati tagħhom. Is-Sistema tal-Apprendistat Ibbażata fuq Standards hija bbażata fuq seba’ fażijiet li jalternaw ta’ taħriġ fuq il-post tax-xogħol (fażijiet b'numri bil-fard) u mhux fuq il-post tax-xogħol (fażjiet b'numri biż-żewġ). Din il-miżura se tissussidja l-impjieg ta' apprentisti ssensjati tul il-fażijiet meħtieġa ta' xogħol 3,5 u 7 tal-apprentistati, se tipprovdi taħriġ u manteniment finanzjarju lil dawk l-apprentisti tul il-fażijiet 2, 4 u 6, u se tipprovdi taħriġ fiċ-ċentru, valutazzjoni u manteniment finanzjarju bħala sostizzjoni parzjali għall-fażi finali fuq ix-xogħol 7 tal-apprentistat.

– Edukazzjoni Vokazzjonali / tat-Tieni Livell u programmi edukattivi u appoġġi ta' introjtu: Hemm aktar għarfien dwar il-fatt li jekk wieħed jgħolli l-livell ta' ħilietu jassigura ruħu minn impjieg fis-snin ta' wara. Għaldaqstant, il-ħaddiema tal-kostruzzjoni qiegħda li, xi ftit snin ilu biss, lanqas biss kien jgħaddilhom minn rashom li jirritornaw għall-edukazzjoni u t-taħriġ, kull ma jmur qegħdin jintebħu li jeħtiġilhom itejbu ħiliethom biex iżidu ċ-ċansijiet li jsibu impjieg. Ġie stabbilit li l-ħaddiema ssensjati fil-qasam tal-kostruzzjoni, li bosta minnhom għandhom ħiliet tekniċi avvanzati, huma realistiċi dwar il-qagħda tagħhom u huma lesti jqisu karrieri alternattivi lil hinn mis-settur tal-kostruzzjoni. Meta jagħmlu dan, dawn huma konxji tan-nuqqasijiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom u jilqgħu bi pjaċir il-pariri dwar kif dawn in-nuqqasijiet jistgħu jiġu eliminati. F'dan l-isfond, qed jiġu proposti għadd ta' għażliet, li jinvolvu l-Kumitati dwar l-Edukazzjoni Vokazzjonlai, korsijiet ta' Ċertifikazzjoni ta' Wara t-Tluq, Skemi ta' Opportunitajiet ta' Taħriġ Vokazzjonali, Lezzjonijiet Intensivi fl-Edukazzjoni Bażika għall-Adulti, u Inizjattivi ta' Lura għall-Edukazzjoni. Bosta minn dawn il-programmi jservu biex jingħataw ċertifikati rikonoxxuti fil-livelli nazzjonali u internazzjonali.

– Apoġġi lill-Intrapriżi u lil dawk li Jaħdmu għal Rashom: L-entitajiet ta' appoġġ għall-intrapriżi bħas-City and County Enterprise Boards (CEBs) se jippomovu firxa ta' appoġġi disponibbli għall-ħaddiema ssensjati li qed jikkontemplaw li jibdew negozju għal rashom permezz, pereżempju, tal-organizzazzjonijiet ta' sessjonijiet ta' ħidma, fieri u wirjiet fl-ibliet u l-irħula u attivitajiet oħrajn relatati mal-promozzjoni. L-assistenza permezz ta' għotjiet se tiġi offruta f'każijiet fejn il-proposti ta' negozji jkunu konformi mal-kriterji tal-eliġibbiltà. Din it-tip ta' assistenza tinkludi għotjiet ta' pprimar u impjiegi pagabbli mis-CEBs lil persuni ġodda li sfaw qiegħda jew kumpaniji ġodda żgħar b'assistenza għall-ispejjeż biex wieħed jiftaħ kumpanija u jimpjega l-ħaddiema. Il-benefiċjarji ġeneralment ikunu kummerċjanti waħdanin u mikrointrapriżi b'fokus fuq il-manifattura jew fuq servizzi kkummerċjati internazzjonalment. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Soċjali jopera għadd ta' skemi mfassla biex jipprovdu appoġġ finanzjarju għar-reċipjenti tal-benefiċċji soċjali biex dawn jidħlu għal xogħol għal rashom. Dawn jinkludu l-benefiċċji msejħa Back to Work Enterprise Allowance u Short Term Enterprise Allowance li permezz tagħhom persuna qiegħda tista' tibda taħdem għal rasha f'negozju li jkun ġie approvat minn faċilitatur tal-impjiegi tad-Dipartiment jew f'kumpanija tal-iżvilupp integrat lokali. Ma hemm l-ebda ristrezzjoni fuq in-natura tan-negozju ta' dawk li jaħdmu għal rashom, iżda dan għandu jitqies bħala vijabbli u sostenibbli mill-faċilitatur tal-impjiegi.

– Programmi Edukattivi u appoġġi ta' introjtu tat-Tielet Livell: Eluf ta' moduli u programmi li huma disponibbli fis-settur tal-edukazzjoni għolja huma rilevanti għall-ħaddiema tal-kostruzzjoni ssensjati, skont xi jkun l-isfond edukattiv u l-livelli tal-ħiliet tagħhom. Xi wħud minn dawn il-programmi huma fil-qasam tat-teknoloġija ambjentali, li taf tkun partikolarment rilevanti għal dawn bi sfond fil-kostruzzjoni. Fil-bidu se tingħata enfasi konsiderevoli lill-valutazzjoni ta' dawk li jqisu mogħdijiet ta' edukazzjoni għolja, tal-ġabriet ta' ħiliet u l-adattabilità tagħhom biex jattendu korsijiet partikolari jew jekk korsijiet preparatorji jew għażliet alternattivi f'oqsma oħra ta' appoġġ jafux ikunu aktar xierqa. Il-qasam tal-edukazzjoni għolja huwa f'pożizzjoni li jipprovdi programmi tranżitorji, programmi fulltime qosra jew medji u programmi parttime. Il-kulleġġi kollha tat-tielet livell jipprovdu opportunitajiet għal dħul dirett u dħul avvanzat fil-programmi msejsa fuq il-ħiliet individwali preċedenti u l-esperjenza tax-xogħol. Fil-kuntest ta' aktar flessibbiltà fil-modi ta' twassil, huwa possibbli li l-istudenti jingħataw moduli jew krediti minuri ta' tul ta' żmien aktar limitat, bl-għażla li mal-milja taż-żmien dawn jissawru fi kwalifika maġġuri. Hemm ukoll opportunitajiet għal dawk li jipposjedu ċertifikati artiġjanali biex jiksbu dħul avvanzat għal għadd ta' programmi speċifiċi fil-livell ta' lawrja fl-Istituti tat-Teknoloġija. Madankollu, it-tul ta' żmien finit tal-perjodu ta' implimentazzjoni tal-EGF ġeneralment ma jiffaċilitax l-appoġġ għal kors sħiħ ta' lawrja. Għadd ta' appoġġi finanzarji huma disponibbli biex il-ħaddiema tal-kostruzzjoni ssensjati jiġu assistiti ħalli jkollhom aċċess u jipparteċipaw fi programmi tat-tielet livell.

28. In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF, li hija inkluża fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni u kontroll kif ukoll ta' informazzjoni u pubbliċità. Billi l-każ ikopri l-Istat tal-Irlanda kollu, l-awtoritajiet Irlandiżi ddedikaw l-aktar parti sinifikanti tan-nefqa lill-maniġment u s-superviżjoni , kif ukoll il-kontroll, inkluż l-awditjar. Fir-rigward tal-informazzjoni u l-pubbliċità, il-miżuri kollha pprovduti mill-assistenza tal-EGF se jiġu enfasizzati fil-livelli nazzjonali, reġjonli u lokali biex jiġi żgurat li l-EGF jiġi attribwit mat-tali assistenza. Dan se jinkludi materjal ta' pubbliċità, logos, letterheads, powsters, browxers u reklami fuq il-midja, eċċ. Il-Gvern, l-aktar permezz tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet, u l-aġenziji Statali rilevanti u l-istituzzjonijiet edukattivi kollha, se jkomplu jenfasizzaw l-assistenza tal-Komunità f'kull okkażjoni xierqa, bħal briefings mal-istampa, mistoqsijiet parlamentari, dibattiti, avvenimenti fil-midja, eċċ.

29. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Irlandiżi huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli kif iddefiniti bl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Irlandiżi jikkalkulaw li l-ispejjeż totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’ EUR 31 149 027,78 u li n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF hija ta' EUR 2 180 431,53 (6,5 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-EGF hija ta’ EUR 21 664 148 (65 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet || Għadd stmat ta’ ħaddiema identifikati || Kost stmat għal kull ħaddiem identifikat (EUR) || Spejjeż totali (l-EGF u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR)

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Pariri dwar ix-xogħol || 1 620 || 112,35 || 182 007,00

Programmi ta' taħriġ || 644 || 1 022,51 || 658 496,44

Allokazzjonijiet għat-taħriġ || 212 || 5 192,98 || 1 100 911,76

Programmi ta' taħriġ u appoġġ għall-apprentisti ssensjati || 3 146 || 7 719,93 || 24 286 899,78

Edukazzjoni u programmi ta' taħriġ vokazzjonali / tat-Tieni livell || 525 || 2 916,72 || 1 531 278,00

Appoġġi għall-edukazzjoni u t-taħriġ Vokazzjonali / tat-Tieni livell || 61 || 10 941,39 || 667 424,79

Ħolqien ta' intrapriżi u ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom || 541 || 1 533,99 || 829 888,59

Programmi edukattivi tat-tielet livell || 85 || 14 978,89 || 1 273 205,65

Appoġġi edukattivi tat-tielet livell || 43 || 14 393,39 || 618 915,77

Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 31 149 027,78

Nefqa fuq l-implimentazzjoni tal-EGF (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Attivitajiet ta' tħejjija || || 198 201,23

Maniġment || || 1 139 711,56

Informazzjoni u pubbliċità || || 396 402,45

Attivitajiet ta’ kontroll || || 446 116,29

Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF || || 2 180 431,53

Total tal-ispejjeż stmati || || 33 329 459,31

Kontribuzzjoni tal-EGF (65 % tal-ispejjeż totali) || || 21 664 148

30. L-Irlanda tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma komplementarji mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali. L-awtoritajiet Irlandiżi stabbilew Kumitat ta' Monitoraġġ għall-Koordinament tal-Fondi tal-UE skont il-Qafas ta' Referenza Strateġika Nazzjonali. Id-Dipartiment tal-Finanzi jippresjedi l-Kumitat li jiddiskuti kwalunkwe kwistjoni ta' rilevanza inkluża d-demarkazzjoni tal-fondi fi programmi operattivi u kwalunkwe kwistjonijiet ta' implimentazzjoni li jafu jqumu u kwalunkwe pjanijiet għal programmi ġodda li jiżguraw li l-Fondi ma jirfsux fuq xulxin. Barra minn hekk, bħala parti mill-proċess ta' implimentazzjoni għall-ESF u l-ERDG, twaqqaf grupp li huwa presedut u koordinat mid-Dipartiment tal-Finanzi, biex jittratta kwalunkwe kwistjoni konnessa mal-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali għall-perjodu 2007-2013. Mill-2010 'l hawn, l-EGF iddaħħal f'dan il-proċess.

Id-data/dati meta bdew jew meta huwa maħsub li jibdew is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati

31. L-Irlanda bdiet is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati inkluż il-pakkett koordinat propost għall-kofinanzjament lill-EGF fil-1 ta' Lulju 2009. Din id-data, għalhekk, tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibbiltà għal kwalunkwe għajnuna li tista' tingħata mill-EGF.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

32. Malli tasal notifikazzjoni mid-Dipartiment tal-Intrapriża, il-Kummerċ u l-Innovazzjoni dwar sensji kollettivi imminenti, il-FÁS jikkuntattja lill-maniġment tal-kumpanija kkonċernata biex jiddiskuti s-servizzi disponibbli u l-ħtiġijiet potenzjali tal-impjegati. It-Trejdjunjins ukoll jiġu kkonsultati kif jixraq.

33. L-awtoritajiet Irlandiżi kkonfermaw li r-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfatti.

Tagħrif dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi

34. Fir-rigward tat-twettiq tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Irlandiżi fl-applikazzjoni tagħhom:

· ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi;

· taw prova li l-azzjonijiet jipprovdu sostenn lill-ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE.

Sistemi ta' ġestjoni u kontroll

35. L-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarjs għandha tiġi ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li jġestixxu u jikkontrollaw il-finanzjament tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fl-Irlanda.

Il-finanzjament

36. Fuq il-bażi tal-applikazzjoni mill-Irlanda, il-kontribut propost mill-EGF għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati (inkluża n-nefqa biex jiġi implimentat il-EGF) huwa ta' EUR 21 664 148, li jirrappreżenta 65 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-Irlanda.

37. B'kunsiderazzjoni tal-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll tal-kamp ta' applikazzjoni tal-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-EGF għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat skont l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

38. L-ammont propost ta' kontribut finanzjarju jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-EGF jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

39. Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex timmobilizza l-EGF, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura ssimplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-EGF u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex, f'livell politiku xieraq, tgħarraf lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, se tissejjaħ laqgħa formali ta' trijalogu.

40. B’mod separat il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal fil-baġit għall-2011 approprjazzjonijiet speċifiċi ta' impenn u ta' ħlas, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Sors tal-approprjazzjonijiet għall-ħlas

41. L-ammont tal-approprjazzjonijeit tal-pagamenti li inizjalment iddaħħal fil-linja baġitarja 04.0501 se jiġi kkonsmat kollu wara l-adozzjoni miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja tal-proposti sottomessi sa issa għall-mobilizzar tal-EGF.

42. Billi l-appropjazzjonijiet tal-pagamenti huma disponibbli fl-2011 skont il-linja baġitarja 04.0201 "Kompletezza tal-Fond Soċjali Ewropew (ESF) – Objettiv 1 (2000 sa 2006)", l-ammont ta' EUR 21 664 148 meħtieġ għall-applikazzjoni attwali jista' għalhekk isir disponibbli għat-trasferiment.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'applikazzjoni tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/020 IE/Kostruzzjoni 43, mill-Irlanda)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[7], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[8], u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[9],

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)       L-ambitu tal-EGF twessa’ għall-applikazzjonijiet ippreżentati mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)       Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)       L-Irlanda bagħtet applikazzjoni biex timmobilizza l-EGF, fir-rigward tas-sensji f'1 560 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 43 ("Attivitajiet speċjalizzati ta' kostruzzjoni") tan-NACE Reviżjoni 2 fir-reġjuni NUTS II ta' Border, Midlands and Western (IE01) u Southern and Eastern (IE02), fid-9 ta' Ġunju 2010 u ntbagħat tagħrif addizzjonali sas-17 ta' Ġunju 2011. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribut finanzjarju kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex timmobbilizza l-ammont ta' EUR 21 664 148.

(5)       L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-applikazzjonijiet imressqa mill-Irlanda.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 21 664 148 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi [Brussell/Strasburgu],

Għall-Parlament Ewropew,                          Għall-Kunsill,

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3]               Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

[4]               Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

[5]               Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

[6]               OECD Labour Force Statistics (MEI), K1/2010.

[7]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[8]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[9]               ĠU C […], […], p. […].