52011PC0591

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proposti għal emendi tal-Appendiċi I u II għall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi migratorji ta’ annimali selvaġġi waqt l-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet /* KUMM/2011/0591 finali - 2011/0252 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. L-għan tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi migratorji tal-annimali selvaġġi (magħrufa wkoll bħala s-CMS jew il-Konvenzjoni ta’ Bonn) huwa li jiġu kkonservati l-ispeċi migratorji tal-art, tal-baħar u dawk avjarji matul il-medda migratorja kollha tagħhom. Il-Konvenzjoni hija trattat intergovernattiv, konkluż taħt il-patroċinjui tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, li jikkonċerna l-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa u l-ħabitats fuq skala dinjija. L-Unjoni Ewropea ilha Parti mis-CMS mill-1 ta’ Novembru 1983[1].

2. L-ispeċi migratorji li għandhom jiġu kkonservati huma elenkati fl-Appendiċi I (speċi fil-periklu li jinqerdu ) u II (speċi li għandhom ikunu s-suġġetti ta' ftehimiet) għall-Konvenzjoni.

3. Il-Konferenza tal-Partijiet (Conference of Parties (COP)) hija l-entità tal-Konvenzjoni li tieħu d-deċiżjonijiet u għandha s-setgħat li tivvaluta l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi migratorji u, sussegwentement, li temenda l-Appendiċi I u II għall-Konvenzjoni.

4. F'konformità mal-Artikolu XI tal-Konvenzjoni, kwalunkwe Parti tista' tagħmel proposti għal emenda. Emenda għall-Appendiċijiet tidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha disgħin jum wara l-laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li fiha tiġi adottata, ħlief għal dawk il-Partijiet li jagħmlu xi riżerva.

5. L-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fi ħdan il-Konvenzjoni ser issir f’Bergen (in-Norveġja) mill-20 sal-25 ta' Novembru 2011. Għal din il-laqgħa, il-Partijiet tal-Konvenzjoni ressqu proposti sabiex jitħarsu diversi speċi ġodda billi jiġi emendat l-Appendiċi I u II tal-Konvenzjoni.

6. Tnejn minn dawn il-proposti saru mill-Unjoni Ewropea u tressqu lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni kif tirrikjedi d-Deċiżjoni tal-Kunsill[2]. Diġà kien analizzat li dawn il-proposti huma konformi mal-għanijiet tad-Direttiva dwar l-Għasafar[3] u r-Regolament dwar il-protezzjoni tal-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom[4]. Għaldaqstant l-Unjoni għandha tappoġġja b’mod attiv l-adozzjoni ta’ dawn il-proposti li ressqet hija stess.

7. Il-Partijiet l-oħra ta’ din il-Konvenzjoni ressqu sitt proposti għal emendi tal-Appendiċi I u II . L-ebda proposta għal emendi dwar l-ispeċi tal-għasafar u l-mammiferi ma tirrikjedi tibdil fil-liġi tal-Unjoni. Il-proposti dwar l-ispeċi tal-ħut Manta birostris ikunu jeħtieġu bidla fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni tas-Sajd sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni lil dawn l-ispeċi. L-Unjoni għandha tappoġġja dawn il-proposti abbażi tal-konsiderazzjonijiet li ġejjin: (1) l-inklużjoni ta' dawn l-ispeċi hija bbażata fuq ix-xjenza; (2) għal raġunijiet ta’ konsistenza bejn l-azzjoni interna u esterna; u (3) l-Unjoni hija impenjata favur kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità.

8. Għaldaqstant, huwa neċessarju li l-Kunsill jieħu deċiżjoni bl-iskop li tkun stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni waqt l-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet rigward il-proposti għal emenda.

2011/0252 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proposti għal emendi tal-Appendiċi I u II għall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi migratorji ta’ annimali selvaġġi waqt l-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218 (9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[5],

Billi:

1. Bħala Parti mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta' speċi migratorji ta' annimali selvaġġi[6], l-Unjoni Ewropea tista' tagħmel proposti għal emenda tal-Appendiċijiet għall-Konvenzjoni li jelenkaw l-ispeċi li għandhom ikunu ikkonservati;

2. Il-Konferenza tal-Partijiet (COP) hija l-entità tal-Konvenzjoni li tieħu d-deċiżjonijiet u għandha s-setgħat li tivvaluta l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi migratorji u, sussegwentement, li temenda l-Appendiċi I u II għall-Konvenzjoni;

3. Skont l-Artikolu XI tal-Konvenzjoni, emenda tal-Appendiċijiet tidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha disgħin jum wara l-laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li fiha tiġi adottata, ħlief għal dawk il-Partijiet li jagħmlu xi riżerva;

4. Bi tħejjija għall-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li ser issir f’Bergen (in-Norveġja) bejn l-20 u l-25 ta’ Novembru 2011, l-Unjoni kkomunikat lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni proposti[7] għal emendi tal-Appendiċi I biex dan jinkludi l-ispeċi Falco cherrug u Falco vespertinus ;

5. Partijiet oħra tal-Konvenzjoni ressqu wkoll proposti sabiex jitħarsu diversi speċi ġodda billi jiġu emendati l-Appendiċi I u II għall-Konvenzjoni;

6. L-Unjoni għandha tappoġġja dawn il-proposti minħabba li huma bbażati fuq ix-xjenza, b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u mal-impenji tal-Unjoni favur il-kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika[8] u d-deċiżjonijiet meħuda fil-Konferenza tal-Partijiet, b’mod partikolari mal-miri globali miftiehma waqt l-għaxar laqgħa. "Sal-2020 l-estinzjoni ta’ speċi mhedda se tkun twaqqfet milli sseħħ magħrufa u se jkun imtejjeb u sostnut l-istat ta' konservazzjoni tagħhom, b’mod partikolari ta’ dawk li qed qed isiru l-aktar estinti";

7. L-ebda proposta għal emendi dwar l-ispeċi tal-għasafar u l-mammiferi ma tirrikjedi tibdil fil-liġi tal-Unjoni;

8. Il-proposti dwar l-ispeċi tal-ħut Manta birostris jkunu jirrikjedu bidla fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni tas-Sajd sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni lil dawn l-ispeċi;

9. Sakemm il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi migratorji tal-annimali selvaġġi tkun taqa’ taħt il-kompetenza kemm tal-Unjoni u kemm tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiġu adottati l-emendi għall-Appendiċi tal-Konvenzjoni, bil-għan li jkun hemm l-għaqda fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu uniku

Fl-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi migratorji u l-annimali selvaġġi, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-pożizzjoni li ġejja tal-Unjoni fir-rigward tal-proposti li jemendaw l-Appendiċi I u II għall-Konvenzjoni:

10. il-Kummissjoni b’dan hija awtorizzata tappoġġja ż-żieda fl-Appendiċi I ta' dawn l-ispeċi li ġejjin:

11. Falco cherrug

12. Falco vespertinus;

13. Numenius madagascariensis;

14. Numenius tahitiensis;

15. Manta birostris;

16. il-Kummissjoni b’dan hija awtorizzata tappoġġja ż-żieda fl-Appendiċi II ta' dawn l-ispeċi li ġejjin:

17. Ovis ammon;

18. Dolichonyx oryzivorus;

19. Manta birostris.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President [..]

[1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1982, li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi migratorji tal-annimali selvaġġi, ĠU L 210, 24.6.1982, p. 10.

[2] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tippreżenta, f’isem l-Unjoni Ewropea, proposta għal emenda fl-Appendiċi I għall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta’ speċi migratorji ta’ annimali selvaġġi għall-finijiet tal-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (adottata fit-23 ta’ Ġunju 2011 permezz ta’ proċedura bil-miktub) (doc. 11078/11 ENV 432).

[3] Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7.

[4] Ir-Regolament 338/97/KE tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom, ĠU L 61 , 3.3.1997, p. 1.

[5] ĠU C […], […], p. […].

[6] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1982, li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi migratorji tal-annimali selvaġġi, ĠU L 210, 24.6.1982, p. 10.

[7] Proposti kif adottati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tippreżenta, f’isem l-Unjoni Ewropea, proposta għal emenda fl-Appendiċi I għall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta’ speċi migratorji ta’ annimali selvaġġi għall-finijiet tal-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (adottata fit-23 ta’ Ġunju 2011 permezz ta’ proċedura bil-miktub) (doc. 11078/11 ENV 432).

[8] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE tal-25 ta’ Ottubru 1993 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1.