52011PC0580

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f'konfomità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2011/004 EL/ALDI Hellas mill-Greċja) /* KUMM/2011/0580 finali */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibilità, fi ħdan il-massimu annwali ta' EUR 500 miljun, u dan apparti mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-EGF huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' aġġustament għall-globalizzazzjoni[2].

Fl-10 ta' Mejju 2011, il-Greċja ssottomettiet applikazzjoni EGF/2011/004 EL/ALDI Hellas għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF, wara sensji minn ALDI Hellas Supermarket Holding EPE & Assoc. E.E. u fornitur wieħed – Thessaloniki Logistics S.A. – fil-Greċja.

Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma ssodisfati.

TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI

Dejta ewlenija: ||

Nru ta' Referenza tal-EGF || EGF/2011/004

Stat Membru || Il-Greċja

Artikolu 2 || (a)

Intrapriża primarja || ALDI Hellas Supermarket Holding EPE & Assoc. E.E.

Fornituri u produtturi fl-istadju aħħari ta’ produzzjoni || 1

Perjodu ta’ referenza || 4.11.2010 – 4.3.2011

Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati || 1.7.2011

Data tal-applikazzjoni || 10.5.2011

Sensji matul il-perjodu ta’ referenza || 554

Sensji qabel u wara l-perjodu ta' referenza || 88

Sensji totali eliġibbli || 642

Ħaddiema li ngħataw is-sensja u li huma identifikati għall-għajnuna || 642

Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) || 4 266 000

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF[3] (EUR) || 224 000

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (%) || 4,99

Baġit totali (EUR) || 4 490 000

Kontribut tal-EGF (65 %) (EUR) || 2 918 500

1. L-applikazzjoni kienet ippreżentata quddiem il-Kummissjoni fl-10 ta’ Mejju 2011 u ntbagħat tagħrif addizzjonali sat-22 ta’ Ġunju 2011.

2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-EGF kif stabbilit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fi żmien il-perjodu ta' skadenza ta’ 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

Ir-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

3. Sabiex tiġi stabbilita rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, il-Greċja targumenta li l-kriżi ekonomika u finanzjarja kellha konsegwenzi devastanti għall-ekonomija Griega u dan wassal biex il-gvern Grieg jieħu miżuri bħal żieda fid-dħul mit-taxxi, organizzazzjoni tan-nefqa pubblika u tnaqqis fis-salarji tal-impjegati pubbliċi. Kien hemm ukoll tnaqqis fid-dħul medju fis-settur privat f'tentattiv biex tiżdied il-kompetittività tal-ekonomija Griega. Effett immedjat ta' inqas dħul kien tnaqqis fil-konsum. Fl-2009 il-figuri tan-nefqa tal-konsum finali privat għall-Greċja mxew fuq ix-xejra negattiva bħall-medja tal-UE-27. Fl-2010 kien hemm irkupru fil-konsum privat fil-livell tal-UE-27 filwaqt li t-tnaqqis tal-konsum privat fil-Greċja kien saħansitra akbar minn dak tas-sena ta' qabel.

In-nefqa tal-konsum finali privat (differenza % meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena ta' qabel)[4]

|| 2009 || 2010

|| Q1 || Q2 || Q3 || Q4 || Q1 || Q2 || Q3 || Q4

UE-27 || -2,3 || -2,2 || -1,8 || -0,5 || 0,4 || 0,7 || 1,2 || 1,0

EL || -1,6 || -2,6 || -2,4 || -2,2 || 1,0 || -5,0 || -5,6 || -8,6

4. It-tnaqqis fil-konsum privat affettwa b'mod sever is-settur tal-konsumaturi u b'mod partikolari s-supermarkets Il-Greċja tikkwota d-dejta ta' Nielsen li skont din il-fatturat globali naqas minn EUR 8,5 biljuni fl-2009 għal EUR 7,9 biljuni fl-2010, li rriżulta fil-falliment (eż. "Atlantic" il-ħames l-akbar katina ta' supermarkets fil-Greċja kif imkejla mis-sehem fis-suq) u xiri (DIA Hellas inxtrat minn Carrefour-Marinopoulos, l-akbar katina ta' supermarkets, u PLUS Hellas inxtrat mit-tieni l-akbar supermarket AB Vassilopoulos).

5. L-akbar katina ta' supermarkets, li rrealizzat l-impatt tal-kriżi fuq id-dħul tal-klijenti tagħhom, biddlet l-istrateġiji ta' bejgħ tagħha u żiedet b'mod sinifikanti l-volum tal-prodotti tal-marka proprja fil-bejgħ – din il-bidla fl-istrateġija tal-bejgħ kienet ukoll fil-bażi tax-xirjiet imsemmija hawn fuq. Fl-2010, il-bejgħ ta' prodotti tal-marka proprja rrappreżenta 15 % tal-bejgħ globali fis-supermarkets u ż-żewġ katini ta' supermarkets ewlenin, Carrefour-Marinopoulos u AB Vassilopoulos, kienu qed joffru 2,200 kodiċi rispettivament ta' prodotti tal-marka proprja u total ta' prodotti tal-marka proprja ekwivalenti għal 20 % tal-firxa sħiħa ta' prodotti. Katini ta' supermarkets oħra, inkluż ALDI ma setgħux jiċċaqilqu minn strateġija orjentata lejn marka kummerċjali għal strateġija ta' prodotti tal-marka proprja, u qed isofru l-konsegwenzi fuq il-fatturati tagħhom.

6. Effett ieħor tat-tnaqqis tad-dħul li jirriżulta mill-kriżi kien it-tnaqqis fil-volum ta' bejgħ bl-imnut li nħass aktar dirett fil-Greċja aktar milli mill-medja tal-UE-27.

Il-volum tal-bejgħ bl-imnut (differenza % meta mqabbla mal-istess xahar tas-sena ta' qabel)[5]

2009

|| Jan || Frar || Mar || Apr || Mej || Ġun || Lul || Aww || Set || Ott || Nov || Diċ

UE-27 || -1,2 || -3,7 || -2,4 || -1,2 || -3,2 || -1,5 || -1,3 || -1,6 || -2,7 || -0,9 || -1,6 || -0,2

EL || -10,2 || -13,3 || -18,7 || -14,9 || -14,4 || -14,2 || -10,2 || -4,5 || -8,9 || -15,4 || -11,0 || -0,2

2010

|| Jan || Frar || Mar || Apr || Mej || Ġun || Lul || Aww || Set || Ott || Nov || Diċ

UE-27 || -1,4 || 0,0 || 1,6 || -0,9 || -1,0 || 1,4 || 1,3 || 1,3 || 1,4 || 1,1 || 1,3 || 0.3

EL || 6,0 || 1,9 || 9,8 || -5,8 || -7,0 || -4,5 || -9,3 || -11,8 || -10,5 || -8,1 || -11,7 || -19,4

7. Id-deċiżjoni ta' ALDI biex jinvesti fil-Greċja ttieħdet f'fażi fejn is-settur tal-bejgħ wera rati għoljin ta' tkabbir (13 % għall-perjodu ta' bejn l-1992 u l-2009) u l-PGD tal-Greċja per capita (83 % tal-PGD tal-UE fl-1999) kien mistenni li jiżdied għal 93 % tal-medja tal-PGD tal-UE fl-2006. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika biddlet kompletament ix-xenarju u l-aspettativi marbuta miegħu. Bejn l-2005 u l-2010 it-telf kumulattiv ta' ALDI Hellas ammonta għal EUR 181,595,000. Sentejn, l-2008 u l-2009, ikkontribwew għal 58 % ta' dan it-telf totali.

Turija tal-għadd ta' sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a)

8. Il-Greċja ppreżentat din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jirrikjedi minn tal-inqas 500 sensja tul perjodu ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li jingħataw is-sensja mill-fornituri tagħha u mill-produtturi fis-suq downstream.

9. L-applikazzjoni tikkwota 554 sensja f'ALDI Hellas Supermarket Holding EPE & Assoc. E.E. u fornitur wieħed – Thessaloniki Logistics S.A. – matul il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur mill-4 ta' Novembru 2010 sal-4 ta' Marzu 2011 u 88 sensja oħra f'ALDI barra l-perjodu ta' referenza, iżda marbut mal-istess proċedura ta' sensji kollettivi u l-avveniment li qanqal is-sensji matul il-perjodu ta' referenza. Minn dawn is-sensji kollha, 67 ġew ikkalkulati skont l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Skont it-tieni inċiż tal-istess paragrafu ġew ikkalkolati 575 sensja oħra.

Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta' dawk is-sensji

10. L-awtoritajiet Griegi jargumentaw li meta ALDI mar il-Greċja (bejn l-2005 u l-2006) il-pjan strateġiku ta' għaxar snin tal-kumpanija ppreveda bejn 300 u 400 ħanut u tliet ċentri tal-loġistika (Ateni, Tessaloniki u Patras) sal-aħħar tal-perjodu ta' għaxar snin u investiment minn EUR 1,2 sa 1,8 biljun. Ċentru wieħed tal-loġistika nbena f'Tessaloniku b'kapaċità li jforni 150 ħanut u l-pjanijiet għall-bini tat-tieni ċentru loġistiku (Patras) kienu għaddejjin (ALDI Hellas kien xtara l-art għall-prezz ta' EUR 3 miljun). Barra minn hekk, fil-perjodu ta' bejn l-2008 u l-2010, ALDI Hellas kompla jiftaħ ħwienet ġodda għalkemm mhux daqs kemm kien pjanat.

11. Fis-16 ta' Lulju 2010 meta l-kumpanija ħabbret l-impossibilità li tikseb ekonomiji tal-kobor – minħabba l-kundizzjonijiet tas-suq li rriżultaw mill-kriżi – u l-intenzjonijiet sussegwenti tagħha li twaqqaf kull attività marbuta mal-implimentazzjoni tal-pjan strateġiku ta' għaxar snin u l-għeluq tal-ħwienet kollha tagħha, la l-ħaddiema u lanqas l-awtoritajiet Griegi ma kienu ppreparati għal din l-aħbar.

Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema li huma identifikati għall-għajnuna

12. L-applikazzjoni tirrilata ma' 642 sensja fl-intrapriżi li ġejjin:

Intrapriżi u għadd ta' sensji

ALDI Hellas Supermarket Holding EPE & Assoc. E.E. || 569

Thessaloniki Logistics || 73

Għadd totali ta' Intrapriżi: 2 || Għadd totali ta' Sensji: 642

13. Mis-642 sensja, 554 seħħew matul il-perjodu ta' referenza, u 88 seħħew qabel il-perjodu ta' referenza, iżda huma eliġibbli għal għajnuna skont l-Artikolu 3a (b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Is-642 ħaddiem kollha li ngħataw is-sensja huma identifikati għal għajnuna EGF

14. It-tqassim tal-ħaddiema identifikati huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Irġiel || 155 || 24,1

Nisa || 487 || 75,9

Ċittadini tal-UE || 632 || 98,4

Ċittadini minn barra l-UE || 10 || 1,6

Bejn il-15 u l-24 sena || 43 || 6,7

Bejn il-25 u l-54 sena || 597 || 93,0

Bejn il-55 u l-64 sena || 2 || 0,3

Aktar minn 64 sena || 0 || 0,0

15. F'termini ta' livell edukattiv, 80 % tal-ħaddiema temmew l-iskola sekondarja. L-20 % li jibqa' temmew jew edukazzjoni terzjarja jew edukazzjoni post-sekondarja mhux terzjarja.

16. Fir-rigward ta' kategoriji ta’ xogħol, it-tqassim huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Kaxxiera, fattigi u impjegati ta' xogħol ġenerali || 447 || 69,6

Maniġers u kontabilisti ta' livell medju || 160 || 24,9

Diretturi u maniġers tad-dipartiment || 35 || 5,5

17. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, il-Greċja kkonfermat li ġiet applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta' nondiskriminazzjoni, u li din se tkompli tapplika matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-EGF u, b'mod partikolari, fir-rigward tal-aċċess għalih.

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

18. It-territorji l-aktar ikkonċernati mis-sensji huma r-reġjuni tal-Maċedonja Ċentrali u Attika fejn kien jinsab l-akbar numru ta' ħwienet ta' ALDI. Numri iżgħar ta' sensji ta' ALDI seħħew ukoll f'reġjuni Griegi oħra, bħall-Maċedonja-Thrace tal-Lvant, il-Punent tal-Maċedonja, Epirus u l-Greċja tal-Punent, il-Greċja kontinentali u Pelopponese.

L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

19. Ir-riċessjoni kellha impatt sever fuq il-livelli ta' impjiegi Griegi. Skont l-uffiċċju Grieg tal-istatistika (EL-STAT) il-qagħad żdied b'45,2 % f'Diċembru 2010 meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta' qabel u r-rata ta' qagħad żdiedet għal 14,8 %. Barra minn hekk, in-numru ta' persuni mhux attivi huwa ogħla min-numru ta' nies ekonomikament attivi (4 353 149 u 4 233 764 rispettivament).

20. Fit-Tramuntana tal-Greċja, fejn seħħew ħafna mis-sensja ta' ALDI Hellas, il-kriżi ekonomika u l-konsegwenzi tagħha huma aktar severi. F'Diċembru 2010 ir-rata ta' qagħad kienet 17,7 % fir-reġjun tal-Punent tal-Maċedonja filwaqt li fil-Maċedonja Ċentrali, fejn kienu jinsabu l-kwartieri ġenerali ta' ALDI, din kienet ta' 16,5 %. F'Tessaloniki (Maċedonja Ċentrali) – it-tieni l-akbar ċentru ekonomiku, industrijali, kummerċjali u politiku tal-Greċja – skont l-edizzjoni 2010 tal-barometru EVETH, stħarriġ ekonomiku mill-Kamra tal-Kummerċ ta' Tessaloniki, 81,4 % tal-intrapriżi li jipparteċipaw fl-istħarriġ iddikjaraw li huma xi ftit ottimisti jew mhumiex dwar il-futur tan-negozju tagħhom. L-istess pessimiżmu ġie esprimit dwar il-ħolqien tal-impjiegi u ż-żamma tal-impjiegi. 67,3 % tal-intrapriżi kellhom il-ħsieb li jżommu l-ħaddiema tagħhom u 28 % ppjanaw is-sensji filwaqt li fl-istħarriġ tal-2009 il-perċentwali kienu 78 % u 11,7 % rispettivament. Dawn iċ-ċirkustanzi komplew aggravaw l-impatt negattiv tas-sensji ta' ALDI Hellas fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali.

Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u analiżi tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-komplementarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

21. Qed jiġu proposti l-miżuri li ġejjin, li kollha jingħaqdu biex jiffurmaw pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati mmirati lejn l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

– Gwida dwar ix-xogħol u għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg: Din se tinkludi sessjoni individwali ta' merħba/tagħrif; l-iżvilupp ta' profil; sessjonijiet dwar l-iżvilupp personali u tal-karriera – inklużi żvilupp tal-ħiliet, gwida dwar il-karriera u teknika dwar it-tfittix ta' impjieg; titħejja mogħdija individwali għall-inseriment mill-ġdid fl-impjieg. Il-konsulenti se jakkumpanjaw ukoll lill-ħaddiema matul l-implimentazzjoni tal-pjanijiet individwali tagħhom. Il-ħaddiema li ngħataw is-sensji li għandhom il-ħsieb li jaħdmu għal rashom se jibbenefikaw minn akkumpanjament għan-negozju. Dan ikopri d-dispożizzjoni ta' parir legali, konsulenza fuq proġetti u inizjattivi, ġbir ta' fondi u appoġġ dwar rekwiżiti amministrattivi biex japplikaw b'suċċess għall-inċentivi biex jiffurmaw negozju, eċċ. Din il-gwida inizjali se ssir minn 642 ħaddiem.

– Taħriġ u taħriġ mill-ġdid: Din il-miżura se tinkludi valutazzjoni tal-ħtiġijiet tat-taħriġ tal-ħaddiema kkonċernati u t-taħriġ sussegwenti. L-offerta tat-taħriġ se tkopri taħriġ vokazzjonali fl-oqsma fejn jeżistu opportunitajiet jew li se jkun hemm fil-futur, taħriġ imfassal biex jaqdi l-ħtiġijiet identifikati tal-intrapriżi lokali u f'ħiliet trasversali, inklużi teknoloġiji tat-tagħrif u tal-komunikazzjoni. Il-parteċipanti se jirċievu EUR 20 kull jum li jipparteċipaw, bħala inċentiv għall-parteċipazzjoni.

– Kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju: Il-ħaddiema li jiftħu n-negozju tagħhom se jirċievu sa EUR 20 000 li jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-bidu. Il-kontribuzzjoni se titħallas f'żewġ ħlasijiet parzjali ta' EUR 10 000 kull wieħed. Il-ħlas tal-ewwel ħlas parzjali huwa kundizzjonali skont it-tlestija ta' ċerti stadji tal-proċess ta' ħoqlien ta' negozju bħat-tlestija ta' taħriġ fil-ħolqien ta' negozju, it-tfassil ta' pjan tan-negozju, ir-reġistrazzjoni tal-intrapriża, eċċ. It-tieni ħlas parzjali jitħallas xahrejn wara l-ewwel ħlas parzjali jew aktar tard.

– Konċessjoni għat-tfittix ta’ impjieg: L-għan huwa li tappoġġja lill-ħaddiem biex ifittex b'mod attiv impjieg. Din tikkonsisti f'somma f'daqqa sa EUR 620.

– Konċessjoni għall-mobilità u kontribuzzjoni għal spejjeż ta' vvjaġġar: Bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, il-ħaddiema li qed jipparteċipaw fil-miżuri se jirċievu ammont ta' EUR 15 kull jum li jipparteċipaw. Dawk il-ħaddiema li jaċċettaw impjieg li jinvolvi tibdil ta' residenza se jirċievu somma f'daqqa ta' EUR 3,000 biex ikopru n-nefqa meħtieġa.

22. In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF, li hija inkluża fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni u kontroll kif ukoll ta' tagħrif u pubbliċità.

23. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Griegi huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Griegi jistmaw li l-ispejjeż totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’ EUR 4 266 000 u li n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF hija ta' EUR 224 000 (4,99 % tal-ammont totali). Il-kontribut totali mitlub mill-EGF huwa ta’ EUR 2 918 500 (65 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet || Għadd stmat ta’ ħaddiema identifikati || Kost stmat għal kull ħaddiem identifikat (EUR) || Kosti totali (l-EGF u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR)

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Gwida dwar ix-xogħol u għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg. || 642 || 3 000 || 1 926 000

Taħriġ u taħriġ mill-ġdid. || 400 || 2 500 || 1 000 000

Kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju. || 50 || 20 000 || 1 000 000

Konċessjoni għal tfittix ta' xogħol || 500 || 620 || 310 000

Konċessjoni għall-mobilità u kontribuzzjoni għal spejjeż ta' vvjaġġar || 30 || 1 000 || 30 000

Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 4 266 000

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Attivitajiet ta' tħejjija || || 60 000

Amministrazzjoni || || 104 000

Tagħrif u pubbliċità || || 50 000

Attivitajiet ta’ kontroll || || 10 000

Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF || || 224 000

Total tal-kosti stmati || || 4 490 000

Kontribut tal-EGF (65 % tal-kosti totali) || || 2 918 500

24. Il-Greċja tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma komplementarji mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali. Sabiex tiġi evitata duplikazzjoni tal-miżuri tal-ESF u dawk tal-EGF għandu jkun hemm prosegwiment kontinwu tal-azzjonijiet tal-ESF u tal-EGF li għandhom l-istess għanijiet u tal-ħaddiema kkonċernati.

Data(i) li fiha/fihom bdew jew kienu ppjanati li jibdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati

25. Il-Greċja bdiet is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett ikkoordinat propost lill-EGF għall-kofinanzjament fl-1 ta’ Lulju 2011. Għaldaqstant, din id-data, tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibilità għal kwalunkwe għajnuna li tista' tingħata mill-EGF.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

26. L-imsieħba soċjali kienu kkonsultati matul it-tħejjija tal-pakkett ikkoordinat tal-miżuri. L-applikazzjoni proposta kienet diskussa f'laqgħa fl-24 ta' Jannar 2011 mal-imsieħba soċjali: Il-Ministeru tax-Xogħol, l-Awtorità li qed tiġġestixxi l-EGF (EYSEKT), il-Fondazzjoni tas-Sigurta Soċjali, l-Istitut tax-Xogħol tal-Konfederazzjoni Ġenerali Griega tal-Ħaddiema, ir-rappreżentati ta' ALDI, l-Organizzazzjoni Griega tal-Impjieg tal-Forza tax-Xogħol, ALDI Hellas u l-organizzazzjoni ta' min iħaddem SELPE (l-Assoċjazzjoni tal-Kummerċ bl-Imnut). Matul il-laqgħa, ġew identifikati l-problemi li jaffaċċjaw il-ħaddiema u l-miżuri ta' appoġġ li ħadet il-kumpanija għall-ħaddiema li ngħataw is-sensji. Ir-rappreżentanti tal-impjegati esprimew l-opinjonijiet tagħhom dwar l-azzjonijiet possibbli biex jiġu inklużi fil-pakkett tal-EGF ta' servizzi individwalizzati u ssottomettew dokument rilevanti lill-Awtorita li qed tiġġestixxi l-EGF u l-Ministeru tax-Xogħol u s-Sigurta Soċjali.

27. L-awtoritajiet Griegi kkonfermaw li kien hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik tal-UE dwar is-sensji kollettivi.

Tagħrif dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi

28. Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Griegi fl-applikazzjoni tagħhom:

· ikkonfermaw li l-kontribut finanzjarju mill-EGF ma jiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

· taw prova li l-azzjonijiet jipprovdu sostenn lill-ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE.

Sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll

29. Il-Greċja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess entitajiet li jiġġestixxu u jikkontrollaw il-Fond Soċjali Ewropew (ESF) li jiffinanzja lill-Greċja. L-Awtorità ta' Monitoraġġ u ta' Koordinazzjoni tal-Azzjonijiet tal-ESF (EYSEKT) se taġixxi bħala awtorità ta' ġestjoni u l- EDEL (Kumitat għall-Verifiki Fiskali) bħala l-awtorità ta' kontroll.

Il-finanzjament

30. Abbażi tal-applikazzjoni mill-Greċja, il-kontribuzzjoni proposta mill-EGF għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati (inkluża n-nefqa biex jiġi implimentat l-EGF) hija ta' EUR 2 918 500, li tirrappreżenta 65 % tal-kost totali. L-allokazzjoni proposta mill-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq it-tagħrif li ngħata mill-Greċja.

31. B'kunsiderazzjoni tal-ammont massimu possibbli ta' kontribut finanzjarju mill-EGF skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll tal-kamp ta' applikazzjoni għall-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-EGF għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat skont l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

32. L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarja jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-EGF jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

33. Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex timmobilizza l-EGF, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura ssimplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, bil-għan li tikseb il-qbil taż-żewġ naħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-EGF u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ naħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex, f'livell politiku xieraq, tgħarraf lin-naħat l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ partijiet tal-awtorità baġitarja, se tissejjaħ laqgħa formali ta' trijalogu.

34. B’mod separat, il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex fil-baġit għall-2011 iddaħħal approprjazzjonijiet speċifiċi għall-impenji, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Sors tal-approprjazzjonijiet għall-ħlas

35. Il-baġit emendatorju 2/2011 żied il-linja baġitarja tal-EGF 04.0501 b'EUR 50 000 000 f'approprjazzjonijiet għall-ħlas. Approprjazzjonijiet minn din il-linja baġitarja se jintużaw biex ikopru l-ammont ta' EUR 2 918 500 meħtieġa għal din l-applikazzjoni. Ammont ta' EUR 6 091 460 jibqa' disponibbli fuq il-Linja tal-baġit tal-EGF 04.0501 wara adozzjoni miż-żewġ naħat tal-Awtorità Baġitarja tal-każijiet sottomessi għaliha sal-lum.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f'konfomità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2011/004 EL/ALDI Hellas mill-Greċja)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba[6], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[7], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Europea[8],

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)       Il-kamp ta' applikazzjoni tal-EGF twessa’ għall-applikazzjonijiet sottomessti mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)       Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF fi ħdan il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)       Il-Greċja ssottomettiet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward tas-sensji fl-intrapriża ALDI Hellas Supermarket Holding EPE & Assoc. E.E. u fornitur wieħed – Thessaloniki Logistics S.A. – fl-10 ta' Mejju 2011 u sostnietha b'tagħrif addizzjonali sat-22 ta' Ġunju 2011. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribut finanzjarju kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex timmobilizza ammont ta' EUR 2 918 500.

(5)       L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni sottomessa mill-Greċja.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 918 500 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagamenti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi [Brussell/Strasburgu],

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3]               Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

[4]               Sors: Eurostat: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/product_details/dataset?p_product_code=TEINA021

[5]               Sors: Eurostat.

[6]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[7]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[8]               ĠU C […], […], p. […].