52011PC0574




MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Sabiex jissaħħaħ il-profil tas-sostenibbiltà tal-Portugall u jittaffew il-bżonnijiet ta’ likwidità tal-programm ekonomiku tiegħu u f’konformità mad-dikjarazzjoni li l-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern tal-pajjiżi taż-żona tal-euro u l-istituzzjonijiet Ewropej għamlu fil-21 ta’ Lulju 2011, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (id-Deċiżjoni 2011/344/UE) għandha tiġi emendata. Dawn l-emendi għandhom x’jaqsmu, b’mod partikulari:

i) mat-tnaqqis tal-marġni tal-imgħax għal żero, sabiex dan jinġieb f’konformità mal-faċilità tal-bilanċ tal-pagamenti, u

ii) mal-estensjoni tal-maturità medja tal-faċilità kollha minn “sa 7,5 snin” għal “sa 12,5 snin”, billi l-maturitajiet tal-iżborżi individwali jiġu estiżi sabiex il-flus ikunu jistgħu jittieħdu skont il-programm tal-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (l-EFSM) b’maturità massima ta’ 30 sena.

It-tnaqqis fil-marġni se japplika għall-iżborżi kollha (jiġifieri kemm dawk li saru diġà kif ukoll dawk li għad iridu jsiru) u l-estensjoni tal-maturità medja se tinkiseb billi l-ammonti li se jitħallsu fil-ġejjieni jitħallsu abbażi ta’ maturitajiet itwal. Għall-ammonti li diġà tħallsu, il-maturitajiet ma jistgħux jiġu estiżi, minħabba li s-self tal-UE huwa tat-tip “back-to-back” (jiġifieri s-self mogħti jikkorrispondi għas-self meħud). Il-Kummissjoni se tiżgura li l-maturità tal-iżborżi fil-ġejjieni tipprovdi għall-ġestjoni t-tajba tal-marġni tal-baġit tal-UE.

Bħalissa, is-self tal-EFSM mogħti lill-Portugall għandu marġni ta’ 215-il punt bażi u jippermetti maturità medja massima tal-faċilità kollha ta’ 7,5 snin, u l-iżborżi individwali għandhom maturitajiet li jvarjaw minn sentejn għal 15-il sena. Il-Portugall s’issa rċieva żewġ żborżi b’dawn it-termini li jimmaturaw fl-2021 (b’kupun ta’ 3,5 %) u fl-2016 (b’kupun ta’ 2,75%). Il-maturità medja tal-iżborżi tal-EFSM li l-Portugall ingħata s’issa hija ta’ 6,35 sena.

Ta’ min jinnota li l-iffrankar li mistenni jkun hemm mit-tali emendi se jsaħħaħ is-sostenibbiltà u jtejjeb il-prospetti ta’ likwidità tal-programm. Barra minn hekk, hemm ukoll effetti indiretti marbutin mal-kunfidenza minħabba li l-implimentazzjoni tal-programm se ssir iktar kredibbli. Dan se jwassal għal kundizzjonijiet aħjar għas-self għall-istat li jkun qed jissellef, kif ukoll għal effetti sekondarji fis-settur privat. Dawn l-effetti indiretti huma ta’ benefiċċju kemm għall-pajjiżi li huma debituri kif ukoll għal dawk li huma kredituri.

Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija hawn fuq, il-Kummissjoni tħoss li dan it-tibdil, jiġifieri t-tnaqqis fil-marġni u l-estensjoni tal-maturità medja tas-self tal-EFSM mogħti lill-Portugall, huwa ta’ benefiċċju sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-programm.

2011/0246 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja[1], u b’mod partikulari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1. Fuq talba tal-Portugall, il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lill-Portugall (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE[2]) b’appoġġ għal programm b’saħħtu ta’ riforma ekonomika u finanzjarja bil-għan li tinkiseb il-fiduċja mill-ġdid biex b’hekk l-ekonomija tkun tista’ terġa’ lura għal sitwazzjoni ta’ tkabbir sostenibbli, u bil-għan li titħares l-istabbiltà finanzjarja fil-Portugall, fiż-żona tal-euro u fl-Unjoni Ewropea.

2. Estensjoni tal-maturitajiet u tnaqqis fil-marġni tal-imgħax se jkunu ta’ benefiċċju sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-programm, skont il-konklużjonijiet tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern tal-pajjiżi taż-żona tal-euro u tal-istituzzjonijiet Ewropej tal-21 ta’ Lulju 2011.

3. Sabiex jissaħħu l-għanijiet tal-likwidità u tas-sostenibbiltà, din id-Deċiżjoni għandha tapplika wkoll għall-ħlasijiet individwali li saru diġà.

4. Fil-kuntest ta’ dawn l-iżviluppi, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE għandha tiġi emendata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE għandu jiġi emendat kif ġej:

(1) Il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1. L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Portugall self ta’ ammont massimu ta’ EUR 26 biljun, b’maturità medja massima ta’ 12,5 snin. Kull wieħed mill-ħlasijiet individwali tas-self jista’ jkollu maturità ta’ mhux aktar minn 30 sena.”

(2) Il-paragrafu 5 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“5. Għal kull ħlas individwali, il-Portugall għandu jħallas l-ispiża tal-finanzjament tal-Unjoni.”

Artikolu 2

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(2) għandhom japplikaw ukoll għall-ħlasijiet individwali tas-self li saru qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

[2] ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88.