52011PC0540

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija /* KUMM/2011/0540 finali - 2011/0238 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 ikkonkluda li hemm bżonn ta’ koordinazzjoni aħjar tal-attivitajiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri bil-għan li jiġu żgurati l-konsistenza u l-koerenza fir-relazzjonijiet esterni dwar l-enerġija tal-UE ma’ pajjiżi produtturi, pajjiżi ta’ tranżitu u pajjiżi konsumaturi ewlenin. Għalhekk, il-Kunsill stieden lill-Istati Membri sabiex mill-1 ta’ Jannar 2012 jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-ftehimiet bilaterali ġodda u eżistenti kollha tagħhom dwar l-enerġija mal-pajjiżi terzi.[1]

Din il-proposta tittrasforma l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f’mekkaniżmu bi proċeduri dettaljati għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi, jiġifieri ftehimiet legalment vinkolanti bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi li x’aktarx ikollhom impatt fuq l-operat jew il-funzjonament tas-suq intern għall-enerġija jew fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni.

Il-proposta takkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali - "Il-Politika dwar l-Enerġija tal-UE: Involviment mal-Imsieħba lil hinn mill-Fruntieri Tagħna."[2]

1. L-GĦAN TAL-POLITIKA

Is-sehem tal-enerġija importata fl-Unjoni qiegħed jiżdied b’mod kostanti.[3] L-Istati Membri u l-kumpaniji tal-enerġija konsegwentement qegħdin ifittxu sorsi ta’ enerġija ġodda barra mill-UE. In-negozjati ma’ fornituri tal-enerġija b’saħħithom fil-pajjiżi terzi tipikament jeħtieġu appoġġ politiku fil-forma tal-konklużjoni ta’ ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Dawn il-ftehimiet intergovernattivi normalment jiġu nnegozjati bilateralment u sikwit ikunu l-bażi għal kuntratti kummerċjali aktar dettaljati.

Wara l-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-elettriku u l-gass fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari bl-implimentazzjoni tat-Tielet Pakkett tal-Enerġija[4], l-Istati Membri introduċew bidliet sinifikanti fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar l-enerġija. Iż-żamma ta' konformità ma’ dawn il-bidliet leġiżlattivi mhux dejjem tkun fl-interess kummerċjali tal-fornituri tal-enerġija minn pajjiżi terzi. Meta qegħdin jiffaċċjaw possibbiltà ta’ nuqqas ta’ provvista, l-Istati Membri jinsabu taħt pressjoni dejjem akbar biex jaċċettaw konċessjonijiet regolatorji fil-ftehimiet intergovernattivi tagħhom ma’ pajjiżi terzi li huma inkompatibbli mal-liġi tal-Unjoni dwar l-enerġija. Tali konċessjonijiet regolatorji huma ta’ theddida għall-operat u l-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-Unjoni għall-enerġija.

Pereżempju, meta jiġi konkluż ftehim intergovernattiv sabiex jappoġġja proġett speċifiku ta’ pajplajn tal-gass, dan ma għandu jinkludi l-ebda klawżola li tirriserva d-dritt ta’ trasportatur partikolari li jikkuntratta għall-kapaċità sħiħa jew parti mill-kapaċità tal-pajplajn, sakemm tali klawżola ma tkunx permessa skont il-liġi tal-Unjoni wara deċiżjoni favorevoli meħuda mill-awtoritajiet rilevanti fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni dwar eżenzjoni mir-rekwiżiti tal-aċċess ta’ partijiet terzi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-enerġija u bla ħsara għall-kundizzjonijiet speċifikati f’din il-leġiżlazzjoni. Inkella, il-ftehim imur kontra l-liġi tal-Unjoni u konsegwentement ma jipprovdix ċertezza legali għall-investituri. Barra minn hekk, il-proġett tal-pajplajn mhux ser ikun eliġibbli għall-finanzjament possibbli tal-UE. Billi l-Istati Membri ma jistgħux sempliċiment jimmodifikaw unilateralment il-ftehimiet intergovernattivi konklużi ma’ pajjiżi terzi f’każ li ċerti dispożizzjonijiet fihom jinstabu li qegħdin jiksru r-regoli tas-suq intern, il-ftehimiet intergovernattivi li fihom dispożizzjonijiet illegali jpoġġu lill-Istati Membri f’sitwazzjoni ta’ obbligi legali konfliġġenti u jkunu ta’ theddida għall-operat u l-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-Unjoni għall-enerġija. Għalhekk, ftehimiet bħal dawn ma għandhomx jiġu ffirmati mill-Istati Membri.

Barra minn hekk, kif intwera waqt it-tilwima dwar il-gass bejn il-Federazzjoni Russa u l-Ukraina f’Jannar 2009, meta s-suq intern ma jkunx qiegħed jiffunzjona tajjeb, l-UE tkun aktar vulnerabbli għas-sigurtà tar-riskji tal-provvista. Għalhekk, huwa importanti li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu konxji tal-ammont u s-sorsi tal-enerġija importata.

Sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi, huwa importanti li jittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar il-ftehimiet intergovernattivi eżistenti, applikati provviżorjament u dawk futuri. Dan għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni u l-implimentazzjoni effettiva tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni. Barra minn hekk, dan għandu jsaħħaħ il-pożizzjoni tan-negozjati ta’ Stati Membri individwali vis-à-vis pajjiżi terzi sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista, l-operat u l-funzjonament xierqa tas-suq intern tal-enerġija tal-Unjoni u joħolqu ċertezza legali għal deċiżjonijiet ta’ investiment u jagħmlu possibbli l-finanzjament potenzjali tal-UE għall-proġett. Fl-aħħar mill-aħħar, it-trasparenza mtejba fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi għandha żżid ukoll il-konsistenza u l-koerenza, fi spirtu ta’ solidarjetà, fir-relazzjonijiet esterni dwar l-enerġija tal-Unjoni u tagħti ċans lill-Istati Membri biex jibbenifikaw aħjar mill-piż politiku u ekonomiku tal-Unjoni u l-kompetenza tal-Kummissjoni fir-rigward tal-liġi tal-Unjoni. Għal din ir-raġuni, huwa previst li l-Istati Membri jistgħu jitolbu l-għajnuna mill-Kummissjoni matul in-negozjati. Għalhekk, l-istrument il-ġdid ser jagħti ċ-ċans lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri b’mod effettiv.

2. L-GĦAŻLIET TA’ POLITIKA U L-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI

Minħabba l-impatti ekonomiċi u soċjali limitati ta’ din il-proposta, ma kienx meqjus bħala neċessarju li ssir valutazzjoni formali tal-impatt. Madankollu, meta wieħed iqis l-għanijiet tal-politika msemmija, il-Kummissjoni evalwat numru ta’ għażliet sabiex tinkiseb it-traspożizzjoni korretta tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew. Bejn il-21 ta’ Diċembru 2010 u s-7 ta’ Marzu 2011 saret konsultazzjoni pubblika dwar id-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE dwar l-enerġija. Il-konsultazzjoni qajmet mistoqsijiet dwar il-ħtieġa għall-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u l-operat u l-funzjonament xierqa tas-suq intern tal-Unjoni għall-enerġija. B’kollox, waslu ’l fuq minn 90 tweġiba. Ir-reazzjonijiet irċevuti enfasizzaw l-irwol importanti tal-Unjoni fil-promozzjoni ta’ qafas legali u istituzzjonali affidabbli sabiex jinkisbu relazzjonijiet vantaġġjużi b’mod reċiproku mal-pajjiżi ta’ tranżitu u l-fornituri tal-enerġija ewlenin tagħha. Fis-6 ta’ April 2011 saret laqgħa mal-esperti tal-enerġija fi Brussell.

L-istatus quo

Bħalissa, il-Kummissjoni mhijiex konxja tal-parti l-kbira tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi minħabba li ma jeżisti l-ebda obbligu li l-Kummissjoni tiġi informata b’mod komprensiv dwar dawn il-ftehimiet.[5] Il-Kummissjoni tistma li bejn wieħed u ieħor jistgħu jeżistu madwar 30 ftehim intergovernattiv bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar iż-żejt u madwar 60 dwar il-gass.[6] Dawn x’aktarx li jkunu relatati jew mal-volumi taż-żejt jew tal-gass importati fl-Unjoni minn pajjiżi terzi jew inkella mal-kundizzjonijiet għall-provvista ta’ dawn il-volumi permezz ta’ infrastruttura fissa. Fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar l-elettriku, huwa stmat li n-numru totali huwa aktar baxx. Dawn il-ftehimiet jinkludu l-hekk imsejjaħ ftehim BRELL RING bejn il-Belarus, ir-Russja, l-Estonja, il-Litwanja u l-Latvja dwar it-tħaddim u l-użu tan-netwerks fl-Istati Baltiċi. Ftehimiet simili x’aktarx li jeżistu wkoll mal-pajjiżi Balkani fejn in-netwerks tal-pajjiżi terzi huma marbuta b’mod sinkronizzat mal-Istati Membri tal-Unjoni. Mhuwiex possibbli li ssir approssimazzjoni preċiża dwar kemm dawn il-ftehimiet intergovernattivi jiġu mmodifikati regolarment jew dwar kemm jistgħu jiġu konklużi ftehimiet ġodda. L-Istati Membri huma neqsin ukoll minn mekkaniżmu sabiex iżommu ruħhom aġġornati bl-iżviluppi fis-27 Stat Membru f’dan il-qasam. Filwaqt li diġà ġew adottati xi rekwiżiti ta’ trasparenza,[7] dawn huma relatati biss mas-settur tal-gass (ftehimiet intergovernattivi eżistenti u ftehimiet ġodda, meta jiġu konklużi) u mal-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri (ebda skambju bejn l-Istati Membri nnifishom) u, anke għal dawn ir-raġunijiet biss, ma jilħqux jittrasponu l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew. Għalhekk, l-istatus quo mhuwiex sodisfaċenti u l-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li tissuġġerixxi li jitwaqqaf mekkaniżmu ġdid, komprensiv u aktar dettaljat ta’ skambju ta’ informazzjoni.

Strument legali jew miżuri volontarji

Huma biss l-obbligi ċari fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni li jistgħu jiżguraw it-trasparenza meħtieġa għall-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Filwaqt li l-mekkaniżmu propost jinkorpora wkoll elementi ta’ liġi flessibbli bħall-iżvilupp konġunt ta’ klawżoli standard, il-miżuri volontarji weħidhom sa issa ma wrewx li huma biżżejjed sabiex jiggarantixxu t-tip ta’ skambju ta’ informazzjoni meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-ftehimiet konklużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi huma leġittimi u mhumiex ta’ theddida għall-operat xieraq u l-funzjonament tas-suq intern tal-Unjoni għall-enerġija. Għalhekk, strument legali għall-iskambju mandatorju tal-informazzjoni huwa l-unika għażla li tiggarantixxi li l-għanijiet ta’ politika msemmija jintlaħqu, bl-aktar mod xieraq, fil-forma ta’ Deċiżjoni.[8]

Ambitu

Sabiex il-konklużjonijiet tal-Kunsill jiġu trasposti b’mod preċiż, huwa propost li d-Deċiżjoni tkopri l-ftehimiet intergovernattivi eżistenti, applikati provviżorjament u ġodda kollha li x’aktarx ikollhom impatt fuq l-operat jew il-funzjonament tas-suq intern għall-enerġija jew fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni minħabba li dawn iż-żewġ kwistjonijiet huma intrinsikament marbuta ma’ xulxin. Huwa partikolarment importanti li d-Deċiżjoni tkun tinkludi l-ftehimiet intergovernattivi kollha li għandhom impatt fuq il-provvista tal-gass, taż-żejt jew tal-elettriku permezz ta’ infrastruttura fissa (bħal pajplajns u netwerks) jew fuq l-ammonti globali tal-enerġija importata fl-UE.

Iż-żmien adattat għall-iskambju tal-informazzjoni

Jidher li huwa kruċjali li tintbagħat informazzjoni bikrija lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar ftehimiet intergovernattivi futuri. Huwa meħtieġ ukoll li jkun hemm għarfien sħiħ tal-kontenut tal-ftehimiet intergovernattivi diġà fis-seħħ. Għalhekk, huwa meqjus bħala pertinenti li l-Istati Membri l-ewwelnett jinformaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jiftħu negozjati u jikkomunikaw il-verżjoni rattifikata tal-ftehim intergovernattiv. Il-Kummissjoni għandu jkollha rwol ċentrali sabiex ixxerred fil-pront din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħrajn billi tqis t-talbiet tal-Istati Membri għal trattament kunfidenzjali.

Madankollu, jekk l-iskambju ta’ informazzjoni ma jseħħx sa mill-waqt ta' meta jsiru n-negozjati, ikun diffiċli li l-ftehimiet intergovernattivi futuri jiġu influwenzati favur iż-żamma ta' konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-enerġija u mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-provvista. Huwa importanti li jiġi nnotat li tista' tintilef l-opportunità li tiġi pprovduta ċ-ċertezza legali meħtieġa dwar l-istatus u l-validità tal-ftehimiet intergovernattivi għal proġetti ewlenin tal-enerġija u l-finanzjament konsegwenti. Dan għandu jkun ta’ detriment għall-investimenti tal-Unjoni u, għalhekk, għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija mill-Unjoni.

Il-mekkaniżmu ta’ kontroll ex-post eżistenti fil-forma ta’ proċeduri ta’ ksur ma jindirizzax din il-problema bl-aktar mod effiċjenti.[9] Dan huwa minħabba li, ladarba l-ftehimiet intergovernattivi jiġu ffirmati u saħansitra aktar ladarba jiġu ratifikati, l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jimmodifikawhom unilateralment f’każ li jinstab li ċerti dispożizzjonijiet fihom ikunu qegħdin jiksru r-regoli tas-suq intern, iżda jkun meħtieġ li jerġgħu jinnegozjaw il-ftehimiet intergovernattivi mal-pajjiżi terzi inkwistjoni. Għalhekk, huwa meqjus bħala essenzjali li jinżammu kuntatti kontinwi u skambju ta’ informazzjoni matul in-negozjati u l-possibbiltà għal verifika tal-kompatibbiltà fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat jew tal-Kummissjoni qabel jiġi ffirmat il-ftehim intergovernattiv. Barra minn hekk, huwa propost li l-Istati Membri jkunu jistgħu jitolbu l-għajnuna tas-servizzi tal-Kummissjoni matul in-negozjati. L-esperjenza miksuba permezz ta’ dawn il-mekkaniżmi ta’ skambju għandha tagħti lok għall-iżvilupp konġunt ta’ klawżoli standard volontarji li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri fil-ftehimiet intergovernattivi futuri. L-użu ta’ dawn il-klawżoli standard għandu jgħin fil-prevenzjoni tal-kunflitti tal-ftehimiet intergovernattivi mal-liġi tal-Unjoni.

Kontroll ex-ante mandatorju jew verifika aktar flessibbli tal-kompatibbiltà

Mhuwiex propost li jinħoloq mekkaniżmu ta’ kontroll ex-ante mandatorju eżawrjenti li jkun applikabbli għall-ftehimiet intergovernattivi rilevanti kollha, minħabba li tali mekkaniżmu jpoġġi piż qawwi wisq fuq l-Istati Membri u jwassal għal dewmien fil-konklużjoni tal-ftehimiet intergovernattivi futuri kollha b’mill-inqas ftit xhur.

Minflok, huwa meqjus bħala suffiċjenti li jiġi pprovdut mekkaniżmu ta’ kontroll tal-kompatibbiltà aktar flessibbli fejn il-Kummissjoni, fuq talba tagħha stess jew fuq talba tal-Istat Membru li jkun qiegħed jinnegozja l-ftehim intergovernattiv, tivvaluta l-kompatibbiltà tal-ftehim innegozjat mal-liġi tal-Unjoni qabel jiġi ffirmat il-ftehim. F’każ li ssir verifika tal-kompatibbiltà fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat jew tal-Kummissjoni, sabiex ma jkunx hemm dewmien bla bżonn fin-negozjati, jekk il-Kummissjoni ma tagħtix opinjoni espliċita fi żmien erba’ xhur, il-Kummissjoni titqies bħala li ma qajmet l-ebda oġġezzjoni.

L-għażla proposta għandha tnaqqas b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-Unjoni li żżomm l-operat xieraq u l-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija tagħha u li tissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u t-twettiq ta’ proġetti ewlenin tal-enerġija permezz ta’ użu kkoordinat u għalhekk effiċjenti tas-setgħa tan-negozjar tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-impatti pożittivi tal-proposta jegħlbu l-piż żejjed pjuttost limitat f’termini tal-obbligi ta’ trasparenza li jitpoġġa fuq l-Istati Membri meta jinnegozjaw ftehimiet intergovernattivi ma’ pajjiżi terzi.

3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

L-għan ta’ din il-proposta huwa li tittrasforma l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 f’mekkaniżmu bi proċeduri dettaljati għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi sabiex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni bil-għan li jiġu żgurati s-sigurtà tal-provvista, l-operat xieraq u l-funzjonament tas-suq intern tal-Unjoni għall-enerġija u tinħoloq ċertezza legali għad-deċiżjonijiet ta’ investiment.

Fuq livell individwali, huwa diffiċli għall-Istati Membri biex jiżguraw li jintlaħqu dawn l-għanijiet ta’ politika. Bħalissa, l-Istati Membri ma għandhomx biżżejjed informazzjoni biex jiġġudikaw l-implikazzjonijiet globali tal-ftehimiet intergovernattivi tagħhom dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-provvista fl-UE. Il-valutazzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni xierqa tar-regoli tal-Unjoni dwar l-enerġija fir-rigward ta’ dawn il-ftehimiet intergovernattivi ma jġibux biżżejjed ċertezza legali għall-investituri. Min-naħa l-oħra, mill-koordinazzjoni tal-Unjoni sejrin jibbenifikaw l-għanijiet kollha msemmija. Peress li l-iskambju ta’ informazzjoni propost isaħħaħ il-pożizzjoni tan-negozjar tal-Istati Membri vis-à-vis il-pajjiżi terzi, huwa ser jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tar-regoli u l-linji politiċi tal-Unjoni. Dan għandu jagħti lok sabiex tittieħed il-perspettiva tas-sitwazzjoni tas-sigurtà kollettiva tal-provvista fl-UE, minflok ma tittieħed perspettiva nazzjonali. Barra minn hekk, l-użu ta’ klawżoli standard żviluppati b’mod komuni, kif ukoll il-verifika tal-kompatibbiltà proposta, għandhom jipprovdu lill-investituri b'aktar ċertezza legali fir-rigward tal-kompatibbiltà probabbli tal-ftehim intergovernattiv mal-leġiżlazjoni tal-UE. Għalhekk, il-proposta hija ġustifikata fuq il-bażi tas-sussidjarjetà. Il-proposta tirrispetta wkoll il-prinċipju tal-proporzjonalità peress li l-alternattivi volontarji eżaminati ma jiggarantixxux li jseħħ skambju ta’ informazzjoni suffiċjenti biex jiġi żgurat li l-għanijiet ta’ politika jintlaħqu.

Il-ftehimiet intergovernattivi huma definiti bħala l-ftehimiet legalment vinkolanti kollha bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi li x’aktarx ikollhom impatt fuq l-operat jew il-funzjonament tas-suq intern għall-enerġija jew fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-UE.

Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, il-ftehimiet intergovernattivi, li għalihom hija diġà prevista notifika speċifika lill-Kummissjoni f’atti oħrajn tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huma esklużi mill-proposta, għajr għal dawk il-ftehimiet intergovernattivi li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni skont ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass.[10] Huwa propost ukoll li l-mekkaniżmu ġdid ma għandux jikkonċerna ftehimiet bejn l-operaturi kummerċjali għajr u biss sakemm il-ftehimiet intergovernattivi jkunu jirreferu espliċitament għal dawn il-ftehimiet kummerċjali.

L-Istati Membri għandhom jibagħtu l-ftehimiet intergovernattivi eżistenti u applikati provviżorjament kollha lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni proposta. Il-Kummissjoni għandha tiġi informata wkoll mill-aktar fis possibbli bl-intenzjoni tagħhom li jiftħu negozjati dwar il-ftehimiet intergovernattivi futuri jew li jemendaw il-ftehimiet intergovernattivi eżistenti. Il-Kummissjoni għandha tiġi informata regolarment dwar in-negozjati. Fuq talba, il-Kummissjoni għandha tipparteċipa bħala osservatur fin-negozjati. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom ukoll id-dritt li jitolbu l-għajnuna tal-Kummissjoni matul in-negozjati tagħhom ma’ pajjiżi terzi.

Ladarba jiġi rratifikat il-ftehim intergovernattiv, it-test ratifikat għandu jintbagħat lill-Kummissjoni. Il-ftehimiet intergovernattivi għandhom jiġu ppreżentati fl-intier tagħhom, inklużi l-annessi tagħhom, testi oħrajn li jagħmlu referenza għalihom u l-emendi kollha fihom. Il-Kummissjoni ser tagħmel l-informazzjoni kollha li tirċievi disponibbli għall-Istati Membri permezz ta’ database. Meta jipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni, Stat Membru jista’ jindika jekk xi parti mill-informazzjoni fil-ftehimiet ippreżentati għandhiex titqies bħala kunfidenzjali.

Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri bil-għan li jiġu riveduti l-iżviluppi fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi, jiġu identifikati l-problemi u s-soluzzjonijiet komuni, u jiġu żviluppati klawżoli standard li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri fil-ftehimiet intergovernattivi futuri.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha, fuq inizjattiva tagħha stess sa mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara li tkun ġiet informata dwar l-elgħuq tan-negozjati, jew fuq talba mill-Istat Membru li jkun innegozja l-ftehim intergovernattiv, id-dritt li tivvaluta l-kompatibbiltà tal-ftehim innegozjat mal-liġi tal-Unjoni sabiex tiżgura li l-ftehim huwa leġittimu. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-ftehim intergovernattiv innegozjat b’mod sħiħ lill-Kummissjoni qabel jiġi ffirmat il-ftehim intergovernattiv. Il-Kummissjoni għandha perjodu ta’ erba’ xhur biex twettaq il-valutazzjoni. Jekk tintalab tali verifika tal-kompatibbiltà, fin-nuqqas ta’ opinjoni tal-Kummissjoni matul dan il-perjodu ta’ eżaminazzjoni, il-Kummissjoni titqies bħala li ma qajmet l-ebda oġġezzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni proposta erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

Id-deċiżjoni proposta sejra tidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali.

4. L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI TAL-PROPOSTA

Il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni. Il-piż amministrattiv addizzjonali limitat għall-Kummissjoni Ewropea ma jimplika l-ebda spiża addizzjonali.

2011/0238 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[11],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[12],

Billi aġixxew skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Il-Kunsill Ewropew talab lill-Istati Membri biex mill-1 ta’ Jannar 2012 jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-ftehimiet bilaterali ġodda u eżistenti kollha tagħhom dwar l-enerġija. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri l-oħrajn kollha f’forma xierqa, wara li tikkunsidra l-ħtieġa għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

(2) Il-liġi tal-Unjoni titlob lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jevitaw jew jeliminaw kull inkompatibbiltà bejn il-liġi tal-Unjoni u l-ftehimiet internazzjonali konklużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi.

(3) Il-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-enerġija jesiġi li l-enerġija importata fl-Unjoni minn pajjiżi terzi tkun irregolata għal kollox mir-regoli li jistabbilixxu suq intern tal-enerġija. Suq intern tal-enerġija li ma jkunx qiegħed jiffunzjona sewwa jpoġġi lill-UE f’pożizzjoni vulnerabbli fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Livell għoli ta’ trasparenza fir-rigward ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija jagħti ċ-ċans lill-Unjoni tieħu azzjoni kkoordinata, fi spirtu ta’ solidarjetà, sabiex tiżgura li dawn il-ftehimiet ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u effettivament tiżgura l-provvista tal-enerġija.

(4) Il-mekkaniżmu ġdid tal-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkopri biss ftehimiet intergovernattivi li x’aktarx ikollhom impatt fuq is-suq intern għall-enerġija jew fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija minħabba li dawn iż-żewġ kwistjonijiet huma intrinsikament marbuta ma’ xulxin. B’mod partikolari, dan il-mekkaniżmu għandu jinkludi l-ftehimiet intergovernattivi kollha li għandhom impatt fuq il-provvista tal-gass, taż-żejt jew tal-elettriku permezz ta’ infrastruttura fissa jew li għandhom impatt fuq l-ammont ta’ enerġija importata fl-Unjoni minn pajjiżi terzi.

(5) Il-ftehimiet intergovernattivi li jeħtieġ li jiġu nnotifikati fl-intier tagħhom lill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ atti oħrajn tal-Unjoni bħal [ir-Regolament (UE) Nru …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ … li jistabbilixxi arranġamenti tranżitorji għal ftehimiet ta’ investiment bilaterali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi[13]] għandhom ikunu esklużi mill-mekkaniżmu tal-iskambju ta’ informazzjoni stabbilit minn din id-Deċiżjoni.

(6) L-eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika msemmi ma għandhiex tapplika għall-ftehimiet intergovernattivi li għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13(6) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE.[14] Tali ftehimiet intergovernattivi ma’ pajjiżi terzi li jkollhom impatt fuq l-iżvilupp u l-użu tal-infrastruttura tal-gass u tal-provvisti tal-gass għandhom għalhekk jiġu nnotifikati skont ir-regoli stipulati f’din id-Deċiżjoni. Sabiex tiġi evitata duplikazzjoni, notifika sottomessa skont din id-Deċiżjoni għandha titqies bħala li tissodisfa l-obbligu ta’ notifika stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 994/2010.

(7) Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tikkonċerna ftehimiet bejn entitajiet kummerċjali, għajr u biss sakemm il-ftehimiet intergovernattivi jkunu jirreferu espliċitament għal tali ftehimiet kummerċjali. Madankollu, l-operaturi kummerċjali li jinnegozjaw ftehimiet kummerċjali ma’ operaturi minn pajjiżi terzi jistgħu jfittxu gwida mill-Kummissjoni sabiex jevitaw li jinħolqu kunflitti potenzjali mal-liġi tal-Unjoni.

(8) L-Istati Membri għandhom jissottomettu l-ftehimiet intergovernattivi eżistenti applikati provviżorjament kollha lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna[15] flimkien mal-ftehimiet intergovernattivi l-ġodda kollha.

(9) L-Istati Membri għandhom diġà jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jiftħu negozjati mal-Kummissjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi ġodda jew l-emendi fil-ftehimiet intergovernattivi eżistenti. Il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata regolarment dwar in-negozjati li jkunu għaddejjin. Hija għandu jkollha d-dritt li tipparteċipa bħala osservatur fin-negozjati. L-Istati Membri jistgħu wkoll jitolbu lill-Kummissjoni biex tgħinhom matul in-negozjati tagħhom mal-pajjiżi terzi.

(10) Il-Kummissjoni għandu jkollha, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba mill-Istat Membru li jkun innegozja l-ftehim intergovernattiv, id-dritt li tivvaluta l-kompatibbiltà tal-ftehim innegozjat mal-liġi tal-Unjoni qabel jiġi ffirmat il-ftehim.

(11) Il-ftehimiet ratifikati finali kollha koperti minn din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tinkiseb informazzjoni sħiħa dwar l-Istati Membri l-oħrajn kollha.

(12) Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni kollha li tirċievi disponibbli għall-Istati Membri l-oħrajn kollha f’forma elettronika. Il-Kummissjoni għandha tirrispetta t-talbiet mill-Istati Membri sabiex tittratta l-informazzjoni sottomessa, b’mod partikolari l-informazzjoni kummerċjali, bħala kunfidenzjali. Madankollu, it-talbiet għall-kunfidenzjalità ma għandhomx jirrestrinġu l-aċċess tal-Kummissjoni nnifisha għal informazzjoni kunfidenzjali, minħabba li jeħtieġ li l-Kummissjoni jkollha informazzjoni komprensiva għall-valutazzjoni tagħha. It-talbiet għall-kunfidenzjalità huma mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-aċċess għad-dokumenti kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.[16]

(13) Skambju permanenti ta’ informazzjoni dwar il-ftehimiet intergovernattivi fil-livell tal-Unjoni għandu jagħti lok għall-iżvilupp tal-aħjar prattiċi. Fuq il-bażi ta’ dawk l-aħjar prattiċi, il-Kummissjoni għandha tirrakkomanda klawżoli standard sabiex jintużaw fil-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. L-użu ta’ dawn il-klawżoli standard mhux vinkolanti għandu jeskludi l-kunflitti tal-ftehimiet intergovernattivi mal-liġi tal-Unjoni.

(14) L-għarfien reċiproku mtejjeb tal-ftehimiet intergovernattivi eżistenti u ġodda għandu jagħti lok għal koordinazzjoni aħjar fi kwistjonijiet tal-enerġija bejn l-Istati Membri nfushom u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Tali koordinazzjoni mtejba għandha tippermetti lill-Istati Membri jibbenifikaw b’mod sħiħ mill-piż politiku u ekonomiku tal-Unjoni.

(15) Il-mekkaniżmu għall-iskambju tal-informazzjoni previst f’din id-Deċiżjoni għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-ksur tar-regoli u l-kompetizzjoni.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Is-suġġett u l-ambitu

1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi.

2. Ftehimiet intergovernattivi li fl-intier tagħhom huma diġà soġġetti għal proċeduri speċifiċi oħrajn ta’ notifika skont il-liġi tal-Unjoni, għajr għal ftehimiet intergovernattivi li għandhom ikunu sottomessi lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13(6) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010, ma għandhomx ikunu koperti minn din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) "ftehimiet intergovernattivi" tfisser kull ftehim legalment vinkolanti bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi li x’aktarx ikollu impatt fuq l-operat jew il-funzjonament tas-suq intern għall-enerġija jew fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni;

(2) "ftehimiet intergovernattiv eżistenti" tfisser ftehimiet intergovernattivi li jkunu daħlu fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3 Skambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri

1. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-ftehimiet intergovernattivi eżistenti u applikati provviżorjament kollha bejnhom u l-pajjiżi terzi fl-intier tagħhom, inklużi l-annessi tagħhom, testi oħrajn li jagħmlu referenza għalihom u l-emendi kollha fihom lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel id-dokumenti kollha li tirċievi aċċessibbli f’forma elettronika għall-Istati Membri l-oħrajn kollha. Il-ftehimiet intergovernattivi eżistenti jew applikati provviżorjament li diġà kienu kkomunikati skont ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 lill-Kummissjoni fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, li qegħdin jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan il-paragrafu, għandhom jitqiesu bħala li ġew ikkomunikati għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

2. Meta Stat Membru jkollu l-ħsieb li jidħol f’negozjati ma’ pajjiż terz sabiex jemenda ftehim intergovernattiv eżistenti jew biex jikkonkludi ftehim intergovernattiv ġdid, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-intenzjoni tiegħu mill-aktar fis possibbli qabel il-ftuħ previst tan-negozjati. L-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni għandha tinkludi d-dokumentazzjoni rilevanti, indikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jridu jiġu indirizzati fin-negozjati, l-għanijiet tan-negozjati u informazzjoni rilevanti oħra. Fil-każ ta’ emendi għal ftehim eżistenti, id-dispożizzjonijiet li jridu jiġu nnegozjati mill-ġdid għandhom jiġu indikati fl-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni li tirċievi aċċessibbli għall-Istati Membri kollha f’forma elettronika. L-Istat Membru kkonċernat għandu jżomm lill-Kummissjoni informata regolarment dwar in-negozjati li jkunu għaddejjin. Fuq talba tal-Kummissjoni jew tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista’ tipparteċipa bħala osservatur fin-negozjati.

3. Mar-ratifika ta’ ftehim intergovernattiv jew ta’ emenda għal ftehim intergovernattiv, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta l-ftehim jew l-emenda tal-ftehim, inklużi l-annessi tagħhom u testi oħrajn li dawn il-ftehimiet jew emendi jirreferu għalihom espliċitament, lill-Kummissjoni, li min-naħa tagħha għandha tagħmel id-dokumenti li tirċievi, bl-eċċezzjoni tal-partijiet kunfidenzjali identifikati skont l-Artikolu 7, aċċessibbli għall-Istati Membri l-oħrajn kollha f’forma elettronika.

Artikolu 4 Għajnuna mill-Kummissjoni

Meta Stat Membru jinforma lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(2) bl-intenzjoni tiegħu li jidħol f’negozjati sabiex jemenda ftehim intergovernattiv eżistenti jew biex jikkonkludi ftehim intergovernattiv ġdid, l-Istat Membru jista’ jitlob l-għajnuna tal-Kummissjoni fin-negozjati mal-pajjiż terz.

Artikolu 5 Kontroll tal-kompatibbiltà ex-ante

Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess sa mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara li tkun ġiet informata dwar l-għeluq tan-negozjati, jew fuq talba mill-Istat Membru li jkun innegozja l-ftehim intergovernattiv, tivvaluta l-kompatibbiltà tal-ftehim innegozjat mal-liġi tal-Unjoni qabel ma jkun ġie ffirmat il-ftehim. F’każ li l-Kummissjoni jew l-Istat Membru kkonċernat jitolbu li ssir tali valutazzjoni ex-ante tal-ftehim intergovernattiv innegozjat mal-liġi tal-Unjoni, l-abbozz tal-ftehim intergovernattiv innegozjat iżda li għadu mhux iffirmat għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni għal eżaminazzjoni. L-Istat Membru kkonċernat għandu jibqa’ lura milli jiffirma l-ftehim għal perjodu ta’ erba’ xhur wara l-preżentazzjoni tal-abbozz tal-ftehim intergovernattiv. Bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, il-perjodu ta’ eżaminazzjoni jista’ jiġi mtawwal. Meta jintalab kontroll tal-kompatibbiltà, jekk il-Kummissjoni ma tagħti ebda opinjoni matul il-perjodu ta’ eżaminazzjoni, il-Kummissjoni għandha titqies bħala li ma qajmet l-ebda oġġezzjoni.

Artikolu 6 Il-koordinazzjoni mal-Istati Membri

1. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri bil-għan li:

(a) jiġu riveduti l-iżviluppi fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi;

(b) jiġu identifikati l-problemi komuni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi u tiġi kkunsidrata l-azzjoni xierqa li trid tittieħed sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi;

(c) fuq il-bażi tal-aqwa prattika, jiġu żviluppati klawżoli standard li l-użu tagħhom jiżgura l-konformità sħiħa tal-ftehimiet intergovernattivi futuri mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-enerġija.

Artikolu 7 Kunfidenzjalità

Meta jipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3, l-Istat Membru jista’ jindika jekk xi parti mill-informazzjoni, b’mod partikolari l-informazzjoni kummerċjali, għandhiex titqies bħala kunfidenzjali u jekk l-informazzjoni pprovduta tistax tinqasam ma’ Stati Membri oħrajn. Il-Kummissjoni għandha tirrispetta dawn l-indikazzjonijiet. It-talbiet għall-kunfidenzjalità ma jirrestrinġux l-aċċess tal-Kummissjoni nnifisha għal informazzjoni kunfidenzjali.

Artikolu 8 Reviżjoni

1. Erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

2. Ir-rapport għandu jevalwa b’mod partikolari jekk din id-Deċiżjoni tipprovdix qafas suffiċjenti bil-għan li jiżgura l-konformità sħiħa tal-ftehimiet intergovernattivi mal-liġi tal-Unjoni u livell għoli ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi.

Artikolu 9 Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10 Id-destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President                                                                       

[1]               Din il-konklużjoni kienet ikkonfermata mill-Kunsill tal-Enerġija tat-28 ta’ Frar 2011: "Skambju mtejjeb u f’waqtu ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, inkluż informazzjoni tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar il-ftehimiet bilaterali ġodda u eżistenti tagħhom dwar l-enerġija mal-pajjiżi terzi".

[2]               COM(2011) 539

[3]               Skont ix-xenarji għall-2030, l-importazzjonijiet totali ta’ enerġija mill-pajjiżi terzi jistgħu jilħqu s-57%.

[4]               ĠU L 211, 14.8.2009

[5]               L-uniku obbligu li jeżisti sa issa huwa previst fl-Artikolu 13 (6) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE (Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass), ĠU 295, 12.11.2010, p. 1 - 22. Dik id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jinnotifikaw il-ftehimiet intergovernattivi fil-qasam tal-gass lill-Kummissjoni. Il-ftehimiet intergovernattivi eżistenti jeħtieġ li jiġu nnotifikati biss qabel it-3 ta’ Diċembru 2011.

[6]               Meta wieħed iqis il-ftit IGAs magħrufa bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, pereżempju dwar il-pajplajn tal-gass tal-Fluss tan-Nofsinhar, din il-valutazzjoni konservattiva ħafna ssir taħt is-suppożizzjoni li għadd ta’ Stati Membri għandhom dawn l-IGAs ma’ fornituri ewlenin taż-żejt u tal-gass, b’mod partikolari meta ż-żejt jew il-gass jitwassal permezz ta’ pajplajns.

[7]               Ara l-Artikolu 13 (6) tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass.

[8]               Għalkemm kemm Regolament kif ukoll Deċiżjoni jidhru possibbli, Deċiżjoni titqies aktar xierqa minħabba li l-istrument legali ma jkollu ebda effett dirett fuq l-individwi iżda huwa esklussivament indirizzat lill-Istati Membri.

[9]               Għandu jiġi nnotat li n-notifika tal-ftehimiet intergovernattivi eżistenti ma tipprevjenix lill-Kummissjoni milli tibda proċeduri ta’ ksur, jekk ikunu meħtieġa, jiġifieri, jekk ikun jista’ jintwera f’każ partikolari kif ftehim partikolari jikser ir-regoli dwar is-suq intern.

[10]             Id-duplikazzjonijiet huma evitati wkoll fil-każ tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass peress li notifika skont ir-regoli aktar dettaljati previsti f’din il-proposta għandha tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass.

[11]             ĠU C, p. . .

[12]             ĠU C, p. . .

[13]             [COM 2010 (344) finali, li għadha ma ġietx adottata]

[14]             ĠU L 295, 12.11.2010, p. 1.

[15]             Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġijiet tat-Trattati tal-1969.

[16]             ĠU L 8, 12.01.2001, p. 28.