52011PC0516

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) /* KUMM/2011/0516 finali - 2011/0223 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi[1] sar applikabbli fil-5 ta’ April 2010. F’konformità mal-Artikolu 51 tal-Kodiċi dwar il-Viżi ġew imfassla istruzzjonijiet operattivi dwar l-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabilixxi Manwal għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u l-modifika ta’ viżi maħruġa li ġiet adottata fid-19.3.2010[2].

Matul it-tfassil tal-Manwal, ġie osservat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 3 (5) (b) u (c) ma kinitx ċara:

1. fl-Artikolu 3 (5) (b), li jitratta dwar l-eżenzjoni mir-rekwiżiti ta’ viża għal tranżitu fl-ajruport għal detenturi ta’ permessi ta’ residenza maħruġa minn pajjiżi speċifiċi, tħalliet barra r-referenza għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li ma jeħdux sehem fl-adozzjoni tar-Regolament preżenti u għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li għadhom mhux qed japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ (attwalment il-Bulgarija, l-Irlanda, Ċipru, ir-Rumanija u r-Renju Unit);

2. fl-Artikolu 3 (5) (c), li jitratta dwar l-eżenzjoni mir-rekwiżiti ta’ viża għal tranżitu fl-ajruport għal detenturi ta’ viżi maħruġa minn pajjiżi speċifiċi, tħalliet barra r-referenza għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li ma jeħdux sehem fl-adozzjoni tar-Regolament preżenti u għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li għadhom mhux qed japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ (attwalment il-Bulgarija, l-Irlanda, Ċipru, ir-Rumanija u r-Renju Unit).

3. Barra minn hekk, waqt it-tħejjija tal-Manwal, ġie osservat li l-formulazzjoni tal-kliem attwali tal-Artikolu 3 (5) (c) tagħti lok għal żewġ interpretazzjonijiet, u għandu jiġi ċċarat li detenturi ta’ viżi maħruġa mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li ma jeħdux sehem fl-adozzjoni tar-Regolament preżenti u mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li għadhom mhux qed japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ u minn pajjiżi terzi speċifiċi huma eżentati mir-rekwiżiti għal tranżitu fl-ajruport meta jivvjaġġaw lejn il-pajjiż li jkun ħareġ il-viża jew lejn kwalunkwe pajjiż terz ieħor u, wara li jkunu għamlu użu mill-viża, meta jirritornaw mill-pajjiż li jkun ħareġ il-viża (iżda mhux meta jirritornaw minn kwalunkwe pajjiż terz ieħor ).

4. Ir-referenza għal stati parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea hi żejda peress li dawn tal-aħħar huma jew Stati Membri koperti fl-Artikolu 3 (5) (a) jew pajjiżi assoċjati li japplika għalihom l-Artikolu 3(5)(a) permezz tal-ftehim jew protokoll ta' assoċjazzjoni rispettiv.

Qabel April 2010, l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni (CCI) u l-Azzjoni Konġunta 96/197/ĠAI[3], stabbilixxew id-dispożizzjonijiet dwar il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom kienu soġġetti għar-rekwiżit ta’ VTA. Dawn id-dispożizzjonijiet kienu japplikaw għall-persuni kollha ta’ kull nazzjonalità ħlief jekk kellhom permess ta' residenza maħruġ mill-Irlanda, mir-Renju Unit jew minn ċerti stati terzi (il-Kanada, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Ġappun, eċċ) peress li kien hemm l-assunzjoni li tali persuni ma kinux jippreżentaw riskju ta’ immigrazzjoni illegali għall-Istati ta’ Schengen.

Fl-2008, ċerti Stati Membri ħadu l-inizjattiva biex jemendaw l-Anness 3 tas-CCI biex għall-istess raġuni jkun jipprovdi wkoll għal meta detenturi ta’ viżi maħruġa minn ċerti stati terzi jiġu eżentati mir-rekwiżit ta' VTA meta d-detentur tal-viża jkun ivjaġġa lejn l-istat terz (jew l-Irlanda jew ir-Renju Unit) li kien ħareġ il-viża jew lejn kwalunkwe stat terz ieħor. Bl-istess mod, il-persuna kkonċernata tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ VTA meta din tkun irritornat mill-istat terz li jkun ħareġ il-viża, wara li tkun użat il-viża. Din il-persuna ma tkunx eżentata meta tirritorna minn kwalunkwe pajjiż terz ieħor ħlief il-pajjiż li jkun ħareġ il-viża peress li minħabba l-fatt li din il-persuna ma jkollhiex aktar viża valida għal wieħed mill-pajjiżi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3 (5) (c), ma jkunx jista’ jibqa' jiġi kkunsidrat li din il-persuna ma tippreżentax riskju ta' immigrazzjoni illegali għall-Istati ta' Schengen.

Dawn id-dispożizzjonijiet kellhom jiġu adottati fil-Kodiċi dwar il-Viżi, iżda kliem essenzjali tħalla barra mill-Artikolu 3 (5) (b) u (c) b’effett fejn is-sitwazzjoni legali mhix ċara.

Matul it-tħejjija tal-Manwal, saret konsiderazzjoni biex tiġi rimedjata l-problema permezz ta' linjigwida li jesprimu din l-intenzjoni. Peress li l-Manwal ma jistax joħloq obbligi li jorbtu b’mod legali fuq l-Istati Membri, huwa neċessarju li jiġi emendat il-Kodiċi dwar il-Viżi biex jiġu stabbiliti ċ-ċertezza legali u l-applikazzjoni armonizzata tar-regoli. Tali kjarifika hi ta’ importanza prattika għall-vjaġġaturi individwali u għall-kumpaniji tal-linji tal-ajru.

Il-proposta hi limitata għall-emenda teknika li tikkonsisti fi kjarifika tat-test eżistenti.

2. IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Iż-żewġ aspetti koperti permezz tal-proposta ġew diskussi fil-Kumitat dwar il-Viżi u fil-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Viżi u l-Istati Membri appoġġjaw l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal emenda limitata tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

L-Artikolu 3 (5) (b) u (c) tal-Kodiċi dwar il-Viżi għandu jiġi emendat biex jiġi ċċarat li:

- ċittadini ta’ pajjiż terz fil-pusses ta’ viża valida jew permess ta’ residenza maħruġa minn Stat Membru li ma japplikax il-politika komuni dwar il-viżi b’mod sħiħ jiġu koperti mill-eżenzjoni ta’ VTA;

- l-eżenzjoni ta’ VTA tkopri l-persuni fil-pusses ta’ viża valida meta jivjaġġaw lejn il-pajjiż terz li jkun ħareġ il-viża, lejn kwalunkwe pajjiz terz ieħor, u meta wara li jkunu użaw il-viża dawn jirritornaw mill-pajjiż terz li jkun ħareġ il-viża.

- 2011/0223 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

5. Huwa meħtieġ li jiġu ċċarati r-regoli dwar it-tranżitu miż-żoni internazzjonali tal-ajruporti sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u t-trasparenza.

6. Dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma soġġetti għar-rekwiżit ta’ viża għal tranżitu fl-ajruport skont l-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 li jkunu fil-pussess ta' viża valida maħruġa minn Stat Membru, il-Kanada, il-Ġappun jew l-Istati Uniti tal-Amerika jew li jkollhom permess ta' residenza validu maħruġ minn Stat Membru, l-Andorra, il-Kanada, il-Ġappun, San Marino jew l-Istati Uniti tal-Amerika, huma eżentati mir-rekwiżit ta' viża għal tranżitu fl-ajruport. Għandu jiġi ċċarat li din l-eżenzjoni tapplika wkoll għal detenturi ta’ viżi validi jew permessi ta’ residenza maħruġa minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li ma jeħdux sehem fl-adozzjoni tar-Regolament preżenti u mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li għadhom mhux qed japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.

7. Fir-rigward tal-persuni fil-pusses ta’ viża valida, l-eżenzjoni għandha tapplika meta jivjaġġaw lejn il-pajjiż terz li jkun ħareġ il-viża jew lejn kwalunkwe pajjiż terz ieħor u meta jirritornaw mill-pajjiż li jkun ħareġ il-viża wara li jkunu użaw il-viża.

8. Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja fir-rigward tal-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[4], li jaqgħu fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim[5].

9. Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[6], li jaqa' fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE[7].

10. Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fit-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fiż-żona msemmja fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/KE[8].

11. F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, b’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi f’perjodu ta’ sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar ta’ dan ir-Regolament jekk hix ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

12. Dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-dispożizzjonijiet dwar l-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen[9]. Ir-Renju Unit għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu..

13. Dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[10]. Għalhekk l-Irlanda mhix qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhix marbuta bih u lanqas hija soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

14. Fir-rigward ta' Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta' Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003.

15. Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 3 (5) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, il-punti (b) u (c) għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“(b) ċittadini minn pajjiż terz fil-pusses ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li ma jiħux sehem fl-adozzjoni tar-Regolament preżenti jew minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li għadu mhux qed japplika d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, jew li jkun fil-pusses ta’ wieħed mill-permessi ta’ residenza validi elenkati fl-Anness V maħruġa mill-Andorra, il-Kanada, il-Ġappun, San Marino jew l-Istati Uniti tal-Amerika li jiggarantixxu r-riammissjoni mhux kondizzjonata tad-detentur;

(c) ċittadini minn pajjiż terz fil-pusses ta’ viża valida għal Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li ma jiħux sehem fl-adozzjoni tar-Regolament preżenti jew għal Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li għadu mhux qed japplika d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, il-Kanada, il-Ġappun jew l-Istati Uniti tal-Amerika, meta jivvjaġġaw lejn il-pajjiż li jkun ħareġ il-viża jew kwalunkwe pajjiż terz ieħor, jew wara li jkunu għamlu użu mill-viża dawn jirritornaw mill-pajjiż li jkun ħareġ il-viża;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-[ għoxrin ] jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Ghall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] Il-ĠU L 243 tal-15.9.09.

[2] C(2010)1620 finali

[3] Il-ĠU L 63 tat-13.3.1996, p. 8.

[4] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

[5] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

[6] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

[7] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

[8] ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19.

[9] ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

[10] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.