52011PC0496

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (UE) Nru 57/2011 u (KE) 754/2009 fir-rigward tal-protezzjoni tal-ispeċi "pixxiplamtu", ċerti TACs u ċerti limiti tal-isforz tas-sajd stabbiliti għar-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Irlanda /* KUMM/2011/0496 finali - 2011/0222 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 57/2011 jiffissa għall-2011 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għal bastimenti tal-UE, f'ċerti ilmijiet mhux tal-UE. Normalment, ir-Regolament jiġi emendat diversi drabi waqt il-perjodu li matulu jkun fis-seħħ.

Waħda mill-emendi proposti tirrigwarda l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ġestjoni għall-merluzz (Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008) dwar bastimenti esklużi jew inklużi fl-iskema tal-isforz. Parti minn din il-kwistjoni tiġi ttrattata fir-Regolament 57/2011 (limiti tal-isforz għal kull grupp ta' rkaptu fl-Anness IIA), iżda d-deċiżjoni li verament tirigwarda l-inklużjoni jew l-esklużjoni ta' gruppi ta' bastimenti skont l-iskema tal-isforz tal-pjan tiġi ttrattata fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 754/2009. Għalhekk, dan ir-regolament tal-aħħar jeħtieġ li jiġi emendat ukoll, u d-dispożizzjonijiet ta' emenda meħtieġa jinsabu f'din il-proposta.

2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Mhux applikabbli.

3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

L-emendi proposti huma:

1. Ir-Regolament (UE) Nru 57/2011 jirregola l-pixxiplamtu bħala speċi pprojbita fl-ilmijiet internazzjonali fl-Artikolu 8 (b'obbligu ta' rilaxx immedjat għal qabdiet aċċidentali) u bħala stokk b'qabdiet totali permessi (TAC) ta' 0 f'ċerti żoni tal-ICES tal-Atlantiku fl-Anness IA (bl-ebda dispożizzjoni rigward qabdiet aċċidentali). Din is-sitwazzjoni tirriżulta f'xi żoni fi ħdan l-ilmijiet tal-UE fejn il-pixxiplamtu jibqa' mhux irregolat, li jfisser illi l-qabdiet ma għandhomx restrizzjoni. Minħabba l-istatus ta' din l-ispeċi u d-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-possibbiltà li tiġi elenkata taħt il-konvenzjoni tas-CITES (Appendiċi III) jeħtieġ li tiġi implimentata protezzjoni konsistenti għal pixxiplamtu fiż-żoni kollha. Għal dan il-għan, il-proposta tipprevedi:

2. introduzzjoni ta' TAC ta' 0 għal pixxiplamtu fil-Mediterran (fl-Anness ID għar-Regolament). Dan jiżgura li ma tkun permessa l-ebda qabda fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri tal-Mediterran (l-ilmijiet lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali bħalissa huma koperti mill-projbizzjoni ġenerali fl-ilmijiet internazzjonali)

3. emenda tad-deskrizzjoni tat-TAC ta' 0 eżistenti fl-Anness IA biex tinkludi l-ilmijiet kollha tal-UE taż-żoni ICES u CECAF tal-Atlantiku, u

4. fiż-żewġ każijiet (a) u (b) imsemmija hawn fuq, dispożizzjoni għal obbligi konsistenti ta' rilaxx minnufih ta' qabdiet.

5. Il-pjan ta' ġestjoni għall-merluzz (Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008) jistabbilixxi skema tal-isforz għal dan l-istokk li hija bbażata fuq dejta regolari mibgħuta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries – STECF). Abbażi tal-parir tal-STCEF dwar dejta tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tista' mbagħad tipproponi li teskludi ċerti gruppi ta' bastimenti mill-iskema tal-isforz tas-sajd stabbilita fil-pjan tal-merluzz. Il-kundizzjoni essenzjali għal esklużjoni bħal din hija li l-bastimenti kkonċernati ma għandhomx jaqbdu aktar minn 1,5 % tal-merluzz. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull sena dwar bastimenti esklużi sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tivverifika (abbażi tal-parir tal-STECF) li l-limitu tal-qabdiet tal-merluzz ta' 1,5 % qed jinżamm. Għaldaqstant, il-pjan tal-merluzz jipprevedi li l-Kunsill għandu jerġa' jinkludi mill-ġdid il-bastimenti kkonċernati fl-iskema tal-isforz. F'dan ir-rigward, u b'segwitu tal-proċeduri stabbiliti fil-pjan tal-merluzz u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu, l-emenda proposta għar-Regolament (UE) Nru 57/2011 fiha:

6. L-esklużjoni ta' ċerti bastimenti Irlandiżi li joperaw fil-Punent tal-Iskozja u li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b'daqs tal-malja ugwali jew akbar minn 100 mm.

7. L-inklużjoni mill-ġdid ta' żewġ gruppi ta' bastimenti li jtajru bandiera Ġermaniża li sa issa kienu esklużi mill-iskema tal-isforz tal-pjan tal-merluzz.

8. L-inklużjoni mill-ġdid ta' żewġ gruppi ta' bastimenti li jtajru bandiera tar-Renju Unit sa issa kienu esklużi mill-iskema tal-isforz tal-pjan tal-merluzz.

9. L-emendi proposti jinkludu wkoll reviżjoni 'l fuq tat-TAC għall-merluzz tal-Baħar Ċeltiku għall-bqija tal-2011, fid-dawl tal-parir xjentifiku ġdid u mtejjeb tal-ICES u l-STECF, u l-inklużjoni ta' TAC ġdida għal haddock fi Svalbard (Baħar ta' Barents) bħat-TAC għall-haddock li diġà teżisti għall-istess żona. Il-kwota tal-UE għalissa mhix allokata lil Stati Membri, mingħajr preġudizzju għall-adozzjoni ta' kriterju ta' allokazzjoni għall-ġejjieni.

10. L-emenda timplimenta wkoll korrezzjoni teknika dwar l-ambitu tar-restrizzjoni temporanja tas-sajd fil-Porcupine Bank, jiġifieri l-Artikolu 13 tar-Regolament 57/2011. Billi dan l-Artikolu jsemmi l-ksampu fost l-istokkijiet koperti b'din ir-restrizzjoni, għandu jkun hemm kontra referenza fl-entrata tal-ksampu kkonċernata (Ksampu fiż-żona VII).

2011/0222 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (UE) Nru 57/2011 u (KE) 754/2009 fir-rigward tal-protezzjoni tal-ispeċi "pixxiplamtu", ċerti TACs u ċerti limiti tal-isforz tas-sajd stabbiliti għar-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Irlanda

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Europea[1],

Billi:

11. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 57/2011[2] jiffissa għall-2011 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għal bastimenti tal-UE, f'ċerti ilmijiet mhux tal-UE.

12. Il-valutazzjoni xjentifika tal-merluzz fil-Baħar Ċeltiku tjiebet, u kkonfermat li l-parir li fuqu hija bbażata it-TAC attwali, ta stima baxxa għas-sena ta' abbundanza tal-2009 u b'hekk iż-żieda dinamika fil-bijomassa għal dan l-istokk. Barra l-miżuri ġodda ta' għażla ppjanati mill-Kunsill Konsultattiv Reġjonali tal-Majjistral (North Western Regional Advisory Council – NWWRAC), li għandhom inaqqsu r-riskju għall-haddock u l-merlangu skartat f'dan is-sajd tal-merluzz, huwa xieraq li tiġi adattata t-TAC għall-merluzz fil-Baħar Ċeltiku skont il-parir xjentifiku ġdid għall-bqija tal-2011.

13. L-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 57/2011 jipprojbixxi s-sajd għall-pixxiplamtu fl-ilmijiet internazzjonali (b'obbligu ta' rilaxx minnufih ta' qabdiet aċċidentali). L-Anness IA għal dak ir-Regolament jiffissa l-qabdiet totali permessi għall-pixxiplamtu għal 0 tunnellati f'ċerti żoni tal-ICES (bl-ebda dispożizzjoni dwar qabdiet aċċidentali). Bħala riżultat ta' dan, f'ċerti żoni fl-ilmijiet tal-Unjoni ma hemmx restrizzjoni fuq il-qbid tal-pixxiplamtu. Minħabba l-istatus ta' din l-ispeċi u d-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-possibbiltà li tiġi elenkata taħt il-konvenzjoni tas-CITES (Appendiċi III) jeħtieġ li tiġi implimentata protezzjoni konsistenti għal pixxiplamtu fiż-żoni kollha.

14. Mill-1986, is-sajd tal-merluzz fl-ilmijiet internazzjonali taż-żoni I u IIa (Baħar ta' Barents) ġie sfruttat permezz ta' kwota awtonoma stabbilita mill-UE. Sabiex jinżamm l-approċċ konsistenti tal-UE lejn ġestjoni sostanibbli tas-sajd, għandha tiġi stabbilita kwota diretta għall-haddock fl-istess żona, li għandha tkopri wkoll qabdiet sekondarji fis-sajd tal-merluzz. Għandu jiġi stabbilit il-livell tal-kwota tal-UE għall-2011, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kriterju permanenti ta' allokazzjoni li jista' jiġi miftiehem fil-Kunsill għall-2012, u għandu jkun ibbażat fuq medja ta' 10 snin (mill-2001 sal-2010) tal-qabdiet tal-Istati Membri, bl-użu ta' dejta mibgħuta minn dawk l-Istati Membri b'rekord fis-sajd, jiġifieri Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Polonja, il-Portugall, Spanja u r-Renju Unit.

15. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 jistabbilixxi pjan għal perjodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet.

16. B'konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008, il-Kunsill jista’, abbażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri u vvalutata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF), jeskludi ċerti gruppi ta’ bastimenti mill-iskema tal-isforz tas-sajd stabbilit f'dak ir-Regolament, sakemm tkun disponibbli dejta adekwata dwar qabdiet u skart ta’ merluzz tal-bastimenti kkonċernati, il-perċentwal ta’ qabdiet ta’ merluzz ma jaqbiżx 1,5 % tal-qabdiet totali tal-grupp ta’ bastimenti u l-inklużjoni tal-grupp fl-iskema tal-isforz ikun jikkostitwixxi piż amministrattiv sproporzjonat għall-impatt ġenerali tiegħu fuq l-istokkijiet ta’ merluzz.

17. Abbażi ta' dak l-Artikolu 11, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 754/2009[3] eskluda ċerti gruppi ta’ bastimenti mill-iskema tal-isforz tas-sajd stabbilita fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008.

18. L-Irlanda tat informazzjoni dwar qabdiet tal-merluzz minn grupp ta' bastimenti li joperaw fil-Punent tal-Iskozja u li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b'daqs tal-malja ugwali għal 120 mm jew akbar b'pannelli ta' malja kwadra fiż-żona msemmija fil-punt 6.1 tal-Anness III għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 43/2009 u li jużaw malja ta' daqs ta' 100 mm fi bnadi oħra fil-Punent tal-Iskozja. Abbażi ta' dik l-informazzjoni, kif ivvalutat mill-STECF, jista' jiġi stabbilit li l-qabdiet tal-merluzz, inkluż l-iskart, minn dak il-grupp ta' bastimenti ma jaqbżux il-1,5 % tal-qabdiet totali tagħhom. Barra minn hekk, il-miżuri ta' kontroll u monitoraġġ fis-seħħ jiżguraw il-monitoraġġ u l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd ta' dak il-grupp ta' bastimenti. Fl-aħħarnett, l-inklużjoni fl-iskema tal-isforz tas-sajd ta' dak il-grupp tikkostitwixxi piż amministrattiv sproporzjonat għall-impatt ġenerali ta' dik l-inklużjoni fuq l-istokkijiet tal-merluzz. Għalhekk huwa xieraq li r-Regolament (KE) Nru 754/2009 jiġi emendat sabiex jeskludi dak il-grupp ta’ bastimenti mill-iskema tal-isforz tas-sajd stabbilita fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008. Il-limiti tal-isforz stabbiliti għall-Irlanda fir-Regolament (UE) Nru 57/2011 għandhom jiġu emendati skont dan.

19. Grupp ta' bastimenti mill-Ġermanja huwa attwalment eskluż mill-applikazzjoni tal-iskema tal-isforz tas-sajd stipulata fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008. Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Ġermanja fl-2011, l-STECF ma kienx f'pożizzjoni li jivvaluta jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008 baqgħux issodisfati fil-perjodu ta' ġestjoni tal-2010. Huwa għalhekk xieraq li dan il-grupp ta' bastimenti Ġermaniżi jerġa' jiddaħħal fl-iskema tal-isforz tas-sajd imsemmija hawn fuq. Ir-Regolament (KE) Nru 754/2009 għandu jiġi emendat skont dan.

20. Żewġ gruppi ta' bastimenti mir-Renju Unit huma attwalment esklużi mill-applikazzjoni tal-iskema tal-isforz tas-sajd stipulata fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008. Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mir-Renju Unit fl-2011, l-STECF ma kienx f'pożizzjoni li jivvaluta jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008 baqgħux issodisfati fil-perjodu ta' ġestjoni tal-2010. Huwa għalhekk xieraq li dawn iż-żewġ gruppi ta' bastimenti mir-Renju Unit jerġgħu jiddaħħlu fl-iskema tal-isforz tas-sajd imsemmija hawn fuq. Ir-Regolament (KE) Nru 754/2009 għandu jiġi emendat skont dan.

21. Ir-Regolament (UE) Nru 57/2011 japplika, b'mod ġenerali, mill-1 ta’ Jannar 2011. Iżda l-limiti tal-isforzi tas-sajd stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 57/2011 japplikaw għal perjodu ta’ sena li jibda mill-1 ta’ Frar 2011. B'riżultat ta' dan, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar il-limiti u l-allokazzjonijiet tal-qabdiet għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2011 u d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar il-limiti tal-isforz tas-sajd għandhom japplikaw mill-1 ta' Frar 2011. Tali applikazzjoni retroattiva ma tippreġudikax il-prinċipju taċ-ċertezza legali peress li l-opportunitajiet tas-sajd ikkonċernati għadhom ma ġewx eżawriti. Billi modifikazzjonijiet fl-iskemi tal-isforz għandhom effett dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi tal-flotot ikkonċernati, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Emenda tar-Regolament (UE) Nru 57/2011

Ir-Regolament (UE) Nru 57/2011 huwa emendat kif ġej:

22. Fl-Anness IA, l-entrata għall-merluzz taż-żoni VIIb, VIIc, VIIe-k, VIII, IX u X; Ilmijiet tal-UE ta' CECAF 34.1.1 tinbidel b'li ġej:

"Speċi: | Merluzz Gadus morhua | Żona: | VIIb, VIIc, VIIe-k, VIII, IX u X; Ilmijiet tal-UE ta' CECAF 34.1.1 (COD/7XAD34) |

Il-Belġju | 240 | TAC Analitika Japplika l-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament. |

Franza | 3 934 |

L-Irlanda | 780 |

Il-Pajjiżi l-Baxxi | 1 |

Ir-Renju Unit | 424 |

UE | 5 379 |

TAC | 5 379" |

23. Fl-Anness IA, l-entrata għall-pixxiplamtu fl-UE u l-ilmijiet internazzjonali taż-żoni III, IV, V, VI, VII, VIII, IX, X u XII tinbidel b'li ġej:

“Speċi”: | Pixxiplamtu Lamna nasus | Żona: | Ilmijiet tal-Gujana Franċiża, Kattegat; Ilmijiet tal-UE ta' Skagerrak, taż-żoni I, II, III, IV, V, VI, VII, VIII, IX, X, XII u XIV; Ilmijiet tal-UE ta' CECAF 34.1.1, 34.1.2 u 34.2 (POR/3-1234) |

Id-Danimarka | 0 | (1) | TAC Analitika |

Franza | 0 | (1) |

Il-Ġermanja | 0 | (1) |

L-Irlanda | 0 | (1) |

Spanja | 0 | (1) |

Ir-Renju Unit | 0 | (1) |

UE | 0 | (1) |

0 | (1) |

TAC | 0 | (1) |

(1) Il-qabdiet ta' din l-ispeċi għandhom jiġu rilaxxati minnufih mingħajr ma ssirilhom ħsara sa fejn hu prattiku." |

24. Fl-Anness IA, tiddaħħal entrata ġdida għall-Haddock taż-żoni I u IIb kif ġej:

"Speċi: | Haddock Melanogrammus aeglefinus | Żona: | I u IIb HAD/1/2B. |

UE | 5 121 | (1) (2) | TAC Analitika L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax |

TAC | Mhux rilevanti |

(1) Ħlief l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Isvezja. (2) L-allokazzjoni tal-parti tal-istokk tal-haddock disponibbli għall-Unjoni fiż-żona Spitzbergen u l-Gżira Bear hija totalment mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi li ġejjin mit-Trattat ta' Pariġi tal-1920." |

25. Fl-Anness IA, l-entrata għall-ksampju taż-żona VII tinbidel b'dan li ġej:

"Speċi: | Ksampu Nephrops norvegicus | Żona: | VII (NEP/07.) |

Spanja | 1 306 | (1) | TAC Analitika Japplika l-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament |

Franza | 5 291 | (1) |

L-Irlanda | 8 025 | (1) |

Ir-Renju Unit | 7 137 | (1) |

UE | 21 759 | (1) |

TAC | 21 759 | (1) |

(1) Li minnhom ma jistgħux jittieħdu aktar mill-kwoti li ġejjin fiż-żona VII (Porcupine Bank – Unità 16) (NEP/*07U16): |

Spanja | 377 |

Franza | 241 |

L-Irlanda | 454 |

Ir-Renju Unit | 188 |

UE | 1 260" |

26. L-entrata li ġejja tiżdied mal-Anness ID:

“Speċi: | Pixxiplamtu Lamna nasus | Żona: | Mediterran (POR/AE045W) |

UE | 0 | (1) |

TAC | 0 | (1) |

(1) Il-qabdiet ta' din l-ispeċi għandhom jiġu rilaxxati minnufih mingħajr ma ssirilhom ħsara sa fejn hu prattiku." |

27. L-Appendiċi 1 għall-Anness IIA huwa emendat kif ġej:

28. Fit-tabella (b), il-kolonna li tikkonċerna l-Ġermanja (DE) tinbidel b’dan li ġej:

Irkaptu rregolat | "DE |

TR1 | 1 166 735 |

TR2 | 436 666 |

TR3 | 257 |

BT1 | 29 271 |

BT2 | 1 525 679 |

GN | 224 484 |

GT | 467 |

LL | 0” |

29. Fit-tabella (d), il-kolonni li jikkonċernaw il-Ġermanja (DE), l-Irlanda (IE) u r-Renju Unit (UK) huma sostitwiti b’dan li ġej:

Irkaptu rregolat | "DE | IE | UK |

TR1 | 12 427 | 107 088 | 1 377 697 |

TR2 | 0 | 479 043 | 3 914 022 |

TR3 | 0 | 273 | 16 027 |

BT1 | 0 | 0 | 117 544 |

BT2 | 0 | 3 801 | 4 626 |

GN | 35 442 | 5 697 | 213 454 |

GT | 0 | 1 953 | 145 |

LL | 0 | 4 250 | 630 040" |

Artikolu 2 Emenda għar-Regolament (UE) Nru 754/2009

Fir-Regolament (KE) Nru 754/2009, l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a) jitħassru l-punti (c), (d) u (f);

(b) jiżdied il-punt (h) li ġej:

"(h) il-grupp ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Irlanda, u li jipparteċipaw fis-sajd indikat fit-talba mill-Irlanda bid-data 11 ta' Marzu 2011, u li joperaw fil-Punent tal-Iskozja u li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b'daqs tal-malja ugwali għal 120 mm jew akbar b'pannelli ta' malja kwadra fiż-żona msemmija fil-punt 6.1 tal-Anness III għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 43/2009 u li jużaw malja ta' daqs ta' 100 mm fi bnadi oħra fil-Punent tal-Iskozja."

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

L-Artikolu 1(1), (2), (3), (4) u (5) għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2011.

L-Artikolu 1(6) u l-Artikolu 2 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Frar 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] GĦANDHOM JIDDAĦĦLU R-REFERENZI

[2] Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 57/2011 tat-18 ta' Jannar 2011 li jiffissa għall-2011 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għal bastimenti tal-UE, f'ċerti ilmijiet mhux tal-UE, ĠU L 24, 27.1.2011, p. 1-125

[3] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 754/2009 tas-27 ta' Lulju 2009 li jeskludi ċerti gruppi ta’ bastimenti mir-reġim (mill-iskema) tal-isforz tas-sajd stabbilita fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1342/2008, ĠU L 214, 19.8.2009, p. 16–17