Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jġib fi tmiem ir-reviżjoni tal-iskadenza u r-reviżjoni parzjali interim tal-miżuri kontra d-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina /* KUMM/2011/0467 finali - 2011/0205 (NLE) */
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA - Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ("ir-Regolament bażiku") fil-proċediment li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. - Kuntest ġenerali Din il-proposta qed issir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta’ investigazzjoni li saret skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku. - Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1212/2005 tal-25 ta’ Lulju 2005 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 500/2009. - Il-konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni Mhux applikabbli. 2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT - Konsultazzjoni mal-partijiet interessati Il-partijiet interessati kkonċernati mill-proċedura kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. - Il-ġbir u l-użu ta’ kompetenza Ma kien hemm l-ebda ħtieġa għal parir espert estern. - Valutazzjoni tal-impatt Din il-proposta hija r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma fihx dispożizzjonijiet għal valutazzjoni ġenerali tal-impatt iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jeħtieġ li jiġu vvalutati. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA - Taqsira tal-azzjoni proposta Fis-27 ta' Lulju 2010, il-Kummissjoni tat bidu għal reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri kontra d-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. It-talba tressqet minn Eurofonte, li aġixxiet f'isem sebgħa mill-membri tagħha, u minn Fundiciones de Odena ("l-applikanti") f'isem produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ aktar minn 25 % tal-produzzjoni tal-Unjoni ta' ċerti prodotti tal-ħadid fondut. L-iskop ta' din l-investigazzjoni kien li jiġi eżaminat jekk l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx tirriżulta fl-issoktar jew ir-rikorrenza tad-dumping u r-rikorrenza tal-ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Fl-1 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni ħabbret ukoll il-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali tal-miżuri fis-seħħ. It-talba tressqet minn Shandong Lulong Group Co. Ltd, produttur esportatur mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. L-ambitu tar-reviżjoni kien limitat għall-eżaminar tad-dumping sa fejn għandha x'taqsam Shandong Lulong Group Co. Ltd. Matul l-investigazzjoni tar-reviżjoni tal-iskadenza, l-applikanti rtiraw formalment it-talba tagħhom għal reviżjoni tal-iskadenza. Wara dan l-irtirar, il-Kummissjoni ma identifikatx argumenti li jissuġġerixxu li l-interessi tal-Unjoni jistgħu jiġġustifikaw l-issuktar tal-investigazzjonijiet tar-reviżjoni tal-iskadenza u r-reviżjoni interim parzjali u għalhekk tissuġġerixxi li l-investigazzjonijiet jiġu mwaqqfa u li l-miżuri jiġu revokati. Għalhekk, qed jiġi propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament li għandu jiġi ppubblikat f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kemm jista' jkun malajr u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mis-26 ta' Ottubru 2011. - Bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea. - Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà, għaldaqstant, ma japplikax. - Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipji tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin: Il-forma tal-azzjoni hija deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma hemm l-ebda skop għal deċiżjoni nazzjonali. L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq l-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini għandu jiġi minimizzat u proporzjonat għall-għan tal-proposta ma tapplikax. - L-għażla tal-istrumenti L-istrumenti proposti: regolament. Mezzi oħrajn ma jkunux xierqa minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet alternattivi. 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. 2011/0205 (NLE) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jġib fi tmiem ir-reviżjoni tal-iskadenza u r-reviżjoni parzjali interim tal-miżuri kontra d-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1]a ("ir-Regolament bażiku") u b'mod partikolari l-Artikoli 9 u 11(2), (3), (5) u (6) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea ("il-Kummissjoni") wara li kkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv, Billi: 1. IL-PROĊEDURA 2. Miżuri fis-seħħ 3. Wara li twettqet investigazzjoni ta' kontra d-dumping skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1212/2005[2], impona dazju kontra d-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Dan ir-Regolament ġie emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 500/2009[3]. 4. Ir-rati tas-dazju individwali kienu jvarjaw bejn 0 % sa 37,9 % skont il-manifattur tal-prodott ikkonċernat, u l-livell tad-dazju ta’ residwu kien stabbilit għal 47,8 %. 5. It-talbiet għal reviżjonijiet 6. Wara l-pubblikazzjoni ta' avviż dwar l-iskadenza imminenti ta' ċerti miżuri kontra d-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina[4], fil-25 ta’ Marzu 2010 l-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku u, fid-29 ta’ April 2010, irċeviet talba oħra għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. 7. It-talba skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku tressqet minn Eurofonte, li aġixxiet f'isem sebgħa mill-membri tagħha, u minn Fundiciones de Odena ("l-applikanti") f'isem produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ aktar minn 25 % tal-produzzjoni tal-Unjoni ta' ċerti prodotti tal-ħadid fondut. 8. It-talba kienet tinkludi evidenza prima facie li turi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx li tirriżulta fl-issuktar jew ir-rikorrenza tad-dumping u l-ħsara lill-industrija tal-Unjoni. 9. It-talba skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku tressqet minn Shandong Lulong Group Co. Ltd, produttur esportatur mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. L-ambitu tar-reviżjoni kien limitat għall-eżaminar tad-dumping sa fejn għandha x'taqsam Shandong Lulong Group Co. Ltd. 10. Tnedijiet 11. Għaldaqstant, wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ tnedija f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea[5] ta’ reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri kontra d-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta’ ċerti prodotti tal-ħadid fondut li bħalissa għandhom il-kodiċijiet tan-NM 7325 10 50, 7325 10 92, ex 7325 10 99 (kodiċi TARIC 7325 10 99 10), u ex 7325 99 10 (kodiċi TARIC 7325 99 10 10), u li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. 12. Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-produtturi esportaturi, lill-importaturi kkonċernati, lir-rappreżentanti tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-utenti rappreżentattivi u lill-produtturi tal-Unjoni dwar il-bidu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni tal-iskadenza. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż tat-tnedija. 13. F’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea[6] l-Kummissjoni ppubblikat ukoll avviż tat-tnedija ta’ reviżjoni interim parzjali tal-miżuri kontra d-dumping imsemmija fil-premessa (7), bl-ambitu tagħha limitat għall-eżaminar tad-dumping sa fejn għandha x’taqsam Shandong Lulong Group Co. Ltd. 14. IRTIRAR TAT-TALBA GĦAL REVIŻJONI TAL-ISKADENZA 15. Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ġunju 2011 indirizzata lill-Kummissjoni, l-applikanti formalment irtiraw it-talba tagħhom. Fl-ittra tagħhom l-applikanti argumentaw li fil-fehma tagħhom minħabba l-volatilità tal-parametri ekonomiċi relevanti, ma jistax jiġi eskluż iktar dumping ta’ ħsara fil-futur. F’dawk iċ-ċirkostanzi, huma ħassew li żieda qawwija fl-importazzjonijiet Ċiniżi tista' titfa' d-dubji fuq il-vijabilità tal-industrija tal-Unjoni u, minħabba f’hekk, l-applikanti huma tal-fehma li l-Kummissjoni għandha timmonitorja b’mod attiv l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat u tkun lesta tiftaħ proċediment ġdid f’qasir żmien. 16. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-suq tal-prodotti tal-ħadid fondut għadda minn tibdil kbir f'din l-aħħar sena, partikolarment minħabba l-kriżi ekonomika riċenti li kellha impatt kbir fuq l-industrija tal-bini u rriżultat fi tnaqqis tal-infiq pubbliku għall-proġetti infrastrutturali. Dan ikkawża tnaqqis ġenerali fid-domanda, inkluż għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-ħadid fondut. Billi mhuwiex ċar kif se jiżviluppa s-suq fit-terminu l-qasir/medju, ma jistax jiġi eskluż kompletament li mhux se jerġa' jkun hemm dumping ta’ ħsara. Għalhekk, tqies li jkun xieraq jekk l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jiġu mmonitorjati. Il-perjodu ta’ monitoraġġ ma għandux ikun iktar minn 24 xahar mill-pubblikazzjoni tat-tmiem tal-proċediment preżenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma teskludix il-ftuħ ta’ investigazzjoni ġdida dwar l-istess prodott jekk u meta tiġi pprovduta evidenza li turi dumping ta’ ħsara, skont ir-rekwiżiti tar-Regolament bażiku. 17. Skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, proċediment jista’ jintemm meta tiġi rtirata t-talba għal reviżjoni, sakemm dan it-tmiem ikun fl-interess tal-Unjoni. 18. Tqies li l-proċediment preżenti għandu jintemm billi l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda fatt li juri li tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b'dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Madankollu, ma waslux kummenti li setgħu jwasslu għal konklużjoni differenti. 19. Għalhekk, ġie konkluż li l-proċediment tar-reviżjoni tal-iskadenza kontra d-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerti prodotti tal-ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandu jintemm u l-miżuri eżistenti għandhom jiġu rrevokati. 20. B’konsegwenza ta' dan, ġie konkluż li r-reviżjoni interim parzjali li l-ambitu tagħha kien limitat għall-eżaminar tad-dumping sa fejn għandha x’taqsam Shandong Lulong Group Co. Ltd, għandha tintemm ukoll, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-reviżjoni tal-iskadenza u r-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri kontra d-dumping għall-importazzjonijiet tal-prodotti tal-ħadid fondut ta’ ħadid fondut mhux malleabbli u ħadid fondut tal-grafita sferojdali (ħadid duttili) tat-tip li jintuża biex jgħatti s-sistemi fl-art jew taħt l-art jew jagħti aċċess għalihom, u partijiet tiegħu, sew jekk maħdumin bil-magna u sew jekk le, miksija jew miżbugħa jew mgħammra b’materjali oħrajn, minbarra l-idranti tan-nar, li bħalissa għandhom il-kodiċijiet tan-NM 7325 10 50, 7325 10 92, ex 7325 10 99 (il-kodiċi TARIC 7325 10 99 10) u ex 7325 99 10 (il-kodiċi TARIC 7325 99 10 10), u li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huma b’dan itterminati u l-miżuri revokati. Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell fi Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51. [2] ĠU L 199, 29.7.2005, p. 1. [3] ĠU L 151, 16.6.2009, p. 6. [4] ĠU C 72, 20.3.2010, p. 11. [5] ĠU C 203, 27.7.2010, p. 2. [6] ĠU C 324, 1.12.2010, p. 21