52011PC0446

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) /* KUMM/2011/0446 finali - 2011/0193 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Sfond

L-Islanda u l-Montenegro

Il-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010, fil-konklużjonijiet tiegħu, innota li l-Islanda tilħaq il-kriterji politiċi stabbiliti fil-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen fl-1993 u laqa’ l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Islanda għas-sħubija fl-UE. Abbażi ta’ dawn, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jiftaħ in-negozjati mal-Islanda. Għalhekk l-Islanda hi pajjiż kandidat.

Il-Kunsill Ewropew tas-16-17 ta’ Diċembru 2010 approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar it-tkabbir u ġie maqbul li l-Montenegro jingħata l-istatus ta’ pajjiż kandidat.

Għalhekk il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill u lill-Parlament li ssir emenda fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) bil-għan li l-Islanda u l-Montenegro jiġu trasferiti mil-lista ta’ pajjiżi kandidati potenzjali (Anness II) għal-lista ta’ pajjiżi kandidati (Anness I).

L-Artikolu 19

Il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill u lill-Parlament emenda tal-Artikolu 19 “Regoli tal-parteċipazzjoni u oriġini, eliġibbiltà għal għotjiet” tar-Regolament tal-IPA (KE) Nru 1085/2006 sabiex jiġu allinjati d-dispożizzjonijiet tiegħu ma' dawk tal-Artikolu 21 "Parteċipazzjoni f'tenders u kuntratti” tar-Regolament tal-ENPI (KE) Nru 1638/2006.

Din l-emenda tindirizza t-tħassib tal-Istati Membri tal-UE involuti fil-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali (CBC) tal-IPA, fir-rigward tal-parteċipazzjoni f’sejħiet għall-proposti. L-Istati Membri talbu biex il-parteċipazzjoni f’sejħiet għall-proposti tkun limitata għall-applikanti mill-pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali tal-IPA, bħalma diġà huwa l-każ għall-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali tal-ENPI. Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tipproponi soluzzjoni possibbli mal-ewwel opportunità.

Il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tal-implikazzjonijiet possibbli ta’ reviżjoni tal-Artikolu 19, b’mod partikolari fir-rigward tal-koerenza ma’ strumenti oħra ta’ għajnuna esterna, u b’mod speċifiku mal-ENPI li jinkludi wkoll komponent ta' kooperazzjoni transkonfinali. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Artikolu 19 jiġi allinjat mal-Artikolu 21 tar-Regolament tal-ENPI (KE) Nru 1638/2006 billi jiddaħħal paragrafu 9 ġdid li, meta wieħed iqis in-natura lokali tal-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali, dan ikun jippermetti biex il-parteċipazzjoni f'sejħiet għall-proposti tiġi limitata għall-atturi lokali.

L-assistenza lill-komunità Turko-Ċiprijotta u l-kumitat ta’ ġestjoni tal-IPA

Il-Kummissjoni tipproponi li ssir emenda tar-Regolament tal-IPA bil-għan li l-kumitat tal-Phare jitkompla jitħalla jassisti lill-Kummissjoni fil-ġestjoni tal-assistenza finanzjarja lill-Komunità Turko-Ċiprijotta, skont ir-Regolament (KE) Nru 389/2006 dwar l-assistenza għall-komunità Turko-Ċiprijotta.

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Regolament (UE) Nru 540/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2010 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA)([1]).

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 tat-12 ta' Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA)([2]).

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2667/2000 tal-5 ta’ Diċembru 2000 dwar l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni([3]).

Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni

Il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tal-imlikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn reviżjoni tal-Artikolu 19 fir-rigward ta’ żewġ aspetti:

1) Valutazzjoni tal-konsistenza mar-Regolament 2112/2005 (l-hekk imsejjaħ “ir-Regolament dwar it-tneħħija ta’ rbit”)

2) Koerenza ma’ strumenti oħra ta’ għajnuna esterna.

B’riżultat tal-valutazzjoni, ġie konkluż li l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-IPA (KE) Nru 1085/2006 għandu jiġi allinjat mal-Artikolu 21 “Parteċipazzjoni f'tenders u kuntratti” tar-Regolament tal-ENPI (KE) Nru 1638/2006 billi jiddaħħal paragrafu 9 ġdid fir-Regolament tal-IPA.

2. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u ġbir u użu ta' għarfien espert

Il-Kummissjoni għamlet konsultazzjoni interna. Ma kienx hemm ħtieġa ta’ esperti esterni.

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli.

3. Elementi legali tal-proposta

Sommarju tal-azzjoni proposta: tliet emendi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA).

I.            L-Islanda u l-Montenegro se jiġu trasferiti mill-lista ta’ pajjiżi kandidati potenzjali (Anness II) għall-lista ta’ pajjiżi kandidati (Anness I), skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew.

II.           Paragrafu 9 ġdid għandu jiżdied mal-Artikolu 19.

III.          Fl-Artikolu 25 paragrafu 1, it-tieni subparagrafu għandu jiġi modifikat.

Bażi legali

L-Artikolu 212 (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Mhux applikabbli.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Mhux applikabbli.

Għażla ta’ strumenti

Strument propost: emenda għar-Regolament tal-Kunsill. Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni li ġejja: Regolament irid jiġi emendat b’Regolament.

4. Implikazzjonijiet baġitarji

Din il-miżura ma tinvolvi l-ebda nefqa addizzjonali.

5. Informazzjoni addizzjonali

Simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

2011/0193 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea ([4]),

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta Lulju 2006 ([5]) li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni jipprovdi għal għajnuna għall-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali fl-allinjament progressiv tagħhom mal-istandards u l-politika tal-Unjoni, inkluż, fejn xieraq, l-acquis tal-UE, bil-ħsieb li dawn ikunu jistgħu jaslu għas-sħubija.

(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 jagħmel distinzjoni ċara bejn pajjiżi kandidati u pajjiżi potenzjalment kandidati.

(3) Il-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 laqa’ l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Islanda għas-sħubija fl-Unjoni, innota li l-Islanda tilħaq il-kriterji politiċi stabbiliti fil-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen fl-1993 u ddeċieda li jiftaħ in-negozzjati ta’ adeżjoni mal-Islanda. Għalhekk l-Islanda hi pajjiż kandidat.

(4) Il-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2010 approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2010 dwar it-tkabbir u ġie maqbul li l-Montenegro jingħata l-istatus ta’ pajjiż kandidat.

(5) Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex tipproponi emenda fl-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 bil-għan li jiġu ċċarati r-regoli rigward il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta’ għotjiet iffinanzjati skont il-komponent ta’ Kooperazzjoni Transkonfinali tal-IPA u tkun żġurata l-koerenza ma’ strumenti oħra ta’ għajnuna esterna u b’mod partikolari mal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija.

(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2667/2000 dwar l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni([6]), jaħtar lill-kumitat kif provdut fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3906/89 tat-18 ta’ Diċembru 1989([7]) (il-“Kumitat Phare”) biex jassisti lill-Kummissjoni fil-ġestjoni tal-assistenza għall-komunità Turko-Ċiprijotta. Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1085/2006, ir-Regolament (KEE) Nru 3906/89 ġie mħassar, madankollu xorta jibqa’ japplika għal atti legali u impenji li jimplimentaw is-snin tal-baġit ta' qabel l-2007. Peress li r-Regolament (KE) Nru 389/2006 jibqa’ l-att bażiku għas-sostenn finanzjarju għall-komunità Turko-Ċiprijotta wara dawn is-snin tal-baġit, il-kumitat Phare għandu jitkompla wkoll għal dak il-għan.

(7) Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006 għandu b'dan jiġi emendat kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 19, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

"9. Il-paragrafi 1 sa 8 huma bla preġudizzju għall-parteċipazzjoni ta' kategoriji ta' organizzazzjonijiet eliġibbli skont in-natura jew il-lokalità tagħhom fir-rigward tal-objettivi tal-azzjoni.”

(2) Fl-Artikolu 25 paragrafu 1, it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Dawn ir-Regolamenti, kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 2666/2000, għandhom ikomplu japplikaw għal atti legali u impenji li jimplimentaw is-snin tal-baġit ta' qabel l-2007, u għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 31 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hi bbażata l-Unjoni Ewropea(*) u għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006(**).

______________________________

*ĠU L 157, 21.6.2005, p. 203.

**ĠU L 65, 7.3.2006, p. 5.”

(3) Fl-Anness I, l-iskrizzjonijiet li ġejjin għandhom jiddaħħlu wara l-iskrizzjoni dwar il-Kroazja:

"— Islanda

— Montenegro".

(4) Fl-Anness II, l-iskrizzjonijiet li ġejjin huma mħassra:

"— Islanda

— Montenegro".

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

([1])            ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.

([2])            ĠU L 170, 29.6.2007, p. 1

([3])            ĠU L 65, 7.3.2006, p. 5.

([4])            ĠU C , , p. .

([5])            ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.

([6])            ĠU L 65, 7.3.2006, p. 5.

([7])            ĠU L 375, 23.12.1989, p. 11.