52011PC0435

/* KUMM/2011/0435 finali - 2011/0188 (NLE) */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar is-Sikurezza tal-Persuni Mixjin fit-Triq u fir-rigward tal-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar is-sorsi tad-dawl minn Dijodu li Jemmetti d-Dawl (LED) flimkien mal-corrigenda tagħhom


2011/0188 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar is-Sikurezza tal-Persuni Mixjin fit-Triq u fir-rigward tal-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar is-sorsi tad-dawl minn Dijodu li Jemmetti d-Dawl (LED) flimkien mal-corrigenda tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE tas-27 ta' Novembru 1997 bil-ħsieb tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li tikkonċerna l-addozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet liema jistgħu ikunu iffittjati ma' u/jew ikunu użati ma' vetturi bir-roti u l-kondizzjonijet reċiproċi tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta' dawn il-preskrizzjonijet (Ftehim Rivedut tal-1958)[1], u b'mod partikolari t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Billi:

1. Ir-rekwiżiti standard tal-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE) dwar id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta' vetturi fir-rigward tas-Sikurezza tal-Persuni Mixjin fit-Triq[3] u l-abbozz tar-Regolament tal-UNECE dwar id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta' vetturi fir-rigward tas-sorsi tad-dawl minn Dijodu li Jemmetti d-Dawl (LED)[4] huma maħsuba li jneħħu l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ tal-vetturi bil-mutur bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim Rivedut tal-1958 u jiżguraw li tali vetturi jkunu joffru livell għoli ta' sikurezza u protezzzjoni.

2. Jixraq li l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea rigward l-abbozzi tar-Regolamenti msemmija tiġi ddefinita, u b'konsegwenza ta' dan issir proviżjoni għall-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, biex tivvota favur dawn l-abbozzi.

3. Il-Kummissjoni Ewropea tqis li l-abbozzi tar-Regolamenti dwar is-Sikurezza tal-Persuni Mixjin fit-Triq u dwar is-sorsi tad-dawl minn Dijodu li Jemmetti d-Dawl (LED) għandhom jiġu inkorporati fis-sistema tal-Unjoni Ewropea għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-abbozz tar-Regolament tal-UNECE dwar is-Sikurezza tal-Persuni Mixjin fit-Triq, kif jidher fid-dokument ECE TRANS/WP.29/2010/127 huwa b'dan approvat.

Artikolu 2

L-abbozz tar-Regolament tal-UNECE dwar is-sorsi tad-dawl minn Dijodu li Jemmetti d-Dawl (LED), kif jidher fid-dokument ECE TRANS/WP.29/2010/44 huwa b'dan approvat.

Artikolu 3

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, se tivvota favur l-abbozzi tar-Regolamenti tal-UNECE msemmija fl-Artikoli 1 u 2 f'laqgħa fil-ġejjieni tal-Kumitat Amministrattiv tal-Forum Dinji tal-UNECE għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-vetturi.

Artikolu 4

B'referenza għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 35 u 36 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, l-ekwivalenza tar-rekwiżiti tal-abbozz tar-Regolament tal-UNECE dwar is-Sikurezza tal-Persuni Mixjin fit-Triq u dawk stipulati fil-paragrafi 3.1, 3.3, 3.4, 3.5 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 78/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-ħarsien tal-persuni mixjin u ta’ utenti vulnerabbli oħra tat-triq[5], għandha tiġi rikonoxxuta.

Artikolu 5

L-abbozzi tar-Regolamenti tal-UNECE dwar is-Sikurezza tal-Persuni Mixjin fit-Triq u s-sorsi tad-dawl minn Dijodu li Jemmetti d-Dawl (LED) għandhom isiru parti mis-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni Ewropea għall-vetturi bil-mutur.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78.

[2] ĠU (…) (għadu mhux ippubblikat).

[3] Dokument tal-UNECE ECE TRANS/WP.29/2010/127.

[4] Dokument tal-UNECE ECE TRANS/WP.29/2010/44.

[5] ĠU L 35, 4.2.2009, p. 1.