WERREJ: PARTI I – QAFAS FINANZJARJU U STRUMENTI SPEĊJALI 3 A. DISPOżIZZJONIJIET MARBUTA MAL-QAFAS FINANZJARJU 3 B. DISPOżIZZJONIJIET MARBUTA MAL-ISTRUMENTI SPEċJALI LI MHUMIEX INKLUżI FIL-QAFAS FINANZJARJU 3 B.1. Riżerva għal Għajnuna ta’ Emerġenza 3 B.2. Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 4 B.3. Strument ta’ Flessibbiltà 4 B.4. Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni 5 B.5. Riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu 5 B.6. Marġini ta' Kontinġenza 6 PARTI II – TITJIB FIL-KOLLABORAZZJONI INTERISTITUZZJONALI DWAR MATERJI MARBUTA MAL-BAĠIT 7 A. IL-PROċEDURA TA’ KOLLABORAZZJONI INTERISTITUZZJONALI 7 B. INKORPORAZZJONIJIET TA’ DISPOżIZZJONIJIET FINANZJARJI FL-ATTI LEġIżLATTIVI 7 C. NEFQA MARBUTA MA’ FTEHIM FIL-QASAM TAS-SAJD 8 D. IFFINANZJAR TAL-POLITIKA ESTERA U TA’ SIGURTÀ KOMUNI (PESK) 8 E. INVOLVIMENT TAL-ISTITUZZJONIJIET FIR-RIGWARD TAL-KWISTJONIJIET TAL-POLITIKA TAL-IżVILUPP U TAL-FOND EWROPEW GħALL-IżVILUPP 10 F. KOOPERAZZJONI BEJN L-ISTITUZZJONIJIET FIL-PROċEDURA TAL-BAġIT GħALL-EżEKUZZJONI TAN-NEFQA AMMINISTRATTIVA 10 PARTI III – ĠESTJONI FINANZJARJA SODA TAL-FONDI TAL-UE 11 A. IPPROGRAMMAR FINANZJARJU 11 B. SKEJJEL EWROPEJ U AġENZIJI 12 ANNESS - KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI WAQT IL-PROĊEDURA TAL-BAĠIT 13 Parti A. Kalendarju għall-proċedura tal-baġit 13 Parti B. Prijoritajiet għall-Proċedura tal-Baġit 13 Parti Ċ. L-istabbiliment tal-Abbozz tal-Baġit u l-Aġġornar tal-Istimi 13 Parti D. Proċedura tal-Baġit qabel ir-Rikonċiljazzjoni 14 Parti E. Proċess ta’ konċiljazzjoni 15 Parti F. Baġits ta’ emenda 17 Abbozz Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar kooperazzjoni f’materji marbuta mal-baġit fir-rigward ta’ ġestjoni finanzjarja soda IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U L-KUMMISSJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa l-istituzzjonijiet, FTIEHMU DAN LI ĠEJ 1. L-għan ta’ dan il-Ftehim adottat skont l-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem "TFUE") hu li jitjieb il-funzjonament tal-proċedura baġitarja annwali u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fir-rigward ta’ materji marbuta mal-baġit. 2. Il-Ftehim jorbot lill-istituzzjonijiet kollha sakemm jibqa’ fis-seħħ. 3. Dan il-Ftehim ma jibdilx il-poteri rispettivi li l-istituzzjonijiet għandhom fuq il-baġit kif stabbilit fit-Trattati, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru .../201x li jistabbilixxi l-Qafas Finanzjarju Multiannwali għas-snin 2014-20xx[1] (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-Regolament QFM) u fir-Regolament (EU) Nru /201x tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-Regolament Finanzjarju (RF))[2]. 4. Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim teħtieġ il-kunsens tal-istituzzjonijiet kollha. 5. Dan il-Ftehim jinqasam fi tliet partijiet: 6. L-Ewwel Parti tikkonsisti f’dispożizzjonijiet komplementari marbuta mal-qafas finanzjarju multiannwali u f’dispożizzjoni dwar strumenti speċjali li mhumiex inklużi fil-qafas finanzjarju. 7. It-Tieni Parti tirrigwarda l-kollaborazzjoni interistituzzjonali matul il-proċedura tal-baġit. 8. It-Tielet Parti tikkonsisti f’dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja soda tal-fondi tal-UE. 9. Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fl-istess jum meta jidħol fis-seħħ ir-Regolament QFM u jissostitwixxi l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[3]. PARTI I – QAFAS FINANZJARJU u STRUMENTI SPEĊJALI A. DISPOżIZZJONIJIET MARBUTA MAL-QAFAS FINANZJARJU 10. Informazzjoni dwar l-operazzjonijiet li mhumiex inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-iżvilupp prevedibbli tad-diversi kategoriji tar-riżorsi proprji tal-Unjoni tinsab f’tabelli separati permezz ta’ indikazzjonijiet. Din l-informazzjoni tiġi aġġornata kull sena flimkien mad-dokumenti mehmuża mal-abbozz tal-baġit. 11. Ħlief għas-sotto-limitu massimu tal-koeżjoni Ekonomika, soċjali u territorjali tal-qafas finanzjarju, għall-għanijiet ta’ ġestjoni finanzjarja soda, l-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw kemm jista’ jkun li matul il-proċedura tal-baġit u fi żmien l-adozzjoni tiegħu, jitħallew disponibbli marġni biżżejjed taħt il-livelli massimi għad-diversi intestaturi. Aġġornar tat-tbassir għall-ħlasijiet tal-approprjazzjonijiet għal wara l-2020 12. Fl-2017, Il-Kummissjoni għandha taġġorna t-tbassir għall-ħlasijiet tal-approprjazzjonijiet għal wara l-2020. Dan l-aġġornar għandu jieħu f’konsiderazzjoni l-implementazzjoni reali tal-approprjazzjonijiet baġitarji għall-impenji u l-approprjazzjonijiet baġitarji għall-ħlasijiet, u kif ukoll l-implementazzjonijiet imbassra. Għandhom ukoll jiġu kkunsidrati r-regoli stabbiliti biex ikun żgurat li l-ħlasijiet tal-approprjazzjonijiet iseħħu b’mod irregolat b’referenza għall-approprjazzjonijiet tal-impenji u t-tbassir tat-tkabbir tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni Ewropea. B. DISPOżIZZJONIJIET MARBUTA MAL-ISTRUMENTI SPEċJALI LI MHUMIEX INKLUżI FIL-QAFAS FINANZJARJU B.1. Riżerva għal Għajnuna ta’ Emerġenza 13. L-għan tal-ħolqien ta’ Riżerva għal Għajnuna ta’ Emerġenza hu biex ikun hemm rispons rapidu għal ħtiġijiet ta’ għajnuna speċifika lil pajjiżi terzi jekk iseħħu ċirkustanzi li ma setgħux ikunu previsti meta l-baġit ġie ffissat: tip ta’ għajnuna li l-ewwel u qabel kollox tkun għat-twettiq ta’ operazzjonijiet umanitarji, iżda wkoll għall-immaniġġjar ta’ kriżi ċivili u protezzjoni, kif ukoll f’każi ta’ pressjoni partikolari b’riżultat ta’ flussi migratorji li jseħħu fil-fruntieri esterni tal-Unjoni meta ċ-ċirkustanzi jeżiġu li tittieħed deċiżjoni bħal din. L-ammont annwali ta’ din ir-Riżerva huwa ffissat għal EUR 350 miljun (prezzijiet tal-2011) u jista’ jintuża sas-sena n+3 skont ir-Regolament Finanzjarju. Ir-Riżerva tiddaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea bħala provvediment. Għandha tintuża l-ewwel dik il-parti tal-ammont annwali li tkun inġarret mis-snin ta’ qabel, skont liema porzjon imur l-aktar lura fiż-żmien. Il-porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+1, jintilef. Meta l-Kummissjoni tikkunsidra li għandha tirrikorri għar-Riżerva, għandha tippreżenta liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja proposta għal trasferiment mir-Riżerva għal-linji baġitarji korrispondenti. Madankollu, qabel kull proposta mill-Kummissjoni għal trasferiment mir-Riżerva trid tiġi eżaminata l-portata għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim għandha titnieda proċedura triloga. It-trasferimenti għandhom isiru skont ir-Regolament Finanzjarju. B.2. Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 14. Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea twaqqaf biex tinħoloq disponibbilta’ ta’ għajnuna finanzjarja f’każ ta’ diżastri maġġuri li jseħħu fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż kandidat, kif stabbilit fl-att bażiku relevanti. Is-somma ta’ EUR 1 biljun (prezzijiet tal-2011) għandha tiġi stabbilita bħala l-livell massimu tal-ammont annwali disponibbli għall-Fond. Fl-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena, mill-inqas kwart tal-ammont annwali għandu jinżamm disponibbli sabiex ikunu koperti l-ħtiġijiet li jistgħu jinqalgħu sal-aħħar tas-sena. Il-porzjon tal-ammont annwali li ma jiddaħħalx fil-baġit ma jistax jinġarr għas-snin sussegwenti. F’każijiet eċċezzjonali u jekk il-bqija tar-riżorsi finanzjarji disponibbli fil-Fond fis-sena li fiha jkun seħħ id-diżastru, kif stabbilit fl-att bażiku relevanti, ma tkunx biżżejjed biex jitkopra l-ammont ta’ għajnuna meqjus bħala meħtieġ mill-awtorità baġitarja, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li d-differenza tiġi ffinanzjata mill-ammonti annwali disponibbli għas-sena ta’ wara. L-ammont annwali tal-Fond li għandu jiġi bbaġitjat kull sena, fl-ebda ċirkustanza m’għandu jaqbeż il-EUR 1 biljun. Meta l-kundizzjonijiet għall-immobilizzar tal-Fond kif stabbilit fl-att bażiku relevanti jkunu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta biex jiġu utilizzati l-fondi. Meta jkun hemm lok għar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet taħt l-intestatura li tkun teħtieġ spejjeż addizzjonali, il-Kummissjoni għandha tieħu dan f’konsiderazzjoni meta tressaq il-proposta meħtieġa, skont ir-Regolament Finanzjarju, permezz tal-istrument baġitarju xieraq. Id-deċiżjoni biex l-Istrument ta’ Flessibbiltà jibda jiġi utilizzat għandha tittieħed b’mod konġunt miż-żewġ fergħat tal-awtorità bagitarja. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza kkwalifikata u l-Parlament Ewropew għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu u tlieta minn kull ħames voti mixħuta. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim għandha titnieda proċedura triloga. B.3. Strument ta’ Flessibbiltà 15. L-Istrument ta’ Flessibbiltà b’livell massimu annwali ta’ EUR 500 miljun (prezzijiet tal-2011) huwa intiż biex, għal sena finanzjarja speċifika u sal-limitu tal-ammont indikat, jagħmel possibbli l-iffinanzjar ta’ nefqa li tkun identifikata b’mod ċar, li ma tistax tkun iffinanzjata fl-ambitu tal-limiti tal-livelli massimi disponibbli għal wieħed mill-intestaturi l-oħra jew aktar. L-ammont annwali tal-Istrument ta’ Flessibbiltà jista’ jintuża sas-sena n+3. L-ewwel li għandu jintuża huwa l-porzjon tal-ammont annwali li jkun inġarr mis-snin ta’ qabel skont liema parti tmur l-aktar lura fiż-żmien. Il-porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+3, jintilef. Il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta biex jitħaddem l-Istrument ta’ Flessibbiltà wara li tkun eżaminat il-possibbiltajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprijazzjonijiet taħt l-intestatura li tkun teħtieġ infiq addizzjonali. Il-proposta għandha tidentifika l-ħtiġijiet li għandhom jiġu koperti u l-ammont meħtieġ. Għal kwalunkwe sena finanzjarja speċifika, din il-proposta tista’ tiġi ppreżentata matul il-proċedura baġitarja. Id-deċiżjoni biex l-Istrument ta’ Flessibbiltà jibda jiġi utilizzat għandha tittieħed b’mod konġunt miż-żewġ fergħat tal-awtorità bagitarja. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza kkwalifikata u l-Parlament Ewropew għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu u tlieta minn kull ħames voti mixħuta. Għandu jintlaħaq ftehim fi ħdan il-qafas tal-proċedura baġitarja annwali. B.4. Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni 16. Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi sostenn addizzjonali għal dawk il-ħaddiema li jbatu mill-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali maġġuri fl-iskemi tal-kummerċ dinji, sabiex tkun tista’ tingħatalhom assistenza biex jintegraw mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, u kif ukoll għal bdiewa li jsofru mill-effetti tal-globalizzazzjoni. Il-Fond ma jistax jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 429 miljun (prezzijiet tal-2011). L-approprazzjonijiet għandhom jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea bħala provvediment. Meta l-kundizzjonijiet għall-immobilizzar tal-Fond ikunu sodisfatti, kif stipulat fl-att bażiku relevanti, il-Kummissjoni għandha taghmel proposta biex jiġi utilizzat il-fond. Id-deċiżjoni biex l-Istrument ta’ Flessibbiltà jibda jiġi utilizzat għandha tittieħed b’mod konġunt miż-żewġ fergħat tal-awtorità bagitarja. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza kkwalifikata u l-Parlament Ewropew għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu u tlieta minn kull ħames voti mixħuta. Fl-istess waqt li tippreżenta l-proposta tagħha għal deċiżjoni biex il-Fond jiġi utilizzat, il-Kummissjoni għandha tippreżenta liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja proposta għal trasferiment għal-linji baġitarji relevanti. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim għandha titnieda proċedura triloga. It-trasferimenti marbuta mal-Fond għandhom isiru skont ir-Regolament Finanzjarju B.5. Riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu 17. Ir-Riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu hija maħsuba biex tipprovdi sostenn addizzjonali għas-settur fil-każ ta’ kriżijiet maġġuri li jaffettwaw il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni agrikola fil-każ li ma jistax jiġi ffinanzjat fil-limitu massimu disponibbli skont l-Intestatura 2. Ir-Riżerva ma tistax taqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 500 miljun (prezzijiet tal-2011). L-approprazzjonijiet għandhom jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea bħala provvediment. Meta l-Kummissjoni tikkunsidra li għandha tirrikorri għar-Riżerva, skont l-att bażiku relevanti, għandha tippreżenta liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja proposta għal trasferiment mir-Riżerva għal-linji baġitarji korrispondenti. Madankollu, qabel kull proposta mill-Kummissjoni għal trasferiment mir-Riżerva trid tiġi eżaminata l-portata għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim għandha titnieda proċedura triloga. It-trasferimenti marbuta mar-Riżerva għandhom isiru skont ir-Regolament Finanzjarju B.6. Marġini ta' Kontinġenza 18. Marġni ta’ Kontinġenza sa 0.03 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni għandu jiġi stabbilit lil hinn mill-ambitu tal-livelli massimi tal-qafas finanzjarju bħala strument li jintuża meta kollox ikun eżawrit biex jirreaġixxi f’ċirkustanzi imprevedibbli. Fi kwalunkwe sena speċifika, ir-rimedjar bil-Marġni ta’ Kontinġenza m’għandux jaqbeż l-ammont massimu previst fil-paragrafu (1)(c) tal-Artikolu 4 tar-Regolament QFM u għandu jkun konsistenti mal-livell massimu tar-riżorsi proprji. Il-mobilizzazzjoni tal-marġni ta’ kontinġenza, jew parti minnu, għandha tiġi proposta mill-Kummissjoni wara analiżi bir-reqqa tal-possibbiltajiet finanzjarji l-oħra kollha. Mal-proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza, il-Kummissjoni għandha tressaq proposta għal riallokazzjoni ta’ ammont sostanzjali fl-ambitu tal-baġit eżistenti, sakemm dan l-ammont ikun sostnut mill-analiżi li tkun twettqet. Id-deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-Marġni ta’ Kontinġenza għandha tittieħed b’mod konġunt miż-żewġ fergħat tal-awtorità bagitarja. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza kkwalifikata u l-Parlament Ewropew għandu jaġixxi fuq bażi ta’ maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu u tlieta minn kull ħames voti mixħuta. PARTI II – TITJIB FIL-KOLLABORAZZJONI INTERISTITUZZJONALI DWAR MATERJI MARBUTA MAL-BAĠIT A. IL-PROċEDURA TA’ KOLLABORAZZJONI INTERISTITUZZJONALI 19. Id-dettalji tal-kollaborazzjoni interistituzzjonali matul il-proċedura tal-baġit huma mogħtija fl-Anness. B. INKORPORAZZJONIJIET TA’ DISPOżIZZJONIJIET FINANZJARJI FL-ATTI LEġIżLATTIVI 20. Kull att leġiżlattiv li għandu x’jaqsam ma’ programm multiannwali adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja għandu jinkludi dispożizzjoni li biha l-awtorità leġiżlattiva tistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-programm. Dak l-ammont għandu jikkostitwixxi r-referenza primarja għall-awtorità baġitarja għal matul il-proċedura baġitarja annwali. L-awtorità baġitarja u l-Kummissjoni, meta din tikkompila l-abbozz tal-baġit, jintrabtu li ma jitbegħdux minn dak l-ammont b’aktar minn 10 % għall-medda kollha tal-programm kkonċernat, sakemm ma jinqalgħux ċirkustanzi ġodda, oġġettivi u għat-tul li għalihom jingħataw raġunijiet espliċiti u preċiżi filwaqt li jittieħdu f’konsiderazzjoni r-riżultati li nġabru wara l-implementazzjoni tal-programm, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-valutazzjoni. Kwalunkwe żieda li tkun nqalgħet bħala riżultat minn varjazzjoni bħal din, trid tibqa’ fl-ambitu tal-livell massimu eżistenti applikabbli għall-intestatura kkonċernata, bla preġudizzju għall-użu tal-istrumenti msemmija fir-Regolament QFM u f’dan il-Ftehim. Dan il-Punt ma japplikax għall-approprjazzjonijiet ta’ koeżjoni adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u allokati minn qabel minn Stati Membri, li jkun fihom pakkett finanzjarju għall-medda sħiħa tal-programm u anqas ma japplika għall-proġetti ta’ skala kbira msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament QFM. 21. L-atti leġiżlattivi li jirrigwardaw dawk il-programmi multiannwali li mhumiex suġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja m’għandux ikollhom fihom ‘ammont meqjus neċessarju’. Jekk il-Kunsill ikun jixtieq jinkludi referenza finanzjarja, din għandha titqies bħala turija tar-rieda tal-awtorità leġiżlattiva u m’għandhiex taffettwa l-poteri tal-awtorità baġitarja kif stabbiliti mit-TFUE. Din id-dispożizzjoni għandha tissemma fl-atti leġiżlattivi kollha li jinkludu tali referenza finanzjarja. Jekk l-ammont ikkonċernat kien is-suġġett ta’ ftehim konformi mal-proċedura ta’ konċiljazzjoni stabbilita fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 1975[4], dan għandu jitqies bħala ammont ta’ referenza fl-ambitu tal-Punt 17 ta’ dan il-Ftehim. C. NEFQA MARBUTA MA’ FTEHIM FIL-QASAM TAS-SAJD 22. In-nefqa marbuta ma’ ftehim fil-qasam tas-sajd għandha tkun suġġetta għal dawn ir-regoli speċifiċi li ġejjin: Il-Kummissjoni tintrabat li żżomm lill-Parlament Ewropew infurmat regolarment dwar it-tħejjija u l-andament tan-negozjati, inklużi l-implikazzjonijiet baġitarji. Matul il-proċess leġiżlattiv marbut mal-ftehim dwar is-sajd, l-istituzzjonijiet jintrabtu li jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-proċeduri kollha jitwettqu mill-aktar fis possibbli. Ammonti previsti fil-baġit għal ftehim ġdid jew tiġdid ta’ ftehim li se jidħol fis-seħħ wara l-1 ta’ Jannar tas-sena baġitarja kkonċernata għandhom jitqiegħdu f’riżerva. Jekk l-approprjazzjonijiet marbuta ma’ ftehim dwar is-sajd (inkluża r-riżerva) jinstab li ma jkunux biżżejjed, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtorità baġitarja bl-informazzjoni meħtieġa għal skambju ta’ fehmiet f’forma ta’ trilogu, possibbilment issimplifikat, dwar il-kawżi tas-sitwazzjoni, u dwar il-miżuri li jistgħu jiġu adottati skont proċeduri stabbiliti. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri xierqa. Kull tliet xhur, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja informazzjoni ddettaljata dwar l-implementazzjoni tal-ftehim fis-seħħ u kif ukoll tbassir finanzjarju għall-bqija tas-sena. D. IFFINANZJAR TAL-POLITIKA ESTERA U TA’ SIGURTÀ KOMUNI (PESK) 23. Rigward in-nefqa tal-PESK li hija ddebitata lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 41 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, fil-kumitat ta’ konċiljazzjoni, u fuq il-bażi tal-abbozz tal-baġit stabbilit mill-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex kull sena jilħqu ftehim dwar l-ammont tan-nefqa operattiva li għandha tiġi ddebitata lill-baġit tal-Unjoni Ewropea u dwar it-tqassim ta’ dan l-ammont bejn l-artikoli tal-kapitolu tal-PESK tal-baġit skont kif issuġġerit fir-raba’ paragrafu ta’ dan il-Punt. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, huwa mifhum li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom idaħħlu fil-baġit l-ammont li jidher fil-baġit preċedenti jew l-ammont propost fl-abbozz tal-baġit, skont liema minnhom huwa l-aktar baxx. L-ammont totali tan-nefqa operattiva tal-PESK għandu jitqassam bejn l-artikoli tal-kapitolu PESK tal-baġit skont kif issuġġerit fir-raba’ paragrafu ta’ dan il-Punt. Kull artikolu għandu jkopri strumenti li huma diġà adottati, strumenti li huma previsti iżda li għadhom mhumiex adottati u l-istrumenti kollha futuri – jiġifieri dawk li mhumiex previsti – li se jiġu adottati mill-Kunsill matul is-sena finanzjarja kkonċernata. Minħabba li, skont ir-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha l-awtorità biex tittrasferixxi l-approprjazzjonijiet b’mod awtonomu bejn l-artikoli inklużi fil-kapitolu PESK tal-baġit, il-flessibbiltà meqjusa bħala meħtieġa għall-implementazzjoni mgħaġġla tal-azzjonijiet PESK għandha, għaldaqstant, tiġi assigurata. F’każ li l-ammont tal-kapitolu tal-PESK tal-baġit matul is-sena finanzjarja jinstab li ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż meħtieġa, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom isibu soluzzjoni b’urġenza, skont proposta mill-Kummissjoni, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-Artikolu 2 tar-Regolament QFM u l-Punt 10 ta’ dan il-Ftehim. Fil-kapitolu tal-baġit PESK, l-artikoli li fihom għandhom jiddaħħlu l-azzjonijiet PESK jistgħu jkunu dawn il-linji li ġejjin: - operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar ta’ kriżi, prevenzjoni ta’ konflitti, soluzzjonijiet u stabilizzazzjoni, monitoraġġ u implementazzjoni ta’ proċessi ta’ paċi u sigurtà, - kontroll tal-proliferazzjoni u diżarmament, - miżuri ta’ emerġenza, - miżuri preparatorji u ta’ azzjonijiet ta’ segwitu, - Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea. L-ammont għall-miżuri mdaħħla fl-artikolu msemmi fit-tielet inċiż ta’ hawn fuq ma jistax jaqbeż l-20 % tal-ammont globali tal-kapitolu tal-PESK tal-baġit. 24. Kull sena, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Rappreżentant Għoli”) għandu jikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar dokument li jħares ’il quddiem, li se jiġi ppubblikat sal-15 ta’ Ġunju għas-sena inkwistjoni. Dan id-dokument jistabbilixxi l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-PESK, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u evalwazzjoni tal-miżuri mnedija fis-sena n-1. Barra minn hekk, ir-Rappreżentant Għoli għandu jżomm lill-Parlament Ewropew infurmat billi jorganizza laqgħat konsultattivi konġunti mill-inqas ħames darbiet fis-sena, fil-qafas tad-djologu politiku regolari dwar il-PESK, li ftehim dwarhom għandu jintlaħaq mhux aktar tard minn meta jiltaqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. Il-parteċipazzjoni f’dawn il-laqgħat għandha tkun iffurmata skont kif ġej: 25. għall-Parlament Ewropew, il-bureau taż-żewġ Kumitati kkonċernati, 26. għall-Kunsill, il-President tal-Kumitat Politiku u tas-Sigurtà. Il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna tipparteċipa f’dawn il-laqgħat. Kull meta l-Kunsill jadotta deċiżjoni fil-qasam tan-nefqa li tinvolvi l-PESK, ir-Rappreżentant Għoli għandu, immedjatament, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni finali, jibgħat lill-Parlament Ewropew stima tal-ispejjeż previsti (‘rendikont finanzjarju’), b’mod partikolari dawk marbuta ma’ żmien stabbilit, l-impjieg tal-persunal, l-użu tal-bini u infrastruttura oħra, faċilitajiet tat-trasport, ħtiġijiet għat-taħriġ u arranġamenti ta’ sigurtà. Darba kull tliet xhur, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità baġitarja dwar l-implementazzjoni tal-azzjonijiet tal-PESK u t-tbassir finanzjarju għall-bqija taż-żmien tas-sena. E. INVOLVIMENT TAL-ISTITUZZJONIJIET FIR-RIGWARD TAL-KWISTJONIJIET TAL-POLITIKA TAL-IżVILUPP U TAL-FOND EWROPEW GħALL-IżVILUPP 27. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi djalogu komuni mal-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet tal-politika tal-iżvilupp indipendentement mis-sors ta’ ffinanzjar tagħhom. L-iskrutinju tal-Parlament Ewropew dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp se jiġi allinejat fuq bażi volontarja mad-drittijiet ta’ skrutinju li jeżistu skont il-baġit ġenerali tal-UE, b’mod speċifiku l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, skont il-modalitajiet li għandhom jiġu stabbiliti fid-djalogu informali. F. KOOPERAZZJONI BEJN L-ISTITUZZJONIJIET FIL-PROċEDURA TAL-BAġIT GħALL-EżEKUZZJONI TAN-NEFQA AMMINISTRATTIVA 28. Kull sena l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ifittxu qbil dwar il-kondiviżjoni tan-nefqa Amministrattiva fi stadju bikri tal-proċedura baġitarja annwali. L-istimi tan-nefqa ta’ kull istituzzjoni għandhom jinkludu l-istimi tal-impatt baġitarju possibbli li jirriżulta minn bidliet fid-dispożizzjonijiet fir-regolamenti tal-persunal. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu li jiżguraw li dan l-impatt jiġi rifless fil-livell ta’ approprjazzjoni awtorizzata għall-istituzzjonijiet kollha. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu dwar tnaqqis progressiv tal-persunal b’5% bejn l-2013 u l-2018. It-tnaqqis għandu japplika għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha. PARTI III – ĠESTJONI FINANZJARJA SODA TAL-FONDI TAL-UE A. IPPROGRAMMAR FINANZJARJU 29. Darbtejn fis-sena, l-ewwel darba f’April/Mejju (flimkien mad-dokumenti mehmuża mal-abbozz tal-baġit) u t-tieni darba f’Diċembru/Jannar (wara l-adozzjoni tal-baġit), il-Kummissjoni għandha tissottometti pprogrammar finanzjarju sħiħ għall-intestaturi 1 (ħlief għas-sotto-limitu massimu tal-koeżjoni Ekonomika, soċjali u territorjali), 2 (għall-ambjent u s-sajd), 3 u 4 tal-qafas finanzjarju. Dan id-dokument, strutturat skont l-intestatura, oqsma ta’ politika u linji baġitarji, għandu jidentifika: (a) il- leġiżlazzjoni fis-seħħ , b’distinzjoni bejn il-programmi multiannwali u l-azzjonijiet annwali: - għall-programmi multiannwali, il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-proċedura skont liema dawn il-programmi kienu ġew adottati (proċedura ordinarja jew proċedura leġiżlattiva speċjali), it-tul ta’ żmien tagħhom, il-pakkett finanzjarju totali u s-sehem allokat għall-ispejjeż amministrattivi; - għall-azzjonijiet annwali (proġetti pilota, azzjonijiet ta’ tħejjija, Aġenziji) u azzjonijiet iffinanzjati taħt il-prerogattivi tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi stimi multiannwali u l-marġni li jifdal taħt il-livelli massimi awtorizzati ffissati fi [ir-Regolament iddelegat għall-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tar-Regolament Finanzjarju; (b) il-proposti leġiżlattivi pendenti : proposti li għaddejjin bħalissa tal-Kummissjoni, bl-aħħar aġġornamenti. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra modi kif tagħmel kontroreferenzi bejn l-ipprogrammar finanzjarju u l-ipprogrammar leġiżlattiv biex jiġi pprovdut tbassir iktar preċiż u fattibbli. Għal kull proposta leġiżlattiva, il-Kummissjoni għandha tindika jekk din tkunx inkluża jew le fil-programm ta’ April-Diċembru. L-awtorità baġitarja għandha b’mod partikolari tiġi infurmata dwar: (a) l-atti leġiżlattivi ġodda kollha u l-proposti pendenti kollha ppreżentati iżda mhux inklużi fid-dokument ta’ April-Diċembru(bl-ammonti korrispondenti); (b) leġiżlazzjoni prevista fil-programm ta’ ħidma leġiżlattiv annwali tal-Kummissjoni b’indikazzjoni tal-azzjonijiet li x’aktarx se jkollhom impatt finanzjarju (iva/le). Kull meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-ipprogrammar mill-ġdid li jkun mitlub minn proposti leġiżlattivi ġodda. B. SKEJJEL EWROPEJ U AġENZIJI 30. Qabel ma tressaq il-proposta tagħha għall-ħolqien ta’ aġenzija ġdida, il-Kummissjoni għandha tipproduċi valutazzjoni tal-impatt soda, kompleta u oġġettiva, filwaqt li tikkunsidra inter-alia l-massa kritika tal-persunal u tal-kompetenzi, aspetti tal-kost-benefiċċji, l-impatt fuq l-attivitajiet nazzjonali u tal-UE u l-implikazzjonijiet baġitarji għall-intestatura ta’ nefqa kkonċenata. Fuq il-bażi ta’ dik l-informazzjoni u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri leġiżlattivi li jirregolaw it-twaqqif tal-aġenzija, iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja għandhom jintrabtu, fil-qafas tal-kooperazzjoni baġitarja, li jaslu għal ftehim f’waqtu dwar l-iffinanzjar tal-aġenzija. Għandhom jiġu applikati l-passi proċedurali li ġejjin: - L-ewwel nett, b’mod sistematiku, il-Kummissjoni għandha tippreżenta kwalunkwe proposta għat-twaqqif ta’ aġenzija ġdida lill-ewwel trilogu li jsegwi l-adozzjoni tal-proposta tagħha, u għandha tippreżenta r-rendikont finanzjarju mehmuż mal-att legali li jipproponi l-ħolqien tal-aġenzija u jispjega l-konsegwenzi tiegħu għall-bqija tal-perjodu tal-ipprogrammar finanzjarju; - It-tieni nett, filwaqt li jiġi kkunsidrat il-progress irreġistrat fil-proċess leġiżlattiv, u sakemm kull fergħa tal-awtorità baġitarja tkun tinsab f’qagħda li tassumi pożizzjoni dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-proposta qabel l-adozzjoni tal-att legali, il-ħolqien tal-aġenzija ġdida għandu jiddaħħal fl-aġenda tat-trilogu sussegwenti (f’każi urġenti, f’forma ssimplifikata), bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar l-iffinanzjar; - It-tielet, il-ftehim milħuq matul trilogu għandu jiġi kkonfermat b’dikjarazzjoni konġunta, suġġett għall-approvazzjoni minn kull waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja skont ir-regoli ta’ proċedura proprji tagħha. L-istess proċedura għandha tiġi applikata fil-każ ta’ kwalunkwe modifika tal-att legali li abbażi tiegħu titwaqqaf aġenzija, li jkollha impatt fuq ir-riżorsi tal-aġenzija kkonċernata. Jekk il-ħidma ta’ aġenzija tiġi mmodifikata b’mod sostanzjali mingħajr modifika tal-att legali li jistabbilixxi l-aġenzija inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità baġitarja permezz ta’ rendikont finanzjalju rivedut, sabiex iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jkunu jistgħu jaslu għal ftehim f’waqtu dwar l-iffinanzjar tal-aġenzija. Meta jiġi previst il-ħolqien ta’ skola Ewropea ġdida mill-Bord tal- Gvernaturi, għandha tiġi applikata proċedura simili għall-implikazzjonijiet baġitarji fuq il-baġit tal-UE. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Għall-Kummissjoni Il-President Il-President Membru tal-Kummissjoni ANNESS - KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI WAQT IL-PROĊEDURA TAL-BAĠIT Parti A. Kalendarju għall-proċedura tal-baġit 31. L-istituzzjonijiet għandhom isegwu l-kalendarju ffissat fil-punti 2, 3, 5, 11, 12, 13, 14 u 15 hawn taħt għad-diversi passi tal-proċedura baġitarja. Jekk ikun meħtieġ, fi żmien xieraq qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja, l-istituzzjonijiet jistgħu jaqblu b’mod konġunt dwar aġġustamenti li jidhrilhom li huma adattati għal dan il-kalendarju. Parti B. Prijoritajiet għall-Proċedura tal-Baġit 32. Fi żmien xieraq qabel l-adozzjoni tal-abbozz tal-baġit mill-Kummissjoni iżda mhux aktar tard minn April, għandha tiġi organizzata laqgħa tat-trilogu li fiha jiġu diskussi l-prijoritajiet possibbli għall-baġit tas-sena finanzjarja li jkun imiss. Parti Ċ. L-istabbiliment tal-Abbozz tal-Baġit u l-Aġġornar tal-Istimi 33. L-istituzzjonijiet, iżda mhux il-Kummissjoni, huma mistiedna jadottaw ir-rendikont tal-istimi tagħhom sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Marzu. 34. Qabel l-adozzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-estimi tagħhom, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jaqblu fuq orjentazzjonijiet fir-rigward tal-varjazzjoni annwali mixtieqa fil-livell tan-nefqa amministrattiva għall-istituzzjonijiet kollha. 35. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-abbozz tal-baġit fl-aħħar ġimgħa ta’ April jew sa mhux aktar tard mill-ewwel ġimgħa ta’ Mejju. Il-Kummissjoni għandha tiffinalizza l-abbozz tal-baġit, inkluż ir-rendikont ġenerali tad-dħul, u għandha tagħmlu disponibbli uffiċjalment qabel l-aħħar ta’ Mejju. 36. Kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz tal-baġit li fih jidhru l-ħtiġijiet finanzjarji attwali tal-Unjoni Ewropea. F’dan l-abbozz il-Kummissjoni għandha tikkunsidra: a) it-tbassir marbut mal-Fondi Strutturali mressqa mill-Istati Membri, b) il-kapaċità għall-utilizzar tal-approprjazzjonijiet, bi sforz biex tinżamm rabta stretta bejn l-approprjazzjonijiet għall-impenji u l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet, ċ) il-possibbiltajiet li tnedija ta’ politiki ġodda permezz ta’ proġetti pilota u/jew azzjonijiet preparatorji ġodda jew it-tkomplija ta’ azzjonijiet multiannwali li jkunu waslu biex jintemmu, wara li jiġi vvalutat jekk huwiex possibbli li jiġi żgurat att bażiku, fl-ambitu tat-tifsira tar-Regolament Finanzjarju (id-definizzjoni ta’ att bażiku, il-ħtieġa ta’ att bażiku għall-implementazzjoni u l-eċċezzjonijiet), d) il-ħtieġa biex jiġi żgurat li kwalunkwe bidla fin-nefqa marbuta mas-sena ta’ qabel hija skont l-obbligi tad-dixxiplina baġitarja. 37. Sa fejn hu possibbli, l-istituzzjonijiet għandhom jevitaw li jdaħħlu elementi fil-baġit li jinvolvu ammonti insinjifikanti ta’ nfiq għall-operazzjonijiet. 38. Iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja għandhom jintrabtu wkoll li jżommu f’moħħhom il-valutazzjoni tal-possibbiltajiet għall-implementazzjoni tal-baġit maħdum mill-Kummissjoni fil-forom tal-abbozzi tiegħu u f’rabta mal-implementazzjoni tal-baġit kurrenti. 39. Fl-interess ta’ ġestjoni finanzjarja soda u minħabba bidliet maġġuri fin-nomenklatura baġitarja fir-rigward tat-titoli u l-kapitoli konnessi mar-responsabbiltajiet tar-rappurtar maniġerjali tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jintrabtu li jiddiskutu mal-Kummissjoni kwalunkwe bidla maġġuri matul il-perjodu ta’ konċiljazzjoni. 40. Sa dak iż-żmien meta jiltaqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, il-Kummissjoni tista’, jekk ikun meħtieġ, temenda l-abbozz tal-baġit skont l-Artikolu 314(2) TFUE u tista’ wkoll, permezz ta’ ittra ta’ emenda, taġġorna l-istimi tan-nefqa għall-agrikoltura. Il-Kummissjoni għandha tissottometti informazzjoni dwar aġġornamenti liż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit għall-kunsiderazzjonijiet tagħhom hekk kif dawn l-aġġornamenti jkunu disponibbli. Il-Kummissjoni għandha wkoll tissupplixxi lill-awtorità baġitarja bir-raġunijiet iġġustifikati xierqa li tista’ tiġi bżonn. Parti D. Proċedura tal-Baġit qabel ir-Rikonċiljazzjoni 41. Għandha ssir laqgħa triloga f’data li tantiċipa sewwa dik ta’ meta jiltaqa’ l-Kunsill għall-qari tiegħu biex l-istituzzjonijiet ikollhom żmien jiskambjaw il-fehmiet tagħhom dwar l-abbozz tal-baġit. 42. Sabiex, meta jasal iż-żmien xieraq, il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-implementabbiltà tal-emendi previsti mill-awtorità baġitarja, li joħolqu azzjonijiet/proġetti pilota preparatorji ġodda jew li jtawlu dawk eżistenti, sa nofs Ġunju ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward, sabiex tkun tista’ ssir fil-pront l-ewwel diskussjoni f’dan it-trilogu. 43. Il-Kunsill għandu jtemm il-qari tiegħu mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Lulju. 44. Il-Kumitat tal-Baġits tal-Parlament Ewropew jivvota dwar il-qari tiegħu sal-aħħar ta’ Settembru jew sa mhux aktar tard mill-bidu ta’ Ottubru u l-Plenarju tal-Parlament Ewropew jivvota dwar il-qari tiegħu mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Ottubru. 45. Tista’ ssir laqgħa triloga qabel ma jkun ivvota l-Plenarju tal-Parlament Ewropew. Parti E. Proċess ta’ konċiljazzjoni 46. Jekk il-Parlament Ewropew jivvota favur emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill, il-President tal-Kunsill għandu, matul l-istess laqgħa plenarja, jinnota d-differenzi fil-pożizzjoni taż-żewġ istituzzjonijiet u jikkomunika l-qbil tiegħu jew tagħha biex il-President tal-PE ilaqqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni b’mod immedjat. L-ittra li titlob għal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandha tintbagħat sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol tal-ġimgħa ta’ wara t-tmiem tas-sessjoni parlamentari li matulha jkun ittieħed il-vot plenarju, u l-perjodu ta’ konċiljazzjoni għandu jibda l-għada. Il-perjodu ta’ żmien b’tul ta’ 21 jum għandu jiġi kkalkulat skont ir-Regolament (Euratom KEE) Nru 1182/71 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-perjodi, id-dati u l-iskadenzi. 47. Jekk il-Kunsill ma jkunx jista’ jaqbel dwar l-emendi kollha vvutati mill-Parlament Ewropew, għandu jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu permezz ta’ ittra mibgħuta qabel l-ewwel trilogu previst għal matul il-perjodu ta’ konċiljazzjoni. F’dan il-każ, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jipproċedi skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi li ġejjin. 48. Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jiġi ppresedut b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-laqgħat tal-Kumitat għandhom jiġu ppreseduti mill-presidenza konġunta tal-istituzzjoni li tkun qed tospita l-laqgħa. Skont ir-regoli ta’ proċedura tagħha stess, kull istituzzjoni għandha tinnomina l-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa u tistabbilixxi l-mandat tagħha għan-negozjati. 49. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 314(5) TFUE, il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-proċeduri ta’ konċiljazzjoni u għandha tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa biex tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. 50. It-trilogi għandhom isiru tul il-perjodu kollu tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni, f’livelli differenti ta’ rappreżentanza, bil-għan li jiġu solvuti l-problemi marbuta ma’ kwistjonijiet pendenti u titħejja l-bażi għal ftehim li jrid jintlaħaq fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. 51. Il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tat-trilogi għandha ssir alternattivament fil-bini tal-Partament Ewropew u f’dak tal-Kunsill, bil-għan li l-faċilitajiet jinqasmu ndaqs, inklużi l-faċilitajiet għall-interpretazzjoni. 52. Id-dati tal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tat-trilogi għandhom jiġu ffissati minn kmieni qabel il-bidu tal-proċeduta baġitarja bi ftehim bejn it-tliet istituzzjonijiet. 53. Sett komuni ta’ dokumenti (dokumenti ‘input’) li jqabblu d-diversi stadji tal-proċedura baġitarja għandhom ikunu disponibbli għall-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni [5] . Is-sett ta’ dokumenti għandu jinkludi ċifri “linja b’linja”, totali skont l-intestaturi tal-istrutturi finanzjarji u kif ukoll dokument konsolidat b’ċifri u rimarki marbuta mal-linji baġitarji kollha meqjusa bħala teknikament “miftuħa”. Bla ħsara għad-deċiżjoni finali tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, dokument speċjali għandu jelenka l-linji baġitarji kollha meqjusa bħala teknikament magħluqa [6] . Dawn id-dokumenti għandhom jiġu kklassifikati skont nomenklatura baġitarja. Dokumenti oħrajn se jiġu mehmuża wkoll mad-dokumenti inizjali għall-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, inkluża ittra ta’ implimentabbiltà tal-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill u tal-emendi tal-Parlament Ewropew; u ittra/i possibbli minn Istituzzjonijiet oħrajn dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill u tal-emendi tal-Parlament Ewropew. 54. Bil-għan li jintlaħaq ftehim sal-aħħar tal-perjodu ta’ konċiljazzjoni, it-trilogi għandhom: 55. jiddefinixxu l-ambitu tan-negozjati dwar il-kwistjonijiet baġitarji li kellhom jiġu indirizzati; 56. japprovaw il-lista tal-linji baġitarji meqjusa bħala teknikament magħluqin, suġġett għall-ftehim finali dwar il-baġit sħiħ ta-sena finanzjarja; 57. jiddiskutu l-kwistjonijiet identifikati taħt l-ewwel inċiż bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim possibbli biex jiġi approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni; 58. jindirizzaw kwistjonijiet tematiċi, inklużi dawk skont l-intestaturi tal-qafas finanzjarju multiannwali. Għandhom jintlaħqu konklużjonijiet tentattivi b’mod konġunt matul jew immedjatament wara kull trilogu, simultanjament mal-aġenda tal-laqgħa ta’ wara. Dawn il-konklużjonijiet għandhom jiġu rreġistrati mill-istituzzjoni li tkun qed tospita t-trilogu u għandhom jitqiesu bħala provviżorjament approvati wara 24 siegħa, bla ħsara għad-deċiżjoni finali tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. 59. Fil-laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jkun hemm disponibbli l-konklużjonijiet tat-trilogi u kif ukoll dokument bil-linji baġitarji li dwarhom ikun intlaħaq ftehim tentattiv matul it-trilogu possibbilment għall-approvazzjoni. 60. It-test konġunt stabbilit fl-Artikolu 314(5) tat-TFUE għandu jiġi stabbilit mis-segretarjati tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bl-għajnuna tal-Kummissjoni. Dan it-test għandu jkun kompost minn dokument legali introduttorju li fih tidher id-data tal-ftehim milħuq fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, u kif ukoll l-annessi, li għandhom jinkludu: 61. iċ-ċifri linja b’linja għall-elementi kollha tal-baġit u ċifri sommarji skont l-intestaturi tal-istrutturi finanzjarji; 62. dokument konsolidat li jindika ċ-ċifri u t-test finali tal-linji kollha li tkun saritilhom modifika matul il-konċiljazzjoni; 63. il-lista tal-linji mhux immodifikati b’rabta mal-abbozz tal-baġit jew il-pożizzjoni tal-Kunsill dwarha. Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jista’ wkoll japprova konklużjonijiet u rendikonti konġunti possibbli b’rabta mal-baġit. 64. It-test konġunt għandu jinqaleb għal-lingwi kollha (permezz tas-servizzi pprovduti mill-Parlament Ewropew) u għandu jiġi sottomess għall-approvazzjoni taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja fi żmien 14-il jum mid-data li ssegwi d-data li fih jkun intlaħaq il-ftehim dwar it-test konġunt skont il-Punt 26. Il-baġit għandu jkun suġġett għal finalizzazzjoni lingwistika legali wara l-adozzjoni tat-test konġunt permezz ta’ integrazzjoni tal-annessi tat-test konġunt mal-linji baġitarji li ma jkunux ġew mibdula matul il-proċess konċiljatorju. 65. L-istituzzjoni li tkun qed tospita l-laqgħa (it-trilogu jew il-konċiljazzjoni) għandha tipprovdi l-faċilitajiet għall-interpretazzjoni b’immaniġġjar lingwistiku komprensiv applikabbli għall-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u kif ukoll immaniġġjar lingwistiku ad hoc għat-trilogi. L-istituzzjoni li tkun qed tospita l-laqgħa għandha tiżgura li d-dokumenti tal-kamra għandhom ikunu riprodotti u mqassma. Is-servizzi tat-tliet istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw biex issir kodifikazzjoni tar-riżultati tan-negozjati sabiex ikun jista’ jiġi ffinalizzat it-test konġunt. Parti F. Baġits ta’ emenda Prinċipji ġenerali 66. Billi ma jridux jinsew li ħafna drabi l-baġits ta’ emenda jiffukaw fuq kwistjonijiet speċifiċi u kultant urġenti, l-istituzzjonijiet għandhom jiftiehmu dwar il-prinċipji li jidhru hawn taħt biex jiżguraw li titwettaq kooperazzjoni interistituzzjonali xierqa għal adozzjoni tal-baġits ta’ emenda mingħajr diffikultajiet u fil-pront, filwaqt li kemm jista’ jkun jiġi evitat li jkollha tissejjaħ laqgħa ta’ konċiljazzjoni għal dawn il-baġits ta’ emenda. 67. Kemm jista’ jkun, l-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu sforz biex jillimitaw l-għadd ta’ baġits ta’ emenda. Kalendarju 68. Il-Kummissjoni għandha tinforma bil-quddiem liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar id-dati possibbli tal-adozzjoni tal-abbozzi tal-baġits ta’ emenda bla ħsara għad-data finali tal-adozzjoni. 69. Skont ir-regoli interni tal-proċedura, iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja għandhom jagħmlu ħilithom biex jeżaminaw l-abbozz tal-baġit ta’ emenda propost mill-Kummissjoni mal-ewwel opportunità wara li l-Kummissjoni tkun adottatu. 70. Sabiex titħaffef il-proċedura, iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja għandhom jiżguraw li l-kalendarji rispettivi tagħhom li jippjanawlhom il-ħidma huma kemm jista’ jkun ikkoordinati sabiex il-proċeduri jkunu jistgħu jsiru b’mod koerenti u konverġenti. Għalhekk, mill-aktar fis possibbli, huma għandhom ifittxu jistabbilixxu kalendarju indikattiv għad-diversi stadji li jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit ta’ emenda. Iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja għandhom jikkunsidraw l-urġenza relattiva tal-baġit ta’ emenda u l-ħtieġa tal-approvazzjoni tiegħu fi żmien xieraq sabiex ikun effettiv matul is-sena kkonċernata. Kooperazzjoni matul il-qari ta’ kull fergħa tal-Awtorità tal-Baġit 71. L-istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw in bona fede tul iż-żmien kollu li tieħu l-proċedura biex, kemm jista’ jkun, iwittu t-triq għall-adozzjoni tal-baġits ta’ emenda f’fażi bikrija tal-proċedura. Meta jkun xieraq u meta tinqala’ l-possibbiltà ta’ diverġenza, iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jew il-Kummissjoni, qabel ma jassumu l-pożizzjoni finali tagħhom dwar il-baġit ta’ emenda, jistgħu jipproponu li jissejjaħ trilogu speċifiku biex jiġu diskussi d-diverġenzi u jippruvaw jilħqu kompromess. 72. L-abbozzi kollha tal-baġits ta’ emenda proposti mill-Kummissjoni, iżda li ma jkunux għadhom ġew approvati b’mod finali, għandhom jiddaħħlu sistematikament fl-aġenda tat-trilogi ppjanati għall-proċedura baġitarja annwali. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-abbozzi tal-baġits ta’ emenda u ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja għandhom, kemm jista’ jkun, jinnotifikaw il-pożizzjoni rispettiva tagħhom qabel ma jitlaqqa’ t-trilogu. 73. Jekk jintlaħaq kompromess matul it-trilogu, kull fergħa tal-awtorità baġitarja tintrabat li tistudja r-riżultati tat-trilogu waqt id-deliberazzjoni dwar il-baġit ta’ emenda skont it-Trattat u r-regoli interni ta’ proċedura tiegħu. Kooperazzjoni wara l-qari ta’ kull fergħa tal-Awtorità tal-Baġit 74. Jekk il-Parlament Ewropew japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill mingħajr emendi, il-baġit ta’ emenda għandu jiġi adottat. 75. Jekk il-maġġoranza tal-membri komponenti tal-Parlament Ewropew jadottaw l-emendi, japplika l-Artikolu 314(4)(c) TFUE. Madankollu, qabel jiltaqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jissejjaħ trilogu. 76. Jekk jintlaħaq ftehim matul it-trilogu u suġġett għall-ftehim ta’ kull waħda mill-fergħat tal-awtorità baġitarja dwar ir-riżultati tat-trilogu, il-konċiljazzjoni għandha tintemm permezz ta’ skambju ta’ ittri mingħajr ma jkollha ssir laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. 77. Jekk matul it-trilogu ma jintlaħaqx ftehim, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jiltaqa’ u jorganizza l-ħidma tiegħu skont iċ-ċirkustanzi, bil-ħsieb li jagħlaq kemm jista’ jkun il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet qabel id-data ta’ skadenza tal-wieħed u għoxrin jum stabbilita fl-Artikolu 314(6) tat-TFUE. Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jista’ jikkonkludi bi skambju ta’ ittri. [1] ĠU L, p. . [2] ĠU L, p. . [3] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. [4] ĠU C 89, 22.4.1975, p. 1. [5] Id-diversi stadji għandhom jinkludu: il-baġit tas-sena finanzjarja kurrenti (inklużi baġits ta’ emenda adottati); l-abbozz tal-baġit inizjali; il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit; l-emendi tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill u l-ittri ta’ emendi ppreżentati mill-Kummissjoni (jekk ma jkunux diġà approvati b’mod sħiħ mill-istituzzjonijiet kollha). [6] Linja baġitarja meqjusa bħala teknikament magħluqa hija linja li dwarha ma jkun jeżisti ebda nuqqas ta’ qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u li għaliha ma ġiet ippreżentata ebda ittra ta’ emenda.