Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020 /* KUMM/2011/0398 finali - 2011/0177 (APP) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.
IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
1.1.
Il-bażi tat-Trattat
L-Artikolu 312 tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ
it-Trattat) jistipula li Regolament tal-Kunsill adottat unanimament għandu
jistabbilixxi qafas finanzjarju multiannwali. Huwa għandu jistabbilixxi
l-ammonti tal-limiti massimi annwali tal-approprjazzjonijiet għal impenji
skont il-kategorija tal-infiq u tal-limitu massimu annwali ta' approprjazzjonijiet
għall-pagamenti u għandu jistabbilixxi kwalunkwe dispożizzjoni
oħra meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tal-proċedura
annwali tal-baġit. L-ewwel qafas finanzjarju multiannwali
flimkien mad-dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni interistituzzjonali u
d-dixxiplina baġitarja ġie adottat aktar minn għoxrin sena ilu[1].
Dan il-qafas finanzjarju u dawk ta' warajh ippermettew titjib u ffaċilitar
konsiderevoli tal-proċedura baġitarja annwali u l-koperazzjoni bejn
l-istituzzjonijiet u, fl-istess waqt, żiedu d-dixxiplina baġitarja. Billi naqqax il-qafas finanzjarju multiannwali
fil-liġi primarja tal-Unjoni, it-Trattat irrikonoxxa l-importanza
tiegħu bħala pedament tal-arkitettura baġitarja tal-Unjoni
Ewropea. Il-qafas finanzjarju multiannwali kurrenti
għas-snin 2007-2013 ġie miftiehem bejn l-istituzzjonijiet f’Mejju
tal-2006 u kien stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina
baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba[2]
(minn hawn 'il quddiem imsejjaħ l-IIA kurrenti) Sabiex timplimenta d-dispożizzjonijiet
tat-Trattat il-ġdid, il-Kummissjoni ppreżentat,
fit-3 ta' Marzu 2010, proposta għal Regolament tal-Kunsill
li jistabbilixxi qafas finanzjarju multiannwali għall-2007-2013 u
għal Ftehim Interistituzzjonali Ġdid dwar il-koperazzjoni fi
kwistjonijiet baġitarji[3] (minn hawn 'il quddiem
imsejħa l-proposti ta' Marzu 2010). Dawn iż-żewġ
proposti, ladarba jiġu adottati, se jieħdu post l-IIA kurrenti u
jagħmlu d-dispożizzjonijiet dwar il-qafas finanzjarju 2007-2013 u
dwar il-koperazzjoni tal-istituzzjonijiet fil-proċedura baġitarja
konformi mat-Trattat. Sadittant, id-dispożizzjonijiet tal-IIA kurrenti li
ma tilfux il-validità tagħhom minħabba t-Trattat għadhom validi. Il-memorandum ta' spjegazzjoni preżenti
jittratta l-elementi l-ġodda meta mqabbla mal-proposti ta'
Marzu 2010, kemm għall-proposta għal Regolament li jistabbilixxi
qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020 (minn hawn 'il quddiem
ir-Regolament tal-MFF) kif ukoll il-Ftehim Interistituzzjonali dwar
il-koperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u ġestjoni finanzjarja
tajba (minn hawn 'il quddiem l-abbozz tal-IIA). Il-ġustifikazzjoni
għat-tibdil li jirriżulta mid-dħul fis-seħħ
tat-Trattat ġiet ipprovduta fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta
għar-Regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali
għall-2007 sal-2013 tat-3 ta' Marzu 2010 u ma
għandhiex għalfejn tiġi ripetuta hawn.
1.2.
Dispożizzjonijiet ġodda proposti
għall-qafas finanzjarju tal-2014-2020
1.2.1.
Linji gwida politiċi ewlenin
Il-proposta għar-Regolament tal-MFF
akkumpanjata mill-abbozz tal-IIA tirrappreżenta t-traspożizzjoni legali
tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Baġit għall-Ewropa 2020”
adottata [fit-2] ta' Ġunju 2011[4].
Hija se tiġi kkumplimentata minn proposta li temenda l-proposta
tal-Kummissjoni għal Regolament dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli
għall-baġit annwali tal-Unjoni sabiex tintroduċi xi
dispożizzjonijiet ġodda li huma parti mill-pakkett ta' proposti
għall-qafas finanzjarju 2014-2020. Il-Komunikazzjoni tippreżenta
l-arkitettura u l-elementi prinċipali tal-proposta preżenti –
pereżempju t-tul ta' żmien, l-istruttura li tirrifletti
l-Istrateġija Ewropa 2020, il-ħtieġa għal aktar
flessibbiltà, u l-ammonti previsti għall-qafas finanzjarju nnifsu.
1.2.2.
Flessibbiltà
Filwaqt li huwa mmirat sabiex jiżgura
d-dixxiplina baġitarja, il-qafas finanzjarju jrid, fl-istess waqt,
jipprovdi għal livelli adegwati ta' flessibbiltà sabiex ikun jista' jkun
hemm allokazzjoni effettiva tar-riżorsi u rispons rapidu tal-Unjoni
għal ċirkostanzi mhux previsti. Numru ta' parametri, bħat-tul tal-perjodu
kopert mill-qafas finanzjarju, in-numru u t-tfassil tal-intestaturi tal-infiq,
is-sehem tal-infiq tal-UE preallokat lill-Istati Membri u lir-reġjuni jew
predeterminat minn 'ammonti ta' referenza' f'leġiżlazzjoni
kodeċiża, il-marġini disponibbli f'kull intestatura tal-infiq, u
l-marġini li jibqa' bejn il-limiti massimi tal-qafas finanzjarju u
l-limitu massimu tar-riżorsi proprji, l-impatt fuq il-grad
tal-flessibbiltà jew ir-riġidità ta' qafas finanzjarju. Waqt li kienet qed
telabora l-proposti tagħha għall-qafas finanzjarju li jmiss,
il-Kummissjoni qieset dawn l-elementi. Madankollu, l-esperjenza riċenti turi li
l-isfidi li jirriżultaw minn żviluppi mhux previsti
b'riperkussjonijiet globali laħqu kwalità ġdida. Sa mill-bidu nett
tal-qafas finanzjarju kurrenti, id-dispożizzjonijiet kollha disponibbli
tal-flessibbiltà kellhom jiġu mobilizzati, inkluż numru ta'
reviżjonijiet tal-qafas innifsu. L-Unjoni se tkun dejjem aktar esposta
għall-effetti tal-globalizzazzjoni tal-ekonomija u s-soċjetà,
għat-tibdil fil-klima, id-dipendenza fil-qasam tal-enerġija,
il-pressjoni migratorja u sfidi globali oħra, li l-biċċa l-kbira
minnhom huma f'oqsma li għalihom it-Trattat ta' Lisbona żied
ir-responsabbiltà u r-rwol tal-Unjoni. Li jinstab il-bilanċ ġust bejn, minn
naħa waħda, id-dixxiplina baġitarja stretta u l-prevedibbiltà
tal-infiq u, min-naħa l-oħra, il-flessibbiltà meħtieġa
sabiex l-Unjoni tkun tista' tirrispondi għal sfidi mhux previsti, dejjem
se jkun eżerċizzju politiku diffiċli. Fuq il-bażi
tal-valutazzjoni tagħha dwar il-funzjonament tal-IIA kurrenti[5]
u riflessjonijiet oħra li saru fil-kuntest tar-Reviżjoni
tal-Baġit[6], il-Kummissjoni
tipproponi titjib limitat iżda mmirat għal dispożizzjonijiet
eżistenti tal-flessibbiltà: 1.
L-ewwel nett, l-użu wiesa' u regolari li sar
mill-Istrument tal-Flessibbiltà u r-Riżerva ta' Għajnuna ta'
Emerġenza (EAR) matul il-qafas finanzjarju kurrenti ta prova
tal-ħtieġa tagħhom. Fl-istess waqt, l-esperjenza partikolarment
bil-ġestjoni tal-Azzjoni Esterna matul l-aħħar ftit snin uriet
li l-UE kellha tagħmel użu mhux effiċjenti minn strumenti
differenti (bħar-Riżerva tal-Għajnuna ta' Emerġenza,
l-Istrument għall-Istabbilità, marġini mhux allokati, u l-Istrument
tal-Flessibbiltà) sabiex tindirizza żviluppi internazzjonali u sfidi
ġodda. Għaldaqstant, żieda fl-ammonti massimi
disponibbli kull sena hija proposta kemm għall-Istrument tal-Flessibbiltà
kif ukoll għall-EAR. Minbarra dan, il-possibilità li jintużaw
porzjonijiet mhux użati mill-ammonti massimi annwali fis-snin finanzjarji
sussegwenti hija estiża sas-sena n + 3 għall-Istrument
tal-Flessibbiltà u introdotta mill-ġdid, sas-sena n+1,
għar-Riżerva tal-Ġħajnuna ta' Emerġenza (din
tal-aħħar suġġett li ssir dispożizzjoni għal dan
fir-Regolament Finanzjarju). L-ambitu tar-Riżerva tal-Għajnuna ta'
Emerġenza huwa mwessa' sabiex ikopri wkoll sitwazzjonijiet ta' pressjoni
partikolari li jirriżultaw minn flussi migratorji fuq il-fruntieri esterni
tal-Unjoni. Dan għandu jippermetti wkoll
liż-żewġ strumenti sabiex jikkontribwixxu aktar għal
rispons aktar rapidu tal-Unjoni għal sitwazzjonijiet mhux mistennija ta'
skala limitata. 2.
It-tieni nett, filwaqt li l-Fond tas-Solidarjetà
tal-Unjoni Ewropea u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament
għall-Globalizzazzjoni (EGF) ippruvaw l-utilità tagħhom, qatt ma
ntuża l-ammont annwali massimu previst għall-EGF taħt il-qafas
finanzjarju kurrenti (EUR 500 miljun). Tnaqqis żgħir
fl-ammont disponibbli għal EUR 429 miljun huwa propost flimkien
ma' simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-finanzjament u r-rilaxx
tal-għajnuna u twessigħ tal-ambitu tal-Fond sabiex jgħin ukoll fil-mitigazzjoni
tal-effetti tal-globalizzazzjoni li jaffettwaw il-bdiewa. 3.
It-tielet, il-possibilità li jkun hemm differenza
mill-ammonti indikattivi fil-programmi kodeċiżi hija proposta li
tiżdied minn 5 % għal 10 % sabiex tiżdied
il-flessibbiltà fi ħdan l-intestaturi. 4.
Ir-raba', il-Kummissjoni se tagħmel proposta
għall-introduzzjoni ta' dispożizzjoni ġdida fir-Regolament
Finanzjarju bil-għan li tiżdied il-flessibbiltà għal
proġetti ffinanzjati taħt il-Faċilità tal-Infrastruttura li
għadha kif ġiet stabbilita. Minħabba n-natura tagħhom, dawk
il-proġetti tal-infrastruttura f'ħafna każijiet se jitolbu
proċeduri kumplessi għall-kuntratti. Taħt dawk
iċ-ċirkostanzi, dewmien anki limitat jista' jwassal għal telf
ta' approprjazzjonijiet għall-impenji annwali u jimmina l-vijabbiltà ta'
dawk il-proġetti u b'hekk id-determinazzjoni politika tal-Unjoni sabiex
timmodernizza n-netwerks u l-infrastruttura tagħha tat-trasport,
l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet. Sabiex jevita dan, ir-Regolament
Finanzjarju għandu jippermetti riport awtomatiku għas-sena
finananzjarja ta' wara ta' approprjazzjonijiet għall-impenji mhux
użati fi tmiem ta' sena finanzjarja għal proġetti ffinanzjati
taħt il-Faċilità tal-Infrastruttura. 5.
Il-ħames, fid-dawl tal-vulnerabbiltà
tas-settur agrikolu għal kriżijiet maġġuri, Riżerva
Speċjali ġdida għall-kriżijiet fis-settur agrikolu hija
proposta b'ammont annwali ta' 500 miljun li għandha tiġi
mmobilizzata lil hinn mil-limiti massimi tal-qafas finanzjarju.
Il-proċedura għall-mobilizzazzjoni ta' din ir-Riżerva
tikkorrispondi għal dik għar-Riżerva għal Għajnuna ta'
Emerġenza. Regoli dettaljati għall-eliġibbiltà
għall-assistenza minn din ir-Riżerva se jiġu stabbiliti fl-att
legali speċifiku tagħhom. 6.
Fl-aħħar nett, reviżjoni tal-qafas
finanzjarju se tkompli tkun meħtieġa sabiex jiġu
ffaċċjati ċirkostanzi mhux previsti b'impatt finanzjarju kbir.
Sabiex ikun possibbli livell ta' flessibbiltà simili meta mqabbel mal-IIA
kurrenti, huwa propost 'Marġini ta' Kontinġenza' li jista' jiġi
mmobilizzat lil hinn mil-limiti massimi tal-qafas finanzjarju fi ħdan
il-limiti ta' 0,03% tal-ING tal-UE permezz tal-istess proċedura kif
stabbilit taħt il-Punt 22 tal-IIA kurrenti. Id-dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà
proposti għar-Regolament tal-MFF u l-abbozz tal-IIA isegwu l-approċċ
tal-proposti ta' Marzu 2010: l-Artikolu 2 tar-Regolament jipprovdi
għall-possibbiltà li jiġu mmobilizzati l-ammonti tal-istrumenti
speċjali barra mill-qafas finanzjarju lil hinn mil-limiti massimi
stabbiliti mill-qafas finanzjarju. Id-dispożizzjonijiet dwar l-istrumenti
nfushom, l-ammonti tagħhom u l-proċeduri tal-mobilizzazzjoni
tagħhom huma inklużi fl-IIA. B'dan il-mod, il-koerenza
tal-proċeduri u r-rwoli taż-żewġ fergħat tal-awtorità
tal-baġit huma żgurati (ara l-Punti 10 sa 15 tal-Abbozz tal-IIA).
1.2.3.
Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar
il-garanziji
Jekk il-ħlas lura ta' self garantit
ipprovdut skont il-Faċilità tal-Bilanċ tal-Pagamenti
("BoP") jew skont il-Mekkaniżmu Ewropew
għall-Istabbilizzazzjoni Finanzjarja ("EFSM") ikollu jiġi
kopert mill-baġit tal-Unjoni, ir-Regolament Nru 1150/2000 jipprevedi
l-possibilità li jissejħu riżorsi proprji addizzjonali sabiex
jiġi rrispettat l-obbligu legali tal-baġit tal-Unjoni. Din
l-operazzjoni ta' flus likwidi jkollha tiġi segwita b'operazzjoni
baġitarja – jiġifieri l-introduzzjoni ta' baġit ta' emenda. Kull
baġit ta' emenda għandu jikkonforma mal-limiti massimi tal-MFF.
Fid-dawl tal-ammonti involuti (is-self garantit tal-EFSM u l-BoP), dan
kważi ċertament jitlob reviżjoni tal-MFF. Huwa improbabbli ħafna li qatt isseħħ
din is-sitwazzjoni iżda sabiex tiġi evitata kull diffikultà
potenzjali, huwa propost li fir-Regolament tal-MFF tiġi inkluża
dispożizzjoni li teskludi din in-nefqa potenzjali mill-qafas finanzjarju
(jiġifieri jekk ikun meħtieġ, l-ammonti jiġu mmobilizzati
lil hinn mil-limiti massimi tal-qafas finanzjarju). Il-limitu massimu relevanti li
jirrestrinġi l-kapaċità tal-Unjoni sabiex tiggarantixxi s-self
mill-baġit tal-Unjoni huwa l-limitu massimu tar-riżorsi proprji u
mhux il-limitu massimu tal-MFF. Li tintalab reviżjoni tal-MFF fil-każ
ta' attivazzjoni ta' din il-garanzija jidher li jmur kontra l-intenzjonijiet
tal-leġiżlatur.
1.2.4.
Kontribuzzjoni għall-finanzjament ta'
proġetti fuq skala kbira
Il-karatteristiċi ta' programmi kbar ta'
żvilupp teknoloġiku bbażati fuq proġetti tal-infrastruttura
fuq skala kbira, b'mod partikolari l-programmi Ewropej tan-navigazzjoni
bis-satellita EGNOS u Galileo, jitolbu dispożizzjonijiet
speċifiċi mmirati sabiex jiġu 'iżolati' l-ammonti li
jikkorrispondu mal-kontribuzzjoni mill-baġit tal-Unjoni. Fid-dawl
tal-esperjenza bil-qafas finanzjarju tal-2007-2013, dawn
id-dispożizzjonijiet il-ġodda huma meħtieġa sabiex
jiġi ssalvagwardjat l-iżvilupp ordnat tal-infiq tal-Unjoni u sabiex
il-proċedura baġitarja annwali tiffunzjona mingħajr diffikultajiet.
L-atti leġiżlattivi li jirrigwardaw
il-programmi msemmija hawn fuq għandhom jikkonformaw
mad-dispożizzjonijiet finanzjarji stabbiliti f'dan ir-Regolament.
2.
L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA
2.1.
Ir-Regolament tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali
Artikolu 1 Il-formulazzjoni tal-Artikolu 1
jispeċifika t-tul tal-qafas finanzjarju u jirreferi għall-Anness li
fih it-tabella tal-qafas finanzjarju. Artikolu 2 – Konformità mal-limitu
massimu tal-MFF L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2
jistabbilixxi obbligu għall-istituzzjonijiet biex jirrispettaw il-limiti
waqt il-proċedura baġitarja f’konformità mad-dispożizzjonijiet
tat-Trattat. It-tieni paragrafu jintroduċi
l-possibbiltà li jinqabżu l-limiti massimi, jekk ikun meħtieġ,
meta jkunu mmobilizzati l-istrumenti li mhumiex inklużi fil-qafas
finanzjarju. Ir-Riżerva tal-Għajnuna ta' Emerġenza, il-Fond
tas-Solidarjetà, l-Istrument tal-Flessibbiltà, il-Fond Ewropew
tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u r-Riżerva li
għadha kif inħolqot għall-kriżijiet fis-settur agrikolu u
l-Marġini ta' Kontinġenza huma definiti fil-Punti 10 sa 15 tal-abbozz
tal-IIA. Huma mhumiex inklużi fil-qafas finanzjarju u jiżguraw li
jkun ipprovdut finanzjament f’ċirkostanzi speċifiċi li
jaqbeż il-limiti massimu tal-qafas finanzjarju, jekk ikun hemm bżonn.
Huma jżidu l-flessibbiltà tal-qafas finanzjarju u huma mmobilizzati b’mod
konġunt miż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit.
Sabiex jinżamm il-livell kurrenti ta’ flessibbiltà u r-rwoli
tal-istituzzjonijiet fil-mobilizzazzjoni ta’ dawn l-istrumenti, id-dispożizzjonijiet
li jirregolawhom huma inklużi fl-abbozz tal-IIA. It-tielet paragrafu jeskludi l-proċedura
tal-mobilizzazzjoni tal-garanziji mill-baġit tal-Unjoni għas-self
ipprovdut taħt il-Faċilità tal-Bilanċ tal-Pagamenti u
l-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istabbilizzazzjoni Finanzjarja mill-obbligu li
tirrispetta l-limiti massimi tal-qafas finanzjarju u għalhekk
mill-ħtieġa ta' reviżjoni tal-MFF. Il-limitu massimu relevanti
li jeħtieġ li jiġi rrispettat huwa l-limitu massimu
tar-riżorsi proprji. Artikolu 3
– Rispett għal-limitu massimu tar-riżorsi proprji Hija proposta bidla għal dan l-Artikolu
meta mqabbel mal-proposta ta' Marzu 2010 – referenza espliċita
għall-fatt li l-użu li jsir mill-istrumenti li jistgħu jiġu
mobilizzati minn barra l-qafas finanzjarju u l-garanziji tas-self koperti
mill-baġit tal-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 332/2002
jew ir-Regolament (UE) Nru 407/2010 wkoll jenħtieġ li
jirrispetta l-limitu massimu tar-riżorsi proprji. Artikolu 4 – Aġġustament
tekniku tal-qafas finanzjarju Il-qafas finanzjarju huwa ppreżentat fi
prezzijiet tal-2011. Il-proċedura għall-aġġustament tekniku
tiegħu qed tinżamm, flimkien mad-deflatur ta' 2%. Huwa introdott
element ġdid fil-paragrafu 1(c) – il-preżentazzjoni tal-ammont
assolut tal-Marġini ta' kontinġenza fil-livell ta' 0,03% tal-ING
tal-UE kif definit fil-Punt 15 tal-abbozz tal-IIA. Artikolu 5 – Aġġustament
tal-pakketti tal-politika tal-koeżjoni Il-formulazzjoni ta' dan l-Artikolu
tirriproduċi t-test tal-Punt 17 tal-IIA kurrenti u l-Artikolu 5
tal-proposta ta' Marzu 2010. Il-bidliet introdotti jirriflettu l-iskeda
tal-qafas finanzjarju tal-2014-2020 u l-bidla fl-istruttura tal-qafas
finanzjarju. Artikolu 6
– Aġġustamenti relatati mal-implimentazzjoni Il-formulazzjoni ta' dan l-Artikolu, li
jistabbilixxi regoli għall-aġġustamenti relatati
mal-implimentazzjoni, jikkorrispondi mal-Punt 18 tal-IIA kurrenti. Ma huma
proposti l-ebda tibdiliet meta mqabbla mal-proposta ta' Marzu 2010. Artikolu 7 – Aġġustament
tal-Fondi Strutturali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond tal-Iżvilupp
Rurali u l-Fond Ewropew tas-Sajd Dan l-Artikolu jirriproduċi t-test ta'
Punt 48 tal-IIA kurrenti. It-tħejjija tal-bażijiet legali u
mbagħad id-dokumenti tal-ipprogrammar normalment tieħu fit-tul u
għalhekk tista' tiġi prevista adozzjoni tard tat-testi legali jew
programmi. Artikolu 8 – Aġġustamenti
relatati mad-defiċit eċċessiv tal-gvern Il-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu, li
jistabbilixxi r-regoli għall-aġġustamenti marbuta ma’
defiċit eċċessiv tal-gvern, jirriproduċi t-test ta’
Punt 20 tal-IIA kurrenti u ma nbidilx meta mqabbel mal-proposta ta'
Marzu 2010. Artikolu 9 – Reviżjoni tal-qafas
finanzjarju Il-formulazzjoni ta' dan l-Artikolu
jikkorrispondi mal-Punti 21 sa 23 tal-IIA kurrenti u l-Artikolu 8
tal-proposta ta' Marzu 2010. Ġew introdotti xi ftit tibdiliet: 1.
ir-regola ġenerali dwar iż-żmien meta ssir il-proposta
għar-reviżjoni, kif inkluża fl-Artikolu 8(2) tal-proposta
ta' Marzu 2010, tneħħiet billi ma kenitx tikkorrispondi
mal-prattika kurrenti fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu
ffaċċjati ċirkostanzi mhux previsti meta dawn iseħħu;
2. il-possibiltà li l-qafas finanzjarju jiġi adattat
b'maġġoranza kwalifikata kif propost fl-Art. 8(3)
f'Marzu 2010 ġiet irtirata (fid-dawl tat-twessigħ propost
tal-istrumenti tal-flessibiltà, inkluża l-introduzzjoni tal-Marġini
ta' Kontinġenza); u 3. ġie introdott paragrafu 5 ġdid li
jispeċifika liema mill-aġġustamenti għall-qafas finanzjarju
stipulati f'Artikoli oħra għandhom ukoll jitqiesu bħala
reviżjoni tal-qafas finanzjarju. Artikolu 10 - L-aġġustament
tal-qafas finanzjarju fil-każ ta’ reviżjoni tat-Trattat Il-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu, li
jistabbilixxi r-regoli għall-aġġustamenti fil-każ ta’
reviżjoni tat-Trattat, jirriproduċi t-test ta’ Punt 4 tal-IIA
kurrenti u jikorrispondi mal-Artikolu 9 tal-proposta ta' Marzu 2010. Artikolu 11 – Aġġustament
tal-qafas finanzarju f'każ ta' tkabbir Il-formulazzjoni ta' dan l-Artikolu
jirriproduċi t-test tal-Punt 29 tal-IIA kurrenti u l-Artikolu 11
tal-proposta ta' Marzu 2010. Huwa introdott paragrafu ġdid b'referenza
partikolari għal soluzzjoni komprensiva possibbli għall-problema ta'
Ċipru matul il-perjodu kopert mill-qafas finanzjarju. Artikolu 12 – Koperazzjoni
interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu
jikkorrispondu mal-proposta ta' Marzu 2010. Ir-regoli ġenerali
tal-koperazzjoni fil-proċedura baġitarja huma inklużi
fir-Regolament tal-MFF, filwaqt li l-abbozz tal-IIA u l-Anness tiegħu
fihom dispożizzjonijiet aktar dettaljati. Artikolu 13 – Finanzjament
tal-Politika Estera u tas-Sigurtà Komuni (PESK) Id-dispożizzjoni tal-proposta ta'
Marzu 2010 hija miżmuma bl-eċċezzjoni tal-istabbiliment
tal-ammont minimu għall-PESK. Artikolu 14 – Kontribuzzjoni
għall-finanzjament ta' proġetti fuq skala kbira Huma meħtieġa dispożizzjonijiet
speċifiċi għal programmi kbar ta' żvilupp teknoloġiku
bbażati fuq proġetti tal-infrastruttura fuq skala kbira,
partikolarment il-programmi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita EGNOS u
Galileo. Dawn id-dispożizzjonijiet huma meħtieġa minħabba
l-karatteristiċi speċifiċi ta' dawk il-proġetti,
jiġifieri tul li fil-biċċa l-kbira jeċċedi l-qafas
finanzjarju multiannwali, riskji marbuta mal-proġett li jistgħu
jipproduċu eċċessi sostanzjali fl-ispejjeż,
parteċipazzjoni limitata jew nuqqas ta' parteċipazzjoni mill-kapital
privat, u abilità modesta jew nuqqas ta' abilità li jiġi
ġġenerat dħul minn sfruttament kummerċjali fuq perjodu ta'
żmien qasir jew ta' tul medju. Għaldaqstant, id-dispożizzjoni
proposta tipprevedi 'iżolament' tal-ammont disponibbli
għall-programmi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita EGNOS u Galileo
taħt il-qafas finanzjarju 2014-2020. Artikolu 15 – Valutazzjoni ta' nofs
it-terminu tal-implimentazzjoni tal-qafas finanzjarju Hija inkluża dispożizzjoni
ġdida li tistabbilixxi ż-żmien għal valutazzjoni ta' nofs
it-terminu tal-funzjonament tal-qafas finanzjarju. Dispożizzjoni simili
ġiet inkluża fl-IIA kurrenti (il-Punt 7 u
d-Dikjarazzjoni Nru 1). Artikolu 16 – Tranżizzjoni lejn
il-qafas finanzjarju li jmiss Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-obbligu
għall-Kummissjoni li tippreżenta qafas finanzjarju ġdid qabel
l-1 ta' Jannar 2018, jiġifieri tliet snin qabel it-tmiem
tal-qafas finanzjarju. It-tieni paragrafu jfakkar fir-regoli
fil-każ li ma jintlaħaqx qbil dwar qafas finanzjarju sa tmiem
il-qafas finanzjarju kopert mir-Regolament. Artikolu 17 L-Artikolu finali tar-regolament MFF jiffissa
d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament. L-IIA għandu
jidħol fis-seħħ fl-istess jum billi ż-żewġ testi
legali jikkumplimentaw lil xulxin.
2.2.
Il-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-koperazzjoni
fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba
Introduzzjoni – Punti 1 sa 6
tal-abbozz tal-IIA Il-parti introduttorja tal-abbozz tal-IIA
tintroduċi r-referenza tat-Trattat (Art. 295), in-natura vinkolanti
ta' dan il-ftehim, il-koerenza tiegħu ma' atti legali oħra marbuta
mal-qafas finanzjarju multiannwali u l-proċedura baġitarja,
tiddeskrivi l-istruttura tal-Ftehim, u tistipula d-data tad-dħul
tiegħu fis-seħħ (l-istess data bħar-Regolament tal-MFF). Hija tirriproduċi l-formulazzjoni
tal-Punti 1 sa 6 tal-proposta ta' Marzu 2010. Parti I -
dispożizzjonijiet marbuta mal-qafas finanzjarju u strumenti speċjali
li mhumiex inklużi fil-qafas finanzjarju A. Dispożizzjonijiet marbuta mal-qafas
finanzjarju Il-Punt 7 jipprovdi għar-regoli dwar
il-preżentazzjoni tal- informazzjoni dwar operazzjonijiet li mhumiex
inklużi fil-baġit (jiġifieri l-Fond Ewropew
għall-Iżvilupp) u dwar l-iżvilupp ta’ kategoriji ta’
riżorsi proprji. Il-prattika li tiġi pprovduta din l-informazzjoni se
tinżamm l-istess iżda qed ikun propost li tiġi ppreżentata
mhux aktar mal-aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju iżda
mad-dokumenti li jakkumpanjaw l-abbozz tal-baġit fejn loġikament hu
aktar postha. Iż-żmien tal-preżentazzjoni jibqa' prattikament
l-istess (it-tmiem ta' April/il-bidu ta' Mejju). Din il-bidla diġà
ġiet inkluża fil-proposta ta' Marzu 2010. Il-Punt 8 tal-IIA il-ġdid jirrigwarda
l-marġini taħt il-limiti massimi. Ir-Regolament tal-MFF jistabbilixxi
l-limiti għall-intestaturi kollha li għandhom jiġu rrispettati
waqt kull proċedura baġitarja annwali kif mitlub mit-Trattat.
Madankollu, għandha tiġi ppriservata l-prattika li wieħed
jiżgura kemm jista’ jkun marġini suffiċjenti taħt il-limiti
massimi. Dan jikkostitwixxi element tal-koperazzjoni interistituzzjonali u
r-rieda tajba min-naħa tal-istituzzjonjiet fil-proċedura
baġitarja u bħala tali postu hu fl-IIA. Id-dispożizzjoni qed
tinżamm mingħajr tibdil għall-prattika kurrenti u wkoll meta
mqabbla mal-proposta ta' Marzu 2010. Il-Punt 9 jipprovdi għal
aġġornament tal-previżjoni għal approprjazzjonijiet
għall-ħlasijiet wara l-2020 fir-raba' sena tal-qafas finanzjarju,
skont il-prattika kurrenti u l-proposta ta' Marzu 2010. B. Dispożizzjonijiet relatati
mal-istrumenti speċjali li mhumiex inklużi fil-qafas finanzjarju L-istrumenti eżistenti li mhumiex
inklużi fil-qafas finanzjarju (ir-Riżerva dwar l-Għajnuna ta’
Emerġenza, il-Fond ta’ Solidarjetà, l-istrument ta’ Flessibbiltà u l-Fond
Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni) inżammu
fl-IIA. Ir-Regolament tal-MFF jinkludi fl-Artikolu 2 il-possibbiltà li dawn
jiġu mmobilizzati, jekk ikun meħtieġ, 'il fuq mil-limiti massimi
stabbiliti mill-qafas finanzjarju. Dan il-qsim tad-dispożizzjonijiet bejn
iż-żewġ atti jikkorrispondi mal-loġika ppreżentata
fil-proposti ta' Marzu 2010. It-tibdiliet imqabbla mal-proposta ta'
Marzu 2010 jikkonsistu f'żieda fl-ammonti għall-Istrument
tal-Flessibbiltà u r-Riżerva għal Għajnuna ta' Emerġenza,
tnaqqis tal-ammont tal-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni,
l-introduzzjoni, suġġett għal dispożizzjoni li għandha
tiġi introdotta fir-Regolament Finanzjarju, tal-possibilità li
jintużaw porzjonijiet mhux użati tal-ammonti annwali disponibbli
taħt l-EAR sas-sena n+1 u t-twessigħ tal-ambitu tiegħu sabiex
ikopri wkoll sitwazzjonijiet ta' pressjoni partikolari li tirriżulta minn
flussi migratorji fuq il-fruntieri esterni tal-Unjoni, il-prolongament ta' dik
il-possibilità għall-Istrument tal-flessibbiltà mis-sena n+2
għas-sena n+3, kif ukoll it-tħassir tad-dispożizzjonijiet li
jillimitaw l-ammonti annwali disponibbli taħt il-Fond Ewropew ta'
Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għad-disponibbiltà
tal-ammonti mhux minfuqa u diżimpenjati mis-sentejn preċedenti u
t-twessigħ tal-ambitu tiegħu sabiex jgħin fil-mitigazzjoni
tal-effetti tal-globalizzazzjoni li jaffettwaw il-bdiewa. L-ammonti kollha huma
espressi fi prezzijiet tal-2011 sabiex ikunu koerenti mal-preżentazzjoni
globali tal-qafas finanzjarju. Il-proċeduri tal-mobilizzazzjoni huma
ssimplifikati meta mqabbla mal-prattika kurrenti. Hija proposta riżerva ġdida
għal kriżijiet kbar fis-settur agrikolu. Regoli dettaljati
għall-eliġibbiltà tal-għajnuna minn din ir-Riżerva se
jiġu stabbiliti f'bażi legali speċifika. L-IIA jiddefinixxi
l-ammont u r-regoli għall-mobilizzazzjoni tagħha. Huwa propost strument ġdid barra
mill-qafas finanzjarju – il-'Marġini ta' Kontinġenza'.
Il-formulazzjoni tikkorrispondi, fis-sustanza, mad-dispożizzjonijiet
adottati mill-Kunsill fil-pożizzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2011
dwar il-proposti ta' Marzu 2010. Madankollu, il-qsim
tad-dispożizzjonijiet fuq il-Marġini tal-Kontinġenza
jikkorrispondi mal-loġika tal-proposti ta' Marzu 2010 –
jiġifieri ż-żamma fl-IIA tad-dispożizzjonijiet kollha
relatati mal-istrumenti speċjali barra mill-qafas finanzjarju. Parti II
- titjib tal-koperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura
baġitarja. A. Il-proċedura tal- kollaborazzjoni
interistituzzjonali Id-dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni
interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja ġew emendati b'mod sinifikanti
meta mqabbla mar-regoli kurrenti sabiex jikkonformaw mal-proċedura
baġitarja l-ġdida introdotta mit-Trattat. Id-dispożizzjonijiet
kollha huma inklużi fl-Anness tal-IIA kif propost f'Marzu 2010. Id-dispożizzjonijiet inklużi
fl-anness jikkorrispondu mal-proposta ta' Marzu 2010 iżda jinkorporaw
it-tibdiliet miftiehma ladarba minn dak iż-żmien 'l hawn
fid-Dikjarazzjonijiet tal-istituzzjonijiet. B. Inkorporazzjoni
tad-dispożizzjonijiet finanzjarji f'atti leġiżlattivi Id-dispożizzjonijiet tal-IIA kurrenti u
b'hekk ukoll tal-proposta ta' Marzu 2010 huma miżmuma. Il-possibilità
li wieħed jitbiegħed mill-ammonti inklużi fl-atti
leġiżlattivi hija miżjuda minn 5% għal 10% sabiex
tiżdied il-flessibbiltà fi ħdan l-intestaturi. Din
id-dispożizzjoni ma tapplikax għal ammont preallokat lill-Istati
Membri għat-tul kollu tal-qafas finanzjarju u issa għall-proġett
fuq skala kbira definit fl-Artikolu 13 tar-Regolament tal-MFF. C. Infiq rigward ftehimiet dwar is-sajd Qed jiġi propost li jiġu allinjati
d-dispożizzjonijiet tal-IIA il-ġdid dwar in-nefqa relatata
mal-ftehimiet dwar is-sajd mar-regoli baġitarji l-ġodda. It-tibdil
propost fil-formulazzjoni jirrifletti dawk il-partijiet tat-test eżistenti
li għadhom relevanti u jirrigwarda purament il-koperazzjoni tajba u li l-istituzzjonijiet
jinżammu infurmati bl-iżviluppi. Id-dispożizzjonijiet
jikkorrispondu mal-proposta ta' Marzu 2010, u l-ebda tibdil ma tqies
bħala neċessarju. D. Il-finanzjament tal-Politika Estera u
ta’ Sigurtà Komuni Id-dispożizzjonijiet jikkorrispondu mal-proposta
ta' Marzu 2010, u l-ebda tibdil ma tqies bħala neċessarju. E. Involviment tal-istituzzjonijiet
fil-ġestjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sabiex jittejjeb l-iskrutinju parlamentari
tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) u dan jinġieb iqreb lejn
ir-regoli tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp iffinanzjata
mill-baġit tal-Unjoni, huwa propost li tiġi introdotta
dispożizzjoni ġdida dwar id-djalogu mal-Parlament Ewropew dwar
id-dokumenti tal-ipprogrammar li għandhom jiġu ffinanzjati mill-EDF. F. Il-koperazzjoni tal-istituzzjonijiet
fil-proċedura baġitarja dwar in-nefqa amministrattiva Hija introdotta dispożizzjoni ġdida
mmirata sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet jiftiehmu kull sena
fi stadju bikri tal-proċedura baġitarja (iż-żmien huwa
introdott fl-Anness) dwar il-qsim tal-infiq amministrattiv; il-varjazzjoni
annwali fil-livell tal-infiq amministrattiv għal kull istituzzjoni
għandu wkoll jirrifletti l-impatt baġitarju possibbli minn tibdiliet
għad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti tal-persunal u l-impatt
tat-tnaqqis progressiv tal-livelli tal-persunal b'5% bejn l-2013 u l-2018
fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha. Parti III - Tmexxija finanzjarja tajba
tal-fondi tal-UE Din il-parti tirriproduċi t-test
tal-proposta ta' Marzu 2010 dwar l-Ipprogrammar finanzjarju (bi ftit
aġġustamenti sabiex it-test jitqarreb lejn il-prattika kurrenti), u
dwar l-Aġenziji u l-Iskejjel Ewropej (b'addizzjoni li ssegwi l-istess
regoli għat-twaqqif ta' xi Aġenzija ġdida għall-modifika
tal-att legali relevanti jew il-modifika tal-inkarigi ta' xi aġenzija u
speċifikazzjoni dwar id-dettalji tal-valutazzjoni tal-impatt li
għandha ssir mill-Kummissjoni qabel ma tippreżenta l-proposta
għat-twaqqif ta' Aġenzija ġdida jew Skola Ewropea ġdida). It-taqsima dwar Strumenti Finanzjarji
Ġodda jew Innovattivi ma għadhiex neċessarja billi r-Regolament
Finanzjarju se jinkludi Titolu ġdid iddedikat għal kollox
għall-istrumenti finanzjarji u b'regoli dettaljati għar-rappurtar
dwar dawk l-istrumenti. 2011/0177 (APP) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju
multiannwali għas-snin 2014-2020 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 312
tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea
għall-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a
tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea[7], Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament
Ewropew[8], Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att
leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Filwaqt li jaġixxi skont
il-proċedura leġiżlattiva speċjali, Billi: (1)
Il-limiti massimi annwali tal-approprjazzjonijiet
għall-impenji skont il-kategorija tan-nefqa u l-limiti massimi annwali
dwar l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet stabbiliti minn dan
ir-Regolament għandhom jirrispettaw il-limiti massimi stabbiliti
għall-impenji u r-riżorsi proprji fid-[Deċiżjoni
tal-Kunsill XXXX/XX/UE, Euratom]. (2)
Meta titqies il-ħtieġa ta' livell adegwat
ta' prevedibbiltà għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' investimenti
fuq perjodu ta' tul medju, it-tul tal-qafas finanzjarju għandu jiġi
stabbilit għal seba' snin li jibdew mill-1 ta' Jannar 2014,
b'valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-qafas finanzjarju f'nofs dan
il-perjodu. Ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni għandhom jitqiesu
matul l-aħħar tliet snin tal-ħajja tal-qafas finanzjarju. (3)
Strumenti speċjali, ir-Riżerva
għall-Għajnuna ta’ Emerġenza, il-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni
Ewropea, l-Istrument tal-Flessibbiltà, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament
għall-Globalizzazzjoni, ir-Riżerva għall-kriżijiet
fis-settur agrikolu u l-Marġini ta' Kontinġenza huma
meħtieġa biex jippermettu lill-Unjoni tirreaġixxi għal
ċirkostanzi speċifiċi mhux previsti jew biex jippermettu
l-finanzjament ta’ infiq identifikat b’mod ċar li ma setax jiġi
ffinanzjat fi ħdan il-limiti massimi disponibbli għal intestatura
waħda jew aktar kif stabbilit fil-qafas finanzjarju. Għalhekk hu neċessarju li
jkun hemm provvediment għal possibbiltà li jiddaħħlu
fil-baġit approprjazzjonijiet għall-impenji 'l fuq mil-limiti massimi
stabbiliti fil-qafas finanzjarju fejn hu meħtieġ li jintużaw
strumenti speċjali. (4)
Jekk ikun meħtieġ li jiġu
mmobilizzati l-garanziji baġitarji tal-Unjoni għas-self ipprovdut
taħt il-Faċilità tal-Bilanċ tal-Pagamenti u l-Mekkaniżmu
Ewropew tal-Istabbilizzazzjoni Finanzjarja stabbilit fir-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li
jistabbilixxi faċilità li tipprovdi assistenza finanzjarja għal
perjodu ta' tul medju għall-bilanċi tal-pagamenti tal-Istati Membri[9]
u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010
tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew
tal-istabbilizzazzjoni finanzjarja[10], l-ammont
neċessarju għandu jiġi mmobilizzat 'il fuq mil-limitu massimu
tal-approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet
tal-qafas finanzjarju filwaqt li jiġi rrispettat il-limitu massimu
tar-riżorsi proprji. (5)
Il-qafas finanzjarju għandu jiġi
stabbilit bil-prezzijiet tal-2011. Ir-regoli għall-aġġustamenti
tekniċi tal-qafas finanzjarju biex jiġu kkalkulati mill-ġdid
il-limiti massimi u l-marġini disponibbli għandhom jiġu
stabbiliti wkoll. (6)
Il-qafas finanzjarju ma għandux iqis
il-partiti tal-baġit iffinanzjati mid-dħul assenjat fit-tifsira
tar-Regolament (UE) Nru [xxx/201x] tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill ta' […] dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli
għall-baġit annwali tal-Unjoni[11]. (7)
Għandhom jiġu stabbiliti regoli għal
sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jitolbu aġġustament
tal-qafas finanzjarju. Dawn l-aġġustamenti jistgħu jkunu
relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, defiċit eċċessiv
tal-gvern, reviżjoni tat-Trattati, tkabbir jew adozzjoni tard ta' regoli
ġodda li jirrigwardaw ċerti oqsma ta' politika. (8)
Il-pakketti nazzjonali għall-Koeżjoni
għat-tkabbir u l-impjiegi huma stabbiliti fuq il-bażi tal-previżjoni
għall-Prodott Domestiku Gross (minn hawn 'il quddiem il-"PDG")
tar-rebbiegħa 2011. Fid-dawl tal-inċertezzi fit-tbassir u l-impatt
għall-Istati Membri b'limitu massimu, għandha ssir valutazzjoni
f'nofs it-terminu sabiex tqabbel il-PDG imbassar u dak reali u l-impatt
tiegħu fuq il-pakketti. Fil-każ li l-PDG għall-2014-2016
jitbiegħed b'aktar minn +/- 5% mill-previżjoni użata fl-2011,
il-pakketti għall-2018-2020 għall-Istati Membri kkonċernati jkun
jenħtieġ li jiġu aġġustati. Huwa meħtieġ li
jiġu stipulati r-regoli għal dan l-aġġustament. (9)
Jista' jkun meħtieġ li l-qafas
finanzjarju jiġi revedut fil-każ ta' ċirkostanzi mhux previsti
li ma jistgħux jiġu trattati fi ħdan il-limiti massimi
stabbiliti tal-qafas finanzjarju. Għalhekk, huwa neċessarju li jkun
hemm dispożizzjoni għal reviżjoni tal-qafas finanzjarju
f'każijiet bħal dawn. (10)
Hu meħtieġ li jkun hemm provvedimenti
għal regoli ġenerali dwar koperazzjoni interistituzzjonali
fil-proċedura baġitarja. (11)
Sabiex il-proċedura baġitarja tkun tista'
timxi mingħajr skossi, hu meħtieġ li jiġu stipulati
r-regoli bażiċi għall-ibbaġittjar tan-nefqa
għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u ammont globali
għall-perjodu kopert mill-qafas finanzjarju. (12)
Arranġamenti ddettaljati dwar koperazzjoni
interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja u dwar l-ibbaġittjar
tan-nefqa għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni huma stipulati
fil-Ftehim Interistituzzjonali ta’ […] 201x bejn il-Parlament Ewropew,
il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba u l-koperazzjoni
fi kwistjonijiet baġitarji[12]. (13)
Huma meħtieġa wkoll regoli
speċifiċi sabiex wieħed jittratta l-proġetti l-kbar
tal-infrastruttura li l-ħajja tagħhom testendi sostanzjalment lil
hinn mill-perjodu stabbilit għall-qafas finanzjarju. Huwa neċessarju
li jiġu stabbiliti ammonti massimi għall-kontribuzzjonijiet
mill-baġit tal-Unjoni għal dawk il-proġetti. Dawk it-talbiet ma
għandhom ikollhom l-ebda impatt fuq proġetti oħra ffinanzjati
mill-baġit tal-Unjoni. (14)
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta
proposta għal qafas finanzjarju multiannwali ġdid qabel
l-1 ta' Jannar 2018 biex tagħmilha possibbli
għall-istituzzjonijiet li jadottawh kmieni biżżejjed qabel jibda
l-qafas finanzjarju li jmiss. Il-qafas finanzjarju stabbilit f’dan
ir-Regolament għandu jibqa’ japplika jekk il-qafas finanzjarju l-ġdid
ma jiġix adottat qabel it-tmiem tat-terminu tal-qafas finanzjarju
stabbilit f'dan ir-Regolament, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1
Il-Qafas
Finanzjarju Multiannwali Il-qafas finanzjarju multiannwali
għall-perjodu 2014-2020 (minn issa ’l quddiem imsejjaħ il-qafas
finanzjarju) hu stabbilit fl-Anness. Artikolu 2
Il-Konformità
mal-limiti massimi tal-qafas finanzjarju 1.
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni
għandhom jikkonformaw mal-limiti massimi tan-nefqa annwali, stabbiliti
fil-qafas finanzjarju, waqt kull proċedura baġitarja u meta
jimplimentaw il-baġit għas-sena kkonċernata. 2.
L-approprjazzjonijiet għall-impenji
jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi
tal-intestaturi relevanti stabbiliti fil-qafas finanzjarju fejn huwa
neċessarju li jintużaw ir-riżorsi mir-Riżerva
tal-Għajnuna ta' Emerġenza, il-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni
Ewropea, l-Istrument tal-Flessibbiltà, il-Fond Ewropew
tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ir-Riżerva
għall-kriżijiet fis-settur agrikolu u l-Marġini ta'
Kontinġenza f'konformità mar-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002[13], ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[14], ir-Regolament Nru xxxx/201x tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill[15] u l-Ftehim Interistituzzjonali ta' […] 201x dwar il-koperazzjoni fi
kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (minn hawn 'il
quddiem il-Ftehim Interistituzzjonali). 3.
Fejn ikun meħtieġ li tiġi
mmobilizzata garanzija għal self koperta mill-baġit tal-Unjoni skont
ir-Regolament (KE) Nru 332/2002 jew
ir-Regolament (UE) Nru 407/2010, din għandha tkun lil hinn
mil-limiti massimi stabbiliti fil-qafas finananzjarju. Artikolu 3
Ir-Rispett
tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji 1. Għal kull waħda
mis-snin koperti mill-qafas finanzjarju, l-approprjazzjonijiet totali
għall-ħlasijiet meħtieġa, wara li jsir
l-aġġustament annwali u wara li jitqiesu aġġustamenti jew
reviżjonijiet oħra, kif ukoll l-applikazzjoni tal-paragrafi 2 u
3 tal-Artikolu 2, ma għandhomx ikunu tali li jipproduċu rata ta'
ġbir tar-riżorsi proprji li taqbeż il-limitu tar-riżorsi
proprji stabbilit skont id- [Deċiżjoni XXXX/XX/UE, Euratom]. 2. Fejn ikun meħtieġ,
il-limiti stabbiliti fil-qafas finanzjarju għandhom jitbaxxew sabiex
tiġi żgurata konformità mal-limiti massimi tar-riżorsi proprji
stabbiliti skont id-[Deċiżjoni XXXX/XX/UE, Euratom]. Artikolu 4
Aġġustamenti tekniċi 1. Kull sena, il-Kummissjoni, li
għandha taġixxi qabel il-proċedura baġitarja għas-sena
n+1, għandha tagħmel l-aġġustamenti tekniċi li
ġejjin għall-qafas finanzjarju: (a) rivalutazzjoni, skont il-prezzijiet
tas-sena n+1, tal-limiti massimi u tal-figuri ġenerali
għall-approprjazzjonijiet għall-impenji kif ukoll
għall-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet; (b) kalkolu tal-marġini disponibbli
taħt il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit skont
id-[Deċiżjoni XXXX/XX/UE, Euratom]; (c) kalkolu tal-ammont assolut
tal-Marġini ta' Kontinġenza stipulat fil-Punt 15 tal-Ftehim
Interistituzzjonali. 2. Il-Kummissjoni għandha
twettaq dawn l-aġġustamenti tekniċi msemmija
fil-paragrafu 1 fuq il-bażi ta’ deflatur fiss ta’ 2% kull sena. 3. Il-Kummissjoni għandha
tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultati
tal-aġġustamenti tekniċi msemmija f’paragrafu 1 u
l-previżjonijiet ekonomiċi li fuqhom ikunu bbażati. 4. Ma jista' jsir l-ebda
aġġustament tekniku ieħor dwar is-sena in kwistjoni, la matul
is-sena u lanqas bħala korezzjonijiet wara l-fatt fi snin sussegwenti. Artikolu 5
Aġġustament tal-pakketti tal-politika tal-koeżjoni 1.
Fl-aġġustament tekniku tiegħu
għas-sena 2018, jekk jiġi stabbilit li l-Prodott Domestiku Gross
("PDG") kumulattiv ta' xi Stat Membru għas-snin 2014-2016 ikun
tbiegħed b'aktar minn +/- 5 % mill-PDG kumulattiv stmat fl-2011
għall-istabbiliment tal-pakketti tal-politika ta' koeżjoni
għall-Istati Membri għall-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni
għandha taġġusta l-ammonti allokati mill-fondi li
jappoġġjaw il-koeżjoni għall-Istat Membru kkonċernat
għal dak il-perjodu. 2.
L-effett nett totali, kemm jekk pożittiv kif
ukoll jekk negattiv, tal-aġġustamenti msemmija fil-paragrafu 1
ma jistax jaqbeż it-EUR 3 biljun. 3.
L-aġġustamenti meħtieġa
għandhom jitqassmu fi proporzjonijiet ugwali fuq is-snin 2018-2020 u
l-limiti massimi li jikkorrispondu magħhom tal-qafas finanzjarju
għandhom jiġu mmodifikati skont dan. Artikolu 6
Aġġustamenti relatati mal-implimentazzjoni Meta tinnotifika lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill bir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi
tal-qafas finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tippreżenta kwalunkwe
proposta għall-aġġustamenti għall-approprjazzjonijiet
totali għall-ħlasijiet li din tkun tqis bħala
meħtieġa, fid-dawl tal-implimentazzjoni, biex tkun żgurata
progressjoni bl-ordni fir-rigward tal-approprjazzjonijiet għall-impenji.
Id-deċiżjonijiet dwar dawn il-proposti għandhom jittieħdu
qabel l-1 ta’ Mejju tas-sena n. Artikolu 7
Aġġustament
tal-Fondi Strutturali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond tal-Iżvilupp
Rurali u l-Fond Ewropew tas-Sajd. 1.
Fil-każ tal-adozzjoni wara
l-1 ta' Jannar 2014 ta' regoli jew programmi ġodda li
jiggvernaw il-Fondi Strutturali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond
tal-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għas-Sajd, il-qafas finanzjarju
għandu jiġi aġġustat sabiex jittrasferixxi għal snin
sussegwenti, lil hinn mil-limiti tal-infiq relevanti, l-allokazzjonijiet mhux
użati fl-2014. 2.
L-aġġustament dwar it-trasferiment ta'
allokazzjoni mhux użata għas-sena 2014 għandu jiġi adottat
qabel l-1 ta' Mejju 2015. Artikolu 8
Aġġustamenti marbuta ma’ defiċit eċċessiv tal-gvern Fil-każ tat-tneħħija ta'
sospensjoni tal-impenji baġitarji li jirrigwardaw il-Fond ta'
Koeżjoni fil-kuntest ta' proċedura ta' defiċit
eċċessiv tal-gvern, il-Kunsill, f'konformità mat-Trattat u mal-att
bażiku relevanti, għandu jiddeċiedi dwar trasferiment ta’ impenji
sospiżi għas-snin ta’ wara. L-impenji sospiżi tas-sena n ma
jistgħux jerġgħu jidħlu fil-baġit ta’ wara s-sena n+2. Artikolu 9
Reviżjoni tal-qafas finanzjarju 1.
F'każ ta' ċirkostanzi mhux previsti,
il-qafas finanzjarju jista' jiġi revedut f'konformità mal-limitu massimu
tar-riżorsi proprji stabbilit f'konformità
mad-[Deċiżjoni XXXX/XX/UE, Euratom]. 2.
Kwalunkwe proposta għal reviżjoni
tal-qafas finanzjarju f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tqis
il-potenzjal għar-riallokazzjoni tan-nefqa bejn il-programmi koperti
mill-intestatura kkonċernata bir-reviżjoni, b’referenza partikolari
għal kwalunkwe sottoutilizzazzjoni mistennija tal-approprjazzjonijiet.
Fejn ikun possibbli, ammont sinifikanti, f'termini assoluti u bħala
persentaġġ tan-nefqa l-ġdida ppjanata, għandu jkun
taħt il-limitu massimu eżistenti għall-intestatura. 3.
Kwalunkwe reviżjoni tal-qafas finanzjarju
f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tqis il-possibilitajiet
għal kumpens għal kull żieda fil-limitu massimu għal
intestatura waħda bit-tnaqqis tal-limitu massimu għal oħra. 4.
Kwalunkwe reviżjoni fil-qafas finanzjarju
f'konformità mal-paragrafu 1 għandha żżomm relazzjoni
xierqa bejn l-impenji u l-ħlasijiet. 5.
L-aġġustamenti msemmija
fl-Artikolu 3(2), 6, 7, 8, 10, 11 u 16 ukoll jikkostitwixxu reviżjoni
tal-qafas finanzjarju. Artikolu10
L-aġġustament tal-qafas finanazjarju fil-każ ta’ reviżjoni
tat-Trattati Jekk isseħħ reviżjoni
tat-Trattat b'implikazzjonijiet baġitarji waqt il-qafas finanzjarju,
l-aġġustamenti meħtieġa għall-qafas finanzjarju
għandhom isiru skont dan. Artikolu 11
L-aġġustament tal-qafas finanzjarju fil-każ ta' tkabbir u
tal-unifikazzjoni ta' Ċipru Jekk Stati Membri ġodda jissieħbu
fl-Unjoni waqt il-perjodu kopert bil-qafas finanzjarju, il-qafas finanzjarju
għandu jkun aġġustat biex jitqiesu l-ħtiġijiet
tan-nefqa li jirriżultaw mill-eżitu tan-negozjati
għad-dħul. Fil-każ tal-unifikazzjoni ta' Ċipru
matul il-perjodu kopert mill-qafas finanzjarju, dan tal-aħħar
għandu jiġi aġġustat sabiex iqis il-ftehim komprensiv dwar
il-problema ta' Ċipru u l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali li
jirriżultaw mill-unifikazzjoni. Artikolu12
Koperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u
l-Kummissjoni (minn hawn 'il quddiem l-istituzzjonijiet) għandhom
jieħdu kwalunkwe miżura biex jiffaċilitaw il-proċedura
baġitarja annwali. L-istituzzjonijiet għandhom jikkoperaw
b’rieda tajba matul il-proċedura bil-għan li jirrikonċiljaw
il-pożizzjonijiet tagħhom. L-Istituzzjonijiet għandhom
jikkoperaw permezz ta’ kuntatti interistituzzjonali xierqa biex isegwu
l-progress tax-xogħol u janalizzaw il-grad ta’ konverġenza fl-istadji
kollha tal-proċedura. L-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw
li l-kalendarji tax-xogħol rispettivi tagħhom ikunu kkoordinati kemm
jista' jkun sabiex ikun possibbli li l-proċedimenti jitwettqu b'manjiera
koerenti u konverġenti, u jwasslu għall-adozzjoni finali
tal-baġit. Jistgħu jitlaqqgħu trilogi f’kull
stadju tal-proċedura u fil-livelli differenti tar-rappreżentazzjoni,
skont in-natura tad-diskussjoni mistennija. Kull istituzzjoni, f'konformità
mar-regoli ta’ proċedura tagħha, għandha taħtar
il-parteċipanti tagħha fil-laqgħat, tiddefinixxi l-mandat
tagħha għan-negozjati u tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħra
bl-arranġamenti għal-laqgħat fi żmien adegwat. Artikolu 13
Il-finanzjament tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni L-ammont totali tan-nefqa operattiva
tal-Politika estera u ta’ sigurtà komuni (minn issa ’l quddiem “il-PESK”)
għandha tiddaħħal kollha kemm hi f’kapitolu wieħed
tal-baġit, intitolat PESK. Dak l-ammont għandu jkopri
l-bżonnijiet reali prevedibbli, evalwati fil-qafas tal-istabbiliment
tal-abbozz tal-baġit, fuq il-bażi ta’ previżjonijiet imfassla
kull sena mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet
Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u marġini raġonevoli
għall-azzjonijiet mhux previsti. L-ebda fondi ma jistgħu
jiddaħħlu f'riżerva. Artikolu 14
Kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' proġetti fuq skala kbira Ammont massimu ta'
EUR 7 000 miljun fi prezzijiet tal-2011 għandu jkun
disponibbli għall-programmi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita (EGNOS
u Galileo) mill-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020. Artikolu 15
Valutazzjoni ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-qafas finanzjarju Fl-2016, il-Kummissjoni għandha
tippreżenta valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-qafas finanzjarju, bi
proposti relevanti fejn ikun neċessarju. Artikolu 16
Tranżizzjoni lejn il-qafas finanzjarju li jmiss Qabel l-1 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni
għandha tippreżenta proposta għal qafas finanzjarju multiannwali
ġdid. Jekk ma jiġi adottat l-ebda regolament
tal-Kunsill li jiddetermina qafas finanzjarju multiannwali ġdid qabel
il-31 ta' Diċembru 2020, il-limiti massimi u
d-dispożizzjonijiet l-oħra li jikkorrispondu għall-aħħar
sena tal-qafas finanzjarju eżistenti għandhom jiġu estiżi
sakemm jiġi adottat regolament li jiddetermina qafas finanzjarju
ġdid. Jekk Stati Membri ġodda jidħlu fl-Unjoni wara l-2020,
il-qafas finanzjarju estiż għandu, jekk meħtieġ, jiġi
aġġustat sabiex iqis ir-riżultati tan-negozjati tal-adeżjoni. Artikolu 17
Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol
fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot
fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi …. Għall-Kunsill Il-President
ANNESS Tabella
tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali [1] Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina
baġitarja u titjib tal-proċedura baġitarja, iffirmat
mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fid-29 ta’ Ġunju 1988, (ĠU
L 185, 15.7.1988, p.33). [2] Ftehim Interistituzzjonali
tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u
l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja
tajba (ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1). [3] COM(2010) 72 u COM(2010) 73 [4] COM(2011) 500, 29.6.2011. [5] COM(2010) 185 finali
tas-27.4.2010, kapitolu 2 (paġni 4 sa 13). [6] COM(2010) 700 finali
tad-19.10.2010, b'mod partikolari t-taqsima 4.5 sa 4.7 (paġni 23
sa 25). [7] ĠU C , , p. . [8] ĠU C , , p. . [9] ĠU L 53, 23.2.2002,
p. 1 [10] ĠU L 118, 12.5.2010,
p. 1. [11] ĠU L . [12] ĠU C … [13] ĠU L 311, 14.11.2002,
p. 3. [14] ĠU L 406,
30.12.2006, p. 1. [15] ĠU L , , p.