Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2009 li jiftaħ kwota tariffarja awtonoma għall-importazzjonijiet tal-laħam taċ-ċanga ta’ kwalità għolja /* KUMM/2011/0384 finali - COD 2011/0169 */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA - Il-kuntest ġenerali Ir-rapporti tal-Panel u l-Korp tal-Appell f’ Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri li Jikkonċernaw il-Laħam u l-Prodotti tal-Laħam (Ormoni) [1], adottati mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim (DSB) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fit-13 ta’ Frar 1998, sabu li l-projbizzjoni Komunitarja fuq l-importazzjoni tal-laħam u tal-prodotti tal-laħam mill-baqar ittrattati b'ċerti ormoni bl-iskop tal-promozzjoni tat-tkabbir ma kinetx konsistenti mal-Ftehim dwar l-Applikazzjoni tal-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (il-Ftehim SPS). L-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada talbu u kisbu awtorizzazzjoni mid-DSB għas-sospensjoni ta’ konċessjonijiet lill-Komunità li jammontaw għal USD 116.8 miljun u CDN$ 11.3 miljun fis-sena, rispettivament. Wara l-emenda tad-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE tad-29 ta' April 1996 li tikkonċerna l-projbizzjoni tal-użu fl-istockfarming ta’ ċerti sustanzi li jkollhom azzjoni ormonika u tyrostatika u ta’ beta-agonists bid-Direttiva Nru 2003/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003, il-Komunità ġiet f’konformità mad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tad-DSB. Madankollu, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada kkunsidraw li l-Unjoni xorta għadha qed tikser l-obbligi tagħha tal-WTO u għalhekk jistgħu ikomplu japplikaw s-sanzjonijiet. Il-Komunità opponiet it-tkomplija tal-impożizzjoni tas-sanzjonijiet f'każijiet ġodda quddiem il-WTO. Fil-31 ta' Marzu 2008, il-Panel f' l-Istati Uniti tal-Amerika — It-Tkomplija tas-Sospensjoni tal-Obbligi fit-Tilwima tal-Ormoni mal-KE u l-Kanada — It-Tkomplija tas-Sospensjoni tal-Obbligi fit-Tilwima tal-Ormoni mal-KE kkonkluda li l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada kienu wettqu ċerti vjolazzjonijiet proċedurali. Madankollu, ikkonkluda wkoll li l-miżura li kien instab li kienet inkonsistenti mal-Ftehim SPS fit-tilwima KE — Ormoni ma tneħħietx kompletament mill-Komunitajiet Ewropej . Fis-16 ta' Ottubru 2008 l-Korp tal-Appell qaleb parzjalment is-sejbiet tal-Panels dwar il-vjolazzjonijiet proċedurali u sab li ċerti sejbiet dwar l-allegat nuqqas li titneħħa l-miżura li nstabet li kienet inkonsistenti mal-Ftehim SPS ma jistgħux jinżammu. Il-Korp tal-Appell irrakkomanda lid-DSB biex jitlob lill-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada u lill-Komunitajiet Ewropej biex jibdew il-proċedimenti skont l-Artikolu 21.5 tad-WTO Ftehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim (DSU) mill-aktar fis sabiex jiġi solvut in-nuqqas ta' ftehim tagħhom fir-rigward ta' jekk il-Komunitajiet Ewropej neħħewx il-miżura li nstabet inkonsistenti fil-każ KE — Ormoni u jekk l-applikazzjoni tas-sospensjoni tal-konċessjonijiet mill-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada tibqax legalment valida. Fit-22 ta' Diċembru 2008 il-Komunità talbet u sussegwentement wettqet konsultazzjonijiet fil-każijiet oriġinali tal-O rmoni mal-Istati Uniti u l-Kanada skont l-Artikolu 21.5 tad-DSU. B'mod parallel, il-Kummissjoni u l-Istati Uniti esploraw il-possibbiltà li jsibu soluzzjoni għal din it-tilwima mingħajr preġudizzju għall-opinjonijiet rispettivi tagħhom dwar il-konsistenza mal-WTO tal-miżuri tal-Unjoni sabiex itemmu din it-tilwima twila fil-kummerċ transatlantiku. F'Mejju 2009, instab li soluzzjoni prattika fejn, l-Unjoni tiftaħ kwota tariffarja awtonoma addizjonali għal ċanga ta' kwalità għolja abbażi ta' nazzjon l-aktar iffavorit u l-Istati Uniti jnaqqsu l-ammont ta' sanzjonijiet, tkun mod prattiku kif jitjiebu r-relazzjonijiet kummerċjali u jiġi evitat li t-tilwima tkompli teskala. Il-Memorandum ta' Ftehim rilevanti bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u Kummissjoni Ewropea rigward l-Importazzjoni taċ-Ċanga ġejja minn Annimali li Ma Jkunux ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni li Jinkoraġġixxu t-Tkabbir u rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Komunitajiet Ewropej ġie kkonfermat mill-Kunsill permezz tal-ittra tat-12 ta' Meju 2009 u ffirmat f'Ġinevra fit-13 ta' Mejju 2009[2]. Dan jipprevedi arranġament fi tliet fażijiet li progressivament inaqqas il-livell ta' sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti fuq prodotti mill-Unjoni, filwaqt li l-Unjoni progressivament iżżid il-kwota tariffarja għal ċanga ta' kwalità għolja li ma tkunx ġiet ittratata b'ormoni li jinkoraġġixxu t-tkabbir. L-ewwel fażi ġiet stabbilita kwota tar-rata tarriffarja għal ċanga ta' kwalità għolja ta' 20,000 tunellata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2009. Fit-tieni fażi, l-Istati Uniti għandha tissospendi s-sanzjonijiet kollha li fadal u l-Unjoni għandha tespandi din il-kwota tar-rata tarrifarja b'25,000 tunellata addizjonali. Fis-17 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni ffirmat ukoll Memoradnum ta' Ftehim bejn il-Gvern tal-Kanada u l-Kummissjoni Ewropea rigward l-Importazzjoni taċ-Ċanga ġejja minn Annimali li Ma Jkunux ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni li Jinkoraġġixxu t-Tkabbir u rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Kanada għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea[3]. Dan il-Memorandum ta' Ftehim iwassal għas-sospensjoni tas-sanzjonijiet kollha imposti mill-Kanada u jistipula l-espansjoni ulterjuri tal-kwota tar-rata tariffarja awtonoma għal ċanga ta' kwalità għolja b'1,500 tunellata (l-ewwel fażi) u 1,700 tunellata addizzjonali (it-tieni fażi). Il-perjodu ta' żmien previst għall-ewwel u t-tieni fażi fil-Memoranda tal-Istati Uniti u tal-Kanada huwa l-istess. Huwa previst b'mod partikolari li t-tieni fażi tibda b'mod normali fl-1 ta' Awwissu 2012 skont iż-żewġ Memoranda. - Raġunijiet u għanijiet tal-proposta Sabiex tkun f'pożizzjoni li tistabbilixxi ż-żidiet imsemmija hawn fuq tal-kwota tar-rata tariffarja eżistenti għal ċanga ta' kwalità għolja, għal total ta' 21 500 tunellata (l-ewwel fażi) u sussegwentement, 48 200 tunellata previsti fit-tieni fażi taż-żewġ Memoranda ta' Ftehim li tibda fl-1 ta' Awwissu 2012, il-proċedura leġiżlattiva teħtieġ li tinbeda fil-waqt. Dan huwa neċessarju wkoll sabiex tiġi segwita r-Reżoluzzjoni adottata mill-Parlament Ewropew fit-8 ta' Marzu 2011 li titlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-ftehim tat-tilwima ta' 'l-ormoni taċ-ċanga' jkun jippermetti għas-sospensjoni tas-sanzjonijiet fuq prodotti tal-UE, filwaqt li jiggarantixxi li l-importazzjonijiet taċ-ċanga fl-UE jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-UE[4]. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA - Sinteżi tal-azzjoni proposta L-iskop ta' din il-proposta huwa li titlob lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jemendaw ir-Regolament eżistenti li jiftaħ kwota tariffarja awtonoma għall-importazzjoni taċ-ċanga ta' kwalità għolja sabiex jiġu implimentati l-passi stipulati fil-Memoranda ta' Ftehim iffirmati mal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada, rispettivament. Barra minn hekk, l-emenda tintroduċi l-allinjament meħtieġ tas-setgħat implimentattivi tal-Kummissjoni mat-Trattat ta' Lisbona. - Bażi legali L-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. - Il-Prinċipju ta' Sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni, l-Artikolu 3(1)(e) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax. - Il-Prinċipju tal-Proporżjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. - Għażla ta’ strumenti L-istrument propost: Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Mezzi oħra ma jkunux adegwati minħabba r-raġuni li ġejja: Regolament irid jiġi emendat b’Regolament. IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI Id-dazju doganali ta' din il-kwota tar-rata tariffarja jibqa' ffissat għal żero. Skont is-sitwazzjoni futura tas-suq taċ-ċanga, l-importazzjonijiet taċ-ċanga ta' kwalità għolja b'hekk ma' jistgħux jiġu aktar importati bl-użu tal-kwota eżistenti stipulata bir-Regolament (KE) Nru 810/2008 jew barra mill-kwota. Dan jista' jinplika telf ta' riżorsi proprji tal-Unjoni ( ara r-Rapport Finanzjarju). 2011/0169 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2009 li jiftaħ kwota tariffarja awtonoma għall-importazzjonijiet tal-laħam taċ-ċanga ta’ kwalità għolja IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: 1. Il-Memorandum ta' Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u Kummissjoni Ewropea rigward l-Importazzjoni taċ-Ċanga ġejja minn Annimali li Ma Jkunux ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni li Jinkoraġġixxu t-Tkabbir u rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Komunitajiet Ewropej ġie approvat mill-Kunsill permezz tal-ittra tat-12 ta' Meju 2009 u ffirmat f'Ġinevra fit-13 ta' Mejju 2009. L-għan ta' dak il-Memorandum ta' Ftehim huwa li jsib soluzzjoni tat-tilwima twila tad-WTO bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-Ormoni taċ-Ċanga, Komunitajiet Ewropej -–Miżuri li Jikkonċernaw il-Laħam u Prodotti tal-Laħam (l-Ormoni) (DS 26). 2. Il-Gvern tal-Kanada u l-Kummissjoni Ewropea laħqu ftehim, kif iddokumentat f'Memorandum ta' Ftehim iffirmat f'Ġinevra fis-17 ta' Marzu 2011 dwar pjan direzzjonali ta' passi li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' Ċanga ta' Kwalità Għolja fl-Unjoni Ewropea u l-livell ta' dazji ogħla applikati mill-Kanada fuq ċerti prodotti tal-Unjoni b'rabta mat-tilwima tad-WTO Komunitajiet Ewropej – Miżuri li Jikkonċernaw il-Laħam u Prodotti tal-Laħam (l-Ormoni) (DS 48). 3. Iż-żewġ Memoranda jipprovdu għal arranġamenti bi tliet fażijiet li jnaqqsu l-livell ta' sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti u l-Kanada fuq prodotti mill-Unjoni. L-Unjoni progressivament iżżid il-kwota tar-rata tariffarja għal ċanga ta' kwalità għolja li ma tkunx ġiet ittrattata b'ormoni li jinkoraġġixxu t-tkabbir u li tikkonforma ma' rekwiżiti oħra tal-importazzjoni tal-UE. 4. Wara l-iffirmar tal-Memorandum ta' Ftehim mal-Istati Uniti, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2009[5] fetaħ kwota tariffarja annwali għall-importazzjoni fil-Komunità ta' 20 000 tunellata (l-ewwel fażi), espressa f'piż ta' prodott ta' laħam taċ-ċanga ta' kwalità għolja, frisk, imkessaħ jew iffriżat, kopert bil-kodiċi NM 0201 0202, 0206 10 95 u 0206 29 91. 5. Il-Memorandum ta' Ftehim mal-Gvern tal-Kanada jipprevedi żieda tal-kwantità inizjali ta' 20 000 tunellata b'1 500 tunellata. Jipprevedi wkoll li l-Kanada tneħħi s-sanzjonijiet kollha li jifdal immedjatament wara l-iffirmar tal-Memorandum ta' Ftehim. 6. L-iskeda ta' żmien stipulata mill-Memorandum ta' Ftehim mal-Istati Uniti tippjana li żżid il-kwantità ta' dik il-kwota tariffarja b'25 000 tunellata, ladarba ż-żewġ Partijiet jidħlu fit-tieni fażi tal-Memorandum ta' Ftehim, li tinvolvi t-tneħħija tas-sanzjonijiet attwalment imposti mill-Istati Uniti li jkun fadal. 7. L-iskeda ta' żmien stipulata mill-Memorandum ta' Ftehim mal-Gvern tal-Kanada tipprevedi żieda tal-kwantità ta' dik il-kwota tariffarja bi 3 200 tunellata, ladarba ż-żewġ Partijiet jidħlu fit-tieni fażi tal-Memorandum ta' Ftehim. 8. Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 617/2009, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat implimentattivi. Partikolarment, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tissospendi l-kwota tariffarja, b'mod sħiħ jew parti minnha, jekk l-Istati Uniti jew il-Kanada ma jiħdux jew ma jżommux il-passi ppjanati f'wieħed mill-Memoranda. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[6]. 9. Ir-Regolament (KE) Nru 617/2009 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 617/2009 huwa emendat kif ġej: (1) L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej: (a) Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: ‘1. B’dan qed tinfetaħ kwota tariffarja annwali, bin-numru tal-ordni 09.4449, għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' 21 500 tunnellata, espressi f'piż tal-prodott, ta’ laħam taċ-ċanga frisk, imkessaħ jew iffriżat ta' kwalità għolja koperti bil-kodiċi tan-NM 0201, 0202, 0206 10 95 u 0206 29 91. (b) Għandu jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej: ‘1a. Mill-1 ta' Awwissu 2012, il-kwota tariffarja annwali għall-importazzjoni fl-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiżdied bi 48 200 tunellata, espressi f'piż tal-prodott.’ (2) L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: ‘Artikolu 2 1. Il-kwota tar-rata tariffarja msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikoli 2a(2). 2. L-applikazzjoni tal-kwota tariffarja msemmija fl-Artikolu 1 tista' tiġi sospiża mill-Kummissjoni, b'mod sħiħ jew parti minnha, jekk l-Istati Uniti jew il-Kanada ma jiħdux il-passi ppjanati fil-Memorandum ta' Ftehim bejn l-Istati Uniti u l-Kummissjoni Ewropea* jew fil-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Gvern tal-Kanada u l-Kummissjoni Ewropea**, rispettivament. Il-Kummissjoni għandha taġixxi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 2a(2). * Il-Memorandum ta' Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kummissjoni Ewropea rigward l-Importazzjoni taċ-Ċanga li ġejja minn Annimali li Ma Jkunux ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni li Jinkoraġġixxu t-Tkabbir u rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Komunitajiet Ewropej ġie approvat mill-Kunsill permezz tal-ittra tat-12 ta' Meju 2009 u ffirmat f'Ġinevra fit-13 ta' Mejju 2009. ** Fis-17 ta' Marzu 2011, ġie ffirmat il-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Gvern tal-Kanada u l-Kummissjoni Ewropea Rigward l-Importazzjoni taċ-Ċanga li ġejja minn Annimali li Ma Jkunux ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni li Jinkoraġġixxu t-Tkabbir u rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Kanada għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea.’ (3) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 2a li ġej: 'Artikolu 2a 1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit bl-Artikolu [195(1)] tar-[Regolament (KE) Nru 1234/2007].[ 1234R2007 bħalissa qed jiġi rriformulat ] 2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi […], Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President RAPPORT FINANZJARJU | DATA: 23/05/2011 | 1. | INTESTATURA TAL-BAĠIT: Kapitolu 12 - Dazji doganali u dazji oħrajn | APPROPRJAZZJONIJIET: DB2012 : 19 171.2 | 2. | TITOLU: Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2009 li jiftaħ kwota tariffarja awtonoma għall-importazzjonijiet tal-laħam taċ-ċanga ta’ kwalità għolja | 3. | BAŻI LEGALI: L-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea | 4. | GĦANIJIET: Il-ftuħ u l-modifika tal-kwota tariffarja awtonoma għal-laħam taċ-ċanga frisk, imkessaħ jew iffriżat ta' kwalità għolja | 5. | IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI | PERJODU TA' 12-IL XAHAR (miljuni ta' EUR) | SENA FINANZJARJA ATTWALI 2011 (miljuni ta' EUR) | SENA FINANZJARJA TA' WARA, 2012 (miljuni ta' EUR) | 5.0 | NEFQA - IDDEBITAT LILL-BAĠIT TAL-KE (RIFUŻJONIJIET/INTERVENTI) - MILL-AWTORITAJIET NAZZJONALI - MINN SETTURI OĦRAJN | - | - | - | 5.1 | DĦUL - RIŻORSI TAL-KE STESS (IMPOSTI / DAZJI DOGANALI) | - | - | - 4.6 | 2013 | 2014 | 2015 | 2016 | 5.0.1 | NEFQA STMATA | - | - | - | - | 5.1.1 | DĦUL STMAT | - | - | - | - | 5.2 | METODU TA' KALKOLU: | 6.0 | HEMM POSSIBBILTÀ LI L-PROĠETT JIĠI FFINANZJAT MILL-APPROPRJAZZJONIJIET IMDAĦĦLA FIL-KAPITOLU RELEVANTI TAL-BAĠIT ATTWALI? | IVA LE | 6.1 | HEMM POSSIBBILTÀ LI L-PROĠETT JIĠI FFINANZJAT BI TRASFERIMENT BEJN IL-KAPITOLI TAL-BAĠIT ATTWALI? | IVA LE | 6.2 | SE JKUN HEMM IL-ĦTIEĠA TA’ BAĠIT SUPPLEMENTARI? | IVA LE | 6.3 | SE JKUN MEĦTIEĠ JIDDAĦĦLU APPROPRJAZZJONIJIET F'BAĠITS FUTURI? | IVA LE | OSSERVAZZJONIJIET: Il-miżura għandha l-għan li timmodifika l-kwota tariffarja awtonoma annwali għall-importazzjonijiet taċ-ċanga ta' kwalità għolja fil-kuntest tal-Memoranda ta' Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-UE u l-Kanada dwar "l-ormoni fiċ-ċanga". Din il-kwota ġiet stabbilita inizjalment bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2009. Din iżżid il-kwota tarriffarja b'1 500 tunellata fl-ewwel fażi wara l-Memeorandum ta' Ftehim bejn l-UE u l-Kanada. Fit-tieni fażi (minn Awwissu 2012) hemm prevista żieda tal-kwota tariffarja b'26 700 tunellata, kif previst mill-Memoranda ta' Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-UE u l-Kanada. Id-dazju doganali huwa ffissat għal 0. Iż-żieda fil-kwota minn 20 000 tunellata għal 48 200 tunellata fil-biċċa l-kbira tagħha ser tkun tikkonsisti minn kwantitajiet li ma kinux jiġu importati mingħajr din il-kwota tariffarja. Madankollu, tista', għal kwantità marġinali potenzjali limitata, tissostitwixxi l-kwantitajiet importati eżistenti b'dazju tal-importazzjoni sħiħ. Il-kwantitajiet eżatti huma diffiċli li jiġu kkwantifikati f'dan l-istadju. Skont is-suppożizzjoni li sa massimu ta' 5 % tal-kwota supplimentari l-ġdida għandha tissostitwixxi l-kwantitajiet importati eżistenti, bis-suppożizzjoni li l-prezzijiet għal laħam bla għadam ta' 10 000EUR/t u jekk jintużaw ir-rati tad-dazju MFN, it-telf massimu tal-impatt għandu jkun madwar EUR 4.6 miljuni netti wara li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ġbir mill-Istati Membri*. *(5% x 28 200) x (10 000EUR/t x 12.8%+3 034EUR/t)= EUR 6.08 miljuni. Nett wara l-ispejjeż tal-ġbir 25 %: EUR 6.08 miljuni x (1 -25%)= EUR 4.6 miljuni | [1] WT/DS26 u 48. [2] Id-Dokument WT/DS26/28 tat-30 ta' Settembru 2009. [3] Id-Dokument WT/DS48/26 tat-22 ta' Marzu 2011. [4] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-Agrikoltura tal-UE u l-kummerċ internazzjonali, 2010/2110(INI). [5] ĠU L 182, 15.7.2009, p. 1. [6] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.