Brussell, 24.5.2011

KUMM(2011) 289 finali

2011/0136(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ċerti użijiet permessi ta’ xogħlijiet orfni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEG(2011) 615 finali}
{SEG(2011) 616 finali}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Biex xogħlijiet protetti bid-dritt tal-awtur ikunu disponibbli għall-pubbliku f’xi librerija diġitali jew arkivju online irid ikun hemm awtorizzazzjoni minn qabel. Meta l-proprjetarju rilevanti tad-dritt tal-awtur ma jkunx jista’ jiġi identifikat jew misjub, ix-xogħlijiet involuti jissejħu xogħlijiet orfni. Bħala konsegwenza, l-awtorizzazzjoni meħtieġa biex ix-xogħlijiet ikunu disponibbli online ma tkunx tista’ tinkiseb. Il-libreriji jew istituzzjonijiet oħrajn li jagħmlu x-xogħlijiet disponibbli għall-pubbliku online mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel jissograw ksur tad-dritt tal-awtur.

L-għan prinċipali ta’ din il-proposta huwa li jinħoloq qafas legali li jiżgura l-aċċess legali transkonfinali għal xogħlijiet orfni miżmuma f’libreriji jew f’arkivji diġitali online operati minn varjetà ta’ istituzzjonijiet li jkunu speċifikati fil-proposta meta tali xogħlijiet orfni jintużaw skont il-missjoni ta’ interess pubbliku ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Xogħlijiet bħal dawn jinkludu xogħlijiet li huma ppubblikati f'forma ta' kotba, ġurnali, gazzetti, rivisti jew kitbiet oħra li jinkludu xogħlijiet inkorporati fihom, kif ukoll xogħlijiet awdjoviżivi u ċinematografiċi fil-kollezzjonijiet ta' istituzzjonijiet ta' wirt ċinematografiku, u xogħlijiet awdjo, awdjoviżivi u ċinematografiċi li jinsabu fl-arkivji ta' organizzazzjonijiet ta' xandir pubbliku jew dawk prodotti minnhom. Fir-rigward tal-arkivji tax-xandara tas-servizz pubbliku u tal-pożizzjoni speċjali li x-xandara tas-servizz pubbliku għandhom bħala produtturi, jeħtieġ li jkun hemm limitu għall-fenomeni tax-xogħlijiet orfni permezz tal-iffissar ta' data ta' għeluq għal xogħlijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-proposta.

Dan il-għan għandu jintlaħaq permezz ta’ sistema ta’ rikonoxximent reċiproku tal-istatus orfni ta’ xogħol. Sabiex jiġi stabbilit l-istatus ta’ “xogħol orfni”, il-libreriji, l-istabbilimenti edukattivi, il-mużewijiet jew l-arkivji, l-istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku u l-organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku huma meħtieġa li jwettqu tiftix diliġenti minn qabel, skont il-ħtiġijiet speċifikati fid-Direttiva proposta, fl-Istat Membru fejn ix-xogħol ikun ġie ppubblikat għall-ewwel darba. Meta t-tiftix diliġenti jistabbilixxi l-istatus “orfni” ta’ xogħol, ix-xogħol involut jitqies bħala xogħol orfni fl-UE kollha, u tiġi evitata l-ħtieġa ta’ aktar minn tfittxija diliġenti waħda. Fuq din il-bażi, ikun possibbli li xogħlijiet orfni jkunu disponibbli online għal għanijiet kulturali u edukattivi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel sakemm is-sid tax-xogħol ma jtemmx l-istatus ta’ orfni.

Din l-inizjattiva tkompli fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2006 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà online tal-kontenut kulturali u l-konservazzjoni diġitali 1 . Minkejja r-Rakkomandazzjoni, ftit Stati Membri biss implimentaw leġiżlazzjoni fuq ix-xogħlijiet orfni. Il-ftit soluzzjonijiet nazzjonali eżistenti huma ristretti mill-fatt li jillimitaw l-aċċess online għaċ-ċittadini residenti fir-territorji nazzjonali tagħhom.

Il-ħolqien ta’ qafas legali biex jiġu ffaċilitati d-diġitizzazzjoni u t-tixrid transkonfinali ta’ xogħlijiet orfni f’suq uniku huwa wkoll waħda mill-azzjonijiet prinċipali identifikati fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa 2 li tagħmel parti mill-Istrateġija Ewropa 2020 3 .

2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

·- Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Fl-2006, twaqqaf Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Libreriji Diġitali biex jiġbor flimkien il-partijiet interessati fid-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà online ta’ materjal kulturali, inklużi xogħlijiet orfni 4 . Il-Grupp addotta “Rapport Finali dwar il-Preservazzjoni Diġitali, ix-Xogħlijiet Orfni u x-Xogħlijiet li ma għadhomx fl-Istampa” 5 . “Memorandum ta’ Ftehim dwar Linji Gwida għat-Tiftix b’attenzjoni ta’ Xogħlijiet Orfni” ġie ffirmat mir-rappreżentanti ta’ libreriji, arkivji u d-detenturi tad-drittijiet 6 .

Fl-2008, il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Awtur fl-Ekonomija 7 tal-Għarfien talbet l-opinjonijiet tal-partijiet interessati dwar, inter alia, in-neċessità ta’ azzjoni ulterjuri fir-rigward ta’ xogħlijiet orfni 8 . Fid-19 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni ta’ segwitu dwar id-Dritt tal-Awtur fl-Ekonomija tal-għarfien 9 li fiha ħabbret li kienet sejra twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar kif għandhom jiġu ttrattati x-xogħlijiet orfni fl-UE.

Fis-26 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni organizzat smigħ pubbliku fejn il-partijiet interessati kollha ppreżentaw l-ideat tagħhom dwar ix-xogħlijiet orfni. Fl-10 ta’ Novembru 2009, il-Presidenza Svediża u l-Parlament Ewropew organizzaw smigħ konġunt dwar ix-xogħlijiet orfni u l-aċċess għalihom għal dawk neqsin mid-dawl.

Tul is-snin 2009-2010, is-servizzi tal-Kummissjoni organizzaw laqgħat ma’ diversi partijiet interessati fuq bażi bilaterali biex kwistjonijiet rilevanti jiġu diskussi aktar fid-dettal.

·Valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt tanalizza sitt għażliet: (1) ma jsir xejn, (2) eċċezzjoni statutorja għad-dritt tal-awtur, (3) liċenzjar kollettiv estiż, (4) liċenzja speċifika għal xogħol orfni maħruġa mis-soċjetajiet kollettriċi, (5) liċenzja speċifika għal xogħol orfni maħruġa minn korp pubbliku, u (6) ir-rikonoxximent reċiproku ta’ soluzzjonijiet nazzjonali dwar xogħlijiet orfni.

L-għażliet kollha ta’ politika (ħlief l-Għażla 1) huma msejsa fuq l-adozzjoni ta’ direttiva li tkun teħtieġ li l-Istati Membri kollha jadottaw leġiżlazzjoni speċifika għal xogħlijiet orfni fi żmien speċifiku. L-għażliet ta’ politika kollha, ħlief l-Għażla 3, huma msejsa fuq ir-rekwiżit li jkun meħtieġ tiftix diliġenti qabel ma xogħol orfni jkun disponibbli f’librerija diġitali online.

L-għażla statutorja (l-Għażla 2) tevita l-piż tal-kisba ta’ liċenzja tad-dritt tal-awtur iżda żżomm it-tifitx diliġenti li jsir minn qabel. Madankollu, din l-għażla tipprovdi inqas ċertezza legali billi m’hemmx ċertifikazzjoni minn terza persuna tat-tiftix diliġenti.

L-Għażla 3, il-mudell ta’ “liċenzji kollettivi estiżi” jassumi li, ġaladarba soċjetà kollettriċi tawtorizza librerija biex tagħmel kotba disponibbli fuq websajt, din il-liċenzja, bis-saħħa ta’ preżunzjoni statutorja, tkopri x-xogħlijiet kollha f’dik il-kategorija, inklużi xogħlijiet orfni (jiġifieri kotba, films). Is-soċjetà kollettriċi hija meqjusa li tirrappreżenta tali “sitwazzjonijiet anormali” indipendentement minn jekk għamlitx tfittxija diliġenti biex tidentifika jew issib l-awtur. In-nuqqas ta’ tfittxija diliġenti ma jippermettix approċċ ibbażat fuq ir-rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ orfni tax-xogħol involut. Liċenzja kollettiva estiża wkoll normalment tkun valida biss fit-territorju nazzjonali fejn teżisti l-preżunzjoni statutorja.

Il-liċenzja speċifika għal xogħlijiet orfni (l-Għażla 4) tipprovdi livell għoli ta’ ċerteżża legali, għal libreriji u benefiċjarji oħrajn, kontra talbiet għad-danni minn proprjetarji li jitfaċċaw mill-ġdid. Din l-għażla tesiġi kemm tiftix diliġenti biex jiġi ddeterminat l-istatus ta’ orfni qabel ma tingħata l-liċenzja kif ukoll arranġament ta’ liċenzjar speċifiku dwar xogħlijiet orfni.

Il-liċenzja tal-gvern li tkopri xogħlijiet orfni (l-Għażla 5) tikkostitwixxi ċertifikazzjoni pubblika tat-tiftix diliġenti u għalhekk tagħti livell għoli ta’ ċertezza legali lil-librerija diġitali. Imma din iċ-ċertezza tiġi bi prezz magħha f'termini ta' piż leġiżlattiv. Din hija r-raġuni għaliex it-twettiq ta’ din is-sistema qabel kellu impatt limitat u ma tintużax fir-rigward ta’ proġetti ta’ libreriji diġitali fuq skala kbira.

Approċċ imsejjes fuq ir-rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ orfni (l-Għażla 6) jippermetti lil-libreriji u benefiċjarji oħrajn li jgawdu ċertezza legali dwar l-“istatus ta’ orfni” ta’ xogħol partikolari. Ir-rikonoxximent reċiproku jiżgura li x-xogħlijiet orfni miġbura f’librerija diġitali jkunu disponibbli għaċ-ċittadini tal-Ewropa kollha.

3.L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

·Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta tittratta t-tfittxija diliġenti meħtieġa biex jiġi identifikat jekk xi xogħol partikolari huwiex xogħol orfni u, ġaladarba dan jiġi stabbilit, ikun legali li dan ix-xogħol ikun disponibbli għall-pubbliku online taħt ċerti kundizzjonijiet u għal għanijiet speċifiċi. Il-proposta tikkjarifika wkoll l-applikazzjoni tal-liċenzji kollettivi estiżi għal xogħlijiet li potenzjalment huma xogħlijiet orfni.

·Bażi legali

L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

·Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Proposta leġiżlattiva f’forma ta’ direttiva hija meħtieġa għaliex l-approċċi volontarji, b’mod partikolari r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/585/KE tal-24 ta’ Awwissu 2006 ma taw l-ebda riżultat. Barra minn hekk, il-koeżistenza ta’ approċċi nazzjonali mhux koordinati li jirregolaw xogħlijiet orfni f’libreriji diġitali tagħmilha diffiċli li x-xogħlijiet orfni jkunu disponibbli fl-Istati Membri kollha tal-UE kollha 10 .

·Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Billi l-problema tax-xogħol orfni tikkostitwixi ostakolu sinifikanti għall-ħolqien tal-libreriji diġitali, qafas koerenti fl-UE għall-aċċess online għal xogħlijiet orfni hu l-għażla l-inqas intrusiva biex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq. L-approċċi l-oħrajn kollha jitolbu żieda sinifikanti fl-ispejjeż amministrattivi u l-infrastrutturi ta’ liċenzjar għal xogħlijiet orfni biss.

·L-għażla tal-istrumenti

Strument propost: Direttiva.

L-Artikoli ewlenin tal-proposta

L-Artikolu 1 jistabbilixxi l-ambitu u s-suġġett tad-Direttiva bħala varjetà ta’ materjal miġbur fil-libreriji pubbliċi, fl-stabbilimenti edukattivi, fil-mużewijiet u l-arkivji kif ukoll fil-kollezzjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ wirt ċinematografiku u l-arkivji ta’ organizzazzjonijiet ta’ xandir pubbliku. Fil-qasam tal-materjal stampat, tkopri xogħlijiet viżwali bħal ritratti u illustrazzjonijiet li jinsabu f’dawn ix-xogħlijiet ippubblikati.

L-Artikolu 2 fih definizzjoni ta’ xogħol orfni. Id-definizzjoni ta’ xogħol orfni tinkorpora l-ħtiġijiet ta’ tfittxija diliġenti.

L-Artikolu 3 jispjega kif għandha titwettaq it-tfittxija diliġenti minn dawk li huma awtorizzati jagħmlu użu minn xogħlijiet orfni. L-Artikolu 3 jikkjarifika li t-tfittxija diliġenti tista’ ssir biss f’dak l-Istat Membru fejn ix-xogħol ikun ġie ppubblikat għall-ewwel darba.

L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li, permezz tiegħu, xogħol li jkun meqjus bħala xogħol orfni wara tfittxija diliġenti mwettqa skont l-Artikolu 3, għandu jitqies bħala xogħol orfni fl-Istati Membri kollha.

L-Artikolu 5 jirrigwarda l-possibilità li jintemm l-istatus ta’ xogħol orfni.

L-Artikolu 6 jelenka l-użi li l-benefiċjarji nnominati jistgħu jagħmlu mix-xogħlijiet orfni (li jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE, u biex jirriproduċu tali xogħlijiet skont id-definizzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE għall-finijiet li jwettqu l-missjoni tagħhom ta’ interess pubbliku)

L-Artikolu 7 jispeċifika kif l-Istati Membri jistgħu jippermettu ċerti użijiet addizzjonali taħt kundizzjonijiet speċifiċi.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI FAKULTATTIVI

·Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost jirrigwarda kwistjoni taż-ŻEE u għandu jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea. E-989

3

2011/0136 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ċerti użijiet permessi ta’ xogħlijiet orfni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat Dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikoli 49, 56 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv ġie trażmess lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 11 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva normali,

Billi:

(1)Libreriji, mużewijiet, arkivji, stabbilimenti edukattivi, istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku u organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku huma impenjati fid-diġitizzazzjoni fuq skala kbira tal-kollezzjonijiet jew arkivji tagħhom biex joħolqu Libreriji Diġitali Ewropej. Libreriji, mużewijiet, arkivji, stabbilimenti edukattivi, istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku u organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku jikkontribwixxu għall-konservazzjoni u t-tixrid tal-wirt kulturali Ewropew, li huwa importanti wkoll għall-ħolqien ta’ Libreriji Diġitali Ewropej bħall-Europeana. It-teknoloġiji għad-diġitizzazzjoni massiva ta’ materjal stampat u għat-tfittxija u l-indiċjar isaħħu l-valur tar-riċerka tal-kollezzjonijiet tal-libreriji.

(2)Il-ħtieġa li jiġi promoss il-moviment liberu tal-għarfien u l-innovazzjoni fis-suq intern hija komponent importanti tal-Istrateġija Ewropa 2020, kif spjegat fil-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa 2020: Strateġija għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” 12 , li tinkludi, bħala waħda mill-inizjattivi ewlenin, l-iżvilupp ta’ Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

(3)Il-ħolqien ta’ qafas legali li jiffaċilita d-diġitizzazzjoni u t-tixrid ta’ xogħlijiet li għalihom ma ġie identifikat l-ebda awtur jew, anki jekk ġie identifikat, l-awtur ma nstabx, l-hekk imsejħa xogħlijiet orfni, huwa azzjoni ewlenija tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, kif spjegat fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda Diġitali għall-Ewropa 13 .

(4)Id-drittijiet esklussivi tal-awturi għar-riproduzzjoni u li jagħmlu x-xogħol tagħhom disponibbli għall-pubbliku, kif armonizzati skont id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni 14 , jeħtieġu l-kunsens tal-awtur qabel id-diġitizzazzjoni jew qabel ix-xogħol isir disponibbli.

(5)Fil-każ ta’ xogħlijiet orfni, ma jistax jinkiseb dan kunsens bil-quddiem biex jitwettqu atti ta’ riproduzzjoni jew biex xogħlijiet jitqiegħdu online.

(6)Approċċi differenti fl-Istati Membri għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ orfni jistgħu joħolqu ostakli għall-funzjonament tas-suq intern u l-użu transkonfinali ta’ xogħlijiet orfni. Tali approċi differenti jistgħu jirriżultaw ukoll f’restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi li jinkorporaw kontenut kulturali. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ tali status.

(7)B’mod partikolari, approċċ komuni biex jiġi determinat l-istatus ta’ orfni u l-użu permess tax-xogħlijiet orfni huwa meħtieġ biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fis-suq intern fir-rigward tal-użu ta’ xogħlijiet orfni minn libreriji, mużewijiet, stabbilimenti edukattivi, arkivji, istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku u organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku.

(8)Xogħlijiet ċinematografiċi, awdjo u awdjoviżivi li jinsabu fl-arkivji ta' organizzazzjonijiet ta' xandir pubbliku u dawk prodotti minnhom jinkludu xogħlijiet orfni. Meta wieħed iqis il-pożizzjoni speċjali li x-xandara għandhom bħala produtturi ta' materjal awdjo u awdjoviżiv u l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri biex ikun hemm limitu għall-fenomeni tax-xogħlijiet orfni fil-ġejjieni, huwa xieraq li tiġi ffissata data ta' għeluq fir-rigward tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal dak li jikkonċerna x-xogħlijiet fl-arkivji ta' organizzazzjonijiet tax-xandir.

(9)Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, materjal ċinematografiku, awdjo u awdjoviżiv fl-arkivji ta' organizzazzjonijiet ta' xandir pubbliku għandu jinftiehem li jinkludi xogħlijiet ikkummissjonati minn tali organizzazzjonijiet għall-isfruttar esklussiv tagħhom.

(10)Il-ħolqien ta’ libreriji kbar online jiffaċilita għodod elettroniċi ta’ tiftix u riċerkali jiftħu sorsi ġodda ta’ esplorazzjoni għar-riċerkaturi u l-akkademiċi u li kieku ma jkunx hekk, ikollhom jikkuntentaw b’metodi ta’ riċerka aktar tradizzjonali u analoġiċi.

(11)Għal raġunijiet ta’ kortesija internazzjonali, din id-Direttiva għandha tapplika biss għal xogħlijiet li ġew ippubblikati għall-ewwel darba jew imxandra fi Stat Membru.

(12)Qabel ma xogħol ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala xogħol orfni, għandha ssir tfittxija diliġenti bi skop tajjeb u raġonevoli għall-awtur. L-Istati Membri għandhom jingħataw permess li jipprovdu li dan it-tiftix diligenti jkun jista' jitwettaq mill-organizzazzjonijiet imsemmija f'din id-Direttiva jew minn organizzazzjonijiet oħrajn.

(13)Huwa xieraq li jkun hemm approċċ armonizzat dwar tali tfittxija diliġenti biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-dritt tal-awtur fl-Unjoni. Tfittxija diliġenti għandha tinvolvi l-konsultazzjoni ta’ bażijiet ta' dejta pubbliċi li jipprovdu tagħrif dwar l-istatus ta’ xi xogħol fir-rigward tad-dritt tal-awtur. Barra minn hekk, sabiex tiġi evitata diġitizzazzjoni doppja li tiswa ħafna flus, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-użu ta' xogħlijiet orfni mill-organizzazzjonijiet imsemmija f'din id-Direttiva jiġi rreġistrat f'bażi ta' dejta aċċessibbli. Kemm jista' jkun, il-bażijiet tad-dejta, li huma aċċessibbli għall-pubbliku, u li jinkludu r-riżultati tat-tiftix, u l-użu tax-xogħlijiet orfni għandhom jiġu ppjanati u implimentati b'tali mod li jippermettu interkonnessjoni bejniethom f'livell pan-Ewropew u l-konsultazzjoni dwarhom għandha ssir permezz ta' punt tad-dħul uniku.

(14)Xogħlijiet orfni jista’ jkollhom diversi awturi jew jinkludu xogħlijiet oħrajn jew materjal protett. Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-drittijiet ta’ detenturi tad-drittijiet magħrufa jew identifikati.

(15)Sabiex ma jkunx hemm duplikazzjoni tal-isforzi ta’ tiftix, għandu jsir tiftix diliġenti biss f’dak l-Istat Membru fejn ix-xogħol ġie ppubblikat jew imxandar għall-ewwel darba. Sabiex Stati oħrajn ikunu jistgħu jaċċertaw jekk l-istatus ta’ orfni ta’ xi xogħol ġiex stabbilit f’xi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati tat-tiftix diliġenti mwettaq fit-territorju tagħhom jiġu rreġistrati f’bażi ta' dejta aċċessibbli għall-pubbliku.

(16)Huwa xieraq li jkun hemm provvediment biex l-awturi jkunu intitolati li jtemmu l-istatus ta’ xogħol orfni fil-każ li jippreżentaw ruħhom biex jikklejmjaw ix-xogħlijiet tagħhom.

(17)Sabiex jiġu promossi t-tagħlim u l-kultura, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-libreriji, l-istabbilimenti edukattivi u l-mużewijiet, li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku, kif ukoll l-arkivji, l-istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku u l-organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku, li jagħmlu xogħlijiet orfni disponibbli u jirriproduċuhom, sakemm tali użu jissodisfa l-missjoni ta’ interess pubbliku tagħhom, b’mod partikolari l-konservazzjoni, ir-restawr u l-provvediment ta’ aċċess kulturali u edukattiv għax-xogħlijiet miżmuma fil-kollezzjonijiet tagħhom. L-istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku għandhom, għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jinkludu organizzazzjonijiet nominati mill-Istati Membri biex jiġbru, jikkatalogaw u jirrestawraw films li jagħmlu parti mill-wirt kulturali tagħhom.

(18)L-arranġamenti kuntrattwali jista' jkollhom irwol fit-tkattir tad-diġitizzazzjoni tal-wirt storiku Ewropew billi hu mifhum li l-libreriji, l-istituzzjonijiet edukattivi, il-mużewijiet jew l-arkivji u l-istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jistgħu, bil-ħsieb li jwettqu l-użu permess minn din id-Direttiva, jikkonkludu ftehim ma’ sħab kummerċjali għad-diġitizzazzjoni tax-xogħlijiet orfni u jagħmluhom disponibbli. Dawn l-arranġamenti jistgħu jinkludu kontribuzzjonijiet finanzjarji minn dawn is-sħab.

(19)Sabiex jitrawwem l-aċċess taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-wirt kulturali tal-Ewropa, huwa meħtieġ wkoll li jiġi żgurat li xogħlijiet orfni li jkunu ġew diġitizzati u jkunu disponibbli għall-pubbliku f’xi Stat Membru, ikunu disponibbli wkoll fi Stati Membri oħrajn. Libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, istituzzjonijiet edukattivi, mużewijiet, arkivji, istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku u organizzazzjonijiet tax-xandir tas-servizz pubbliku li jużaw xogħlijiet orfni biex jissodisfaw missjonijiet ta' interess pubbliku għandhom ikunu jistgħu jagħmlu x-xogħlijiet disponibbli għall-pubbliku fi Stati Membri oħra.

(20)Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr ħsara għall-arranġamenti eżistenti fl-Istati Membri fir-rigward tal-ġestjoni tad-drittijiet bħal liċenzji kollettivi estiżi.

(21)L-Istati għandhom ikunu awtorizzati wkoll li jippermettu l-użu ta' xogħlijiet orfni għal raġunijiet li jmorru lil hinn mill-missjonijiet ta' interess pubbliku ta' organizzazzjonijiet koperti minn din id-Direttiva. F'ċirkostanzi bħal dawn, id-drittijiet u l-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet għandhom jiġu protetti.

(22)Meta Stat Membru jawtorizza, taħt kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, l-użu ta xogħlijiet orfni minn libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, istituzzjonijiet edukattivi, mużewijiet, arkivji, istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jew organizzazzjonijiet ta' xandir pubbliku għal raġunijiet li jmorru lil hinn mill-missjonijiet ta' interess pubbliku, id-detenturi tad-drittijiet li jippreżentaw ruħhom biex jikklejmjaw ix-xogħlijiet għandhom jiġu remunerati. Din ir-remunerazzjoni għandha tikkunsidra t-tip ta' xogħol u l-użu kkonċernati. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li d-dħul li jinġabar minn dan l-użu ta' xogħlijiet orfni għal finijiet ta' remunerazzjoni iżda li ma jiġux ikklejmati wara l-perjodu ta' skadenza ffissat skont din id-Direttiva, għandu jikkontribwixxi għal sorsi ta' informazzjoni tad-drittijiet ta' finanzjament li jiffaċilitaw tiftix diliġenti, bi spiża baxxa u b'mezzi awtomatiċi, fir-rigward ta' kategoriji ta' xogħlijiet li bħalissa jaqgħu jew jistgħu jaqgħu taħt l-ambitu ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(23)Billi l-għanijiet tal-azzjoni li għandha tittieħed, jiġifieri ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-użu ta’ xogħlijiet orfni ma jistgħux jintlaħqu b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u jistgħu, għalhekk, minħabba l-uniformità tar-regoli li jirregolaw l-użu ta’ xogħlijiet orfni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ taddotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif previst fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1
Suġġett u ambitu

1.Din id-Direttiva tirrigwarda ċertu użu li jsir minn libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet kif ukoll minn arkivji, istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku u organizzazzjonijiet ta’ xandir pubbliku ta’ xogħlijiet orfni.

2.Din id-Direttiva tapplika għal xogħlijiet ippubblikati jew imxandra għall-ewwel darba fi Stat Membru u li huma:

(1)Xogħlijiet ippubblikati f’forma ta’ kotba, ġurnali, gazzetti, rivisti jew kitba oħra, u li jinsabu f’kollezzjonijiet ta’ libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, stabbilimenti elettroniċi, mużewijiet jew arkivji, jew

(2)Xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi li jinsabu f’kollezzjonijiet ta’ istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku, jew

(3)Xogħlijiet ċinematografiċi, awdjo jew awdjoviżivi prodotti minn organizzazzjonijiet ta’ xandir pubbliku qabel il-31 ta’ Diċembru 2002 u miżmuma fl-arkivji tagħhom.

Artikolu 2
Xogħlijiet orfni

1.Xogħol għandu jitqies bħala xogħol orfni jekk id-detentur tad-drittijiet fuq ix-xogħol ma jkunx identifikat jew, anki jekk jiġi identifikat, ma jinstabx wara li tfittxija diliġenti għad-detentur tad-dritt titwettaq u tiġi rreġistrata skont l-Artikolu 3.

2.Meta xogħol ikollu aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed u wieħed mid-detenturi tad-drittijiet ikun ġie identifikat u misjub, dak ix-xogħol m’għandux jitqies bħala xogħol orfni.

Artikolu 3
Tiftix diliġenti

1.Għall-għanijiet tad-determinazzjoni dwar jekk xi xogħol huwiex xogħol orfni, l-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jiżguraw li jitwettaq tiftix diliġenti għal kull xogħol, billi jikkonsultaw is-sorsi rilevanti għall-kategorija tax-xogħol inkwistjoni.

2.Is-sorsi li huma rilevanti għal kull kategorja ta’ xogħol għandhom jiġu determinati minn kull Stat Membru, b’konsultazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet u l-utenti, u jinkludu s-sorsi elenkati fl-Anness.

3.It-tfittxija diliġenti hija meħtieġa li ssir biss f’dak l-Istat Membru fejn ix-xogħol ġie ppubblikat jew imxandar għall-ewwel darba.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati tat-tiftix diliġenti mwettaq fit-territorju tagħhom jiġu rreġistrati f’bażi tad-dejta aċċessibbli għall-pubbliku.

Artikolu 4
Rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ xogħol orfni

Xogħol li fi Stat Membru huwa meqjus bħala xogħol orfni skont l-Artikolu 2, għandu jiġi kkunsidrat bħala xogħol orfni fl-Istati Membri kollha.

Artikolu 5
Tmiem tal-istatus ta’ xogħol orfni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detentur tad-drittijiet f’xogħol ikollu, f’kull ħin, il-possibbiltà li jtemm l-istatus ta’ xogħol orfni.

Artikolu 6
L-użu permess ta’ xogħlijiet orfni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) jitħallew jużaw xogħol orfni bil-modi li ġejjin:

(a)billi jagħmlu x-xogħol orfni disponibbli, skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE;

(b)permezz ta’ atti ta’ riproduzzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE, għad-diġitizzazzjoni, id-disponibbiltà, l-indiċjar, il-konservazzjoni jew ir-restawr.

2.Madankollu, sakemm ma jkunx provdut mod ieħor fl-Artikolu 7, l-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ma jistgħux jagħmlu użu minn xogħlijiet orfni sabiex jilħqu għanijiet li mhumiex dawk tal-missjoni tagħhom ta’ interess pubbliku, b’mod partikolari l-konservazzjoni, ir-restawr u l-provvediment ta’ aċċess kulturali u edukattiv għax-xogħlijiet miżmuma fil-kollezzjonijiet tagħhom.

3.Din id-Direttiva hija mingħajr ħsara għal-libertà kuntrattwali ta' dawn l-organizzazzjonijiet filwaqt li jwettqu l-missjonijiet ta' interess pubbliku tagħhom

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), meta jagħmlu użu minn xogħol orfni skont il-paragrafu 1, iżommu r-rekords tat-tiftix diliġenti tagħhom u tar-reġistru aċċessibbli għall-pubbliku tal-użu li sar.

Artikolu 7
L-użijiet awtorizzati ta’ xogħlijiet orfni

1.L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-orgainizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) biex jużaw xogħlijiet orfni għall-finijiet oħra minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 6(2), bil-kundizzjoni li:

(2)l-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) iżommu r-rekords tat-tiftix diliġenti tagħhom;

(3)l-organizzazzjonijiet izommu reġistri li huma aċċessibbli għall-pubbliku tal-użu tagħhom tax-xogħlijiet orfni;

(4)f'każ ta' xogħol orfni fejn id-detentur tad-dritt ikun ġie identifikat iżda mhux lokalizzat, l-isem tad-detentur tad-dritt jiġi indikat f'kull użu tax-xogħol.

(5)id-detenturi tad-dritt li jtemmu l-istatus ta' orfni tax-xogħol, skont it-tifsira tal-Artikolu 5, jiġu renumerati mill-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għall-użu li jkun sar mix-xogħol.

(6)id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jikklejmjaw ir-remunerazzjoni tagħhom skont il-punt (4) fi żmien iffissat mill-Istati Membri u li ma għandux ikun inqas minn ħames snin mid-data tal-att li jagħti lok għall-klejm.

2.l-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-mezz li bih jiġi awtorizzat l-użu skont it-tifsira tal-paragrafu 1 u jibqgħu liberi li jagħżlu li jiddeċiedu dwar l-użu ta' kwalunkwe dħul li ma jiġix ikklejmjat wara l-iskadenza tal-perjodu ffissat skont il-paragrafu 1(5).

Artikolu 8
Kontinwazzjoni tal-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet legali oħra

Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw b'mod partikolari d-drittijiet tal-privattivi, marki kummerċjali, drittijiet tad-disinn, mudelli ta' utilità, topografiji ta' prodotti semikundutturi, il-kwalità tipografika, aċċess kundizzjonali, aċċess għal servizzi tax-xandir bil-kejbil, protezzjoni ta' teżori nazzjonali, rekwiżiti fuq depożitu legali, liġijiet dwar prattiki restrittivi u kompetizzjoni mhux ġusta, siġriet kummerċjali, siġurtà, kunfidenzjalità, protezzjoni tad-dejta u privatezza, aċċess għal dokumenti pubbliċi, il-liġi kuntrattwali.

Artikolu 9
Applikazzjoni f'waqtha

1.Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw fir-rigward tax-xogħlijiet kollha msemmija fl-Artikolu 1 li huma protetti mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, fil-[data tat-traspożizzjoni].

2.Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr ħsara għal kwalunkwe att konkluż u kwanlunkwe drittijiet miksuba qabel [data tat-traspożizzjoni].

Artikolu 10
Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard minn […]. Huma għandhom jikkomunikaw minn qabel lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza dakinhar tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 11
Klawsola ta' reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tibqa' tirrevedi kontinwament l-iżvilupp tas-sorsi ta' informazzjoni dwar id-drittijiet, u għandha tressaq rapport dwar il-possibbiltà li tinkludi fl-ambitu tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, xogħlijiet jew materjal ta' suġġetti protett li bħalissa mhumiex inklużi f'dan l-ambitu, b'mod partikolari fongrammi u ritratti weħedhom u xbihat oħrajn, sa mhux iktar tard wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u f'intervalli ta' kull sena minn dakinhar 'il quddiem.

Sal-[sena wara d-data tat-traspożizzjoni], il-Kummissjoni għandha tressaq rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, fid-dawl tal-iżvilupp tal-libreriji diġitali.

Meta jkun meħtieġ, il-Kummisjoni għandha tressaq proposti għal emendi għal din id-Direttiva b'mod partikolari sabiex tiżgura l-funzjonament tas-Suq Intern.

Artikolu 12
Dħul fis-Seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak li fih tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President
   

ANNESS

Is-sorsi msemmijia fl-Artikolu 3(2) għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(1)Għal kotba ppublikati:

(a)Depożitu legali;

(b)Bażijiet ta' dejta eżistenti, inkluzi l-ARROW (Reġistri Aċċessibbli ta’ Informazzjoni dwar id-Drittijiet u x-Xogħlijiet bla Attribuzzjoni ta’ Awtur) u WATCH (Kittieba, Artisti u d-Detenturi tad-Drittijiet) u l-ISBN (Numru Internazzjonali Standard tal-Kotba);

(c)Il-bażijiet ta' dejta tas-soċjetajiet kolletturi rilevanti, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tar-riproduzzjoni.

(2)Għal ġurnali u perjodiċi:

(a)L-ISSN (Numru Internazzjonali Standard tal-Pubblikazzjonijiet) għal pubblikazzjonijiet perjodiċi;

(b)Indiċijiet u kataloġi minn libreriji u kollezzjonijiet.

(3)Għal gazzetti u rivisti:

(a)L-assoċjazzjoni tal-pubblikaturi fil-pajjiż rispettiv u l-assoċjazzjonijiet ta’ awturi u ġurnalisti;

(b)Depożitu legali;

(c)Il-bażijiet ta' dejta tas-soċjetajiet kolletturi rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tar-riproduzzjoni.

(4)Għal xogħlijiet viżivi, inklużi l-arti, il-fotografija, l-illustrazzjonijiet, id-disinn, l-arkitettura, l-abbozzi ta’ dawn tal-aħħar u xogħlijiet oħrajn misjuba f’kotba, ġurnali, gazzetti u rivisti:

(a)Is-sorsi msemmija fil-punti (1), (2) u (3);

(b)il-bażijiet ta' dejta tas-soċjetajiet kolletturi rilevanti, b’mod partikolari għall-arti viżiva u inklużi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tar-riproduzzjoni;

(c)il-bażijiet ta' dejta tal-aġenziji tar-ritratti, meta jkun applikabbli.

(5)Għal xogħlijiet awdjoviżivi li jinsabu f’kollezzjonijiet ta’ istituzzjonijiet tal-wirt ċinematrografiku u organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku:

(a)Depożitu legali;

(b)Bażijiet ta' dejta ta’ istituzzjonijiet tal-wirt ċinematrografiku u libreriji nazzjonali;

(c)Bażijiet ta' dejta bi standards u identifikaturi rilevanti bħall-ISAN (Numru Awdjoviżi Standard Internazzjonali) għal materjal awdjoviżiv;

(d)Il-bażijiet ta' dejta tas-soċjetajiet kolletturi rilevanti, b’mod partikolari għall-awturi, artisti interpreti, produtturi tal-fonogrammi u produtturi awdjoviżivi.

(1) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/585/KE tal-24 ta' Awwissu 2006 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà online tal-kontenut kulturali u l-konservazzjoni diġitali, ĠU L 236, 31.8.2006, p. 28-30
(2) Aġenda Diġitali għall-Ewropa, COM (2010) 245
(3) Ewropa 2020: Strateġija għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv:
http://ec.europa.eu/eu2020/index_en.htm
(4) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Frar 2006 dwar il-ħatra ta’ Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Libreriji Diġitali, ĠU L 63, 4.3.2006, p. 25-27. Il-Grupp ġie sussegwentement imġedded bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Marzu 2009, ĠU 82, 28.3.2009, p. 9-11.
(5) http://ec.europa.eu/information_society/activities/digital_libraries/experts/hleg/index_en.htm
(6) http://ec.europa.eu/information_society/activities/digital_libraries/doc/hleg/orphan/guidelines.pdf
(7) COM(2008) 466
(8) Ir-risposti għall-konsultazzjoni jinsabu fuq http://circa.europa.eu/Public/irc/markt/markt_ consultations/library?l=/copyright_neighbouring/consultation_copyright&vm=detailed&sb=Title. Ara l-Anness, Kapitoli 1 u 2 għall-analiżi tar-risposti.
(9) COM(2009) 532
(10) F’xi Stati Membri, eż. Franza, xogħol preparatorju fuq soluzzjoni leġiżlativa jirrikonoxxi espressament li hemm il-ħtieġa ta’ soluzzjoni Ewropea - Conseil Supérieur de la Propriété Littéraire et Artistique Commission sur les œuvres orphelines, p. 19
(11) ĠU C, , p. .
(12) COM(2010) 2020
(13) COM(2010) 245
(14) ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.