DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri /* KUMM/2011/0281 finali */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Il-leġiżlazzjoni Awstraljana
tagħti s-setgħa lis-Servizz Doganali Awstraljan li jitlob lil kull
trasportatur bl-ajru li jopera fuq titjiriet għall-passiġġieri
li jtiru lejn jew mill-Awstralja, biex jipprovdilu aċċess elettroniku
għad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)
qabel il-wasla tal-passiġġieri fl-Awstralja jew it-tluq tagħhom
minnha. Ir-rekwiżiti tal-awtoritajiet Awstraljani huma bbażati fuq
it-Taqsima 64AF tal-Att Doganali tal-Commonwealth (Cth) tal-1901, tal-Att
dwar l-Amministrazzjoni Doganali tal-1985 (Cth), tal-Att dwar il-Migrazzjoni
tal-1958 (Cth), tal-Att dwar ir-Reati tal-1914 (Cth), tal-Att dwar
il-Privatezza tal-1988 (Cth) u tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
tal-1982 (Cth). Din il-leġiżlazzjoni għandha
l-għan li tikseb id-dejta tal-PNR b'mod elettroniku qabel il-wasla
tat-titjira u għalhekk tenfasizza b'mod sinifikanti l-abbiltà tas-Servizz
Doganali Awstraljan li jwettaq bil-quddiem valutazzjonijiet effiċjenti u
effettivi tar-riskju ppreżentat mill-passiġġieri u li
jiffaċilita l-ivvjaġġar b'bona fide, u b'hekk
issaħħaħ is-sigurtà tal-Awstralja. B'kooperazzjoni mal-Awstralja
fil-ġlieda tagħha kontra t-terroriżmu u reati kriminali
transnazzjonali serji oħra, l-Unjoni Ewropea tqis it-trasferiment
tad-dejta lill-Awstralja bħala mezz biex tippromwovi l-kooperazzjoni
internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja, li għandha tinkiseb
permezz tat-trasferiment ta' informazzjoni analitika mid-dejta tal-PNR li
tgħaddi mill-Awstralja għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati
Membri kif ukoll għall-Europol u l-Eurojust, fil-kompetenzi rispettivi
tagħhom. Il-PNR huwa reġistru tar-rekwiżiti
għall-ivvjaġġar ta' kull passiġġier, li jinkludi
l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ir-riżervazzjonijiet
ikunu jistgħu jiġu pproċessati u kkontrollati mit-trasportaturi
bl-ajru. It-trasportaturi bl-ajru għandhom
l-obbligu li jagħtu l-aċċess lis-Servizz Doganali Awstraljan
għal ċerta dejta tal-PNR, kemm-il darba din tkun tinġabar u tkun
tinsab fis-sistemi awtomatizzati ta' riżervazzjoni u ta' kontroll tat-tluq
tat-trasportaturi bl-ajru. Il-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni
tad-dejta ma jippermettux li t-trasportaturi Ewropej jew li trasportaturi
oħra li joperaw fuq titjiriet mill-UE, jittrażmettu d-dejta tal-PNR tal-passiġġieri
tagħhom lil pajjiżi terzi li ma jassigurawx livell adegwat ta'
protezzjoni tad-dejta personali mingħajr ma jippreżentaw salvagwardji
xierqa. Jeħtieġ li tinstab soluzzjoni li tipprovdi l-bażi legali
għat-trasferiment mill-UE tad-dejta tal-PNR għall-Awstralja
bħala rikonoxximent tal-ħtieġa u tal-importanza tal-użu
tad-dejta tal-PNR fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati kriminali
transnazzjonali serji oħra, filwaqt li tiġi evitata l-inċertezza
legali għat-trasportaturi bl-ajru. Barra minn hekk, din is-soluzzjoni
għandha tiġi applikata b'mod omoġenju mal-Unjoni Ewropea kollha
sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali
għat-trasportaturi bl-ajru u r-rispett lejn id-drittijiet tal-individwi
għall-protezzjoni tad-dejta personali kif ukoll għas-sigurtà fiżika
tagħhom. Fl-2008, l-Unjoni Ewropea ffirmat ftehim
mal-Awstralja dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-dejta tal-PNR,
ibbażat fuq sett ta' impenji tas-Servizz Doganali Awstraljan fir-rigward
tal-applikazzjoni tal-programm tiegħu tal-PNR[1]. Wara d-dħul fis-seħħ
tat-Trattat ta' Lisbona u sakemm jiġi konkluż il-ftehim, il-Kunsill
bagħat il-Ftehim tal-2008 li sar mal-Awstralja lill-Parlament Ewropew biex
jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim. Il-Parlament
Ewropew adotta Riżoluzzjoni[2] li
biha ddeċieda li jipposponi l-votazzjoni tiegħu dwar it-talba
għall-kunsens u talab li jkun hemm negozjar mill-ġdid tal-Ftehim
abbażi ta' ċerti kriterji. Sakemm sar dan in-negozjar mill-ġdid,
il-Ftehim tal-2008 kellu jibqa' applikabbli fuq bażi proviżorja. Fit-23 ta' Settembru 2010,
il-Kunsill irċieva tliet rakkomandazzjonijiet mingħand il-Kummissjoni
biex jawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim bejn l-Unjoni
Ewropea u l-Awstralja dwar it-trasferiment u l-użu tad-dejta
tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)
għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u ta' reati kriminali
transnazzjonali serji oħra u għall-ġlieda kontrihom. Fil-11 ta' Novembru 2010,
il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar ir-Rakkomandazzjoni
mill-Kummissjoni lill-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati. Fit-2 ta' Diċembru 2010,
il-Kunsill adotta Deċiżjoni, flimkien ma' direttiva ta' negozjati, li
tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f'isem l-Unjoni Ewropea.
B'riżultat ta' dawn in-negozjati bejn il-Partijiet, ġie inizjalat
il-Ftehim fi …. ta' Mejju 2011. Dan il-Ftehim jikkunsidra u jżomm
konsistenza mal-kriterji ġenerali stipulati fil-Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni dwar l-Approċċ Globali għat-trasferiment
tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil
pajjiżi terzi[3] u
d-direttivi ta' negozjati mogħtija mill-Kunsill. Nstab li l-PNR jikkostitwixxi għodda
importanti ħafna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati
kriminali serji. Il-Ftehim assigura diversi salvagwardji importanti għal
dawk l-individwi li d-dejta tagħhom għandha tiġi trasferita jew
ipproċessata. B'mod partikolari, l-iskop tal-ipproċessar tad-dejta
tal-PNR huwa strettament limitat għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni,
l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati
kriminali transnazzjonali serji. L-individwi huma mogħtija d-drittijiet
għall-aċċess, il-korrezzjoni, ir-rimedjar u l-informazzjoni. .
Id-dejta għandha tiġi trasferita billi jintuża
esklużivament il-metodu "push", waqt li l-użu ta' dejta
sensittiva huwa pprojbit. Il-perjodu taż-żamma tad-dejta tal-PNR huwa
limitat u d-dejta għandha tiġi depersonalizzata wara ċertu
żmien. Il-konformità ma' dawn ir-regoli għandha tkun
soġġetta għal sorveljanza indipendenti mill-Kummissarju
Awstraljan għall-Informazzjoni. L-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Kunsill għandu
jikkonkludi l-ftehimiet internazzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi
lill-Kunsill biex jadotta deċiżjoni li twassal
għall-approvazzjoni tal-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea
u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta
tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn
trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri. 2011/0126 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn
l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’
dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn
trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari
l-Artikoli 82(1)(d) u 87(2)(a), flimkien
mal-Artikolu 218 (6)(a) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Wara li kkunsidra l-approvazzjoni
tal-Parlament Ewropew[4], Billi: (1) Fit-2 ta' Diċembru 2010,
il-Kunsill adotta Deċiżjoni, flimkien ma' direttivi ta' negozjati, li
tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati f'isem l-Unjoni Ewropea għal Ftehim
bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar it-trasferiment u l-użu ta' dejta
tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)
għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u ta' reati kriminali
transnazzjonali serji oħra u għall-ġlieda kontrihom. (2) F'konformità
mad-Deċiżjoni 2010/XXX tal-Kunsill ta' [][5], il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u
l-Awstralja dwar it-trasferiment u l-użu ta' dejta tar-Reġistru
tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni
tat-terroriżmu u ta' reati kriminali transnazzjonali serji oħra u għall-ġlieda
kontrihom, ġie ffirmat fi …., soġġett
għall-konklużjoni tiegħu f'data ulterjuri. (3) Dan il-Ftehim għandu
jiġi konkluż. (4) Dan il-Ftehim jirrispetta
d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod
partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
speċjalment id-dritt għal ħajja privata u għall-ħajja
tal-familja, kif rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt
għall-protezzjoni tad-dejta personali, kif rikonoxxut fl-Artikolu 8
tal-Karta, u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess
imparzjali kif rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta. Dan il-Ftehim
għandu jiġi applikat f'konformità ma' dawk id-drittijiet u
l-prinċipji. (5) [F'konformità
mal-Artikolu 3 tal-Protokoll 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju
Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u
l-Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda jieħdu sehem
fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.] (6) B’konformità mal-Artikoli 1
u 2 tal-Protokoll 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka anness
mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta'
din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta bil-Ftehim jew soġġetta
għall-applikazzjoni tiegħu, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja
dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta tar-Reġistru
tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru
lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri huwa b'hekk
konkluż. It-test tal-Ftehim li għandu jiġi
konkluż huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu
jaħtar lill-persuna li jkollha s-setgħa li tipproċedi, f'isem
l-Unjoni Ewropea, għall-iskambju tal-istrumenti ta' approvazzjoni
stabbiliti fl-Artikolu 29 tal-Ftehim, sabiex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni
Ewropea li tkun marbuta bil-Ftehim. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha
tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni
tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS FTEHIM Bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar
l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet
tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz
Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri L-UNJONI EWROPEA, min-naħa l-waħda, u L-AWSTRALJA, min-naħa l-oħra, Minn hawn ‘il quddiem imsemmija flimkien
bħala "il-Partijiet", WAQT LI JIXTIEQU li jipprevjenu u li
jiġġieldu kontra t-terroriżmu u r-reati kriminali
transnazzjonali serji b'mod effettiv, bħala mezz biex jipproteġu
s-soċjetajiet demokratiċi u l-valuri komuni rispettivi tagħhom; WAQT LI JFITTXU li jsaħħu u li
jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fl-ispirtu
tas-sħubija UE-Awstralja; WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-kondiviżjoni
tal-informazzjoni hija element fundamentali fil-ġlieda kontra
t-terroriżmu u r-reati kriminali transnazzjonali serji, u li f’dan
il-kuntest, l-użu tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet
tal-Passiġġieri (PNR) jikkostitwixxi għodda essenzjali; WAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza
tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati kriminali
transnazzjonali serji, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet u
l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari, il-privatezza u l-protezzjoni
tad-dejta; FILWAQT LI JŻOMMU F'MOĦĦHOM
l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar ir-rispett
tad-drittijiet fundamentali, id-dritt għall-privatezza fir-rigward
tal-ipproċessar tad-dejta personali kif stipulat fl-Artikolu 16
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji
tal-proporzjonalità u n-neċessità dwar id-dritt għall-ħajja
privata u tal-familja, ir-rispett tal-privatezza, u l-protezzjoni tad-dejta
personali skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea
għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,
il-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta'
Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Dejta Personali u
l-Protokoll 181 miżjud magħha, l-Artikoli 7 u 8
tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 17
tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi rigward
id-dritt għall-privatezza; WAQT LI JIRRIKONOXXU li, fl-2008, l-Awstralja
u l-UE ffirmaw il-Ftehim Bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar
l-Ipproċessar u t-Trasferiment ta' dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet
tal-Passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi
bl-ajru lis-Servizz Doganali Awstraljan, li huwa applikat b'mod proviżorju
mid-data tal-iffirmar tiegħu iżda li baqa' ma daħalx
fis-seħħ; WAQT LI JINNUTAW li,
fil-5 ta' Mejju 2010, il-Parlament Ewropew iddeċieda li
jipposponi l-votazzjoni dwar it-talba għall-approvazzjoni ta' dak
il-Ftehim u li permezz tar-Riżoluzzjoni tiegħu
tal-11 ta' Novembru 2010 huwa laqa' r-rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jinnegozja ftehim
ġdid; WAQT LI JIRRIKONOXXU d-dispożizzjonijiet
rilevanti tal-Att Doganali Awstraljan tal-1901 (Cth), u b’mod
partikolari it-Taqsima 64AF tiegħu li permezz tagħha, fejn mitlub,
l-operaturi kollha tas-servizz bl-ajru għall-passiġġieri
internazzjonali, li jtiru lejn jew mill-Awstralja jew li jgħaddu minnha,
huma mistennija li jipprovdu d-dejta tal-PNR lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u
tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, sal-punt li tinġabar u tinżamm, b’mod
u forma partikolari, fis-sistemi ta' riżervazzjoni u ta' kontroll tat-tluq
tat-trasportaturi bl-ajru; WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Att dwar
l-Amministrazzjoni Doganali tal-1985 (Cth), l-Att dwar il-Migrazzjoni
tal-1958 (Cth), l-Att dwar ir-Reati tal-1914 (Cth), l-Att dwar
il-Privatezza tal-1988 (Cth), l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
tal-1982 (Cth), l-Att dwar l-Awditur Ġenerali tal-1997 (Cth),
l-Att dwar l-Ombudsman tal-1976 (Cth) u l-Att dwar is-Servizz
Pubbliku tal-1999 (Cth) jipprovdu għal protezzjoni tad-dejta,
id-drittijiet għall-aċċess u d-drittijiet ta' rimedjar,
rettifika u annotazzjoni u ta' rimedji u sanzjonijiet għall-użu
ħażin tad-dejta personali; WAQT LI JINNUTAW l-impenn tal-Awstralja li
tiżgura li s-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri
jipproċessa d-dejta tal-PNR strettament bl-iskop li jiġu previsti,
identifikati, investigati u mħarrka reati terroristiċi u reati
kriminali transnazzjonali serji f'konformità stretta mas-salvagwardji dwar
il-privatezza u l-protezzjoni ta' dejta personali, kif stabbilit f'dan
il-Ftehim; WAQT LI JAGĦMLU ENFAŻI fuq
l-importanza tal-kondiviżjoni tad-dejta analitika miksuba mill-PNR bejn
l-Awstralja u l-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, u
l-Europol jew il-Eurojust, bħala mezz biex tippromwovi l-kooperazzjoni
internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja; WAQT LI JAFFERMAW li dan il-Ftehim ma
jikkostitwixxix preċedent għal arranġamenti futuri bejn
l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea, jew bejn kwalunkwe waħda mill-Partijiet u
kwalunkwe Stat, fir-rigward tal-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta
tal-PNR jew ta’ kwalunkwe forma oħra ta’ dejta u waqt li jinnotaw li
jistgħu jiġu eżaminati l-ħtieġa u l-fattibbiltà ta'
arranġamenti simili għall-passiġġieri bil-baħar; FTIEHMU DAN LI ĠEJ: KAPITOLU I DISPOŻIZZJONIJIET
ĠENERALI Artikolu 1 Fini
tal-Ftehim Sabiex jiġu
żgurati s-sigurtà u s-sikurezza tal-pubbliku, dan il-Ftehim se jipprovdi għat-trasferiment
tad-dejta tal-PNR derivata mill-UE għas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u
tal-Protezzjoni tal-Fruntieri. Dan il-Ftehim għandu jistipula
l-kondizzjonijiet li bihom din id-dejta tista' tiġi trasferita u
użata, u l-mod kif id-dejta għandha tiġi protetta. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim: (a)
“Ftehim” għandu jfisser dan il-Ftehim,
l-Annessi tiegħu, u kwalunkwe emenda li ssirilhom; (b)
"dejta personali" għandha tfisser
kwalunkwe informazzjoni li tirrigwarda persuna fiżika identifikata jew
identifikabbli: persuna identifikabbli hija dik li tista’ tiġi
identifikata, direttament jew indirettament, b'mod partikolari b'referenza
għal numru ta’ identità jew għal xi fattur wieħed speċifiku
jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali,
ekonomika, kulturali jew soċjali tagħha; (c)
"ipproċessar" għandha tfisser
kwalunkwe operat jew sett ta’ operati mwettqa fuq id-dejta tal-PNR, kemm jekk
b’mezzi awtomatiċi kif ukoll jekk le, bħall-ġbir,
ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, iż-żamma, l-adattament jew
l-aġġustament, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu,
l-iżvelar permezz ta' trażmissjoni, disseminazzjoni jew tqegħid
għad-dispożizzjoni b'xi mod ieħor, l-allinjament jew
il-kombinazzjoni, l-imblukkar, it-tħassir jew il-qerda; (d)
"trasportaturi bl-ajru" għandha
tfisser it-trasportaturi bl-ajru li għandhom sistemi ta’
riżervazzjoni u/jew dejta tal-PNR ipproċessata fit-territorju
tal-Unjoni Ewropea u li joperaw fuq titjiriet tal-passiġġieri,
fit-trasport tal-ajru internazzjonali, li jtiru lejn jew mill-Awstralja jew li
jgħaddu minnha; (e)
"sistemi ta' riżervazzjoni"
għandha tfisser is-sistema ta' riżervazzjoni, is-sistema ta' kontroll
tat-tluq jew sistemi ekwivalenti li jipprovdu l-istess funzjonijiet li
juża t-trasportatur bl-ajru; (f)
"dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet
tal-Passiġġieri" jew "dejta tal-PNR" għandhom
ifissru l-informazzjoni pproċessata fl-UE mit-trasportaturi bl-ajru dwar
ir-rekwiżiti għall-ivvjaġġar ta' kull passiġġier,
skont kif elenkati fl-Anness 1, li tkun tinkludi l-informazzjoni meħtieġa
għall-ipproċessar u l-kontroll tar-riżervazzjonijiet
min-naħa tat-trasportaturi bl-ajru li jkunu qed jagħmlu
r-riżervazzjonijiet u dawk parteċipanti; (g)
"passiġġier" għandu
jfisser kwalunkwe passiġġier jew membru tal-ekwipaġġ
inkluż il-kaptan, (h)
"dejta sensittiva" għandu jfisser
kwalunkwe dejta personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika,
l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku,
is-sħubija f'xi trejdjunjin, jew tagħrif dwar is-saħħa jew
il-ħajja sesswali. Artikolu 3 Kamp
ta’ applikazzjoni 1.
L-Awstralja għandha tiżgura li s-Servizz
Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu
jipproċessa d-dejta tal-PNR li jkun irċieva strettament bl-iskop li
jiġu previsti, identifikati, investigati u mħarrka reati
terroristiċi jew reati kriminali transnazzjonali serji, f'konformità ma'
dan il-Ftehim: 2.
Ir-reati terroristiċi għandhom jinkludu: (a)
l-atti ta’ persuna li jinvolvu vjolenza, jew li
huma b’xi mod perikolużi għall-ħajja tal-bniedem jew li
joħolqu riskju ta’ ħsara għall-proprjetà jew l-infrastruttura, u
li minħabba n-natura u l-kuntest tagħhom, hu raġonevolment
maħsub li twettqu bil-għan li: (i) jintimidaw jew jikkostrinġu
popolazzjoni; (ii) jintimidaw, jisfurzaw, jew
jikkostrinġu gvern jew organizzazzjoni internazzjonali biex jaġixxi/taġixxi
jew jastjeni/tastjeni milli jaġixxi/taġixxi; (iii) jiddestabilizzaw jew ikissru serjament
l-istrutturi politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali
fundamentali ta' pajjiż jew ta' organizzazzjoni internazzjonali; (b)
jassistu, jisponsorjaw jew jipprovdu sostenn
finanzjarju, materjali jew teknoloġiku għal, jew servizzi finanzjarji
jew servizzi oħrajn għal, jew b’appoġġ għal, l-atti
deskritti fil-punt a); (c)
jipprovdu jew jiġbru fondi, b'mezz kwalunkwe,
direttament jew indirettament, bil-ħsieb li jkunu jistgħu
jintużaw jew bl-għarfien li dawn għandhom jintużaw,
totalment jew parzjalment, sabiex jitwettaq kwalunkwe wieħed mill-atti
deskritti fil-punti a) jew b); jew (d)
jgħinu, jassistu jew jippruvaw iwettqu l-atti
deskritti fil-punti a), b) jew c). 3.
Ir-reati kriminali transnazzjonali serji
għandhom ifissru kwalunkwe reat punibbli fl-Awstralja permezz ta' sentenza
ta' kustodja jew ta' ordni ta' detenzjoni għal perjodu massimu ta'
mill-anqas erba' snin jew b'piena aktar serja u hekk kif definit mil-liġi
Awstraljana, jekk ir-reat kriminali jkun ta' natura transnazzjonali. Reat
kriminali jitqies bħala ta' natura transnazzjonali b'mod partikolari jekk:
(a)
jitwettaq f'aktar minn pajjiż wieħed; (b)
jitwettaq f'pajjiż wieħed iżda parti
sostanzjali mit-tħejjija, l-ippjanar, id-direzzjoni jew il-kontroll
tiegħu sseħħ f'pajjiż ieħor; (c)
jitwettaq f'pajjiż wieħed iżda jkun
jikkonċerna grupp ta' kriminalità organizzata li jkun involut
f'attivitajiet kriminali f'aktar minn pajjiż wieħed; jew (d)
jitwettaq f'pajjiż wieħed iżda
jkollu effetti sostanzjali fuq pajjiż ieħor. 4.
F'każijiet eċċezzjonali, id-dejta
tal-PNR tista' tiġi pproċessata mill-Awstralja fejn ikun
meħtieġ sabiex jiġu protetti l-interessi vitali ta' kull
individwu, bħal pereżempju r-riskju ta' mewt, ta' korriment serju jew
theddida għas-saħħa. 5.
Barra minn hekk, għall-finijiet ta'
superviżjoni u ta' responsabbiltà min-naħa tal-amministrazzjoni
pubblika u għall-faċilitazzjoni ta' rimedjar u ta' sanzjonijiet
għall-użu ħażin tad-dejta, id-dejta tal-PNR tista'
tiġi pproċessata fuq bażi ta' każ b'każ jekk dan
l-ipproċessar ikun speċifikament mitlub mil-liġi Awstraljana. Artikolu 4 L-iżgurar
tal-provvista tad-dejta tal-PNR 1.
It-trasportaturi bl-ajru għandhom jipprovdu
d-dejta tal-PNR li tinsab fis-sistemi ta' riżervazzjoni tagħhom lis-Servizz
Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri. M'għandhomx
jiġu ostakolati minn kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi ta'
waħda mill-Partijiet milli jikkonformaw mal-liġi Awstraljana
rilevanti li tobbligahom jipprovdu din id-dejta. 2.
L-Awstralja m'għandhiex tobbliga
lit-trasportaturi bl-ajru biex jipprovdu elementi tad-dejta tal-PNR li ma
ġewx diġà miġbura jew miżmuma fis-sistemi ta'
riżervazzjoni tagħhom. 3.
Jekk id-dejta tal-PNR trasferita permezz
tat-trasportaturi bl-ajru tkun tinkludi dejta oħra apparti dik elenkata
fl-Anness 1, din għandha titħassar mis-Servizz Awstraljan
tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri. Artikolu 5 Adegwatezza Il-konformità tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana
u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri ma’ dan il-Ftehim għandha, skont
it-tifsira tal-liġi rilevanti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta,
tikkostitwixxi livell adegwat ta’ protezzjoni għad-dejta tal-PNR
trasferita lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri,
għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim. Artikolu 6 Il-kooperazzjoni
tal-pulizija u dik ġudizzjarja 1.
Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri għandu jiżgura d-disponibilità, malli jkun possibbli,
ta' informazzjoni analitika rilevanti u adegwata miksuba mid-dejta tal-PNR,
għall-pulizija jew l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru
kkonċernat, jew għall-Europol u l-Eurojust, fl-ambitu tal-mandati
rispettivi tagħhom, u f'konformità mal-ftehimiet jew l-arranġamenti
bejn l-Awstralja u kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, tal-Europol jew
tal-Eurojust, dwar l-infurzar tal-liġi jew il-kondiviżjoni ta'
informazzjoni oħra, skont kif ikun applikabbli. 2.
Il-pulizija jew l-awtorità ġudizzjarja ta' xi
Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jew tal-Europol jew tal-Eurojust, fl-ambitu
tal-mandati rispettivi tagħhom, jistgħu jitolbu l-aċċess
għad-dejta tal-PNR jew għall-informazzjoni analitika rilevanti u
adegwata miksuba mid-dejta tal-PNR li tkun neċessarja f'każijiet
partikolari sabiex jiġu previsti, identifikati, investigati, jew
imħarrka reati terroristiċi jew reati kriminali transnazzjonali
serji. Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri
għandu jpoġġi tali informazzjoni għad-dispożizzjoni,
f'konformità mal-ftehimiet jew l-arranġamenti msemmija fil-punt 1. KAPITOLU II IS-SALVAGWARDJI
APPLIKABBLI GĦALL-IPPROĊESSAR TAD-DEJTA TAL-PNR Artikolu 7 Il-protezzjoni
tad-dejta u n-non-diskriminazzjoni 1.
Id-dejta tal-PNR għandha tkun
soġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar
il-Privatezza tal-1988 (Cth) li jirregola l-ġbir, l-użu,
il-ħażna u l-iżvelar, is-sigurtà u l-aċċess u
l-aġġustament ta’ informazzjoni personali miżmuma
mill-biċċa l-kbira tad-dipartimenti u l-aġenziji tal-Gvern
Awstraljan. 2.
L-Awstralja għandha tiżgura li
s-salvagwardji applikabbli għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR skont
dan il-Ftehim u l-liġijiet nazzjonali rilevanti, ikunu japplikaw
għall-passiġġieri kollha mingħajr l-ebda diskriminazzjoni,
b'mod partikolari fuq il-bażi ta' nazzjonalità jew ta' pajjiż ta'
residenza jew ta' preżenza fiżika fl-Awstralja. Artikolu 8 Dejta
sensittiva Kull tip ta'
ipproċessar tad-dejta sensittiva tal-PNR min-naħa tas-Servizz
Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, għandu jiġi
pprojbit. Sal-punt li jekk id-dejta tal-PNR dwar passiġġier li
tiġi trasferita lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri tkun tinkludi dejta sensittiva, din għandha titħassar
mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri. Artikolu 9 Is-sigurtà
u l-integrità tad-dejta 1.
Sabiex jiġu previsti l-qerda
aċċidentali jew illegali jew it-telfien aċċidentali,
l-aġġustament, l-iżvelar jew l-aċċess mhux awtorizzat
jew kwalunkwe forma ta' ipproċessar illegali: (a)
It-tagħmir għall-ipproċessar
tad-dejta tal-PNR għandu jinżamm f'ambjent fiżiku sikur, u
miżmum permezz ta' sistemi ta' livell għoli u ta' kontrolli ta’
intrużjoni fiżika; (b)
Id-dejta tal-PNR għandha tkun
maħżuna separatament minn kwalunkwe dejta oħra.
Għall-finijiet ta' tqabbil, id-dejta tista' timxi għal
ġos-sistema tal-PNR, iżda ma tistax timxi mis-sistema tal-PNR
għal dejtabejżis oħra. L-aċċess għas-sistema
tal-PNR għandu jkun limitat għal numru ristrett ta' uffiċjali
fis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri li jkunu
awtorizzati speċifikament mill-Kap Eżekuttiv biex jipproċessaw
id-dejta tal-PNR għall-finijiet ta' dan il-Ftehim. Dawn l-uffiċjali
għandu jkollhom aċċess għas-sistema tal-PNR f'postijiet
tax-xogħol sikuri li ma jkunux aċċessibbli għal individwi
mhux awtorizzati; (c)
L-aċċess għas-sistema tal-PNR,
mill-uffiċjali deskritti fil-punt b) għandu jkun ikkontrollat
permezz ta' sistemi ta' aċċess ta' sigurtà bħal pereżempju
logins stratifikati li jagħmlu użu minn ID tal-utent u password; (d)
L-aċċess għan-netwerk tas-Servizz
Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri u kwalunkwe dejta li tkun
tinsab fis-sistema tal-PNR għandhom jiġu vverifikati. Ir-rekord ta'
verifika ġġenerat għandu jinkludi l-isem tal-utent, il-post
tax-xogħol tal-utent, id-data u l-ħin tal-aċċess,
il-kontenut tat-talba u n-numru tar-rekords li ġew irritornati; (e)
Id-dejta kollha tal-PNR għandha tiġi
trasferita mingħand is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri għal awtoritajiet oħra b'mod sikur; (f)
Is-sistema tal-PNR għandha tiżgura
l-identifikazzjoni ta' difetti u r-rappurtar; (g)
Id-dejta tal-PNR għandha tiġi protetta
kontra kwalunkwe tip ta' manipulazzjoni, aġġustament jew addizzjoni
jew korruzzjoni minħabba l-funzjonament ħażin tas-sistema; (h)
M’għandha ssir l-ebda kopja tad-dejtabejż
tal-PNR, ħlief għall-finijiet ta’ back-up għall-irkupru minn
diżastru. 2.
Kwalunkwe ksur tas-sigurtà tad-dejta, b'mod
partikolari dak li jwassal għall-qerda aċċidentali jew illegali
jew it-telfien aċċidentali, l-aġġustament, l-iżvelar
jew l-aċċess mhux awtorizzat jew kwalunkwe forma ta' ipproċessar
illegali, għandu jkun soġġett għal sanzjonijiet effettivi u
dissważivi. 3.
Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri għandu jirrapporta kwalunkwe ksur tas-sigurtà tad-dejta
lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni, u
għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea li dan il-ksur ikun ġie
rrapportat. Artikolu 10 Is-sorveljanza
u r-responsabbiltà 1.
Il-konformità tal-awtoritajiet governattivi li
jipproċessaw id-dejta tal-PNR mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta
għandha tkun soġġetta għas-sorveljanza mill-Kummissarju
Awstraljan għall-Informazzjoni li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Att
dwar il-Privatezza, għandu setgħat effettivi biex jinvestiga
l-konformità tal-aġenziji mal-Att dwar il-Privatezza, u biex jikkontrolla
u jinvestiga sa fejn ikun qed jikkonforma is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u
tal-Protezzjoni tal-Fruntieri mal-Att dwar il-Privatezza. 2.
Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri għandu arranġamenti li ġew stabbiliti mill-Att
dwar il-Privatezza biex il-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni
jwettaq b'mod regolari verifiki formali tal-aspetti kollha tal-politiki u
l-proċeduri li jirrigwardaw l-użu, il-ġestjoni u
l-aċċess mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri tad-dejta tal-PNR derivata mill-UE. 3.
Il-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni,
b'mod partikolari, se jisma' talbiet ippreżentati minn individwi
irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-pajjiż ta' residenza
tagħhom, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tagħhom
fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali. L-individwi
kkonċernati se jkunu informati bir-riżultat tat-talba. Il-Kummissarju
Awstraljan għall-Informazzjoni se jgħin aktar lill-individwi
kkonċernati biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont dan
il-Ftehim, b'mod partikolari d-drittijiet għall-aċċess,
ir-rettifika u r-rimedju. 4.
L-individwi għandhom ukoll id-dritt li jressqu
lment quddiem l-Ombudsman tal-Commonwealth fir-rigward tal-mod kif ikunu
ġew trattati mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri. Artikolu 11 It-trasparenza 1.
L-Awstralja għandha titlob lit-trasportaturi
bl-ajru biex jipprovdu informazzjoni ċara u sinifikanti
lill-passiġġieri b'rabta mal-ġbir, l-ipproċessar u l-iskop
tal-użu tad-dejta tal-PNR. Preferibbilment din l-informazzjoni għandha
tingħata waqt li tkun qed issir ir-riżervazzjoni. 2.
L-Awstralja għandha tqiegħed
għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, b'mod partikolari fuq websajts
governattivi rilevanti, l-informazzjoni dwar l-iskop tal-ġbir u
tal-użu tal-PNR mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri. Din għandha tinkludi informazzjoni dwar kif għandhom
jintalbu l-aċċess, il-korrezzjoni u r-rimedju. Artikolu 12 Dritt
ta' aċċess 1.
Kwalunkwe individwu għandu jkollu d-dritt ta'
aċċess għad-dejta tal-PNR tiegħu, wara li tkun saret
it-talba lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri. Din
għandha tingħata mingħajr restrizzjonijiet jew dewmien bla
bżonn. Dan id-dritt jingħata permezz tal-Att dwar il-Libertà
tal-Informazzjoni tal-1982 (Cth) u l-Att dwar il-Privatezza. Id-dritt ta'
aċċess għandu jestendi wkoll fuq l-abbiltà li wieħed jitlob
u jikseb dokumenti miżmuma mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u
tal-Protezzjoni tal-Fruntieri li jirrigwardaw jekk id-dejta relatata
mal-individwu tkunx ġiet trasferita jew tkunx tqiegħdet
għad-dispożizzjoni jew le u li jinkludu l-informazzjoni dwar
ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri li magħhom tkun
ġiet żvelata d-dejta. 2.
L-iżvelar ta' informazzjoni, f'konformità
mal-paragrafu 1, jista' jkun soġġett għal limitazzjonijiet
legali raġonevoli applikabbli skont il-liġi Awstraljana
għas-salvagwardjar tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni
jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, u għall-protezzjoni tas-sigurtà
pubblika jew ta' dik nazzjonali, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-interess
leġittimu tal-individwu kkonċernat. 3.
Kwalunkwe rifjuti jew restrizzjonijiet
għall-aċċess għandhom isiru bil-miktub u jingħataw
lill-individwu fi żmien tletin (30) jum jew fi żmien kwalunkwe
estensjoni statutorja stabbilita. Fl-istess ħin, għandhom jiġu
kkomunikati wkoll lill-individwu, ir-raġunijiet fattwali jew legali li
fuqhom tkun ġiet ibbażata d-deċiżjoni. Din
il-komunikazzjoni tal-aħħar tista' titħalla barra f'każ li
jkun hemm raġuni, skont il-paragrafu 2. F'dawn il-każijiet
kollha, l-individwi għandhom jiġu informati bid-dritt tagħhom li
jressqu lment kontra d-deċiżjoni tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u
tal-Protezzjoni tal-Fruntieri. Dan l-ilment għandu jitressaq quddiem
il-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni. Għandhom jiġu
informati wkoll dwar il-mezzi disponibbli biex wieħed ifittex rimedju
amministrattiv u ġudizzjarju, kif previst mil-liġi Awstraljana. 4.
F'każ li individwu jissottometti lment
lill-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni, hekk kif imsemmi
fil-paragrafu 3, dan l-individwu għandu jiġi formalment
avżat bir-riżultat tal-investigazzjoni tal-ilment. Għandu
mill-anqas jirċievi konferma dwar jekk ikunux ġew irrispettati d-drittijiet
tiegħu ta' protezzjoni tad-dejta, f'konformità ma' dan il-Ftehim. 5.
Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri m'għandux jiżvela d-dejta tal-PNR lill-pubbliku,
ħlief lil dawk l-individwi li d-dejta tal-PNR tagħhom tkun ġiet ipproċessata
jew lir-rappreżentanti tagħhom. Artikolu 13 Id-dritt
ta' rettifika u ta' tħassir 1.
Kwalunkwe individwu għandu jkollu d-dritt li
jitlob li ssir rettifika tad-dejta tal-PNR tiegħu pproċessata
mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri f'każ li
d-dejta ma tkunx eżatta. Ir-rettifika tista' tirrikjedi li jsir xi
tħassir. 2.
It-talbiet biex issir ir-rettifika tad-dejta
tal-PNR miżmuma mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri jistgħu jsiru direttament mas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u
tal-Protezzjoni tal-Fruntieri skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni jew
l-Att dwar il-Privatezza. 3.
Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri għandu jagħmel il-verifiki neċessarji kollha skont
it-talba li tkun saritlu u għandu jinforma lill-individwu mingħajr
dewmien bla bżonn, dwar jekk id-dejta tal-PNR tiegħu tkunx ġiet
rettifikata jew imħassra. Din in-notifika għandha ssir bil-miktub fi
żmien tletin (30) jum jew fi żmien kwalunkwe estensjoni statutorja
stabbilita u għandha tinforma lill-individwu dwar il-possibbiltà li
jilmenta mal-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni fuq
id-deċiżjoni tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri u dwar il-mezzi disponibbli skont il-liġi Awstraljana biex
ifittex rimedju amministrattiv u ġudizzjarju. 4.
F'każ li individwu jressaq ilment
lill-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni, hekk kif imsemmi
fil-paragrafu 3, dan l-individwu għandu jiġi formalment
avżat bir-riżultat tal-investigazzjoni. Artikolu 14 Id-dritt
ta’ rimedjar 1.
Kull individwu għandu jkollu d-dritt għal
rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv f'każ li kwalunkwe
wieħed mid-drittijiet tiegħu msemmija f'dan il-Ftehim ikun ġie
miksur. 2.
Kwalunkwe individwu li jkun ġarrab ħsara
b'riżultat ta' xi operat ta' ipproċessar illegali jew ta' kwalunkwe
att li ma jkunx kompatibbli mad-drittijiet imsemmija f'dan il-Ftehim,
għandu jkollu d-dritt li japplika għal rimedji effettivi, li
jistgħu jinkludu kumpens mill-Awstralja. 3.
Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u
fil-paragrafu 2, għandhom jingħataw lill-individwi
irrispettivament min-nazzjonalità jew il-pajjiż ta' oriġini
tagħhom, il-post ta' residenza jew il-preżenza fiżika
tagħhom fl-Awstralja. Artikolu 15 L-ipproċessar
awtomatizzat tad-dejta tal-PNR 1.
Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri jew awtoritajiet governattivi oħra li huma elenkati
fl-Anness 2, m'għandhom jieħdu l-ebda deċiżjoni li
taffettwa b'mod sinifikanti lil xi passiġġier jew li tipproduċi
effett legali negattiv fuqu, li tkun ibbażata biss fuq l-ipproċessar
awtomatizzat tad-dejta tal-PNR. 2.
Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri m'għandux iwettaq l-ipproċessar awtomatizzat tad-dejta
fuq il-bażi ta' dejta sensittiva. Artikolu 16 Iż-żamma
tad-dejta 1.
Id-dejta tal-PNR m'għandhiex tinżamm
għal aktar minn ħames snin u nofs mid-data tar-riċeviment
inizjali tad-dejta tal-PNR mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri. Matul dan il-perjodu, id-dejta tal-PNR għandha tinżamm
biss fis-sistema tal-PNR bl-iskop li jiġu previsti, identifikati,
investigati u mħarrka reati terroristiċi u reati kriminali
transnazzjonali serji, u b'dan il-mod: (a)
Mir-riċeviment inizjali sa perjodu ta' tliet
snin, id-dejta kollha tal-PNR għandha tkun aċċessibbli għal
numru limitat ta' uffiċjali tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u
tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, awtorizzati speċifikament mill-Kap
Eżekuttiv tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri
sabiex jidentifikaw dawk il-passiġġieri li jistgħu jkunu persuni
ta' interess potenzjali; (b)
Wara li jgħaddu tliet snin mir-riċeviment
inizjali sal-aħħar tal-perjodu ta' ħames snin u nofs, id-dejta
tal-PNR għandha tinżamm fis-sistema tal-PNR iżda l-elementi
kollha tad-dejta li jistgħu jservu għall-identifikazzjoni ta' xi
passiġġier li miegħu tkun relatata d-dejta tal-PNR għandhom
jiġu moħbija. Din id-dejta depersonalizzata tal-PNR għandha tkun
aċċessibbli biss għal numru limitat ta' uffiċjali
tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, awtorizzati
speċifikament mill-Kap Eżekuttiv tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u
tal-Protezzjoni tal-Fruntieri sabiex iwettqu analiżi relatati ma' reati
terroristiċi jew reati kriminali transnazzjonali. L-aċċess
sħiħ għad-dejta tal-PNR għandu jingħata biss minn xi
membru tas-Servizz Eżekuttiv Għoli tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u
tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, jekk dan ikun neċessarju għat-twettiq
ta' investigazzjonijiet bl-iskop li jiġu previsti, identifikati,
investigati u mħarrka reati terroristiċi u reati kriminali
transnazzjonali serji. 2.
Sabiex tintlaħaq id-depersonalizzazzjoni,
l-elementi tal-PNR li ġejjin għandhom jiġu moħbija: (a)
l-isem/l-ismijiet; (b)
ismijiet oħra fil-PNR, inkluż in-numru
ta’ vjaġġaturi fil-PNR; (c)
kwalunkwe informazzjoni ta’ kuntatt disponibbli
(inkluża l-informazzjoni tal-oriġinatur); (d)
rimarki ġenerali li jinkludu Informazzjoni
Supplementari Oħra (OSI), Informazzjoni Speċjali dwar is-Servizz
(SSI) u informazzjoni dwar Talba għal Servizz Speċjali (SSR),
sal-punt li jkun fihom xi informazzjoni li twassal għall-identifikazzjoni
ta' persuna fiżika; kif ukoll (e)
kwalunkwe dejta dwar l-Ipproċessar Avvanzat
tal-Passiġġieri (APP) jew dwar l-Informazzjoni Avvanzata dwar
il-Passiġġieri (API), sal-punt li jkun fiha xi informazzjoni li twassal
għall-identifikazzjoni ta' persuna fiżika. 3.
Minkejja l-paragrafu 1, id-dejta tal-PNR
meħtieġa għal investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet jew
eżekuzzjonijiet speċifiċi ta' pieni għal reati
terroristiċi jew għal reati kriminali transnazzjonali serji, tista'
tiġi pproċessata bl-iskop li jiġu investigati, imħarrka jew
eżegwiti l-penali. Id-dejta tal-PNR tista' tinżamm sakemm
l-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjonijiet rilevanti jiġu
konklużi jew sakemm il-piena tiġi eżegwita. 4.
Hekk kif jiskadi l-perjodu taż-żamma
tad-dejta, speċifikat fil-paragrafi 1 u 3, id-dejta tal-PNR
għandha titħassar b'mod permanenti. Artikolu 17 Ir-reġistrazzjoni
u d-dokumentazzjoni tad-dejta tal-PNR 1.
L-ipproċessar kollu, inkluż
l-aċċess għad-dejta tal-PNR u l-konsultazzjoni jew it-trasferiment
tagħha, kif ukoll it-talbiet għad-dejta tal-PNR mill-awtoritajiet
tal-Awstralja jew minn pajjiżi terzi, anke jekk dawn jiġu
miċħuda, għandhom jiġu rreġistrati jew iddokumentati
mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri bl-iskop li
tiġi vverifikata l-legalità tal-ipproċessar tad-dejta, li jsir
awtomonitoraġġ u li jiġu żgurati l-integrità xierqa
tad-dejta u s-sigurtà tal-ipproċessar tad-dejta. 2.
Ir-reġistrazzjonijiet jew id-dokumentazzjoni
mħejjija skont il-paragrafu 1 għandhom jintużaw biss
għal skopijiet ta' sorveljanza u ta' verifika, inkluż
l-investigazzjoni u s-soluzzjoni ta' kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu
ma' aċċess mhux awtorizzat. 3.
Ir-reġistrazzjonijiet jew id-dokumentazzjoni
mħejjija skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu kkomunikati,
jekk jintalbu, lill-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni.
Il-Kummissarju Awstraljan għall-Informazzjoni għandu juża biss
din l-informazzjoni għas-sorveljanza tal-protezzjoni tad-dejta u biex
jiġi żgurat ipproċessar adegwat tad-dejta kif ukoll l-integrità
u s-sigurtà tagħha. Artikolu 18 Il-kondiviżjoni
tad-dejta tal-PNR ma' awtoritajiet governattivi oħra tal-Awstralja 1.
Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri jista' jikkondividi biss id-dejta tal-PNR ma' dawk l-awtoritajiet
governattivi tal-Awstralja li huma elenkati fl-Anness 2 u f'konformità ma'
dawn is-salvagwardji biss: (a)
L-awtoritajiet governattivi riċeventi
għandhom japplikaw għad-dejta tal-PNR, is-salvagwardji previsti f'dan
il-Ftehim. (b)
Id-dejta għandha tiġi kondiviża
strettament għall-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 3; (c)
Id-dejta għandha tiġi kondiviża biss
fuq bażi ta' każ b'każ sakemm id-dejta tkun ġiet
depersonalizzata; (d)
Qabel ma ssir il-kondiviżjoni, is-Servizz
Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu jevalwa
b'attenzjoni r-rilevanza tad-dejta li tkun se tiġi kondiviża.
Għandhom jiġu kondiviżi biss, dawk l-elementi partikolari
tad-dejta tal-PNR li jkunu jidhru b'mod ċar li huma neċessarji
f'ċirkostanzi partikolari. Ikun x'ikun il-każ, għandu jiġi
kondiviż l-inqas ammont possibbli ta' dejta. (e)
L-awtoritajiet governattivi riċeventi
għandhom jiżguraw li d-dejta ma tkunx qed tiġi addizzjonalment
żvelata mingħajr il-permess tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u
tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, li m'għandux jingħata mis-Servizz
Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri ħlief
għall-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tal-Ftehim. 2.
Il-lista tal-awtoritajiet stabbilita
fl-Anness 2, tista' tiġi emendata permezz ta’ skambju ta’ noti
diplomatiċi bejn il-Partijiet, sabiex tkun tinkludi: (a)
kwalunkwe dipartimenti jew aġenziji
suċċessuri ta’ dawk elenkati fl-Anness 2; kif ukoll (b)
kwalunkwe dipartimenti u aġenziji ġodda
stabbiliti wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim li
l-funzjonijiet tagħhom ikunu direttament relatati mal-prevenzjoni,
l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati
terroristiċi jew ta' reati kriminali transnazzjonali serji; kif ukoll (c)
kwalunkwe dipartimenti u aġenziji
eżistenti li l-funzjonijiet tagħhom isiru direttament relatati
mal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta'
reati terroristiċi jew ta' reati kriminali transnazzjonali serji. 3.
Meta tiġi trasferita informazzjoni analitika
li jkun fiha d-dejta tal-PNR skont dan il-Ftehim, għandhom jiġu
rrispettati s-salvagwardji applikabbli għad-dejta tal-PNR imsemmija f'dan
l-Artikolu. 4.
M'hemm xejn f'dan l-Artikolu li jipprevjeni
l-iżvelar ta' dejta tal-PNR, fejn ikun meħtieġ,
għall-iskopijiet tal-Artikolu 3(4) u (5) u tal-Artikolu 10. Artikolu 19 Trasferimenti
lill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi 1.
Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri jista' jittrasferixxi d-dejta tal-PNR lill-awtoritajiet ta'
pajjiżi terzi speċifiċi biss, f'konformità mas-salvagwardji li
ġejjin: (a)
Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri jinsab sodisfatt li l-awtorità riċeventi tal-pajjiż
terz qablet li tapplika għad-dejta trasferita l-istess salvagwardji
previsti f'dan il-Ftehim; (b)
Tista' tirċievi d-dejta tal-PNR biss,
l-awtorità ta' pajjiż terz li l-funzjonijiet tagħha huma direttament
relatati mal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u
l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew ta' reati kriminali
transnazzjonali serji; (c)
Id-dejta għandha tiġi trasferita
għall-iskopijiet esklużivi ta' prevenzjoni, identifikazzjoni,
investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew ta' reati
kriminali transnazzjonali serji, kif definit fl-Artikolu 3; (d)
Id-dejta għandha tiġi trasferita fuq
bażi ta' każ b'każ; (e)
Qabel ma jsir it-trasferiment, is-Servizz
Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu jevalwa
b'attenzjoni r-rilevanza tad-dejta li tkun se tiġi trasferita.
Għandhom jiġu trasferiti biss, dawk l-elementi partikolari tad-dejta
tal-PNR li jkunu jidhru b'mod ċar li huma neċessarji
f'ċirkostanzi partikolari. Ikun x'ikun il-każ, għandu jiġi
trasferit l-inqas ammont possibbli ta' dejta; (f)
F'każ li s-Servizz Awstraljan tad-Dwana u
tal-Protezzjoni tal-Fruntieri jsir jaf li d-dejta ta' ċittadin jew ta'
resident ta' xi Stat Membru tkun qed tiġi trasferita, l-awtoritajiet
kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jiġu informati
bil-kwistjoni mill-aktar fis possibbli; (g)
is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri jinsab sodisfatt li l-awtorità riċeventi tal-pajjiż
terz qablet li żżomm id-dejta tal-PNR biss sakemm tintemm
l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni rilevanti jew sakemm il-piena tkun
ġiet eżegwita jew sakemm id-dejta ma tkunx meħtieġa aktar
għall-iskopijiet previsti fl-Artikolu 3(4), u jkun xi jkun
il-każ għal mhux iktar mill-perjodu meħtieġ; (h)
is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri jinsab sodisfatt li l-awtorità riċeventi tal-pajjiż
terz qablet li ma tittrasferixxix aktar dejta tal-PNR; (i)
Is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri għandu jiżgura li l-passiġġier ikun informat,
fejn xieraq, dwar it-trasferiment tad-dejta tiegħu tal-PNR. 2.
Meta tiġi trasferita informazzjoni analitika
li jkun fiha d-dejta tal-PNR skont dan il-Ftehim, għandhom jiġu
rrispettati s-salvagwardji applikabbli għad-dejta tal-PNR imsemmija f'dan
l-Artikolu. 3.
M'hemm xejn f'dan l-Artikolu li jipprevjeni
l-iżvelar ta' dejta tal-PNR, fejn ikun meħtieġ,
għall-iskopijiet tal-Artikolu 3(4). KAPITOLU III MODALITAJIET
TAT-TRASFERIMENTI Artikolu 20 Il-metodu
tat-trasferiment Għall-finijiet
ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jiżguraw li t-trasportaturi
bl-ajru jittrasferixxu d-dejta tal-PNR lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u
tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, esklużivament fuq il-bażi tal-metodu "push"
u f'konformità mal-proċeduri li ġejjin: (i)
It-trasportaturi bl-ajru għandhom
jittrasferixxu d-dejta tal-PNR b'mezzi elettroniċi f'konformità
mar-rekwiżiti tekniċi tas-Servizz Awstraljan tad-Dwana u
tal-Protezzjoni tal-Fruntieri jew, f'każ ta' ħsara teknika, b'mezz
ieħor kwalunkwe li jiżgura livell adegwat ta' sigurtà tad-dejta. (j)
It-trasportaturi bl-ajru għandhom
jittrasferixxu d-dejta tal-PNR billi jużaw format ta' messaġġi
miftiehem. (k)
It-trasportaturi bl-ajru għandhom
jittrasferixxu d-dejta tal-PNR b'mod sigur billi jużaw protokolli komuni
meħtieġa mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri. Artikolu 21 Il-frekwenza
tat-trasferiment 1.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw li
t-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu d-dejta kollha tal-passiġġieri
meħtieġa mill-PNR, lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri, skont kif deskritt fl-Artikolu 20, f'mhux aktar minn
ħames waqtiet previsti għal kull titjira, fejn l-ewwel waħda
tkun sa 72 siegħa qabel it-tluq skedat. Is-Servizz Awstraljan
tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu jikkomunika
l-ħinijiet speċifikati għat-trasferimenti lit-trasportaturi
bl-ajru. 2.
F'każijiet speċifiċi fejn ikun hemm
indikazzjonijiet li jinħtieġ aċċess bikri biex ikun hemm
rispons għal xi theddida speċifika relatata ma' reati
terroristiċi jew ma' reati kriminali transnazzjonali serji, is-Servizz
Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri jista' jkun
jeħtieġ trasportatur bl-ajru biex jipprovdi d-dejta tal-PNR qabel ma
jsir l-ewwel trasferiment previst. Fl-eżerċizzju ta' din
id-diskrezzjoni, is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri għandu jaġixxi b'ġudizzju u b'mod proporzjonali u
juża esklużivament il-metodu "push". 3.
F'każijiet speċifiċi fejn ikun hemm
indikazzjonijiet li jinħtieġ aċċess bikri biex ikun hemm
rispons għal xi theddida speċifika relatata ma' reati
terroristiċi jew ma' reati kriminali transnazzjonali serji, is-Servizz
Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri jista' jkun
jeħtieġ trasportatur bl-ajru biex jittrasferixxi d-dejta tal-PNR bejn
jew wara t-trasferimenti regolari msemmija fil-paragrafu 1.
Fl-eżerċizzju ta' din id-diskrezzjoni, is-Servizz Awstraljan
tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu jaġixxi b'ġudizzju
u b'mod proporzjonali u juża esklużivament il-metodu
"push". KAPITOLU IV DISPOŻIZZJONIJIET
IMPLIMENTATTIVI U FINALI Artikolu 22 In-nuqqas
ta' deroga/Ir-relazzjoni ma' strumenti oħra 1.
Dan il-Ftehim m'għandux joħloq jew
jagħti xi dritt jew benefiċċju lil kwalunkwe persuna jew entità,
privata jew pubblika. Kull Parti għandha tiżgura li
d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ikunu qed jiġu implimentati kif
xieraq. 2.
M'hemm xejn f'dan il-Ftehim li għandu
jillimita d-drittijiet jew is-salvagwardji inklużi fil-liġijiet
tal-Awstralja. 3.
M'hemm xejn f'dan il-Ftehim li għandu
jidderoga mill-obbligi eżistenti skont kwalunkwe strumenti ta' assistenza
legali bilaterali reċiproka bejn l-Awstralja u l-Istati Membri tal-Unjoni
Ewropea, biex tiġi pprovduta assistenza fit-talbiet għal kisba ta'
dejta biex tintuża bħala prova matul proċedimenti kriminali li
jikkonċernaw terroriżmu jew reati kriminali transnazzjonali serji. Artikolu 23 Is-soluzzjoni
tat-tilwim u s-sospensjoni tal-Ftehim 1.
Kwalunkwe tilwima li tirriżulta
mill-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim
u kwalunkwe kwistjoni relatata magħha, għandhom iwasslu għal
konsultazzjoni bejn il-Partijiet bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni
miftiehma b'mod reċiproku, li tipprevedi l-għoti ta' opportunità lil
waħda mill-Partijiet biex tikkonforma fi żmien raġonevoli. 2.
F'każ li l-konsultazzjonijiet ma
jirriżultawx f'soluzzjoni tat-tilwima, kull waħda mill-Partijiet
tista' tissospendixxi l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim permezz ta' notifika
bil-miktub b'mezzi diplomatiċi, fejn tali sospensjoni jkollha tidħol
fis-seħħ 120 jum mid-data tan-notifika, sakemm ma jkunx ġie
miftiehem mod ieħor. 3.
Kwalunkwe sospensjoni għandha tieqaf hekk kif
it-tilwima tiġi solvuta b'sodisfazzjoni għall-Awstralja u l-UE. 4.
Minkejja kwalunkwe sospensjoni ta' dan il-Ftehim,
id-dejta kollha miksuba mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri skont it-termini ta' dan il-Ftehim għandha tibqa' tiġi
pproċessata f'konformità mas-salvagwardji ta' dan il-Ftehim, inklużi
d-dispożizzjonijiet dwar iż-żamma u t-tħassir tad-dejta. Artikolu 24 Il-konsultazzjoni
u r-reviżjoni 1.
Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin,
fejn applikabbli anke qabel l-adozzjoni, dwar kwalunkwe tibdiliet
leġiżlattivi jew regolatorji li jistgħu jaffettwaw b'mod konkret
l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim. Ir-referenzi
għal-leġiżlazzjoni Awstraljana li jinsabu f'dan il-Ftehim
għandhom jitqiesu li jinkludu kwalunkwe leġiżlazzjoni
suċċessiva. 2.
Sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan
il-Ftehim u b'mod regolari minn dakinhar 'il quddiem għat-tul ta'
żmien ta' dan il-Ftehim u wkoll għal kull talba li ssir mingħand
kull waħda mill-Partijiet, il-Partijiet għandhom jirrevedu b'mod
konġunt l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim u ta' kwalunkwe kwistjonijiet
relatati miegħu. Il-Partijiet jaqblu li r-reviżjoni għandha
tanalizza b'mod partikolari l-mekkaniżmu tal-ħabi tad-dejta skont
l-Artikolu 16(1)(b), kwalunkwe diffikultajiet relatati mal-effiċjenza
operattiva jew mal-effettività f'sens ta' nfiq tal-mekkaniżmu, u
mal-esperjenza li tkun inkisbet minn mekkaniżmi simili fi skemi oħra
ta' PNR aktar żviluppati, inkluża l-iskema tal-UE. F'każ li ma
jkunx disponibbli mekkaniżmu li jopera b'mod effiċjenti u li jkun
effettiv f'sens ta' nfiq, l-aċċess għad-dejta għandu jkun
ristrett permezz tal-arkivjar, u d-dejta tkun tista' tiġi
aċċessata biss bl-istess mod li tiġi aċċessata d-dejta
depersonalizzata, skont l-Artikolu 16. 3.
Il-Partijiet għandhom jiftehmu minn qabel dwar
il-modalitajiet tar-reviżjoni konġunta u għandhom jgħarrfu
lil xulxin dwar il-kompożizzjoni tat-timijiet rispettivi tagħhom.
Għall-finijiet tar-reviżjoni konġunta, l-Unjoni Ewropea
għandha tiġi rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea u
l-Awstralja għandha tiġi rrapreżentata mis-Servizz Awstraljan
tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri. It-timijiet jistgħu jinkludu
esperti fl-oqsma tal-protezzjoni tad-dejta u tal-eżekuzzjoni
tal-liġi. Skont il-liġijiet applikabbli, il-parteċipanti kollha
tar-reviżjoni konġunta għandhom jiġu mitluba jirrispettaw il-kunfidenzjalità
tad-diskussjonijiet u jkollhom awtorizzazzjonijiet xierqa ta’ sigurtà.
Għall-finijiet tar-reviżjoni konġunta, is-Servizz Awstraljan
tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri għandu jiżgura
l-aċċess għad-dokumentazzjoni u s-sistemi rilevanti u għall-persunal
kompetenti. 4.
Il-Partijiet għandhom jevalwaw il-Ftehim,
b'mod partikolari l-effettività operattiva tiegħu, sa mhux aktar tard minn
erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. 5.
Wara li ssir ir-reviżjoni konġunta,
il-Kummissjoni Ewropea għandha tissottometti rapport lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Għandha tingħata
l-opportunità lill-Awstralja biex tipprovdi l-kummenti tagħha bil-miktub
li għandhom jiġu mehmuża mar-rapport. 6.
Peress li t-twaqqif ta' sistema ta' PNR tal-UE
jista' jbiddel il-kuntest ta' dan il-Ftehim, jekk tiġi adottata sistema
ta' PNR tal-UE u meta dan iseħħ, il-Partijiet għandhom
jikkonsultaw lil xulxin biex jistabbilixxu jekk dan il-Ftehim ikunx jista'
jiġi aġġustat skont kif ikun meħtieġ. Artikolu 25 Terminazzjoni 1.
Kull waħda mill-Partijiet tista' ttemm dan
il-Ftehim f'mument kwalunkwe permezz ta' notifika bil-miktub b'mezzi
diplomatiċi. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ
120 jum mid-data tar-riċeviment ta’ din in-notifika jew skont kif ikun
ġie miftiehem. 2.
Minkejja kwalunkwe terminazzjoni ta' dan il-Ftehim,
id-dejta kollha miksuba mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri skont it-termini ta' dan il-Ftehim għandha tibqa' tiġi
pproċessata f'konformità mas-salvagwardji ta' dan il-Ftehim, inklużi
d-dispożizzjonijiet dwar iż-żamma u t-tħassir tad-dejta. Artikolu 26 It-tul
ta' żmien 1.
Skont l-Artikolu 25, dan il-Ftehim għandu
jibqa' fis-seħħ għal perjodu ta' seba' snin mid-data
tad-dħul fis-seħħ tiegħu. 2.
Hekk kif jiskadi l-perjodu stabbilit
fil-paragrafu 1, kif ukoll kwalunkwe perjodu sussegwenti ta' tiġdid
skont dan il-paragrafu, il-Ftehim għandu jiġġedded għal
perjodu sussegwenti ta' seba' snin sakemm waħda mill-Partijiet
tgħarraf lill-oħra bil-miktub permezz ta' mezzi diplomatiċi u mill-anqas
tnax-il xahar bil-quddiem, li m'għandhiex l-intenzjoni li
ġġedded il-Ftehim. 3.
Minkejja kwalunkwe skadenza ta' dan il-Ftehim,
id-dejta kollha miksuba mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri skont it-termini ta' dan il-Ftehim għandha tibqa' tiġi
pproċessata f'konformità mas-salvagwardji ta' dan il-Ftehim, inklużi
d-dispożizzjonijiet dwar iż-żamma u t-tħassir tad-dejta. Artikolu 27 Id-dejta
tal-PNR rċevuta qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim L-Awstralja għandha tittratta kwalunkwe
dejta tal-PNR miżmuma mis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim,
f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim. Madanakollu, l-ebda
dejta m'għandha tintalab biex tiġi moħbija qabel
l-1 ta' Jannar 2015. Artikolu 28 L-applikazzjoni
territorjali 1.
Skont il-paragrafu 2 sal-paragrafu 4, dan
il-Ftehim għandu japplika għat-territorju li fih huma applikabbli
t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea u għat-territorju tal-Awstralja. 2.
Dan il-Ftehim għandu japplika biss
għad-Danimarka, ir-Renju Unit jew l-Irlanda, jekk il-Kummissjoni Ewropea
tgħarraf bil-miktub lill-Awstralja li d-Danimarka, ir-Renju Unit, jew
l-Irlanda jkunu għażlu li jintrabtu b'dan il-Ftehim. 3.
Jekk qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim,
il-Kummissjoni Ewropea tgħarraf lill-Awstralja li dan se jkun japplika
għad-Danimarka, ir-Renju Unit jew l-Irlanda, dan il-Ftehim għandu
japplika għat-territorju ta' tali Stat fl-istess jum stabbilit
għall-Istati Membri l-oħra tal-UE marbuta b'dan il-Ftehim. 4.
Jekk wara d-dħul fis-seħħ
tal-Ftehim, il-Kummissjoni Ewropea tgħarraf lill-Awstralja li dan japplika
għad-Danimarka, ir-Renju Unit jew l-Irlanda, dan il-Ftehim għandu
japplika għat-territorju ta' tali Stat fl-ewwel jum wara li l-Awstralja
tkun rċeviet in-notifika. Artikolu 29 Id-Dispożizzjonijiet
Finali 1.
Dan il-Ftehim għandu jidħol
fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu
skambjaw notifiki li jindikaw li huma kkonkludew il-proċeduri interni
tagħhom għal din il-fini. 2.
Dan il-Ftehim se jissostitwixxi l-Ftehim li sar
bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-Ipproċessar u t-Trasferiment
ta' Dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)
derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Doganali
Awstraljan, magħmul fi Brussell fit-30 ta' Ġunju 2008,
li mhux se jibqa' applikabbli mad-dħul fis-seħħ ta' dan
il-Ftehim. Magħmul fi…, …; f'żewġ
dokumenti oriġinali, bil-lingwa Ingliża. Dan il-Ftehim għandu
jitfassal ukoll bil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan,
il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg,
il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż,
ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Isvediż, it-Taljan u
l-Ungeriż, fejn kull verżjoni hija awtentika bl-istess mod.
F'każ li jkun hemm diverġenza bejn il-verżjonijiet tal-lingwi
differenti, għandha tgħodd il-verżjoni bl-Ingliż. GĦALL-UNJONI EWROPEA ++++++++++ GĦALL-AWSTRALJA ++++++++++ -------------------------------------------------- Anness 1 L-elementi
tad-dejta tal-PNR imsemmija fl-Artikolu 2(f) li t-trasportaturi bl-ajru
huma mitluba li jittrażmettu lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u
tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, kemm-il darba dawn ikunu diġà qed
jiġbruhom: 1. Kodiċi lokalizzatur tar-reġistru tal-PNR 2. Data tar-riżervazzjoni/ħruġ
tal-biljett 3. Data/Dati
tal-ivvjaġġar ippjanat 4. Isem/Ismijiet 5. Informazzjoni
disponibbli dwar il-vjaġġaturi frekwenti u l-benefiċċji
(jiġifieri biljetti b’xejn, titjib fil-klassi tal-ivvjaġġar,
eċċ.) 6. Ismijiet
oħra fil-PNR, inkluż in-numru ta’ vjaġġaturi fil-PNR 7. Kull
informazzjoni ta' kuntatt disponibbli (inkluża l-informazzjoni dwar
l-oriġinatur) 8. Kull
informazzjoni disponibbli dwar il-pagament/il-ħlas (li ma tinkludix
dettalji oħra ta' tranżazzjonijiet marbuta ma’ xi kard tal-kreditu
jew ma' xi kont u li ma tkunx konnessa mat-tranżazzjoni
tal-ivvjaġġar) 9. Itinerarju
tal-vjaġġ għal PNR speċifiku 10. Aġenzija
tal-ivvjaġġar/aġent tal-ivvjaġġar 11. Informazzjoni
dwar il-kondiviżjoni tal-kodiċi 12. Informazzjoni
maqsuma/diviża 13. Status
tal-ivvjaġġar tal-passiġġier (li jinkludi il-konfermi u
l-istatus taċ-check-in) 14. Informazzjoni
dwar il-qtugħ tal-biljetti, li tinkludi n-numru tal-biljett, biljetti
mingħajr ritorn u Stima Awtomatizzata tal-Prezz tal-Biljett; 15. L-informazzjoni
kollha dwar il-bagalji 16. Informazzjoni
dwar is-siġġu, li tinkludi n-numru tas-siġġu 17. Kummenti
ġenerali li jinkludu Informazzjoni Supplementari Oħra (OSI),
Informazzjoni Speċjali dwar is-Servizz (SSI) u informazzjoni dwar Talba
għal Servizz Speċjali (SSR) 18. Kull
informazzjoni dwar l-APIS li tkun inġabret 19. Il-bidliet
storiċi kollha li saru fil-PNR, elenkati taħt in-numru 1 san-numru 18 Anness 2 Lista tal-awtoritajiet governattivi l-oħra
tal-Awstralja li magħhom is-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni
tal-Fruntieri huwa awtorizzat li jikkondividi d-dejta tal-PNR: 1. Il-Kummissjoni
Awstraljana għall-Kriminalità; 2. Il-Pulizija
Federali Awstraljana; 3. L-Organizzazzjoni
Awstraljana tat-Tagħrif Sigriet dwar is-Sigurtà; 4. Id-Direttur
tal-Commonwealth għall-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi; 5. Id-Dipartiment
tal-Immigrazzjoni u ċ-Ċittadinanza; L-Uffiċċju għas-Sigurtà
fit-Trasport, id-Dipartiment tal-Infrastruttura u t-Trasport. [1] ĠU L 213, 8.8.2008,
p. 47. [2] P7_TA-(2010)0144, 5.5.2010 [3] COM(2010) 492. [4] ĠU C , , p. . [5] ĠU L , , p. .