52011PC0262

/* KUMM/2011/0262 finali - NLE 2011/0112 */ DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar id-Deċiżjoni Nru 1/2011 tal-Kumitat Konġunt ta' Ġestjoni għall-kwistjonijiet Sanitarji u Fitosanitarji, imwaqqaf bil-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda u r-Repubblika taċ-Ċilì min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda tal-Appendiċi V.A.tal-Anness IV tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar id-Deċiżjoni Nru 1/2011 tal-Kumitat Konġunt ta' Ġestjoni għall-kwistjonijiet Sanitarji u Fitosanitarji, imwaqqaf bil-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda u r-Repubblika taċ-Ċilì min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda tal-Appendiċi V.A.tal-Anness IV tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika taċ-Ċilì ġie ffirmat fit-18 ta' Novembru 2002. Id-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2005, wara li ġew ratifikati mill-Istati Membri.

L-Anness IV tal-Ftehim jistipula l-miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (SPS) applikabbli għall-kummerċ ta' annimali u prodotti tal-annimali, pjanti, prodotti tal-pjanti u prodotti oħra u l-benessri tal-annimali (minn issa ’l quddiem “il-Ftehim SPS”).

L-Artikolu 89(3) tal-Ftehim, jistabbilixxi li meta l-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni jittratta miżuri SPS, dan il-Kumitat għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u ċ-Ċilì b’responsabbiltà għall-kwistjonijiet SPS. Dan il-Kumitat jismu l-“Kumitat Konġunt ta' Ġestjoni għall-kwistjonijiet SPS u jingħata s-setgħa li jemenda, permezz ta’ deċiżjoni, l-Appendiċijiet I sa XII tal-Ftehim SPS kif stabbilit fl-Artikolu 16 (2) c tiegħu.

L-Unjoni Ewropea għandha tadotta l-pożizzjoni li jmissha tieħu fil-Kumitat Konġunt ta' Ġestjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-emenda meħtieġa sabiex jiġi aġġornat l-Appendiċi V.A. tal-Ftehim SPS. Skont l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2002/979/KE, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi adottata mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni.

Din l-emenda proposta tirrigwarda l-Appendiċi V.A. tal-Ftehim SPS, dwar is-setturi ta' prijorità jew sotto-setturi li għalihom tista' tiġi rikonoxxuta l-ekwivalenza u tintroduċi s-settur "prodotti tal-ħut" u s-sotto-settur tiegħu,"molluski bivalvi", fil-lista tal-prijoritajiet.

Ir-Repubblika taċ-Ċilì tixtieq tapplika trattament ta' proċessar lill-molluski bivalvi mkabbra f'żoni ta' produzzjoni klassifikati bħala B jew C skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, li mhux previst mil-liġi tal-UE.

Sabiex jiġi evalwat jekk it-trattament propost ta' proċessar jistax jilħaq l-istess livell ta' protezzjoni tal-konsumatur bħal dak tat-trattament stipulat fil-liġi tal-UE, hemm bżonn li tiġi valutata l-ekwivalenza taż-żewġ trattamenti.

Skont l-Artikolu 7(3) tal-Ftehim SPS, l-iddeterminar tal-ekwivalenza jista' jinbeda biss ladarba l-prijoritajiet jiġu stabbiliti fl-Appendiċi V.A.

Fid-dawl tal-progress li sar permezz tal-proċeduri ta' konsultazzjonijiet, il-Partijiet innegozjaw proposta intiża biex temenda l-Appendiċi V.A. tal-Ftehim.

2011/0112 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar id-Deċiżjoni Nru 1/2011 tal-Kumitat Konġunt ta' Ġestjoni għall-kwistjonijiet Sanitarji u Fitosanitarji, imwaqqaf bil-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda u r-Repubblika taċ-Ċilì min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda tal-Appendiċi V.A.tal-Anness IV tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 168(4)(b) flimkien mal-Artikolu 218 (9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

1. Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/979/KE dwar il-firma u l-applikazzjoni provviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa u r-Repubblika taċ-Ċilì min-naħa l-oħra[1], l-Unjoni kkonkludiet Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa u r-Repubblika taċ-Ċilì,li minn issa 'l quddiem ser jissejjaħ il-"Ftehim".

2. L-Anness IV tal-Ftehim jistipula l-miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (SPS) applikabbli għall-kummerċ ta' annimali u prodotti tal-annimali, pjanti, prodotti tal-pjanti u prodotti oħra u l-benessri tal-annimali (minn issa ’l quddem “il-Ftehim SPS”).

3. L-Artikolu 6(4) tal-Ftehim jistabbilixxi li l-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet stipulati fil-Ftehim jew fejn tali setgħa kienet iddelegata lilu mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

4. L-Artikolu 89(3) tal-Ftehim, permezz ta' deroga mill-Artikolu 193 tiegħu, jistabbilixxi li meta l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jittratta miżuri SPS, ikun jissejjaħ il-"Kumitat Konġunt ta' Ġestjoni għall-kwistjonijiet SPS", minn issa 'l quddiem "Il-Kumitat Konġunt ta' Ġestjoni". Skont il-punt(c) tal-Artikolu 16(2) tal-Ftehim SPS UE-Ċilì, dan il-Kumitat għandu s-setgħa li jemenda, permezz ta' deċiżjoni, l-Appendiċijiet I sa XII tal-Ftehim SPS UE-Ċilì.

5. L-Appendiċi V.A. tal-Ftehim SPS UE-Ċilì għandu jkollu setturi ta' prijorità jew sotto-setturi f'ordni ta' prijorità li għalihom tista' tiġi rikonoxxuta l-ekwivalenza.

6. Ir-Repubblika taċ-Ċilì tixtieq tapplika trattament ta' proċessar lill-molluski bivalvi, li mhuwiex previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

7. Sabiex jiġi evalwat jekk it-trattament propost ta' proċessar jistax jilħaq l-istess livell ta' protezzjoni tal-konsumatur bħal dak tat-trattament stipulat fil-liġi tal-UE, hemm bżonn li tiġi valutata l-ekwivalenza taż-żewġ trattamenti.

8. Is-subparagrafu 2 tal-Artikolu 7(4) tal-Ftehim SPS UE-Ċilì jirrikjedi li l-Appendiċi V.A. tal-Ftehim SPS UE-Ċilì jiġi emendat sabiex jidentifika setturi ta' prijorità jew sotto-setturi qabel ma jkunu jistgħu jinbdew konsultazzjonijiet għall-valutazzjoni tal-ekwivalenza. Is-settur "prodotti tal-ħut" u s-sotto-settur tiegħu, "molluski bivalvi", għandhom jiġu introdotti fil-lista tal-prijoritajiet f'dik l-Appendiċi.

9. Għal dan il-għan l-Unjoni għandha tadotta l-pożizzjoni li għandha tieħu fil-Kumitat Konġunt ta' Ġestjoni, fir-rigward tal-emendi meħtieġa.

10. L-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2002/979/KE jipprovdi li l-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandha tkun stabbilita mill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-Trattat.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li l-Unjoni għandha tadotta fil-Kumitat Konġunt ta' Ġestjoni għall-kwistjonijiet Sanitarji u Fitosanitarji tal-Ftehim dwar l-emenda tal-Appendiċi V.A. tal-Ftehim SPS UE-Ċilì, għandha tkun ta' qbil mal-abbozz tad-Deċiżjoni Nru 1/2011 anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni Nru 1/2011 tal-Kumitat Konġunt ta' Ġestjoni dwar l-emendi tal-Appendiċi V.A. tal-Ftehim SPS UE-Ċilì għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hekk kif tiġi adottata .

Magħmul fi

Għall-Kunsill

Il-President

L-ANNESS

Proposta għal

DEĊIŻJONI Nru 1/2011 TAL-KUMITAT KONĠUNT TA' ĠESTJONI GĦALL-KWISTJONIJIET SANITARJI U FITOSANITARJI MWAQQAF SKONT IL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U R-REPUBBLIKA TAĊ-ĊILÌ DWAR MIŻURI SANITARJI U FITOSANITARJI APPLIKABBLI GĦALL-KUMMERĊ TA' ANNIMALI U PRODOTTI TAL-ANNIMALI, PJANTI U PRODOTTI TAL-PJANTI U PRODOTTI OĦRA U L-BENESSRI TAL-ANNIMALI

tal-…………… 2011

li temenda l-Appendiċi V.A. tal-Anness IV tal-Ftehim

IL-KUMITAT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea flimkien mal-Istati Membri tagħha u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (SPS) applikabbli għall-kummerċ ta' annimali u prodotti tal-annimali, pjanti, prodotti tal-pjanti u prodotti oħra u l-benessri tal-annimali, u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 7(4),

Billi:

(1) L-Artikolu 7(1) tal-Ftehim SPS UE-ĊILÌ jipprovdi li l-ekwivalenza tista' tiġi rikonoxxuta fir-rigward ta' miżura individwali u/jew gruppi ta' miżuri u/jew sistemi applikabbli għal settur jew sotto-settur.

(2) L-Artikolu 7(4) tal-Ftehim SPS UE-ĊILÌ jistabbilixxi li s-setturi jew is-sotto-setturi li għalihom jista' jinbeda l-proċess għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza, għandhom jiġu stabbiliti f'ordni ta' prijorità fl-Appendiċi V.A.

(3) Ir-Repubblika taċ-Ċilì wriet l-interess li tinkludi l-molluski bivalvi bħala sotto-settur tal-prodotti tas-sajd fl-Appendiċi V.A. bħala settur ta' prijorità sabiex tinbeda l-valutazzjoni tal-ekwivalenza tal-miżura applikati għalihom.

(4) Fil-ħames laqgħa tal-Kumitat Konġunt ta' Ġestjoni, il-Partijiet qablu li tinbeda l-proċedura għall-emenda tal-Appendiċi V.A. tal-Ftehim SPS UE-Ċilì.

(5) L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 1/2003[2] tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì, dwar l-adozzjoni tar-regoli tal-proċedura tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u l-Kumitati Speċjali, jistabbilixxi l-proċedura għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Appendiċi V.A. tal-Ftehim SPS UE-Ċilì huwa mibdul bl-Appendiċi fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni, magħmula f’żewġ kopji, għandha tiġi ffirmata mill-Kopresidenti jew minn persuni oħra mogħnija bis-setgħa li jaġixxu f'isem il-Partijiet. Din għandha tiġi adottata permezz ta' tpartit ta' noti miktuba bejn iż-żewġ Segretarji li jaġixxu bi ftehim mal-Partijiet li jiċċertifikaw it-tlestija tal-proċeduri interni legali neċessarji.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-ħruġ tal-aħħar nota miktuba skambjata.

Iffirmata f'Santiago , [id-data] Iffirmata fi Brussell, [id-data]

Għall-Kumitat Konġunt ta' Ġestjoni

Kap tad-Delegazzjoni Kap tad-Delegazzjoni tar-Repubblika taċ-Ċilì tal-Unjoni Ewropea

_____________

ANNESS

Appendiċi V

SETTURI TA' PRIJORITÀ JEW SOTTO-SETTURI LI GĦALIHOM TISTA' TIĠI RIKONOXXUTA L-EKWIVALENZA U KUNDIZZJONIJIET JEW DISPOŻIZZJONIJIET GĦALL-APPROVAZZJONI PROVVIŻORJA TAL-ISTABBILIMENTI

A. Setturi ta' prijorità jew sotto-setturi li għalihom tista' tiġi rikonoxxuta l-ekwivalenza

(1) Settur: Prodotti tas-sajd

Sottosettur Molluski bivalvi

[1] ĠU L 352, 30.12.2002, p. 1.

[2] ĠU L 95, 11.4.2003, p. 46.