52011PC0251

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni FEG/2010/025 DK/Odense Steel Shipyard mid-Danimarka) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni FEG/2010/025 DK/Odense Steel Shipyard mid-Danimarka) /* KUMM/2011/0251 finali */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1], jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibbiltà, fi ħdan il-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun lil hinn mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-FEG huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fis-6 ta' Ottubru 2010, id-Danimarka ppreżentat l-applikazzjoni FEG/2010/025 DK/Odense Steel Shipyard għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li ngħataw is-sensji fl-Odense Steel Shipyard fid-Danimarka.

Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament, intlaħqu.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI

Dejta prinċipali: ||

Nru ta' Referenza tal-FEG || FEG/2010/025

Stat Membru || Id-Danimarka

Artikolu 2 || (a)

Intrapriża primarja || Odense Steel Shipyard

Fornituri u produtturi iktar 'l isfel fil-katina tal-produzzjoni || 0

Perjodu ta’ referenza || 13.4.2010 – 31.7.2010

Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati || 1.10.2010

Data tal-applikazzjoni || 6.10.2010

Sensji matul il-perjodu ta’ referenza || 710

Sensji qabel u wara l-perjodu ta' referenza || 646

Sensji totali eliġibbli || 1 356

Ħaddiema li ngħataw is-sensja li huma identifikati għall-għajnuna || 950

Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) || 20 874 362

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG[3](EUR) || 943 948

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (%) || 4,3

Baġit totali (EUR) || 21 818 310

Il-kontribuzzjoni tal-FEG (65 %) (EUR) || 14 181 901

1. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fis-6 ta' Ottubru 2010 u kienet supplimentata b'tagħrif addizzjonali sat-8 ta’ Marzu 2011.

2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-FEG hekk kif stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u giet ippreżentata fl-10 ġimgħat skadenza msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

Ir-rabta bejn is-sensji u t-tibdiliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

3. Sabiex tiġi stabbilita rabta bejn is-sensji u l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, id-Danimarka argumentat li tul dawn l-aħħar għexieren ta' snin it-tarzni fl-Ewropa kienu qed jitilfu ammont sostanzjali ta' ishma tas-suq għall-vantaġġ tal-Asja. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika u mbagħad affettwat aktar is-suq globali tal-bini tal-vapuri, tant li skont il-Komunità tal-Assoċjazzjonijiet tat-Tarzni Ewropej (Community of European Shipyards’ Assocations, CESA), bejn l-2008 u l-2009 l-ktieb globali tal-ordnijiet niżel minn 194,2 miljun CGT[4] għal 156,2 miljun CGT, filwaqt li ordnijiet ġodda niżlu minn 43,0 miljun CGT għal 16,5 miljun CGT fl-istess perjodu.

4. Fir-rapport annwali tal-2009-2010, is-CESA tikteb li minħabba t-tnaqqis fil-ktieb mondjali tal-ordnijiet, l-ammont ta' xogħol fit-tarzni kien qed jonqos b'pass mgħaġġel. Minn mindu waqgħet id-domanda fis-setturi tal-vapuri standard tat-tagħbija, l-ishma tas-suq tat-tarzni Ewropej fis-setturi tat-tankers, tal-vapuri tal-kontejners u tal-vapuri tal-merkanzija bl-ingrossa komplew jonqsu hekk kif madwar 1,5 miljun CGT, bejn wieħed u ieħor 17 % tal-ktieb tal-ordnijiet attwali tal-membri tas-CESA ġew ikkanċellati mit-tieni nofs tal-2008. Skont is-CESA, il-valur għoli u l-kumplessità tal-vapuri li tlestew fl-2009 għenu biex jittaffa l-impatt f'termini ta' qligħ – 5 % hekk kif imqabbel mal-20 % tnaqqis f'termini ta' tunnellaġġ. Għaldaqstant, l-impatt kollu tal-kundizzjonijiet attwali fuq it-tarzni Ewropej se jittardja minħabba żminijiet twal tal-produzzjoni. Mill-2008, ordnijiet ġodda fit-tarzni taċ-CESA naqsu b'mod drammatiku. F'termini ta' impjieg, fl-aħħar tal-2009, medja ta' madwar 20 % tal-impjiegi fit-tarzni kienu diġà ġew affettwati. Mingħajr kuntratti ġodda qabel is-sajf tal-2010, is-CESA stmat li kriżi tax-xogħol b'nofs l-impjiegi f'riskju hija aktarx inevitabbli. Bosta tarzni Ewropej kienu qed jagħmlu aktar użu mix-xogħol b'ħin qasir u jħabbru jew iwettqu sensji. Xi tarzni kienu diġà ddikjaraw falliment u minħabba f'hekk inħolqot reazzjoni katina lejn il-fornituri tagħhom.

5. Dan huwa t-tielet każ tal-FEG fis-settur tal-bini tal-vapuri u l-argumenti ppreżentati fiż-żewġ każijiet preċedenti (FEG/2010/001 DK/Nordjylland[5] u EG/2010/006 PL/H. Cegielski-Poznan[6], għadhom validi.

Turija tal-għadd ta' sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a)

6. Id-Danimarka ppreżentat din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jirrikjedi mill-inqas 500 sensja f'perjodu ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-fornituri tagħha jew mill-produtturi involuti fl-istadji aħħarija tal-produzzjoni.

7. L-applikazzjoni ssemmi 710 sensja fl-Odense Steel Shipyard fil-perjodu ta' referenza bejn it-13 ta' April 2010 sal-31 ta' Lulju 2010 kif ukoll 646 sensja oħra fil-perjodu bejn l-10 ta' Awwissu 2009 meta tħabbar l-għeluq ta' din it-tarzna sa Jannar 2011 (inkl.). L-Istat Membru applikant għażel li ma jużax l-erba' xhur kollha biex jistabbilixxi l-perjodu ta' referenza tiegħu, billi n-numru li ntlaħaq fl-ewwel tliet xhur u nofs kien biżżejjed biex jistabbilixxi l-eliġibilità. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkolati skont l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta' dawk is-sensji

8. L-awtoritajiet Daniżi argumentaw li l-għeluq tat-tarzna u s-sensji li rriżultaw ma setgħux jiġu previsti. Is-sidien tat-tarzna investew bil-kbir fit-tarzna sal-2009; dan ma kienx se jsir li kieku l-għeluq kien previst. Ta' min jinnota wkoll li din hija waħda mill-ikbar u l-aktar tarzni moderni fl-Ewropa b'rekords bħal pereżempju l-bini (fl-2006-08) tal-ikbar vapuri tal-kontejners fid-dinja, l-Emma Maersk u l-E-class tagħha. Din it-tarzna kienet magħrufa għall-iddisinnjar u l-bini ta' bastimenti innovattivi li japplikaw l-aktar teknoloġija avvanzata kemm fid-disinn kif ukoll fit-tagħmir.

Turija tas-sensji u identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji

9. Din l-applikazzjoni tirreferi għall-1 356 sensja b'kollox fl-Odense Steel Shipyard. Wara stħarriġ, l-Istat Membru applikant ikkonkluda li kważi 70 % tal-ħaddiema affettwati se jkunu jixtiequ jgawdu mill-miżuri tal-FEG.

10. It-tqassim tal-ħaddiema identifikati huwa kif ġej:

Kategorija || Numru || Perċentwali

Irġiel || 903 || 95,0

Nisa || 47 || 4,9

Ċittadini tal-UE || 950 || 100,0

Ċittadini barra l-UE || 0 || 0,0

minn 15 sa 24 sena || 58 || 6,1

minn 25 sa 54 sena || 726 || 76,4

minn 55 sa 64 sena || 162 || 17,1

minn 64 sena 'l fuq || 4 || 0,4

11. Mill-ħaddiema affettwati jew identifikati ħadd ma għandu problemi tas-saħħa presistenti jew diżabilitajiet.

12. F'termini ta' kategoriji tax-xogħol, it-tqassim huwa kif ġej:

Kategorija || Numru || Perċentwali

Professjonisti || 30 || 3,2

Tekniċi u professjonisti assoċjati || 616 || 64,8

Skrivani || 19 || 2,0

Ħaddiema fis-servizzi u ħaddiema fil-bejgħ fil-ħwienet u s-swieq || 153 || 16,1

Xogħlijiet elementari || 132 || 13,9

13. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, id-Danimarka kkonfermat li ġiet applikata politika ta' ebda diskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u li din il-politika ħa tibqa' tiġi applikata matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-FEG u, b'mod partikolari, fir-rigward tal-aċċess għalih.

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

14. Odense hija t-tielet l-ikbar belt fid-Danimarka bi kważi 200 000 abitant. Il-belt tinsab fiċ-ċentru tal-gżira ta' Funen, fejn il-popolazzjoni kollha toqrob lejn il-500 000. Funen hija l-parti fil-lvant tar-reġjun tad-Danimarka t'Isfel, li b'kollox fiha 1 200 000 abitant. Kemm l-infrastruttura ta' Funen kif ukoll dik tar-reġjun huma żviluppati sew u n-nies li jaħdmu qegħdin dejjem aktar jivvjaġġjaw 'l barra minn raħal twelidhom biex jaħdmu. Madankollu, fil-każ tal-ħaddiema tal-Odense Steel Shipyard, l-ivvjaġġar għall-post tax-xogħol ma jistax jitqies bħala s-soluzzjoni għall-problemi tagħhom tax-xogħol, billi hemm ftit opportunitajiet ta' impjieg għall-ħaddiema fil-bqija tal-ġżira u ma hemm l-ebda nuqqas ta' ħaddiema fis-settur tal-metallurġija fid-Danimarka kollha. Għaldaqstant iridu jsiru sforzi kbar sabiex il-ħaddiema li ngħataw is-sensja jiġu preparati għal xogħlijiet ġodda.

15. Odense għandha aċċess għall-baħar permezz ta' kanal u l-Fjord ta' Odense fejn tinsab l-Odense Steel Shipyard, fir-raħal ċkejken ta' Munkebo (5 500 abitant). Munkebo hija parti mill-Muniċipalità ta' Kerteminde, li hija l-parti fil-Grigal ta' Funen.

16. Fl-2008, l-għadd totali tal-forza tal-ħaddiema f'Odense u Kerteminde kien ta' 109 000 persuna. Għaldaqstant, it-telf dirett tal-Odense Steel Shipyard kopert b'din l-applikazzjoni jammonta għal aktar minn 1 % tal-forza tal-ħaddiema, li jrid jiżdidilha aktar telf ta' impjiegi mis-sottokuntratturi, li se jirriżultaw fi stadju aktar avvanzat u aktar telf mit-tarzna nnifisha meta din tagħlaq kompletament. Huwa stmat li eventwalment, it-telf indirett ta' impjiegi se jkun kbir daqs dak dirett, tant li l-għeluq tat-tarzna huwa meqjus bħala kriżi kbira għall-ekonomija reġjonali.

L-istandard edukattiv tal-forza tal-ħaddiema impjegati f'Kerteminde huwa inqas kemm mill-medja nazzjonali kif ukoll mill-medja ta' Funen. Fl-2008, madwar 27,3 % tal-forza tax-xogħol f'Kerteminde kienu rċevew xi edukazzjoni ulterjuri, filwaqt li ċ-ċifra korrispondenti għall-Funen kienet ta' 33 % u l-medja nazzjonali 34,8 %

17. Kemm il-muniċipalità ta' Odense, kif ukoll ta' Kerteminde huma involuti mill-qrib f'din l-applikazzjoni li huma appoġġaw sa mill-bidu nett.

L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

18. Is-sitwazzjoni tax-xogħol inġenerali fid-Danimarka marret ferm lura tul l-2009 u l-2010. Il-qgħad żdied minn rekord baxx ta' 3,3 % fis-sena 2008 għal 8,2 % f'Diċembru 2010 (sors: Eurostat[7]).

19. L-istruttura tal-industrija f'Kerteminde hija kkaratterizzata minn sehem għoli ta' qgħad fil-manifattura, b'mod partikolari fil-metallurġija. Ħafna impjiegi f'din l-industrija diġà ntilfu u marru f’pajjiżi oħra b'pagi aktar baxxi. Il-ħaddiema tat-tarzna li ngħataw is-sensja għandhom kompetenza teknika għolja li diffiċli tapplikaha għal industriji oħra fi Funen jew saħansitra fid-Danimarka kollha.

Barra minn hekk, it-tarzna qed tinħatt fi stadji, bi gruppi ta' ħaddiema jiġu mkeċċija sakemm jitlestew l-aħħar ordnijiet ta' vapuri. Huwa mistenni li fl-2011 se jitkeċċew 1 100 ħaddiem ieħor fi tliet mewġiet. Mingħajr taħriġ mill-ġdid, se tkun diffiċli għal dawn il-ħaddiema biex isibu xogħol ġdid.

20. Minn mindu tħabbar l-għeluq f'Awwissu 2009, konsorzju ta' partijiet interessati lokali, reġjonali u nazzjonali ddiskuta u fformula strateġija għal opportunitajiet ġodda ta' tkabbir fir-reġjun. Hija din l-istrateġija li ggwidat l-għażla ta' miżuri fl-applikazzjoni.

Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u analiżi tal-ispejjeż stmati, inkluża l-komplimentarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

21. Min-naħa l-oħra, ir-Reġjun tad-Danimarka t'Isfel qiegħed jiddefinixxi u jfassal miżuri li jistgħu jittieħdu skont l-għanijiet ta' Liżbona bl-iskop ta' kompetittività Ewropea soda. Sabiex jikseb dawn l-għanijiet fit-tul tal-promozzjoni tat-tkabbir ta' industriji ġodda fiż-żona, il-Forum tat-Tkabbir reġjonali qed juża kemm l-iffinanzjar tal-FSE u tal-FEŻR, kif ukoll l-assistenza nazzjonali tas-suq tax-xogħol

22. Madankollu, sabiex tingħata għajnuna immedjata, lil dawn il-ħaddiema li sfaw bla xogħol, hemm bżonn li jsiru aktar attivitajiet speċifiċi. Dawn jinkludu edukazzjoni, taħriġ, inċentivi tax-xogħol u appoġġ fl-intraprendenza. Il-grupp ta' ħaddiema fil-mira għandhom diġà ħafna sengħa, iżda f'qasam li l-futur tiegħu ma jidher promettenti xejn f'dak li għandu x'jaqsam ma' impjiegi. Għaldaqstant, il-miżuri proposti għalihom se jġorru aktar spejjeż magħhom milli kieku kienu ħaddiema oħra fi tkeċċijiet bil-massa, li bosta drabi jkunu jikkonċernaw nies li huma relattivament ta' ftit sengħa.

– Djanjożi, kjarifika u kors bażiku: Huwa stmat li dan se jiħduh madwar 70 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja. Il-kors se jdum għal perjodu medju ta' erba' ġimgħat u se jkollu kemm tagħlim fi grupp kif ukoll konsulenza personali. L-għan hu li tingħata għajnuna lill-ħaddiema biex tiġi mifhuma s-sitwazzjoni tagħhom u biex dawn jiksbu l-motivazzjoni biex jaċċettaw orjentazzjoni sħiħa mill-ġdid, biex jifhmu l-opportunitajiet miftuħa fir-reġjun, biex jidentifikaw il-kompetenzi tagħhom stess, biex jidentifikaw opportunitajiet ta' interess għalihom u biex jiddeciedu dwar miżuri ulterjuri li huma jixtiequ jieħdu. Miżura bħal din se tinvolvi konsulenza ħafna aktar intensiva u personali minn dik li ċ-Ċentri tax-Xogħol normalment kapaċi jipprovdu.

– Taħriġ vokazzjonali u edukazzjoni ġenerali: Huwa stmat li dan ukoll se jiħduh madwar 70 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, li se jagħżlu oqsma varji ta' edukazzjoni u taħriġ mill-ġdid. Ċerti ħaddiema aktarx ikollhom bżonn isaħħu mill-ġdid l-edukazzjoni ġenerali tagħhom qabel ma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-għażliet ta' taħriġ.

– L-ewwel fost dawn l-għażliet se tkun dik tat-Teknoloġija tal-Enerġija, li tinvolvi l-ġenerazzjoni tal-elettriku, il-ħażna tal-enerġija, l-infrastruttura tal-enerġija u l-effiċjenza tal-enerġija -- b'enfażi f'dawn l-oqsma, fuq l-enerġija li tirrispetta l-ambjent. Dan huwa qasam ta' taħriġ ġdid li ċ-Ċentri tax-Xogħol għadhom ma bdewx jipprovdu.

– It-tieni se tkun fil-Kostruzzjoni u t-Tisbiħ, li għalihom hemm diġà impenji pubbliċi kbar li jridu jiġu implimentati fis-snin li ġejjin. Il-kors se jinkludi tagħlim speċifiku fil-kostruzzjoni li tkun effiċjenti fl-enerġija. Dawn huma miżuri ta' taħriġ innovattiv li jinbtu minn dak li huwa disponibbli fiż-żona.

– It-tielet se tkun dik tar-Robotika, qasam bi tkabbir sod li fih id-Danimarka kisbet suċċess f’livell internazzjonali. L-oqsma l-aktar li se jingħataw attenzjoni se jkunu dawk tal-produzzjoni industrijali, ilgħab u tgħallem (play and learning) u l-produzzjoni bijoloġika. Bħalissa ċ-Ċentri tax-Xogħol dan ma jipprovduhx iżda jistgħu jibdew joffruh jekk din l-iskema taqbad sew.

– Ir-raba' waħda se tkun fit-Teknoloġija tal-Benessri, li l-iżvilupp tagħha huwa diġà ċċentrat madwar Odense. Id-domanda għall-benessri pubbliċi fl-isptarijiet u s-servizzi tal-kura tas-saħħa mistennija tiżdied fil-futur. L-attenzjoni prinċipali se tkun fuq introduzzjoni ġenerali għat-teknoloġija u titjib prattiku tal-kapaċitajiet. Attwalment iċ-Ċentri tax-Xogħol mhumiex jipprovdu dan il-kors, iżda jista' jkun li aktar 'il quddiem jipprovdu opportunitajiet tajba ta' xogħol.

– Il-ħames hija l-Edukazzjoni Ġenerali, li taf tkun prerekwiżit għal ħafna mill-ħaddiema bis-sensja sabiex ikunu jistgħu jieħdu t-taħriġ offrut. Huwa stmat li kwart tal-grupp kollu fil-mira se jieħu din il-miżura, li hija skedata li ddum medja ta' 22 ġimgħa għal kull persuna. Għalkemm iċ-Ċentri tax-Xogħol dan qegħdin joffruh, attwalment huma jinsabu mħabbtin ħafna minħabba d-domanda għolja min-naħa tal-ħaddiema qiegħda u għalhekk mhux dejjem qed ilaħħqu.

– Iġbed u żomm l-edukazzjoni ogħla/taż-żgħażagħ: Dan se jmexxi lill-ħaddiema żgħażagħ sabiex jerġgħu lura għall-edukazzjoni, jipprovdi appoġġ u jiffinanzja l-ispejjeż tat-taħriġ sa sena. L-appoġġ ipprovdut hawnhekk imur lilhinn minn dak li huwa normalment disponibbli fiċ-Ċentri tax-Xogħol.

– Inċentivi għall-impjieg -- Tagħlim fl-Intrapriżi: Dan se jgħin lill-ħaddiem li ngħata s-sensja li jinsab fi tranżizzjoni għal xogħol ġdid, billi jiffaċilità t-tagħlim u l-aġġustament kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiem il-ġdid. Fil-biċċa l-kbira dan se jseħħ flimkien ma' waħda mill-miżuri l-oħra li jippreparaw lill-ħaddiem għal impjieg ġdid. F'termini prattici, dan se jkun kors għall-impjegati ġodda ta' bejn jum u tlieta fil-ġimgħa u fuq perjodu ta' bejn sitt sa 10 ġimgħat. Dan se jiffaċilita bil-kbir id-deċiżjoni ta' nies ġodda, li jħaddmu ħaddiema li ngħataw is-sensja, hekk kif dawn se jingħataw għajnuna biex jadattaw aktar malajr għall-post tax-xogħol il-ġdid.

– Inċentivi għall-ftuħ ta' negozju ġdid: L-intraprendenza fid-Danimarka qiegħda f'livell baxx iżda qed tiżdied u hija partikolarment baxxa fl-aktar żewġ muniċipalitajiet affettwati. Il-livell ta' interess espress mill-ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-konfront ta' din il-miżura kien, madankollu, fuq il-medja u kwazi terz (285) tal-ħaddiema wrew interess. Is-seminars ippjanati tax-xogħol se jgħinu lil dawn il-ħaddiema jiżviluppaw ideat u kreattività, l-analiżi tal-ideat se tgħinhom jiffukaw fuq l-aqwa każijiet għal żvilupp ulterjuri u kors ta' intraprendenza ta' sitt ġimgħat se jagħti l-kapaċità lil dawk li jiddeciedu li jieħdu din l-opportunità (stima ta' 95 ħaddiem) li jiffukaw fuq kif jitmexxa negozju. Numru iżgħar ta' ħaddiema (stima ta' 45) imbagħad se jingħataw għajnuna permezz ta' pariri fuq kif jiżviluppaw prodott u se jiġu megħjuna wkoll bl-analiżi tas-suq meħtieġa. Madwar 20 imprenditur ġdid se jirċievu gwida u tmexxija fil-fażi bikrija tal-ftuħ u konsulenza esperta tul l-ewwel sena permezz ta' numru ta' sessjonijiet. Dawk li jirnexxilhom jibdew negozju b'suċċess jingħataw għajnuna fil-kummerċjalizzazzjoni u r-relazzjonijiet pubbliċi, inkluża l-promozzjoni tal-marka. Dawk l-imprendituri li jissodisfaw kundizzjonijiet stretti jistgħu japplikaw għal self – huwa stmat li għal dan l-istadju finali ta' appoġġ se jikkwalifikaw madwar 10 applikanti.

– Barra dawn il-miżuri, id-Danimarka qed tipproponi manteniment ta' sussistenza ta' EUR 100,67 lil kull ħaddiem għal kull ġurnata ta' attività.

23. In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG, li hija inkluża fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni, pubbliċità u kif ukoll kontroll. Is-sħab kollha involuti fil-miżuri għandhom l-impenn li jikkomunikaw l-appoġġ provdut mill-FEG.

24. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Daniżi huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fl-azzjonijiet eliġibbli definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Daniżi jistmaw li l-ispejjeż totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’ EUR 20 874 362 u li n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG hija ta' EUR 943 948 (4,3 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 14,181,901 (65 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet || Għadd stmat ta’ ħaddiema identifikati || Spiża stmata għal kull ħaddiem identifikat (EUR) || Spejjeż totali (l-FEG u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR)

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Djanjożi, kjarifika u kors bażiku: || 950 || 1 610,74 || 1 530 203

Taħriġ vokazzjonali fit-teknoloġija tal-enerġija || 190 || 10 067,11 || 1 912 751

Taħriġ vokazzjonali fil-kostruzzjoni u t-tisbiħ (landscaping) || 140 || 5 369,13 || 751 678

Taħriġ vokazzjonali fir-robotika || 75 || 10 067,11 || 755 033

Taħriġ vokazzjonali fit-teknoloġija tal-benessri || 70 || 12 080,54 || 845 638

Edukazzjoni ġenerali || 235 || 7 973,15 || 1 873 690

Iġbed u żomm fl-edukazzjoni ogħla || 110 || 6 711,41 || 738 255

Tagħlim dwar l-intrapriżi || 190 || 3 221,48 || 612 081

Intraprendenza stimulanti || 285 || 268,46 || 76 511

Analiżi tal-ideat || 140 || 134,23 || 18 792

Kors fl-intraprendenza || 95 || 5 637,58 || 535 570

Kors fl-iżvilupp tal-prodotti || 45 || 3 758,39 || 169 128

Analiżi tas-suq u studju tal-vijabilità || 20 || 4 026,85 || 80 537

Każijiet għall-ftuħ ta' negozju || 20 || 5 637,58 || 112 752

Konsulenza esperta || 20 || 1 342,28 || 26 846

Reklamar u mmarkar || 20 || 4 026,85 || 80 537

Self għall-ftuħ || 10 || 26 845,60 || 268 456

Manteniment ta’ sussistenza: || 950 || 11 037,80 || 10 485 906

Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 20 874 362

Nefqa fuq l-implimentazzjoni tal-FEG (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Attivitajiet ta' tħejjija || || 74 260

Ġestjoni || || 482 694

Informazzjoni u pubbliċità || || 185 652

Attivitajiet ta’ kontroll || || 201 342

Subtotal tan-nefqa totali għall-implimentazzjoni tal-FEG || || 943 948

Stima totali tal-ispejjeż || || 21 818 310

Kontribut tal-FEG (65 % tal-ispejjeż totali) || || 14 181 901

* It-totali ma jaqblux kompletament minħabba l-konverżjoni mid-DKK u l-arrotondament.

25. Id-Danimarka tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma kumplimentari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u li l-iffinanzjar doppju mhux se jitħalla jsir.

Id-data meta nbdew jew meta huwa maħsub li jinbdew is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati

26. Fl-1 ta’ Ottubru 2010, id-Danimarka bdiet is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati li huma inklużi fil-pakkett koordinat propost lill-FEG għall-kofinanzjament. Din id-data għalhekk tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibilità għal kull għajnuna li tista' tingħata mill-FEG.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mas-sħab soċjali

27. Ir-Reġjun tad-Danimarka t'Isfel, u l-Muniċipalitajiet ta' Odense u Kerteminde ppreparaw l-applikazzjoni flimkien. Dan ix-xogħol involva numru ta' sħab soċjali, organizzazzjonijiet professjonali, għaqdiet u istituzzjonijiet ekukattivi. Saru laqgħat konġunti fejn il-partijiet iddiskutew u fasslu strateġiji dettaljati għat-tkabbir u azzjonijiet straordinarji fil-pjan tat-tranżizzjoni.

28. L-awtoritajiet Daniżi kkonfermaw li r-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfatti.

Tagħrif dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi

29. Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Daniżi fl-applikazzjoni tagħhom:

· ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tissostitwixxix miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

· urew bil-provi li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għall-ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji tal-UE oħra.

Sistemi ta' ġestjoni u kontroll

30. Id-Danimarka għarrfet lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi ġestita u kkontrollata mill-istess korpi bħal tal-Fond Soċjali Ewropew, li għandu wkoll l-Awtorità Daniża tal-Bini u l-Intrapriżi bħala Awtorità ta' Ġestjoni. L-Awtorità li Tiċċertifika se tiġi stabbilita f'dipartiment differenti tal-istess korp. L-Awtorità ta' Verifika se tkun il-Funzjoni kontrollur (Controllerfunction) tal-UE fl-Awtorità Daniża tal-Bini u l-Intrapriżi.

Il-finanzjament

31. Fuq il-bażi tal-applikazzjoni tad-Danimarka, il-kontribuzzjoni proposta mill-FEG għall-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati hija ta' EUR 14 181 901, li tirrappreżenta 65 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta mill-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq it-tagħrif li ngħata mid-Danimarka.

32. B'kunsiderazzjoni tal-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-iskop tal-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat skont l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

33. L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarja se jħalli aktar minn 25 % tal-ammont massimu annwali ddestinat għall-FEG, disponibbli għall-allokazzjonijiet matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif jeħtieġ l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

34. Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex timmobilizza l-FEG, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura ssimplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-FEG u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex, f'livell politiku xieraq, tgħarraf lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ partijiet tal-awtorità baġitarja, tissejjaħ laqgħa formali ta' trijalogu.

35. B’mod separat, il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex fil-baġit għall-2011 iddaħħal approprjazzjonijiet speċifiċi għall-impenn, kif jitlob Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Sors tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet

36. Il-baġit tal-2011 li juri approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet ta' EUR 47 608 950 dwar il-linja baġitarja 04.0501 "Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG)", din il-linja baġitarja se tintuża biex tkopri l-ammont ta' EUR 14 181 901 meħtieġ għal din l-applikazzjoni.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni FEG/2010/025 DK/Odense Steel Shipyard mid-Danimarka)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[8], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[9], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[10],

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf sabiex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin dovuti għall-globalizzazzjoni u sabiex jiġu megħjuna fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)       L-ambitu tal-FEG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)       Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG fil-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)       Id-Danimarka ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji fl-intrapriża Odense Steel Shipyard fis-6 ta' Ottubru 2010 u ssupplimentatha b'tagħrif addizzjonali sat-8 ta' Marzu 2011. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li timmobilizza l-ammont ta' EUR 14 181 901.

(5)       Għaldaqstant, l-FEG għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mid-Danimarka.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 14 181 901 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ħlas.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi [Brussell/Strasburgu],

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3]               Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

[4]               It-Tunnellaġġ Gross-Ikkumpensat (Compensated Gross Tonnage, CGT) jindika l-ammont ta' xogħol meħtieġ sabiex jinbena vapur u huwa kkalkulat bil-multiplikazzjoni tat-tunnellaġġ ta' vapur b'koeffiċjent li huwa ddeterminat skont it-tip u l-kobor ta' vapur partikolari (http://en.wikipedia.org/wiki/Compensated_gross_tonnage)

[5]               COM(2010) 451 finali.

[6]               COM(2010) 631 finali.

[7]               http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/statistics/search_database

[8]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[9]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[10]             ĠU C […], […], p. […].