52011PC0224

/* KUMM/2011/0224 finali - NLE 2011/0091 */ Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 521/2008 li tistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 20.4.2011

KUMM(2011) 224 finali

2011/0091 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 521/2008 li tistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

L-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTIs) ddaħħlu fis-Seba’ Programm Kwadru (FP7)[1] abbażi tal-Artikolu 187 TFUE (ex-Artikolu 171 TEC), bħala mod kif jinħolqu sħubijiet pubbliċi u privati fir-riċerka fil-livell Ewropew. Il-JTIs huma espressjoni tal-impenn qawwi tal-UE biex tikkoordina l-isforzi tar-riċerka, issaħħaħ iż-Żona Ewropea tar-Riċerka u tilħaq l-għanijiet tal-kompetittività tal-Ewropa.

L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (FCH JU) kienet stabbilita b'Regolament tal-Kunsill (KE) 521/2008 tat-30 ta' Mejju 2008. It-tliet membri, il-Grupp Industrijali (GI), il-Grupp tar-Riċerka (GR) u l-Kummissjoni Ewropea jaqsmu l-finanzjament tal-ispejjeż amministrattivi u dawk operazzjonali.

Wieħed mir-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni tal-industrija kien li l-industrija għandha tagħti kontribuzzjoni finanzjarja ta' 50% tal-ispejjeż ordinarji (li jinqasmu mal-Kummissjoni) u li l-kontribuzzjoni in natura tal-industrija li tagħmel tajjeb għall-ispejjeż operazzjonali għandha tal-anqas tkun daqs il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Kummissjoni.

Sa mit-twaqqif tagħha l-FCH JU ppubblikat tliet sejħiet għal proposti: l-ewwel waħda tkopri EUR 28.1 miljun, it-tieni EUR 73.1 miljun u t-tielet EUR 89.1 miljun. Id-dispożizzjoni għall-kontribuzzjonijiet mqabbla mill-industrija għall-ispejjeż operazzjonali jfissru li l-industrija għandha tkopri wkoll il-kontribuzzjonijiet tal-parteċipanti l-oħra (inklużi dawk tal-universitajiet, taċ-ċentri tar-riċerka, tal-korpi pubbliċi, eċċ) għal kull tip ta' attività (inkluż għar-riċerka bażika).

Ir-riżultat tal-ewwel żewġ sejħiet għal proposti tal-FCH JU hu li l-livelli massimi ta' finanzjament għandhom jiġu evalwati b'mod sistematiku u għandhom jitnaqqsu għall-parteċipanti kollha. Għall-ewwel żewġ sejħiet, ir-rekwiżiti tat-tqabbil irriżultaw fi tnaqqis sinifikanti tar-rimborż tal-ispejjeż diretti: għall-industriji l-kbar minn 50% sa 33% tal-kontribuzzjoni tal-FCH JU u għall-SMEs u l-korpi tar-riċerka minn 75% sa 50%.

Dawn il-livelli ta' finanzjament huma sostanzjalment anqas minn dawk tal-FP7 (inkluż il-programm tal-Karozzi Ewropej Ekoloġiċi għall-vetturi li jitħaddmu bil-batteriji u bl-elettriku) kif ukoll tal-Programmi tar-R&Ż għaċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu lil hinn mill-Ewropa. Ir-rati baxxi ta' finanzjament u l-kriżi finanzjarja u ekonomika, li jaffettwaw lill-industrija li topera b'din it-teknoloġija tal-ġejjieni, iwasslu għal-livell attwali ta' parteċipazzjoni fl-azzjonijiet tal-FCH JU li huma anqas mill-aspettattivi inizjali. Hu mistenni li jkun hemm telf ġenerali kemm fil-komunità industrijali u kemm f'dik tar-riċerka jekk inkomplu mexjin f'din it-triq.

Barra minn hekk, il-kontribuzzjonijiet għall-proġetti mis-sorsi nazzjonali pubbliċi u reġjonali huma inkoraġġiti u huma mistennija f'diversi każijiet. Madanakollu, ir-Regolament attwali ma jikkonsidrax dan il-fatt. It-test il-ġdid jiddikjara li t-tqabbil tal-fondi tal-UE għandu jippermetti li jkunu kkunsidrati mhux biss il-kontribuzzjonijiet tal-industrija nnifisha iżda wkoll dawk li jkunu ġejjin minn entitajiet legali oħra li jipparteċipaw fl-attivitajiet.

F'każ ta' tqabbil ripetut li ma jkunx suffiċjenti, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tanalizza s-sitwazzjoni u mbagħad tiddeċiedi dwar il-miżuri xierqa li għandha tieħu, l-Artikolu 12.7 it-tieni paragrafu tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru°521/2008 "il-Kummissjoni għandha…" inbidel kif ġej "il-Kummissjoni tista'…".

Barra minn hekk, il-Grupp Industrijali u tar-Riċerka għandhom l-obbligu li jħallsu l-kontribuzzjoni tagħhom fi flus lill-baġit tal-FCH JU għall-ispejjeż ordinarji “bil-quddiem, qabel il-bidu ta' kull sena finanzjarja”. Il-ftehim ta' finanzjament bejn il-Kummissjoni u l-FCH JU, li żviluppat wara t-twaqqif tal-FCH JU, jipprovdi li l-Kummissjoni nnifisha għandha tħallas biss il-pagamenti matul is-sena finanzjarja bin-nifs. Iż-żewġ gruppi għandhom ugwalment jingħataw l-istess kundizzjonijiet.

Fil-preżent il-livell ta' finazjament hu determinat wara kull evalwazzjoni. Biex tiżdied il-prevedibbiltà neċessarja għall-benefiċjarji, ġiet introdotta possibbiltà biex jiġi speċifikat il-livell minimu ta' finanzjament għal sejħa.

L-għan tal-proposta hu li d-dispożizzjonijiet jiġu adattati skont il-kundizzjonijiet ta' hawn fuq.

- Kuntest ġenerali

It-teknoloġija taċ-ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (FCH) huma promettenti, għażliet ta' enerġija għat-tul ta' żmien li jistgħu jintużaw fis-setturi kollha tal-ekonomija u li joffru firxa wiesgħa ta' benefiċċji għas-sigurtà tal-enerġija, it-trasport, l-ambjent u l-effiċjenza tar-riżorsi. Huma mistennija li jkollhom rwol kbir fit-tranżizzjoni tal-UE għal soċjetà li tuża karbonju baxx u li tintlaħaq il-mira biex sal-2050 jitnaqqsu l-emissjonijiet GHG b'aktar minn 85%.

It-teknoloġiji FCH joffru varjetà ta' applikazzjonijiet lill-utent finali: (i) stazzjonarji, pereżempju biex jiġġeneraw l-elettriku u/jew it-tisħin, (ii) għat-trasport, pereżempju biex jitħaddmu l-karozzi, il-karozzi tal-linja u l-ferrovija, u (iii) portabbli, eżempju biex jitħaddmu l-laptops u t-telefowns ċellulari. Matul l-aħħar snin, l-industrija FCH għamlet progress konsiderevoli kemm mil-lat ta' żvilupp teknoloġiku f'dawn l-oqsma kollha tal-applikazzjoni, b'mod partikolari biex tittejjeb il-prestazzjoni u jitnaqqsu l-ispejjeż.

Pereżempju, fis-settur tat-trasport, is-suq li għandu l-akbar viżjoni u potenzjal biex jitnaqqsu l-GHG, studju riċenti dettaljat ħafna li uża dejta fattwali mill-industrija kkonkluda li sal-2025 jew aktar kmieni, il-vetturi elettriċi b'ċelluli tal-fjuwil (FCEVs) u l-vetturi li jitħaddmu bl-elettriku u l-batteriji (BEVs) għandhom potenzjal sinifikanti biex jitnaqqas is-CO2 u l-emissjonijiet lokali u li t-tnejn li huma ser ikunu alternattivi vijabbli u kumplimentari għall-vetturi konvenzjonali b'magni tal-kombustjoni interna (ICEs) b'eżenzjonijiet u/jew inċentivi xierqa ta' taxxa.

L-istudju jistma wkoll li matul l-għaxar snin li ġejjin, l-ispejjeż għad-distribuzzjoni tal-idroġenu u l-infrastruttura ser ikunu ta' 5% tal-ispejjeż ġenerali tal-FCEVs (EUR 1 000-2 000 għal kull karozza) li jistgħu jitqabblu mal-isfruttar tat-tħejjija tal-infrastruttura għall-BEVs u l-ibridi li jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid (plug-in PHEVs) u jiġġustifika l-bini ta' infrastruttura tal-idroġenu. Sabiex tkun tista' tingħata il-kontribuzzjoni sħiħa tat-teknoloġiji tal-FCH għad hemm bżonn li jkun hemm assistenza pubblika kontinwa u stabbli u magħha jittieħdu miżuri ta' politika biex jingħelbu l-ostakli teknoloġiċi, ekonomiċi u istituzzjonali li għad fadal għall-kummerċjalizzazzjoni wiesgħa tagħhom Minkejja l-kriżi finanzjarja, il-kompetituri l-kbar tal-UE f'dan il-qasam (l-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Korea ta' Isfel u ċ-Ċina) qed ikomplu jagħmlu sforzi komprensivi biex jegħlbu dawn l-ostakli permezz tal-programmi RTD, miżuri ta' politika u eżeċizzji ta' kummerċjalizzazzjoni.

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Hemm erba' Impriżi Konġunti oħra stabbiliti skont l-Artikolu 187 TFUE (eks Artikolu 171 (TEC): CLEAN SKY, IMI, ARTEMIS u ENIAC. Kull Impriża Konġunta għandha d-dispożizzjonijiet tagħha skont l-ispeċifiċitajiet tal-qasam tagħha ta' attività.

Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni

Bħala waħda mill-inizjattivi mnedija f’Jannar 2007 fil-Komunikazzjoni ‘Enerġija għal Dinja li Qiegħda Tinbidel[2], il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tiżviluppa Pjan Strateġiku Ewropew dwar it-Teknoloġiji tal-Enerġija (il-Pjan SET)[3] biex jiggwida l-proċess tal-innovazzjoni tat-teknoloġija tal-enerġija matul is-snin li ġejjin, iwassal għal teknoloġiji effiċjenti u b’livell baxx ta' karbonju inklużi dawk taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu, u jwassal għal sistema ta’ enerġija iktar sostenibbli. F’Mejju 2007, il-Parlament Ewropew adotta Dikjarazzjoni bil-miktub[4] li biha sejjaħ lill-Istituzzjonijiet Ewropej biex jappoġġjaw it-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu għal applikazzjonijiet portabbli, stazzjonarji, u għat-trasport permezz ta’ sħubija ma’ reġjuni u bliet impenjati, SMEs u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Ir-Regolament tal-Kunsill propost hu konsistenti mal-politiki tal-UE fir-riċerka. Huwa wkoll konsistenti mal-Istrateġija ta’ Lisbona mġedda[5] u mal-għanijiet ta’ Barċellona li l-UE tinvesti 3% tal-PDG tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp sal-2010. Is-Seba’ Programm Kwadru (FP7) (2007-2013) għandu rwol importanti biex l-Ewropa tilħaq dawn l-għanijiet. Jirrifletti wkoll il-qbil ġenerali li l-Ewropa għandha terġa’ tirdoppja l-isforzi tagħha biex ittejjeb ir-riżultati tal-investimenti tagħha fl-RTD&D sabiex tgħammar lilha nnifisha bħala ekonomija kompetittiva u dinamika msejsa fuq l-għarfien.

L-inizjattiva proposta hija parti minn strateġija tal-UE wiesgħa u ambizzjuża mmirata biex tittratta d-distakk fl-innovazzjoni u li tinkludi l-proposta għat-twaqqif ta’ Istitut Ewropew tat-Teknoloġija.

2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-użu tal-għarfien espert |

MHUX APPLIKABBLI |

Valutazzjoni tal-impatt MHUX APPLIKABBLI |

3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sinteżi tal-azzjoni proposta

Il-proposta tikkonsisti f’Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu.

Bażi legali Il-bażi legali tal-proposta hija l-Artikolu°187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |

Sussidjarjetà u proporzjonalità MHUX APPLIKABBLI |

Għażla tal-istrument |

Ir-Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008. |

4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Ma hemm l-ebda implikazzjoni finanzjarja meta wieħed jagħmel qbil mal-baġit li kien adottat inizjalment għal dan ir-Regolament tal-Kunsill. L-emendi ssuġġeriti ser itejbu l-possibbiltajiet biex eventwalment jintefaq il-baġit previst.

Il-kontribuzzjoni tal-UE, li tammonta għal EUR°470 miljun, se tiġi mil-linji baġitarji li ġejjin mill-Programm Speċifiku tal-FP7 “Kooperazzjoni”: l-Enerġija; in-Nanoxjenzi, in-Nanoteknoloġiji, il-Materjali u t-Teknoloġiji Ġodda tal-Produzzjoni; it-Trasport (inkluża l-Aeronawtika); u l-Ambjent (inkluż it-Tibdil fil-Klima) fid-DĠ RTD u Trasport fid-DĠ MOVE u l-enerġija fid-DĠ ENER.

5. ELEMENTI FAKULTATTIVI

[…]

2011/0091 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE)°Nru 521/2008 li tistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 187 u 188 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[6],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[7],

Billi:

1. L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (FCH JU) twaqqfetfit-30°ta' Mejju 2008 mill-membri fundaturi tagħha, il-Gruppi Industrijali u l-Kummissjoni.

2. Il-Grupp tar-Riċerka sar membru tal-FCH JU fl-14°ta' Lulju°2008. Il-Grupp jikkontribwixxi kemm finanzjarjament u anke in natura għall-għanijiet tal-FCH JU. Il-membri tal-Grupp tar-Riċerka jistgħu jibbenefikaw mir-riżultati miksuba bħall-membri tal-Grupp Industrijali jekk tiġi kkunsidrata l-kompożizzjoni speċifika tal-FCH JU kif ukoll tar-regoli tagħha u n-natura, l-għan u l-ambitu tal-attivitajiet tagħha. Għalhekk, hu ġustifikat li l-kontribuzzjonijiet in natura kemm mill-Gruppi Industrijali u kemm minn dawk tar-Riċerka jkunu jgħoddu bħala fondi mqabbla.

3. Il-Grupp tar-Riċerka sar membru tal-Impriża Konġunta, hu xieraq li jiġi kkunsidrat li l-kontribuzzjonijiet in natura tal-organizzazzjonijiet tar-riċerka (inklużi l-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka) jitqabblu mal-kontribuzzjoni tal-Komunità, skont it-tifsira tal-Artikolu 12(3) tal-Istatuti.

4. L-FCH JU ilha topera għal aktar minn sentejn li matulhom ġie mitmun iċ-ċiklu sħiħ operattiv bil-pubblikazzjoni tas-sejħiet għal proposti, l-evalwazzjonijiet tal-proposti, in-negozjati tal-finanzjament u l-konklużjoni tal-ftehimiet tal-għotjiet. L-esperjenza li nkisbet minn dak il-perjodu hi li l-livell massimu tal-finanzjament fil-proġetti tal-FCH JU għandu jitnaqqas b'mod sinifikanti għall-parteċipanti kollha. B'riżultat ta' dan, il-livell ta' parteċipazzjoni fl-azzjonijiet tal-FCH JU taw prova li kienu konsiderevolment anqas mill-aspettattivi inizjali.

5. Skont l-Artikolu°26 tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru°521/2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu[8], il-Bord tat-Tmexxija approva l-emendi għal dan ir-Regolament.

6. Il-permess għall-kontribuzzjonijiet in natura mill-entitajiet legali kollha li qed jipparteċipaw fl-attivitajiet għall-finanzjament imqabbel, għandu jirrikonoxxi s-sħubija tal-Grupp tar-Riċerka u għandu jtejjeb il-livelli tal-finanzjament filwaqt li jkompli jirrispetta l-prinċipju bażiku imqabbel, kif ukoll tal-bżonn biex ikun applikat tnaqqis ġust u bilanċjat ta' finanzjament lit-tipi differenti ta' parteċipanti.

7. L-ispejjeż ġenerali tal-Uffiċċju tal-Programm tal-Impriża Konġunta għandhom jiġi pprovduti mit-tliet membri tagħha. Hu xieraq li jiġi pprovdut li l-membri kollha tal-Impriża Konġunta jkollhom l-istess skeda ta' pagamenti.

8. Il-Kummissjoni għandha tingħata ċerta flessibbiltà fit-teħid tal-miżuri f'każ ta' tqabbil insuffiċjenti.

9. Fil-preżent il-livell ta' finazjament hu determinat wara kull evalwazzjoni tal-proposti li jkunu daħlu. Sabiex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jagħmlu stima tal-limitu tal-finanzjament potenzjali, għandha tingħata l-possibbiltà biex jiġi speċifikat il-livell minimu ta' finanzjament għal sejħa.

10. Ir-Regolament (KE) Nru°521/2008 għandu għaldaqstant ikun emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu°1

Ir-Regolament (KE) Nru 521/2008 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu°2

Minkejja l-Artikolu°12(3) tal-Anness għar-Regolament Nru°521/2008, ir-Regolament li jemenda ma għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mill-ftehimiet tal-għotja u kuntratti oħra li jkunu konklużi mill-Impriża Konġunta qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament B'mod partikolari, dan ma għandux jaffettwa l-limiti ogħlata' finanzjament stabbiliti fih.

Artikolu°3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Madankollu, il-punt 3(a) tal-Anness għandu japplika mill-14°ta' Lulju°2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Ir-Regolament (KE) Nru 521/2008 huwa emendat kif ġej:

11. L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"2. L-Impriża Konġunta FCH jista' jkollha l-kapaċità ta’ awditjar intern tagħha stess."

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 521/2008 għandu jiġi emendat kif ġej:

12. L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a) L-ewwel u t-tieni inċiżi tal-paragrafu 2 għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

"— għandu jiżgura li l-kontribuzzjoni tiegħu għar-riżorsi tal-Impriża Konġunta FCH, skont l-Artikolu°12 ta’ dawn l-Istatuti issir bil-quddiem bħala kontribuzzjoni fi flus biex tkopri 50% tal-ispejjeż ordinarji tal-Impriża Konġunta FCH u trasferita għall-baġit tal-Impriża Konġunta FCH f'pagamenti bin-nifs li jkun hemm qbil dwarhom,

— għandu jiżgura li l-kontribuzzjoni tal-industrija għas-suċċess tal-attivitajiet RTD iffinanzjati mill-Impriża Konġunta FCH flimkien mal-kontribuzzjonijiet oħra tal-benefiċjarji tal-anqas ikunu daqs dawk tal-Unjoni";

(b) Ir-raba inċiż, it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, ġie sostitwit b'dan li ġej:

"— għandu jiżgura li l-kontribuzzjoni tiegħu għar-riżorsi tal-Impriża Konġunta FCH, skont l-Artikolu°12 ta’ dawn l-Istatuti ssir bil-quddiem bħala kontribuzzjoni fi flus biex tkopri 1/12 tal-ispejjeż ordinarji tal-Impriża Konġunta FCH u trasferita għall-baġit tal-Impriża Konġunta FCH f'pagamenti bin-nifs li jkun hemm qbil dwarhom,

13. L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"3. L-ispejjeż operazzjonali tal-Impriża Konġunta FCH għandhom jiġu koperti permezz tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, u permezz tal-kontribuzzjonijiet in natura mill-entitajiet legali li jipparteċipaw fl-attivitajiet. Il-kontribuzzjoni mill-entitajiet legali li jipparteċipaw għandhom mill-anqas jkunu daqs il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

L-irċevuti għandhom jiġu trattati skont ir-Regoli tal-Parteċipazzjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru°1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18°ta' Diċembru°2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunita Ewropea attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)[9], Din id-dispożizzjoni għandha Tapplika mid-data li fiha l-Grupp tar-Riċerka jsir membru tal-Impriża Konġunta FCH.";

(b) Il-paragrafu 7 għandu jiġi emendat kif ġej:

(i) it-tieni u t-tielet subparagrafi jinbidlu b'dan li ġej:

"Jekk l-evalwazzjoni tistabbilixxi li l-kontribuzzjoni in natura mill-entitajiet privati parteċipantima tilħaqx il-livell meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tnaqqas il-kontribuzzjoni tagħha s-sena ta’ wara.

Jekk jiġi stabbilit li l-kontribuzzjoni in naura mill-entitajiet privati parteċipanti ma tilħaqx il-livell meħtieġ għal sentejn konsekuttivi, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill biex itemm l-Impriża Konġunta FCH.".

14. Fl-Artikolu 15, għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

"4. Il-Bord ta' Tmexxija jista' jiddeċiedi li jispeċifika livell minimu ta' finanzjament għal kull kategorija ta' parteċipanti għal Sejħa partikolari għal proposti."

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI

Din il-proposta għal emenda ma għandhiex impatt fuq il-baġit tal-UE.

(l-Artikolu 28 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 22 tar-regoli ta’ implimentazzjoni)]

[1] ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

[2] “Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa; COM(2007) 1 finali; l-10 ta' Jannar 2007

[3] Lejn pjan strateġiku Ewropew għat-teknoloġija tal-enerġija; COM(2006) 847 finali; l-10 ta' Jannar 2007

[4] Dikjarazzjoni konformi mar-Regola 116 tar-Regoli ta’ Proċedura dwar it-twaqqif ta’ ekonomija tal-idroġenu favur l-ambjent u t-tielet rivoluzzjoni industrijali fl-Ewropa permezz ta’ sħubija ma’ reġjuni u bliet impenjati, SMEs u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-Parlament Ewropew 0016/2007, Mejju 2007.

[5] COM(2005) 24.

[6] ĠU C […], […], p. […].

[7] ĠU C […], […], p. […].

[8] ĠU L°153, 12.6.2008, p° 1.

[9] ĠU L°412, 30.12.2006, p°1.