Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar estensjoni tal-vantaġġi kkonferiti lill-Intrapriża Konġunta Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG) /* KUMM/2011/0147 finali - NLE 2011/0064 */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 24.3.2011 KUMM(2011) 147 finali 2011/0064 (NLE) Propos ta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar estensjoni tal-vantaġġi kkonferiti lill-Intrapriża Konġunta Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI ID-DISPOŻIZZJONIJIET TAT-TRATTAT TAL-EURATOM DWAR L-ISTATUS TA’ INTRAPRIŻA KONĠUNTA 1. L-Artikolu 45 tat-Trattat tal-Euratom jipprovdi għall-istabbiliment tal-Intrapriżi Konġunti li t-Trattat jiddefinixxi bħala impriżi ta’ importanza eċċezzjonali għall-iżvilupp tal-industrija nukleari fil-Komunità. Skont l-Artikolu 46 tat-Trattat tal-Euratom, kull proġett biex tkun stabbilita Intrapriża Konġunta għandu jkun is-suġġett ta’ inkjesta mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha titrażmetti lill-Kunsill kwalunkwe proġett għat-twaqqif ta’ Intrapriża Konġunta, flimkien mal-opinjoni motivata tagħha dwar dan. 2. Skont l-Artikoli 47 sa 49 tat-Trattat tal-Euratom, il-kostituzzjoni ta’ Intrapriżi Konġunti għandha tirriżulta minn deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. L-ISFOND STORIKU TAL-ISTATUS TA’ INTRAPRIŻA KONĠUNTA TA’ HKG U L-PROĠETT THTR 300 Ir-raġunijiet għall-applikazzjoni 3. L-għanijiet ta’ Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG) kienu li tibni, tgħammar u topera impjant tal-enerġija nukleari f’Uentrop (id-distrett ta’ Unna) fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Dan kellu jkun prototip ta’ reattur tat-torju b’temperatura għolja (thorium high-temperature reactor) b’kapaċità ta’ madwar 300 MWe (THTR 300). Sabiex tilħaq dan il-għan, HKG ressqet applikazzjoni sabiex tiġi stabbilita bħala Intrapriża Konġunta. 4. Il-Kunsill sab li l-istatuti ta’ HKG kienu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-Euratom relatati mal-Intrapriżi Konġunti u li, f’dak iż-żmien, il-proġett ta’ HKG kien ta’ importanza eċċezzjonali għall-iżvilupp tal-industrija nukleari fil-Komunità u għalhekk ta lil HKG status ta’ Intrapriża Konġunta għal perjodu ta’ 25 sena mill-1 ta’ Jannar 1974. 5. HKG ressqet ukoll applikazzjoni għal ċerti vantaġġi elenkati fl-Anness III għat-Trattat tal-Euratom. Billi: - l-impjant tal-enerġija nukleari kellu jinbena minn konsorzju ta’ intrapriżi Komunitarji u kważi esklużivament b’komponenti mill-Komunità; - il-kostruzzjoni tal-impjant tal-enerġija kellha tagħti lok għal titjib konsiderevoli fil-proċessi tekniċi għall-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq skala industrijali; - il-konferiment lil HKG tal-vantaġġi elenkati fl-Anness III għat-Trattat seta’ jħaffef il-piż finanzjarju u jillimita r-riskji ekonomiċi inerenti f’intrapriża ta’ din ix-xorta; - HKG kellha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Komunità l-informazzjoni mhux suġġetta għal privattiva li kellha tiġbor waqt l-implimentazzjoni tal-proġett tal-impjant tal-enerġija nukleari, il-Kunsill iddeċieda li jikkonferixxi wħud mill-vantaġġi elenkati fl-Anness III għat-Trattat tal-Euratom, b’mod partikolari fil-forma ta’ eżenzjoni minn uħud mit-taxxi. Dawn il-vantaġġi ġew ikkonferiti għal perjodu li ntemm tliet snin wara l-aċċettazzjoni finali tal-impjant tal-enerġija mill-intrapriża. Id-deċiżjonijiet oriġinali 6. F’Ġunju 1974 il-Kunsill, fuq proposti mill-Kummissjoni, adotta żewġ deċiżjonijiet: 7. id-Deċiżjoni tal-Kunsill [74/295/Euratom] tal-4 ta’ Ġunju 1974[1] dwar l-istabbiliment tal-Intrapriża Konġunta Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG) [traduzzjoni mhux uffiċjali]; 8. id-Deċiżjoni tal-Kunsill [74/296/Euratom] tal-4 ta’ Ġunju 1974[2] dwar il-konferiment ta’ vantaġġi lill-Intrapriża Konġunta Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-emendi għad-deċiżjonijiet oriġinali 9. Fil-11 ta’ Lulju 1983, il-laqgħa ġenerali tal-Intrapriża Konġunta ddeċidiet li żżid il-kapital sottoskritt tal-kumpanija. Din iż-żieda kienet titlob emenda fl-istatuti tal-Intrapriża Konġunta. L-Intrapriża Konġunta talbet ukoll estensjoni għall-eżenzjoni mill-“Kapitalverkehrsteuer” ikkonferita fl-1974 fuq l-assi kkontribwiti, skont iż-żieda fil-kapital imsemmija iktar ’il fuq. 10. Billi: 11. l-emenda fl-istatuti ma kellha l-ebda effett fuq id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-Intrapriża Konġunta u kienet konsistenti mal-iżvilupp tal-proġett; 12. u estensjoni għall-eżenzjoni setgħet tnaqqas l-ispejjeż tal-finanzjament u b’hekk tillimita r-riskji ekonomiċi inerenti f’intrapriża ta’ din ix-xorta, fi Frar 1984 il-Kunsill adotta żewġ deċiżjonijiet li adattaw id-deċiżjonijiet tal-1974 għaż-żieda fil-kapital ta’ HKG: - id-Deċiżjoni tal-Kunsill [84/104/Euratom] tal-21 ta’ Frar 1984 li tapprova emenda fl-Istatuti tal-Intrapriża Konġunta HKG[3] [traduzzjoni mhux uffiċjali] - id-Deċiżjoni tal-Kunsill [84/105/Euratom] tal-21 ta’ Frar 1984 li temenda d-Deċiżjoni 74/296/Euratom dwar il-konferiment ta’ vantaġġi lill-Intrapriża Konġunta HKG [traduzzjoni mhux uffiċjali][4]. Ir-reġistru ta’ servizz tal-impjant tal-enerġija u r-raġunijiet għall-bidla fl-għanijiet 13. HKG fl-aħħar bdiet it-THTR 300 fl-1 ta’ Ġunju 1987. L-impjant tal-enerġija baqa’ jaħdem sad-29 ta’ Settembru 1988, meta ngħalaq. Matul dak il-perjodu, l-operazzjonijiet kienu interrotti kemm-il darba minħabba ħsarat. 14. Id-diffikultajiet ekonomiċi, tekniċi u bil-provvista tal-elementi tal-karburant, flimkien ma’ problemi sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni ħalli l-impjant jerġa’ jibda jaħdem minħabba inċertezzi finanzjarji, wasslu għad-deċiżjoni, meħuda fl-1 ta’ Settembru 1989, li l-impjant jingħalaq immedjatament u b’mod definittiv. 15. Minn dak iż-żmien, l-għanijiet tal-Intrapriża Konġunta saru: l-għeluq tar-reattur, il-ħatt tal-parti tar-reattur li fih isseħħ ir-reazzjoni nukleari (core unloading), il-kostruzzjoni taż-żona magħluqa sikura u s-sorveljanza. Fit-13 ta’ Diċembru 1989 kien konkluż kuntratt dwar id-dekummissjonar ikkontrollat tal-proġett THTR 300 bejn l-awtoritajiet Federali, il-Land tan-North Rhine-Westphalia, HKG u l-membri tagħha. Dan kien jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-aspetti finanzjarji. Iktar applikazzjonijiet konsegwenti minn HKG 16. Il-vantaġġi fiskali kkonferiti lil HKG bid-Deċiżjoni 74/296/Euratom skadew fil-31 ta’ Mejju 1990, tliet snin wara l-aċċettazzjoni finali tal-impjant tal-enerġija mill-intrapriża fl-1 ta’ Ġunju 1987. 17. B’ittri tad-9 ta’ Frar u tas-6 ta’ Marzu 1990, il-membri ta’ HKG ressqu talba sabiex il-vantaġġi kkonferiti jiġu estiżi sakemm jiskadi l-istatus ta’ Intrapriża Konġunta ta’ HKG u sabiex il-vantaġġi jiġu aġġustati skont is-sitwazzjoni ta’ dak iż-żmien tal-intrapriża, li kienet ħtieġet kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali li ġew ikkunsidrati, għal finijiet fiskali, bħala kontribuzzjonijiet ta’ assi. 18. HKG kienet qed timplimenta programm għad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari sal-istadju taż-żona magħluqa sikura u pproponiet li sussegwentement twettaq programm għas-sorveljanza tal-installazzjonijiet nukleari kkonċernati. 19. Il-Kunsill ikkunsidra li ma kien hemm l-ebda proġett ekwivalenti għal dawn il-programmi fil-Komunità u li l-implimentazzjoni tagħhom, għaldaqstant, kienet importanti sabiex tkun ipprovduta esperjenza utli għall-industrija nukleari u għall-iżvilupp futur tal-enerġija nukleari fil-Komunità. 20. Il-Kunsill ikkunsidra wkoll li jkun għaqli li HKG tiġi mgħejjuna bl-implimentazzjoni tal-programmi billi jitħaffef il-piż finanzjarju tagħha u b’hekk jiġu estiżi l-vantaġġi kkonferiti. 21. Bid-Deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 1992[5], il-Kunsill estenda l-vantaġġi kkonferiti lil HKG sad-data ta' skadenza tad-Deċiżjoni 74/295/Euratom. 22. Fit-30 ta’ Marzu 1998, HKG ressqet applikazzjoni quddiem il-Kummissjoni għall-estensjoni tal-istatus ta’ Intrapriża Konġunta tagħha għal 25 sena oħra. 23. Ir-raġuni mogħtija għal din it-talba kienet l-importanza tal-esperjenza li kellha tinkiseb mill-operazzjonijiet tal-għeluq u tad-dekummissjonar definittivi min-naħa tal-industrija tal-enerġija nukleari fil-Ġermanja, fl-Ewropa u fid-dinja kollha. Din il-fehma kienet ibbażata fuq il-fatt li t-THTR 300 huwa l-ikbar reattur tat-tip tiegħu fid-dinja u li l-konfigurazzjoni unika tal-impjant, b’mod partikolari fir-rigward taż-żona magħluqa, tipprovdi opportunità mingħajr preċedenti sabiex tinkiseb esperjenza dwar ir-riżultati u l-ispejjeż ta’ żona magħluqa. 24. HKG żiedet li fit-13 ta’ Novembru 1989, ir-Repubblika Federali, il-Land tan-North Rhine-Westphalia, HKG u l-membri tagħha kienu kkonkludew ftehim qafas sabiex tkun ikkompletata l-fażi finali tal-proġett THTR 300. Dan il-ftehim qafas u l-emenda annessa miegħu fit-18 ta’ Diċembru 1996 jirregolaw il-fażijiet sal-2009, inklużi l-arranġamenti għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ HKG. 25. Il-Ġermanja appoġġjat it-talba ta’ HKG u ddikjarat li l-Gvern Federali kien favur li jinżammu l-vantaġġi fiskali mogħtija. 26. Fuq il-bażi tal-informazzjoni riċevuta, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-argumenti li l-Kunsill kien aċċetta fl-1992 kienu għadhom validi; b’mod partikolari, l-attivitajiet tal-intrapriża kienu għadhom l-istess u l-kuntest li fih twettaqhom kien identiku. Għaldaqstant, il-Kummissjoni pproponiet li l-Kunsill jestendi iktar id-deċiżjoni tiegħu tal-1992. 27. Madankollu, peress li l-arranġamenti konklużi bejn ir-Repubblika Federali, il-Land tan-North Rhine-Westphalia, HKG u l-membri tagħha għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ HKG japplikaw biss għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni pproponiet li l-Kunsill, skont il-perjodu rranġat bejn l-awtoritajiet Ġermaniżi u HKG, għandu japprova estensjoni għall-istatus ta’ Intrapriża Konġunta u għall-vantaġġi kkonferiti lil HKG għall-istess perjodu, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2009. 28. Fuq il-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni, fis-7 ta’ Mejju 2002 il-Kunsill ipproroga l-istatus ta' Intrapriża Konġunta u l-vantaġġi kkonferiti lil HKG sal-31 ta’ Diċembru 2009.[6] ŻVILUPPI REĊENTI 29. B’ittra tas-26 ta’ April 2010, Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG), Hamm, talbet għal estensjoni oħra għall-istatus ta’ Intrapriża Konġunta, li kien stabbilit oriġinarjament bid-Deċiżjoni 74/295/Euratom, u li diġà kien estiż darba bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2002, għal 11-il sena b’effett mill-1 ta’ Jannar 1999. Din l-estensjoni għandha tinkludi wkoll l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq it-trasferiment tal-art, mit-taxxa fuq l-art u mit-taxxa fuq il-qligħ kummerċjali fuq imgħax fuq dejn għal perjodu twil ta’ żmien, li ngħataw fl-istess żmien. 30. HKG ressqet applikazzjoni biex l-istatus eżistenti jiġi estiż lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2009 għal 25 sena oħra. Fil-ġustifikazzjoni tagħha, HKG ipprovdiet b’mod partikolari l-argumenti li ġejjin: 31. Bil-proġett ta’ prototip ta’ impjant tal-enerġija nukleari b’Reattur tat-Torju b’Temperatura Għolja (THTR) f’Hamm-Uentrop, HKG kienet impenjat ruħha li twettaq ittestjar fuq skala industrijali u ttestjar ekonomiku tat-teknoloġija tar-reatturi b’temperatura għolja sabiex tipprovdi għas-sigurtà futura u tul perjodu twil ta’ żmien tal-provvista tal-enerġija tal-Ġermanja. 32. L-għarfien miġbur mill-esperjenza fil-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-enerġija nukleari ma jistax ikun limitat għall-kostruzzjoni u għat-tħaddim biss. Għal finijiet ta’ kompletezza, irid jiġi inkluż l-għarfien akkumulat mill-ippjanar għall-għeluq, mill-għeluq innifsu, mill-operazzjoni taż-żona magħluqa sikura u mid-dekummissjonar (f’dan il-każ, fit-teknoloġija tar-reatturi b’temperatura għolja). 33. Fl-opinjoni ta’ HKG, l-għarfien miksub waqt il-perjodu taż-żamma taż-żona magħluqa sikura (iż-żmien taż-żona magħluqa) u d-dekummissjonar sussegwenti se jkun ta’ importanza kbira għall-industrija nukleari fl-Ewropa u fid-dinja kollha, iktar u iktar fi żmien meta t-teknoloġija tar-reatturi b’temperatura għolja qed terġa’ tiġi adottata fil-ħidma fuq il-Ġenerazzjoni IV u l-fażijiet differenti tal-għeluq għandhom jiġu inklużi wkoll sabiex tinkiseb stampa sħiħa (Spiża matul iċ-Ċiklu tal-Ħajja). 34. L-impjant tat-THTR 300 huwa l-ikbar reattur tat-tip pebble-bed (litteralment sodda ta’ ċagħaq, u jirreferi għal reattur nukleari mgħammar b’moderaturi tal-grafit u mkessaħ bil-gass) fid-dinja b’kontenitur tal-konkrit rinforzat tal-pressjoni tar-reattur (RCRPV - reinforced concrete reactor pressure vessel), riflettur u inforra taċ-ċeramika inkorporati u insulazzjoni għall-kanali tal-gass sħun. 35. In-natura speċifika tal-impjant imdawwar b’żona magħluqa sikura toffri opportunità sa issa unika sabiex ikunu kkalkolati d-dejta u l-ispejjeż għal żona magħluqa sikura “kważi passiva” ta’ impjant b’RCRPV, speċjalment fil-każ tal-ispejjeż tal-enerġija (ventilazzjoni, tinxif tal-arja, eċċ.), tal-ispejjeż operattivi, tal-ittestjar perjodiku u tat-tiswijiet. 36. HKG tistenna sejbiet importanti mid-dekummissjonar eventwali tal-impjant, u mill-ħidma ta’ dekummissjonar fil-parti tal-impjant li fih isseħħ ir-reazzjoni nukleari (in-core decommissioning) mill-bogħod u manwali. Barra minn hekk, it-tneħħija tas-superfiċje interna tal-RCRPV (mhux il-kordi kollha tista’ titneħħilhom it-tensjoni b’mod inekwivoku) u ż-żarmar ta’ 550 Mg ta’ komponenti taċ-ċeramika radjoloġikament ikkontaminati installati fl-RCRPV se jġibu għarfien ġdid dwar id-dekummissjonar tar-reatturi b’temperatura għolja. 37. HKG biħsiebha tkompli tqiegħed dawn is-sejbiet ukoll għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri tal-UE. 38. Għadu mhuwiex ċar meta jista’ jsir id-dekummissjonar – fattur importanti hawnhekk huwa li jkun hemm repożitorju adattat ippreparat u lest sabiex jirċievi – u din hija r-raġuni għaliex qed issir talba biex l-istatus ta’ Intrapriża Konġunta jiġi estiż b’25 sena. 39. L-importanza primarja għall-iżvilupp tal-industrija nukleari fil-Komunità, li hija meħtieġa sabiex jingħata l-istatus ta’ “Intrapriża Konġunta Ewropea” diġà kienet aċċettata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 1992 dwar l-estensjoni tal-vantaġġi kkonferiti lill-Intrapriża Konġunta HKG – jiġifieri, fiż-żmien meta ngħalaq l-impjant tat-THTR 300. Kien rikonoxxut ukoll li fil-Komunità ma jeżisti l-ebda każ paragunabbli għall-programmi sabiex jingħalaq l-impjant tal-enerġija sal-fażi taż-żona magħluqa sikura u sabiex tkun ippreservata u mmonitorjata kundizzjoni ta’ “impjant imdawwar b’żona magħluqa sikura” ta’ din ix-xorta. Kien ukoll stabbilit li t-twettiq ta’ dawn il-programmi qed iwassal għal esperjenza utli għall-industrija nukleari u għall-iżvilupp futur tal-enerġija nukleari fil-Komunità. 40. Il-proġett THTR 300 se jkompli jirċievi għajnuna sostanzjali mill-Gvern Ġermaniż u mill-Istat tan-North Rhine-Westphalia. Dan kien stabbilit fil-kuntratt dwar id-dekummissjonar ikkontrollat tal-proġett THTR 300 li ġie konkluż fl-1989, li fuq il-bażi tiegħu, fost l-oħrajn, qed tiġi mħallsa l-operazzjoni standby tal-impjant THTR 300 wara l-31 ta’ Diċembru 2009. Id-dikjarazzjoni tal-Gvern Ġermaniż dwar it-talba ta’ HKG sabiex ikun estiż l-istatus ta’ Intrapriża Konġunta 41. Fil-komunikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern Ġermaniż jappoġġja t-talba ta’ HKG sabiex ikun estiż l-istatus ta’ Intrapriża Konġunta, b’mod partikolari għar-raġunijiet li ġejjin: 42. HKG hija l-intrapriża responsabbli mir-reattur tat-torju b’temperatura għolja (THTR) f’Hamm-Uentrop. It-THTR ilu mill-1989 fil-fażi ta’ dekummissjonar bil-mira li l-faċilità tiġi eliminata kompletament wara fażi itwal ta’ inklużjoni sikura (huma ppjanati 30 sena). Iż-żmien tad-dekummissjonar komplut jiddependi, fost l-oħrajn, fuq id-disponibbiltà ta’ faċilità għar-rimi finali għal skart ferm radjoattiv, li fid-dawl tal-futur inċert ta’ Gorleben, ma jidhirx li dan huwa immedjat. 43. Wieħed jista’ jassumi li l-fażi tal-inklużjoni sikura tat-THTR se tmur lil hinn mill-perjodu ppjanat bħalissa. Din il-fażi hija żgurata mil-lat finanzjarju permezz ta’ ftehim bejn l-Istat Federali, il-Land tan-NRW u HKG. Iż-żmien operattiv ta’ dan l-arranġament finanzjarju madanakollu huwa limitat sal-31 ta’ Diċembru 2017. 44. Il-fażi inużwalment twila tal-inklużjoni sikura tat-THTR li għandha tkun mistennija u, b’mod partikolari l-ħidma sussegwenti ta’ dekummissjonar fir-rigward tal-kontenitur tal-konkrit tal-pressjoni tar-reattur (SRB) żgur se jipprovdu għarfien ġdid dwar id-dekummissjonar ta’ faċilitajiet ta’ din ix-xorta. Barra minn hekk, il-ħidma ta’ dekummissjonar relatata mal-SRB, li sa issa ma teżisti l-ebda esperjenza prattika għaliha, għandha tirrappreżenta element ta’ spiża sostanzjali. Bi sfond bħal dan, impenn ieħor ta’ HKG u tal-assoċjati tagħha huwa essenzjali kif ukoll estensjoni tal-istatus ta’ Intrapriża Konġunta. 45. Madankollu, l-estensjoni għandha tkun konċessa biss sal-31 ta’ Diċembru 2017 u mhux għal 25 sena oħra kif talbet HKG, peress li l-ftehim dwar il-finanzjament Ġermaniż huwa limitat sa din id-data. 46. Il-Gvern Federali qed jargumenta għal limitu għat-tul ta’ din ix-xorta, peress li ma jara l-ebda raġuni għaliex l-istatus ta’ Intrapriża Konġunta ma jibqax marbut mal-perjodi operattivi tal-arranġamenti finanzjarji Ġermaniżi. 47. B’dan l-isfond, il-Gvern Federali japprova l-estensjoni għall-istatus ta’ HKG bħala intrapriża konġunta sal-31 ta’ Diċembru 2017. L-IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT 48. Ma hemm l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE. KONKLUŻJONIJIET 49. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argumenti li l-Kunsill kien aċċetta fl-2002 għall-estensjoni tal-istatus ta’ Intrapriża Konġunta u tal-vantaġġi ta’ HKG għadhom validi llum; b’mod partikolari, l-attivitajiet tal-intrapriża għadhom l-istess u l-kuntest li fih twettaqhom huwa identiku. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Kunsill, wara li japprova l-estensjoni tal-istatus ta' intrapriża konġunta, għandu jestendi wkoll id-deċiżjoni tiegħu għall-vantaġġi kkonferiti lill HKG kif ikun xieraq. 50. L-arranġamenti li ġew konklużi bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Land tan-North Rhine-Westphalia, HKG u l-membri tagħha għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ HKG japplikaw biss għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2017. 51. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill, skont il-perjodu rranġat bejn l-awtoritajiet Ġermaniżi u HKG, japprova wkoll l-estensjoni għall-vantaġġi kkonferiti lil HKG sal-31 ta’ Diċembru 2017. 2011/0064 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar estensjoni tal-vantaġġi kkonferiti lill-Intrapriża Konġunta Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG) IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 48 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[7], Billi: 52. Bid-Deċiżjoni 74/295/Euratom[8], il-Kunsill stabbilixxa lil Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG) bħala intrapriża konġunta, fit-tifsira tat-Trattat, għal perjodu ta’ 25 sena mill-1 ta’ Jannar 1974. 53. Bid-Deċiżjoni 2002/355/Euratom tas-7 ta’ Mejju 2002[9], il-Kunsill estenda l-istatus ta’ Intrapriża Konġunta mogħti lil Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG) għal ħdax-il sena b’effett mill-1 ta’ Jannar 1999 sal-31 ta’ Diċembru 2009. 54. Bid-Deċiżjoni 74/296/Euratom[10] u bid-Deċiżjoni tiegħu tas-16 ta’ Novembru 1992[11] il-Kunsill ikkonferixxa lil HKG numru ta’ vantaġġi elenkati fl-Anness III għat-Trattat għal perjodu ta’ 25 sena mill-1 ta’ Jannar 1974. 55. Bid-Deċiżjoni 2002/356/Euratom tas-7 ta’ Mejju 2002[12], il-Kunsill estenda l-vantaġġi kkonferiti lil HKG għal perjodu ta’ 11-il sena sal-31 ta’ Diċembru 2009. 56. B’ittra tas-26 ta’ April 2010, Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG), Hamm, talbet għal estensjoni oħra tal-vantaġġi fiskali tagħha għall-perjodu l-ġdid li għalih ingħatat l-istatus ta’ Intrapriża Konġunta. 57. L-għanijiet attwali ta’ HKG huma li timplimenta programm għad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari sal-istadju taż-żona magħluqa sikura u, sussegwentement, li twettaq programm għas-sorveljanza tal-installazzjonijiet nukleari mdawrin biż-żona magħluqa. 58. Ma hemm l-ebda proġett ekwivalent għal dawn il-programmi fil-Komunità peress li, sa issa, l-ebda reattur b’temperatura għolja ma ngħalaq b’mod definittiv fil-Komunità. 59. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi hija importanti peress li jipprovdu esperjenza utli għall-iżvilupp futur tal-enerġija nukleari fil-Komunità, b’mod partikolari fir-rigward tad-dekummissjonar tal-installazzjonijiet nukleari. 60. Għaldaqstant, HKG għandha tiġi mgħejjuna bl-implimentazzjoni tal-programm għad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari sal-istadju taż-żona magħluqa sikura u tal-programm għas-sorveljanza tal-installazzjonijiet nukleari mdawrin biż-żona magħluqa, bit-tħaffif tal-piż finanzjarju. 61. Intlaħaq ftehim dwar arranġamenti għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ HKG bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Land tan-North Rhine-Westphalia, HKG u l-membri tagħha għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2017. 62. Għaldaqstant, il-vantaġġi kkonferiti lil HKG għandhom jiġu estiżi għall-istess perjodu tal-estensjoni tal-istatus ta’ Intrapriża Konġunta tagħha, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2017. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-Istati Membri b’dan jestendu għal tmien snin, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010, il-vantaġġi li ġejjin elenkati fl-Anness III għat-Trattat ikkonferiti lill-Intrapriża Konġunta Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG): 1. Skont il-paragrafu 4 tal-Anness imsemmi hawn fuq, l-eżenzjoni mill-Grunderwerbsteuer (taxxa fuq l-akkwist ta’ proprjetà immobbli); 2. Skont il-paragrafu 5 tal-Anness imsemmi hawn fuq: l-eżenzjoni mill-Grundsteuer (taxxa fuq l-art); l-eżenzjoni minn dik il-parti tat-taxxa fuq il-profitti industrijali jew kummerċjali li tiġi imposta, skont l-Artikolu 8(1) tal-Gewerbesteuergesetz (il-liġi dwar it-taxxa fuq il-kummerċ), fuq l-imgħax dovut fuq dejn għal perjodu twil ta’ żmien. Artikolu 2 Il-konferiment tal-vantaġġi elenkati fl-Artikolu 1 lil HKG huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni industrijali, teknika u ekonomika kollha, inkluża dik relatata mas-sikurezza, miksuba minn HKG matul l-implimentazzjoni tal-programm għad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari sal-istadju taż-żona magħluqa sikura u tal-programm għas-sorveljanza tal-installazzjonijiet nukleari mdawrin biż-żona magħluqa. Dan l-obbligu jkopri wkoll l-informazzjoni kollha li HKG hija intitolata titrażmetti skont il-kuntratti konklużi magħha. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina liema informazzjoni trid tiġi kkomunikata lilha, kif ukoll il-mod li bih għandha ssir komunikazzjoni ta’ din ix-xorta, u għandha tiżgura ruħha li l-informazzjoni titqassam. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lil HKG. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 165, 20.6.1974, p. 7-13 [2] ĠU L 165, 20.6.1974, p. 14-15 [3] ĠU L 58, 29.2.1984, p. 35 [4] ĠU L 58, 29.2.1984, p. 37 [5] Ma ġietx ippubblikata [6] 2002/355/Euratom: ĠU L 123, 9.5.2002, p. 53; 2002/356/Euratom: ĠU L 123, 9.5.2002, p. 54 [7] ĠU C , , p. . [8] ĠU L 165, 20.6.1974, p. 7. [9] ĠU L 123, 9.5.2002 p. 53 [10] ĠU L 165, 20.6.1974, p. 14. [11] ĠU L 352, 02.12.1992, p. 9-12 [12] ĠU L 123, 9.5.2002 p. 54