52011PC0134

Proposta għal DEĊIŻJONI IMPLIMENTATTIVA TAL-KUNSILL li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud /* KUMM/2011/0134 finali - NLE 2011/0057 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 23.3.2011

KUMM(2011) 134 finali

2011/0057 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI IMPLIMENTATTIVA TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u għanijiet tagħha

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn 'il quddiem 'id-Direttiva dwar il-VAT'), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijet ta' din id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jippreveni ċerti tipi ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.

B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta' Novembru 2010, il-Litwanja talbet awtorizzazzjoni biex teżenta persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhux aktar minn EUR 45 000. B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra datata l-21 ta’ Jannar 2011 bit-talba magħmula mil-Litwanja. Permezz ta’ ittra datata l-25 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Litwanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tqis it-talba.

Kuntest ġenerali

Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva dwar il-VAT jippermetti l-possibbiltà li l-Istati Membri japplikaw skemi speċjali għall-impriżi żgħar, inkluża l-possibbiltà li jkunu eżentati persuni taxxabbli b'inqas minn ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn iżżomm il-VAT fuq il-provvisti tagħha u, konsegwentement, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-elementi produttivi tagħha.

Dan il-limitu tal-fatturat annwali hu differenti bejn Stat Membru u ieħor, b'mod partikolari skont id-data tal-adeżjoni tagħhom. Għall-Istati Membri li daħlu wara l-1 ta'Jannar 1978, il-limitu tal-fatturat annwali ġie ffissat bl-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT. Il-limitu għal-Litwanja ġie ffissat għal EUR 29 000, kalkolati skont ir-rata tal-kambju fil-jum tal-adeżjoni (l-Artikolu 287(11) tad-Direttiva dwar il-VAT).

It-talba tal-Litwanja għal deroga qed tfittex li tissimplifika s-sistema tal-VAT għall-intrapriżi ż-żgħar billi tintroduċi din il-miżura ta' simplifikazzjoni għall-persuni taxxabbli b'fatturat annwali li ma mhux aktar minn EUR 45 000. Din il-miżura se tnaqqas b'mod sinifikanti l-piż fuq dawk in-negozji eliġibbli għall-iskema u teħlishom minn ħafna mill-obbligi tal-VAT skont l-arranġamenti normali tal-VAT. Is-sistema tkun għażla għall-persuni taxxabbli.

Skont l-informazzjoni li provdiet il-Litwanja, l-impatt tal-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali se jkun negliġibbli.

Id-deroga tkun tibda mill-1 ta' Jannar 2012 sa mill-anqas il-31 ta’ Diċembru 2014 jew sa meta tidħol fis-seħħ Direttiva dwar il-limitu tal-fatturat annwali li inqas minnu l-fornimenti ta' persuna taxxabbli jistgħu jkunu eżentati mill-VAT.

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Fl-2004, il-Kummissjoni għamlet proposta biex jiżdied għal EUR 100 000 l-limitu tal-fatturat annwali disponibbli għall-Istati Membri (COM(2004) 728 finali) għall-eżenzjoni mill-VAT tal-persuni taxxabbli bil-possibbiltà li jiġi aġġornat dan l-ammont kull sena.

Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2. IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Mhux rilevanti.

Il-ġbir u l-użu tal-kompetenza

Ma kien hemm l-ebda bżonn ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Id-deċiżjoni għandha l-għan li tintroduċi miżura ta' simplifikazzjoni li tneħħi ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li jaħdmu b’fatturat annwali li mhux ogħla minn EUR 45 000 u għalhekk għandha potenzjal għal impatt pożittiv għan-negozzji.

Minħabba l-ambitu strett tad-deroga u l-applikazzjoni limitata fiż-żmien, l-impatt ikun limitat fi kwalunkwe każ.

3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Awtorizzazzjoni lill-Litwanja biex tapplika miżura ta’ deroga mid-Direttiva 2006/112/KE dwar l-introduzzjoni ta' miżura ta' simplifikazzjoni għan-negozji b’fatturat annwali li ma jaqbiżx EUR 45 000.

Bażi legali

L-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-UE. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja(in).

Id-Deċiżjoni implimentattiva tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-ambitu limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan mixtieq.

L-għażla ta' strumenti

L-istrumenti proposti: Id-Deċiżjoni.

Mezzi oħra ma jkunux xierqa għar-raġuni(jiet) li ġejja(in).

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, deroga mir-regoli komuni dwar il-VAT hija possibbli biss permezz ta’ awtorizzazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-iktar strument adattat ladarba tista' tiġi indirizzata lill-Istati Membri individwali.

4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni

5. ELEMENTI MHUX OBBLIGATORJI

Il-proposta tinkludi klawżola .

2011/0057 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI IMPLIMENTATTIVA TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud[1] (“id-Direttiva dwar il-VAT”), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1. B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta’ Novembru 2010, il-Litwanja talbet awtorizzazzjoni għal miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287(11) tad-Direttiva dwar il-VAT sabiex teżenta persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx EUR 45 000. Il-miżura se teħles lil dawk il-persuni taxxabbli minn ċerti obbligazzjonijiet, jew mill-obbligazzjonijiet kollha, relatati mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva dwar il-VAT.

2. B’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra datata l-21 ta’ Jannar 2011 bit-talba li saret mil-Litwanja. Permezz ta’ ittra datata l-25 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Litwanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba.

3. Diġà hemm skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar bħala għażla disponibbli għall-Istati Membri taħt it-Titolu XII tad-Direttiva dwar il-VAT. Il-miżura tidderoga mit-Titolu XII tad-Direttiva dwar il-VAT sa fejn biss il-limitu għall-iskema tal-fatturat annwali tal-persuna taxxabbli jkun ogħla minn dak preżentement permess għal-Litwanja taħt l-Artikolu 287(11) tad-Direttiva dwar il-VAT, li huwa EUR 29 000.

4. Limitu ogħla għall-iskema speċjali hu miżura ta’ simplifikazzjoni peress li dan jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti l-obbligi tal-VAT tal-iżgħar negozji, filwaqt li dik l-iskema speċjali mhix obbligatorja għall-persuni taxxabbli u tippermetti lin-negozji li jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

5. Fil-proposta tagħha għal-Direttiva biex tissimplifika l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud tad-29 ta' Ottubru 2004[2], il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet maħsuba biex jippermettu lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-limitu tal-fatturat annwali għall-iskema ta' eżenzjoni mill-VAT sa ammont massimu ta' EUR 100 000 jew l-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali, bil-possibbiltà li dan l-ammont ikun aġġornat kull sena. It-talba ppreżentata mil-Litwanja hi konformi ma’ din il-proposta.

6. Id-deroga mhux se jkollha impatt fuq ir-riżorsi tal-Unjoni stess li jakkumulaw mill-VAT u se jkollha effett żgħir fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa tal-Istat Membru miġbur fl-istadju tal-konsum finali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 287(11) tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika tal-Litwanja hi awtorizzata li teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom m’huwiex ogħla mill-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali ta’ EUR 45 000 bir-rata ta’ konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fl-istess ġurnata tan-notifika tagħha.

Hi għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012 sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ Direttiva li temenda l-ammonti tal-limiti massimi ta’ fatturat annwali li taħthom il-persuni taxxabbli jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT jew sal-31 ta’ Diċembru 2014, skont liema data sseħħ l-ewwel.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

[2] COM(2004) 728 finali (ĠU C 24, 29.1.2005, p. 8).