Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza /* KUMM/2011/0130 finali - NLE 2011/0055 */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 21.3.2011 KUMM(2011) 130 finali 2011/0055 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Il-Protokoll ta' Kartaġena dwar il-Bijosikurezza għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika daħal fis-seħħ fil-11 ta' Settembru 2003. Il-Protokoll jipprovdi qafas, abbażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, għat-trasferiment, il-manipulazzjoni u l-użu sikuri ta' organiżmi ħajjin modifikati ġġenerati mill-bijoteknoloġija moderna li jista' jkollhom effetti ħżiena fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, jew inkella jkunu ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem. Il-Protokoll jiffoka b’mod speċifiku fuq il-moviment transkonfinali. 2. Fil-25 ta’ Ġunju 2002, il-Kunsill adotta Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-Protokoll, f’isem il-Komunità Ewropea. L-istrument għar-ratifika Komunitarja ġie ddepożitat fis-27 ta' Awwissu 2002. 3. Fl-ewwel laqgħa, il-Partijiet (COP/MOP1) kienu marbuta mill-Artikolu 27 tal-Protokoll ta’ Kartaġena sabiex jibdew proċess għall-elaborazzjoni ta’ regoli u proċeduri internazzjonli fil-qasam tar-responsabbiltà u r-rimedju għall-ħsara kkawżata mill-movimenti transkonfinali ta’ organiżmi ħajjin modifikati u biex jaħdmu sabiex dan il-proċess jitlesta fi żmien erba’ snin. 4. In-negozjati tmexxew fil-Grupp ta' Ħidma Miftuħ Ad Hoc ta' Esperti Legali u Tekniċi dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju. Dan il-grupp iltaqa’ ħames darbiet bejn Mejju 2005 u Marzu 2008. F’Mejju 2008, f’Bonn il-Ġermanja, il-COP/MOP4 irnexxielhom jaslu għal żvilupp fl-ambitu politiku tan-negozjati. Il-Partijiet qablu li jaħdmu lejn strument legalment vinkolanti abbażi ta' approċċ amministrattiv lejn ir-responsabbiltà bil-ħsieb li jiġi adottat fil-COP/MOP5 f'Ottubru 2010 f'Nagoya, il-Ġappun. Qablu wkoll li jiżviluppaw linji gwida dwar ir-responsabbiltà ċivili. 5. In-negozjati finali dwar l-istrument legalment vinkolanti u dwar il-linji gwida dwar ir-responsabbiltà ċivili seħħew fi grupp imsejjaħ "Ħbieb tal-Kopresidenti" (FoC - Friends of the Co-Chairs) li ġabar fih 26 mill-160 Parti għall-Protokoll ta' Kartaġena kif ukoll konsulenti minn Partijiet oħra. L-UE kellha żewġ postijiet mal-mejda tan-negozjati. Kien hemm erba’ laqgħat tal-FoC bejn il-COP/MOP4 u l-COP/MOP5. 6. Il-Kummissjoni kellha r-rwol tan-negozjatur tal-UE għall-istrument legalment vinkolanti abbażi ta' awtorizzazzjoni formali adottata mill-Kunsill f'Ġunju 2007 u estiża fiż-żmien wara l-COP/MOP4. Id-direttivi tan-negozjar ġew irfinuti diversi drabi b’reazzjoni għall-iżviluppi fin-negozjati, bl-aħħar irfinar isir mill-Kunsill Ambjent fil-11 ta' Ġunju 2010. Huma taw struzzjonijiet lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li r-riżultati tan-negozjati jkunu konsistenti mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni u mal-prinċipji bażiċi tal-liġi tal-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà u r-rimedju u li jkunu jistgħu jiġu implimentati fl-UE mingħajr l-introduzzjoni jew l-emendar sostanzjali tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili. Il-Kummissjoni wettqet in-negozjati f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ esperti mill-Istati Membri. 7. Fil-11 ta’ Ottubru 2010, matul il-COP/MOP5 f’Nagoya, il-Ġappun, il-koordinazzjoni tal-UE appoġġat b’mod unanimu il-kompromess finali li ntlaħaq dwar il-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza filwaqt li qieset li kien fi ħdan il-limiti tal-pożizzjonijiet maqbula tal-UE u d-direttivi tan-negozjar mogħtija lill-Kummissjoni. 8. Fil-15 ta’ Ottubru 2010, l-aħħar laqgħa plenarja tal-COP/MOP5 adottat b'suċċess il-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza. Il-Protokoll se jkun miftuħ għall-iffirmar fil-kwartieri ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York mis-7 ta’ Marzu 2011 sas-6 ta’ Marzu 2012. 9. Id-deċiżjoni tal-COP/MOP5 li tadotta l-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur titlob lill-Partijiet tas-CBD jiffirmaw il-Protokoll kemm jista' jkun malajr u jiddepożitaw l-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni jew l-istrumenti ta' adeżjoni, kif xieraq, mill-aktar fis possibbli. 10. Fl-20 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill laqa’ b'sodisfazzjoni l-adozzjoni tal-Protokoll ta' Nagoya-Kuala Lumpur[1]. 11. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, huwa xieraq li rappreżentant tal-Unjoni jiffirma l-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza, suġġett għall-konklużjoni sussegwenti tiegħu. 2011/0055 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, Billi: 12. L-Artikolu 27 tal-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza rabat lill-Partijiet sabiex, fl-ewwel laqgħa tal-Partijiet għall-Konferenza li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll, jibdew proċess fir-rigward tal-elaborazzjoni ta’ regoli u proċeduri internazzjonli fil-qasam tar-responsabbiltà u r-rimedju għall-ħsara kkawżata mill-movimenti transkonfinali ta’ organiżmi ħajjin modifikati. 13. F’Ġunju 2007, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tipparteċipa, f’isem l-Unjoni, fin-negozjati dwar ir-responsabblità u r-rimedju fir-rigward ta’ kwistjonijiet li huma fil-kompetenza tal-Unjoni, skont ċerti direttivi tan-negozjar. L-awtorizzazzjoni ġiet estiża f’Ottubru 2008 biex tkopri l-istadji finali tan-negozjati. 14. Ir-riżultat tal-laqgħa ta' koordinazzjoni tal-Unjoni li saret fil-11 ta' Ottubru 2010 matul il-ħames Konferneza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll f'Nagoya, il-Ġappun, kien l-appoġġ unanimu għall-kompromess finali li ntlaħaq dwar il-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza, wara li tqies li dan kien fi ħdan il-limiti tal-pożizzjonijiet maqbula tal-UE u d-direttivi tan-negozjar indirizzati lill-Kummissjoni. 15. Fil-15 ta’ Ottubru 2010, il-laqgħa plenarja finali tal-ħames Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll, adottat b’suċċess il-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza. 16. Il-Protokoll se jkun miftuħ għall-iffirmar fil-kwartieri ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York mis-7 ta’ Marzu 2011 sas-6 ta’ Marzu 2012. 17. Fl-20 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill laqa’ b'sodisfazzjoni l-adozzjoni tal-Protokoll ta' Nagoya-Kuala Lumpur[2]. 18. Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat sabiex jaħtar il-persuna jew persuni bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw, f’isem l-Unjoni, il-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza. It-test tal-Ftehim li għandu jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill "Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika: ir-riżultat u s-segwitu għall-Konferenza ta' Nagoya (mill-11 sad-29 ta' Ottubru 2010)" tal-20 ta’ Diċembru 2010, il-paragrafu 2. [2] Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill "Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika: ir-riżultat u s-segwitu għall-Konferenza ta' Nagoya (mill-11 sad-29 ta' Ottubru 2010)" tal-20 ta’ Diċembru 2010, il-paragrafu 2.