52011DC0023




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 31.1.2011

KUMM(2011) 23 finali

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-arranġamenti għan-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim Monetarju mal-Prinċipalità ta' Monako

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Il-Ftehimiet Monetarji ġew konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u Monako, San Marino u l-Vatikan sabiex jipprovdu kontinwità legali lill-arranġamenti li kienu jeżistu bejn dawn il-pajjiżi fuq naħa waħda u Franza u l-Italja fuq l-oħra qabel l-introduzzjoni tal-euro.

Għaxar snin wara li l-euro ħa post il-muniti nazzjonali tal-Italja u Franza użati minn Monako, San Marino u l-Vatikan, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tistudja l-funzjonament tal-Ftehimiet Monetarji[1]. Ir-riżultati tal-valutazzjoni ġew adottati fil-‘Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-Ftehimiet Monetarji ma’ Monako, San Marino u l-Vatikan’[2]

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ftehimiet Monetarji fil-forma preżenti tagħhom jeħtieġu jiġu emendati bil-ħsieb li jiġi żgurat approċċ aktar konsistenti fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-pajjiżi li ffirmaw il-Ftehimiet. Abbażi ta' dan, fis-16 ta' Ottubru 2009 il-Kunsill adotta żewġ deċiżjonijiet li jagħtu mandat lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Repubblika Taljana jinnegozjaw mill-ġdid il-ftehimiet eżistenti. Fis-17 ta' Diċembru 2009[3] ġie konkluż Ftehim Monetarju ġdid mal-Istat tal-Belt tal-Vatikan filwaqt li d-diskussjonijiet mar-Repubblika ta' San Marino għadhom għaddejjin.

Dan l-abbozz ta’ Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill jiddefinixxi l-arranġamenti għan-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim mal-Prinċipalità ta' Monako.

Filwaqt li kienu meħtieġa għadd importanti ta' tibdiliet fil-ftehimiet konklużi mal-Vatikan u ma' San Marino, l-ambitu tan-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim Monetarju mal-Prinċipalità ta' Monako għandu jkun wisq aktar limitat peress li l-Prinċipalità ta' Monako diġà tapplika l-leġiżlazzjoni finanzjarja u bankarja tal-Unjoni rilevanti kollha. Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tipprova temenda d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

- Limitu fuq il-ħruġ ta' muniti tal-euro

Għal raġunijiet storiċi, il-limiti għall-ħruġ massimu annwali ta’ Monako, San Marino u l-Vatikan kienu ffissati b'żewġ modi differenti (Monako hija attwalment awtorizzata toħroġ massimu ta' munita (1) minn kull 500 stampati fi Franza filwaqt li l-Vatikan u San Marino kellhom/għandhom kwoti fissi), ħaġa li twassal għal riżultati ferm differenti.

Bil-ħsieb li fil-Ftehimiet Monetarji jiġi żgurat trattament ġust mal-pajjiżi kollha, il-Kummissjoni pproponiet li tintroduċi metodu uniformi ġdid għall-kalkolu tal-limiti tal-ħruġ ta' muniti tal-euro , li għandu jintuża fil-Ftehimiet kollha. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li żżid il-limiti tal-ħruġ tal-pajjiżi li ffirmaw il-Ftehimiet Monetarji bl-għan li tippermetti xi ftit ċirkolazzjoni tal-muniti tagħhom. Il-muniti stampati fi kwantitajiet żgħar huma rikjesti ħafna mill-kollezzjonisti tal-muniti. B’konsegwenza ta’ dan, il-muniti mhux qed iservu l-għan oriġinali tagħhom ta’ strument ta’ ħlas iżda qed jintużaw esklużivament bħala oġġetti ta' kollezzjoni.

F'konformità mal-ftehim il-ġdid mal-Vatikan u ma' dak li qed jiġi nnegozjati ma' San Marino, il-limiti l-ġodda għal Monako għandhom ikunu magħmulin minn parti fissa u minn parti varjabbli:

1. Il-parti fissa għandha timmira li tkopri d-domanda tal-kollezzjonisti tal-muniti. Skont estimi komuni, valur totali ta' madwar EUR 2 340 000 għandu jkun suffiċjenti biex ikopri d-domanda tas-suq tal-kollezzjonisti.

2. Il-parti varjabbli tista' tkun ibbażata, fil-każ ta' Monako, fuq il-ħruġ medju per capita ta' Franza. L-għadd medju ta' muniti per capita maħruġin fi Franza fis-sena(n-1) jiġi mmultiplikat bl-għadd ta' abitanti fil-Prinċipalità ta' Monako.

3. Elezzjoni ta' ġuriżdizzjoni

Il-Ftehimiet Monetarji attwali ma taw l-ebda setgħa lill-Unjoni fil-każ li l-pajjiżi li jkunu ffirmaw il-Ftehim Monetarju ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom (eżempju ma jittrasponux il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni fil-ħin), minbarra l-aħħar possibbiltà– u għalhekk x'aktarx li ma sseħħx - ta' rtirar unilaterali mill-Ftehim. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li teleġġi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala l-ġuriżdizzjoni responsabbli għas-soluzzjoni ta' tilwim li jista' jinqala' mill-applikazzjoni tal-Ftehimiet Monetarji.

- Forma tal-ftehim

Il-forma tal-Ftehim Monetarju għandha tiġi aġġustata.

- Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-arranġamenti għan-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim Monetarju mal-Prinċipalità ta' Monako

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 219(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni[4],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[5],

Billi:

4. L-Unjoni assumiet l-kompetenza fil-kwistjonijiet monetarji u fir-rata tal-kambju mid-data tal-introduzzjoni tal-euro;

5. Il-Kunsill għandu jiddetermina l-arranġamenti għan-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet li jikkonċernaw kwistjonijiet tar-reġim monetarju jew dak tas-sistema tal-kambju barrani;

6. Fis-26 ta' Diċembru 2001 ir-Repubblika Franċiża kkonkludiet Ftehim Monetarju mal-Prinċipalità ta' Monako f'isem il-Komunità Ewropea.

7. Franza għandha rabtiet monetarji li ilhom ħafna mal-Prinċipalità ta' Monako, li huma riflessi f'diversi strumenti legali. L-istituzzjonijiet finanzjarji li jinsabu fil-Prinċipalità ta' Monako għandhom id-dritt li jaċċedu għall-faċilitajiet ta' rifinanzjament tal-Banque de France u jipparteċipaw f'xi sistemi tal-pagamenti Franċiżi bl-istess kundizzonijiet tal-banek Franċiżi.

8. Fl-10 ta' Frar 2009 il-Kunsill ikkonkluda li l-Kummissjoni għandha tistudja l-funzjonament tal-ftehimiet eżistenti u tikkunsidra żidiet possibbli fil-limiti massimi għall-ħruġ ta' muniti.

9. Il-Kummissjoni kkonkludiet fil-'Komunikazzjoni dwar il-funzjonament tal-Ftehimiet Monetarji ma' Monako, San Marino u l-Vatikan'[6] li l-Ftehim Monetarju mal-Prinċipalità ta' Monako fil-forma attwali tiegħu jeħtieġ li jiġi emendat bil-ħsieb li jiġi żgurat approċċ aktar konsistenti fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Pajjiżi li ffirmaw il-ftehim monetarju.

10. Il-Ftehim Monetarju ma' Monako għandu għalhekk jiġi nnegozjat mill-ġdid bil-ħsieb li jiġu aġġustati l-limti għall-ħruġ ta' muniti, l-elezzjoni ta' ġuridizzjoni għas-soluzzjoni ta' tilwim possibbli u l-aġġustament tal-format tal-Ftehim għal dak il-ġdid u komuni. Il-Ftehim attwali għandu jinżamm sakemm jiġi konkluż Ftehim ġdid bejn il-partijiet.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Repubblika Franċiża għandha tinnotifika lill-Prinċipalità ta' Monako dwar il-ħtieġa li jiġi emendat il-Ftehim Monetarju eżistenti bejn ir-Repubblika Franċiża, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-Prinċipalità ta' Monako fl-iktar data kmieni possibbli u toffri negozjar mill-ġdid fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim.

Artikolu 2

L-Unjoni għandha tfittex dawn il-bidliet li ġejjin fin-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim mal-Prinċipalità ta' Monako:

11. Il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn l-Unjoni, irrappreżentata mir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Ewropea, u l-Prinċipalità ta' Monako.

12. Il-metodu għad-determinazzjoni tal-limitu ta’ ħruġ ta’ muniti tal-euro ta' Monako għandu jiġi rivedut. Il-limitu l-ġdid għandu jkun ikkalkulat permezz ta' metodu li jikkombina parti fissa li jkollha l-għan li tevita l-ispekulazzjoni numismatika eċċessiva fuq il-muniti ta' Monako billi tissodisfa d-domanda tas-suq tal-kolletturi tal-muniti, ma' parti varjabbli, ikkalkulata bħala l-ħruġ medju per capita ta' muniti fi Franza fis-sena n-1 immultiplikat bl-għadd ta' abitanti ta' Monako. Bla ħsara għall-ħruġ ta’ muniti għall-kolletturi, il-Ftehim għandu jistabbilixxi 80% bħala l-proporzjon minimu ta' muniti tal-euro ta' Monako biex jiġu introdotti b’valur nominali.

13. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi eletta bħala l-korp inkarigat mis-soluzzjoni tat-tilwim li jista' jinqala' mill-applikazzjoni tal-Ftehim. Jekk l-Unjoni jew Monako jikkunsidraw li l-Parti l-oħra ma tkunx issodisfat xi obbligu skont il-Ftehim Monetarju, din tista' tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Is-sentenza tal-Qorti għandha tkun torbot lill-Partijiet, li min-naħa tagħhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw mas-sentenza f'perjodu ta' żmien li għandu jiġi deċiż mill-Qorti fis-sentenza tagħha. Fil-każ li l-Unjoni jew Monako jonqsu milli jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw mas-sentenza matul dak il-perjodu, il-Parti l-oħra tista' ttemm il-Ftehim minnufih.

14. Il-format tal-Ftehim għandu jiġi aġġustat.

Artikolu 3

In-negozjati mal-Prinċipalità ta' Monako għandhom jitwettqu mir-Repubblika Franżiċa u mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun assoċjat bis-sħiħ man-negozjati u jaqbel mal-kwistjonijiet li jaqgħu fil-qasam ta' kompetenza tiegħu. Ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni għandhom jissottomettu abbozz tal-ftehim lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju għal opinjoni.

Artikolu 4

Ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni għandu jkollhom id-dritt jikkonkludu l-ftehim f'isem l-Unjoni, sakemm il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jew il-Bank Ċentrali Ewropew ma jkunx tal-opinjoni li l-ftehim għandu jiġi sottomess lill-Kunsill.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża, lill-Kummissjoni u lill-BĊE.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[1] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "Linjigwida komuni għan-naħat nazzjonali u l-ħruġ tal-muniti tal-euro intenzjonati għaċ-ċirkolazzjoni", l-2922 laqgħa tal-Kunsill ECOFIN tal-10 Frar 2009.

[2] COM (2009)359 tal-14 ta' Lulju 2009

[3] ĠU C 28, 4.2.2010 p. 13-18

[4] ĠU C , , p. .

[5] ĠU C , , p. .

[6] COM(2009) 359