52011PC0019

/* KUMM/2011/0019 finali */ Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL Dwar il-politiki biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 31.1.2011

KUMM(2011) 19 finali

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

Dwar il-politiki biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel

SEG(2011) 98 finaliSEG(2011) 97 finaliSEG(2011) 96 finali

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

F'Ġunju 2010 l-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija Ewropa 2020 imsejsa fuq tliet prijoritajiet li jinfurzaw wieħed lill-ieħor għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Waħda mill-ħames miri ewlenin hija li titnaqqas ir-rata ta' tluq bikri mill-iskejjel[1] fl-UE għal inqas minn 10 % sas-sena 2020. Fil-preżent, madwar sitt miljun żgħażagħ fl-UE jitilqu mill-iskola b'livell ta' edukazzjoni sekondarja obbligatorja biss, jew inqas minn hekk. Ma nistgħux inħallu l-affarijiet ikomplu hekk. Il-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskejjel hija partikolarment importanti kemm biex tikkumbatti l-konsegwenzi negattivi tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali fuq l-iżvilupp tat-tfal kif ukoll biex tinagħtalhom is-setgħa li jkissru l-forma tal-wirt żvantaġġat li jkunu ħadu tul bosta ġenerazzjonijiet.

Hekk kif l-UE toħroġ mill-kriżi ekonomika, il-mutur tat-tkabbir se tkun iż-żieda fil-livelli tal-ħiliet u se jkun hemm dejjem inqas xogħol għal min għandu inqas ħiliet. Rati għolja ta' tluq bikri mill-iskejjel jikkostitwixxu ostakolu għat-tkabbir intelliġenti u inklussiv. Għandhom impatt negattiv fuq l-impjieg taż-żgħażagħ u jżidu r-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali. It-tluq bikri mill-iskejjel jirrappreżenta opportunitajiet mitlufa għaż-żgħażagħ, apparti mit-telf ta' potenzjal soċjali u ekonomiku. It-tnaqqis drastiku tan-numri ta' żgħażagħ li jitilqu qabel il-waqt mill-iskola huwa investiment ewlieni għall-prosperità u għall-koeżjoni soċjali ġejjiena tal-UE.

It-Tluq Bikri mill-Iskejjel mhuwiex problema ġdida, iżda qiegħed isir problema aktar akuta. Kważi għaxar snin ilu, il-Ministri tal-Edukazzjoni fil-Kunsill impenjaw rwieħhom li jilħqu l-mira li jnaqqsu r-rata ta' tluq bikri mill-iskejjel, dan kien jirrifletti prijorità politika fl-Istati Membri kollha. Sar xi progress, minn 17,6 % fl-2000 għal 14,4 % fl-2009[2], iżda dan mhuwiex biżżejjed u r-rata ta' titjib mhijiex mgħaġġla biżżejjed biex tintlaħaq il-mira għall-2020. Fl-Istati Membri hemm għadd ta' eżempji ta' prassi tajba, iżda l-approċċ politiku ġenerali mhuwiex effettiv biżżejjed u mhuwiex strateġiku biżżejjed fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi. L-UE tista' żżid il-valur billi tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw approċċi politiċi aktar effettivi u permezz ta' dan jitħaffef il-proċess ta' titjib.

Minkejja li r-raġunijiet għaliex iż-żgħażagħ jitilqu qabel il-waqt mill-edukazzjoni u t-taħriġ huma individwali ħafna, dawk li jitilqu jkunu ġeneralment ġejjin minn kuntesti ta' żvantaġġi soċjali kemm mil-lat soċjoekonomiku kif ukoll minn dak edukattiv. Hemm rappreżentazzjoni qawwija tal-gruppi vulnerabbli u ta' żgħażagħ bi bżonnijiet edukattivi speċjali fost dawk li jitilqu qabel il-waqt mill-edukazzjoni u t-taħriġ. It-tendenza għat-tluq mill-iskola qabel il-waqt hija ogħla għas-subien milli għall-bniet. Ir-rata medja tat-tluq bikri mill-iskejjel fl-UE hija doppja għaż-żgħażagħ tal-ewwel ġenerazzjoni ta' familji migranti milli għal dawk tal-lokal; f'ċerti pajjiżi, aktar minn 40 % taż-żgħażagħ minn familji migranti jitilqu mill-iskola qabel il-waqt. Ir-rati tat-tluq bikri mill-iskejjel fost ir-Roma terġa' hija ogħla.

L-istudenti li jsibu d-diffikultajiet fl-edukazzjoni ġenerali, ħafna drabi jidħlu fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Għaldaqstant, l-iskejjel vokazzjonali jerfgħu responsabbiltà u jiffaċċjaw sfida partikolari fir-rispett tat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel. L-ETV jistgħu jżidu l-motivazzjoni għat-tagħlim, jistgħu joffru aktar flessibbiltà u pedagoġija aktar xierqa lill-istudenti, u jistgħu jiffokaw direttament fuq l-aspirazzjonijiet għax-xogħol taż-żgħażagħ.

Minkejja l-progress bil-mod globali madwar l-UE fit-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel, għadd ta' Stati Membri kellhom suċċess kbir. Iżda kemm ix-xogħol konġunt fi ħdan il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni, kif ukoll id-dejta komparattiva u r-riċerka analitika jissuġġerixxu li l-kwistjonijiet ewlenin għal politiki ta' suċċess jinkludu bażi ta' evidenza soda dwar il-kawżi u l-inċidenza tat-tluq bikri mill-iskejjel, il-konsistenza u l-koerenza tal-miżuri li jittieħdu biex jikkumbattuh, in-natura transettorjali tal-kollaborazzjoni u kemm ikun komprensiv l-approċċ. It-tluq bikri mill-iskejjel irid jiġi indirizzat fuq medda ta' politiki soċjali, politiki dwar iż-żgħażagħ, il-familja, is-saħħa, il-komunità lokali, u l-impjiegi, kif ukoll politiki dwar l-edukazzjoni. Barra minn hekk, kunċetti dwar l-edukazzjoni, bħal ma huma l-edukazzjoni kulturali, il-kooperazzjoni mall-kummerċi jew atturi oħra barra l-iskola, u l-isport, jistgħu jkollhom rwol siewi fit-tnaqqis tat-tluq bikri billi jħeġġu l-kreattività, ideat ġodda, djalogu interkulturali u koeżjoni soċjali.

Minħabba s-sussidjarjetà qawwija tal-qasam tal-edukazzjoni, u minħabba d-diversità tas-sistemi edukattivi, la hu possibbli, u lanqas mhu mixtieq li tiġi imposta soluzzjoni waħda għall-Istati Membri kollha. Iżda l- istatus quo wassal biss għal progress limitat li għadu ħafna 'l bogħod mill-mira tal-Ministri tal-Edukazzjoni, li ġiet ikkonfermata mill-Kunsill Ewropew. Il-Kummissjoni għalhekk tal-opinjoni li Rakkomandazzjoni tal-Kunsill hija l-iżjed mod effettiv li jipprovdi qafas għall-iżvilupp ta' approċċ daqstant komprensiv fl-Istati Membri biex jappoġġja l-mira ewlenija tal-Ewropa 2020.

Ir-Rakkomandazzjoni se żżid il-valur tal-isforzi tal-Istati Membri billi tappoġġjahom fl-iżvilupp ta' politiki li jidentifikaw il-kawżi tat-tluq bikri mill-iskejjel u jindirizzawhom mill-perspettiva tat-tagħlim tul il-ħajja, tintroduċi bidla mill-implimentazzjoni ta' miżuri individwali kontra t-tluq bikri għall-introduzzjoni ta' strateġiji komprensivi, tindirizza l-problema tat-tluq bikri bħala fenomenu li jaqsam għadd ta' oqsma ta' politika marbutin ma' xulxin, tinvolvi l-partijiet interessati kollha, u tagħmel l-interventi politiċi aktar sistematiċi u konsistenti.

Hi tistabbilixxi għadd ta' linji gwida bażiċi għat-tfassil ta' politiki kontra t-tluq bikri mill-iskejjel li jkunu komprensivi u bbażati fuq l-esperjenza, u timmira li:

- tipprovdi qafas ta' referenza li jgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki aktar effettivi kontra t-tluq bikri mill-iskejjel,

- tappoġġja lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni, u b'hekk

- twassal għal tnaqqis sinifikanti fir-rata tat-tluq bikri mill-iskejjel fl-Istati Membri kollha.

2. IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-proposta hija msejsa fuq ix-xogħol tal-Istati Membri fi ħdan il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni li jiffoka fuq "L-aċċess u l-inklużjoni soċjali fit-tagħlim tul il-ħajja", bejn l-2006 u l-2010. Is-sustanza tal-qafas politiku kienet is-suġġett ta' konsulti estensivi ma' partijiet interessati minn sfondi diversi: ministeri tal-edukazzjoni, organizzazzjonijiet Ewropej interessati fl-iskola u fl-edukazzjoni vokazzjonali, organizzazzjonijiet għad-drittijiet u l-benessri tat-tfal, għall-migranti u għar-Roma. Il-kwistjoni tat-tluq bikri mill-iskejjel ġiet indirizzata wkoll f'żewġ konsulti pubbliċi, "Skejjel għas-seklu 21" (2007) u "Il-Migrazzjoni u l-Edukazzjoni" (2008). Il-partijiet interessati appoġġjaw bis-sħiħ l-idea ta' azzjoni ta' livell tal-UE li tirfed l-isforzi nazzjonali u enfasizzaw l-urġenza ta' din il-problema fi żminijiet ta' kriżi ekonomika. Dan l-aħħar, waqt is-Seminar Ministerjali li ġie organizzat taħt il-Presidenza Belġjana f'Lulju 2010, kienet enfasizzata l-ħtieġa li jiżdied l-iskambju ta' esperjenzi u prassi tajba fost l-Istati Membri u ntlaħqu suġġerimenti li l-Unjoni għandha tipprovdi qafas politiku flessibbli mibni fuq l-esperjenza ta' kwistjonijiet bħal ma hi d-definizzjoni komuni Ewropea ta' kompetenzi ewlenin fl-edukazzjoni skolastika.

Il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt ta l-ewwel opinjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt fl-24 ta' Settembru 2010 u ta opinjoni pożittiva dwar ir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt revedut fit-22 ta' Ottubru 2010. L-aħħar verżjoni tar-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt qieset il-kummenti tal-Bord.

3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi l-elementi ewlenin ta' politika kontra t-tluq bikri mill-iskejjel li hija koerenti, komprensiva, u msejsa fuq l-esperjenza. Dawn l-elementi jinkludu l-prevenzjoni, l-intervent u l-miżuri kompensatorji. Jindirizzaw il-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-aspetti strutturali tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ, l-interventi possibbli fil-livell ta' skejjel, u skemi ta' sostenn għal studenti individwali li jkunu fir-riskju li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt.

Ir-Rakkomandazzjoni tirrifletti l-fatt li t-tluq bikri mill-iskejjel huwa fenomenu kumplessiv u li l-karattru tiegħu jvarja minn pajjiż għal ieħor, minn reġjun għal ieħor, u xi kultant anki fl-istess reġjun. Dan jirrikjedi mhux biss sorveljanza mill-qrib tal-problema, iżda wkoll azzjoni mfassla skont il-karattru tal-problema, konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Ir-Rakkomandazzjoni timmira wkoll li tipprovdi punt fokali għal aktar skambji ta' prassi tajba u għall-iżvilupp ta' politika fi ħdan il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni.

Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri biex:

- jidentifikaw il-fatturi ewlenin li jwasslu għat-tluq bikri mill-iskejjel u jissorveljaw l-iżviluppi f'livelli nazzjonali, reġjonali u lokali,

- jiżviluppaw u jimplimentaw politiki komprensivi u transettorjali kontra t-tluq bikri mill-iskejjel, skont il-kundizzjonijiet speċifiċi tagħhom.

Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja l-politiki ta' livell nazzjonali billi:

- tissorvelja l-iżviluppi fl-Istati Membri kollha u ssostni t-tagħlim mingħand il-pari u l-iskambju tal-prassi tajba bejniethom,

- tappoġġja l-politiki mfasslin biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel fl-attivitajiet rilevanti kollha mmaniġjati mill-Kummissjoni li jkunu mmirati lejn it-tfal u ż-żgħazagħ, u tħeġġeġ il-kooperazzjoni transettorjali,

- tniedi l-istudji, ir-riċerka kumparattiva u l-proġetti ta' kooperazzjoni.

Bażi legali

Skont l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' edukazzjoni ta' kwalità billi tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk hemm bżonn, billi tappoġġja u tikkomplementa l-azzjoni tagħhom. L-Artikolu 166 tat-Trattat jirreferi għall-implementazzjoni ta' politika ta’ taħriġ vokazzjonali li għandha tappoġġja u ssostni l-azzjoni tal-Istati Membri. Ir-Rakkomandazzjoni proposta timmira li ssaħħaħ l-isforzi tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ. Tappoġġja lill-Istati Membri billi tipprovdi qafas għall-iżvilupp ta' politiki b'mira ċara u komprensivi kontra t-tluq bikri.

Bi qbil mal-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jirrikjedi li l-Unjoni " tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem" fil-politiki u fl-attivitajiet tagħha, ir-Rakkomandazzjoni proposta tenfasizza l-ħtieġa tal-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-iskejjel permezz tal-politiki u l-programmi appoġġjati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri.

Il-prinċipji ta' sussidjarjetà, ta' komplementarjetà u ta' proporzjonalità

Ir-Rakkomandazzjoni proposta hija maħsuba biex tikkontribwixxi għall-kwalità fl-edukazzjoni u fit-taħriġ billi tiffaċilitia x-xogħol li jkunu mpenjaw ruħhom għalih l-Istati Membri fi ħdan l-istrateġija Ewropa 2020. Hija ssostni l-iżvilupp tal-politiki fl-Istati Membri u t-tagħlim mill-prassi tajba biex tgħin lill-Istati Membri joħolqu strateġiji komprensivi biex inaqqsu b'mod sostenibbli t-tluq bikri u n-numru ta' adulti ta' ftit ħiliet. Ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi qafas li fih l-Istati Membri jkunu jistgħu jiżviluppaw b'mod aktar effettiv il-politiki għat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel L-għażla tal-miżuri politiċi li se jiġu adottati tibqa' tal-Istati Membri, adattata għall-kundizzjonijiet partikolari tagħhom. Għaldaqstant din il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Hija maħsuba biex iżżid l-impenn dwar ir-riformi li ma jistgħux jitwettqu bl-użu biss tal-programmi tal-UE ta' edukazzjoni u taħriġ, jew bl-użu tal-Fondi Strutturali. Barra minn hekk, tenfasizza l-ħtieġa għall-koordinazzjoni tal-politiki u għal azzjonijiet min-naħa ta' għadd ta' politiki, u b'hekk ikun hemm moviment lil hinn mill-fokus strett fuq politiki tal-edukazzjoni fi ħdan il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni ET 2020. Iżda l-arranġamenti għall-implimentazzjoni jibqgħu r-responsabbiltà tal-Istati Membri, fil-livell xieraq u skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, reġjonali u/jew lokali, u għaldaqstant jikkonformaw mal-prinċipju ta' proporzjonalità.

4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE.

5. ELEMENTI MHUX OBBLIGATORJI

mhux applikabbli

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

Dwar il-politiki biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) It-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel[3] huwa essenzjali għall-kisba ta' għadd ta' objettivi ewlenin fl-istrateġija Ewropa 2020[4]. Din tindirizza kemm l-għan ta' "tkabbir intelliġenti" billi ttejjeb il-livelli tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u ta' "tkabbir inklussiv" billi tindirizza wieħed mill-fatturi li jikkawżaw ir-riskju ta' nuqqas ta' impjiegi u faqar. L-istrateġija Ewropa 2020 għalhekk tinkludi l-għan ewlieni li tnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel minn 14,4 % fl-2009 sa inqas minn 10 % sal-2020. L-Istati Membri impenjaw rwieħhom biex jiffissaw miri nazzjonali filwaqt li jqisu l-pożizzjonijiet relattivi tagħhom fil-bidu u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom.

(2) Il-Linji Gwida Integrati għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 jitolbu li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jipprevjenu t-tluq bikri mill-iskejjel[5].

(3) L-inizjattiva ewlenija "Pjan Ewropew kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali"[6] tistabbilixxi qafas ta' ħidma biex tiżgura l-koeżjoni soċjali u territorjali, bil-mira speċifika li tikser iċ-ċirku vizzjuż ta' żvantaġġ u tintensifika l-azzjoni preventiva. Din tindirizza l-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 biex toħroġ mill-inqas 20 miljun persuna mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali fl-għaxar snin li ġejjin.

(4) "Żgħażagħ Attivi", inizjattiva ewlenija fi ħdan l-Istrateġija Ewropa 2020, għandha l-għan li "ssaħħaħ il-prestazzjoni u l-effett ta' attrazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa u li ttejjeb il-kwalità ġenerali tal-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE, waqt li tlaqqa' kemm l-eċċellenza kif ukoll l-ekwità, billi ssir promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti u ta' min jitħarreġ, u tittejjeb is-sitwazzjoni tal-impjiegi għaż-żgħażagħ"[7].

(5) Il-konklużjonijiet ta' Mejju 2003 tal-Kunsill, li jadottaw il-programm ta' ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010[8] stqarrew li l-proporzjon ta' żgħażagħ li jitilqu qabel il-waqt mill-iskola għandu jkun inqas minn 10 % sal-2010, waqt li dawk li jitilqu qabel il-waqt mill-iskola ġew definiti bħala żgħażagħ ta' bejn it-18 u 24 sena li jkunu ħarġu mis-sistema edukattiva u jkollhom biss l-ewwel livell ta' edukazzjoni sekondarja, jew inqas minn hekk. Il-punt ta' riferiment ma ntlaħaqx. Fil-preżent, wieħed minn kull seba' żgħażagħ jitilqu l-edukazzjoni qabel ma jkunu spiċċaw l-edukazzjoni sekondarja għolja.

(6) Ir-raġunijiet tat-tluq bikri mill-iskejjel ivarjaw ħafna minn pajjiż għal ieħor u anki minn reġjun għal ieħor. Il-politiki għat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel jeħtieġ li jiġu adattati għas-sitwazzjoni speċifika ta' reġjun jew ta' pajjiż. mhemmx soluzzjoni waħda għall-Istati Membri kollha.

(7) Minkejja d-differenzi fost il-pajjiżi u r-reġjuni, hemm xhieda qawwija fl-Istati Membri kollha li l-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli huma affettwati l-iżjed. Barra minn hekk, hemm rappreżentazzjoni wisq qawwija ta' żgħażagħ bi bżonnijiet edukattivi speċjali fost dawk li jitilqu qabel il-waqt mill-edukazzjoni u t-taħriġ. It-tluq bikri mill-iskejjel huwa kemm riżultat tal-iżvantaġġi soċjali, kif ukoll jipperpetwa r-riskju tal-esklużjoni soċjali.

(8) Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-edukazzjoni ta' tfal ta' sfond migrant[9] innotaw li filwaqt li bosta tfal li jkunu ġejjin minn sfond migrant jirnexxu fl-edukazzjoni, l-istudenti ta' sfond migrant ġeneralment għandhom izjed ċans li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt. Għall-migranti, ir-rata medja tat-tluq bikri mill-iskejjel mal-UE kollha hija d-doppju ta' dik tal-istudenti lokali. L-evidenza disponibbli tindika li t-tluq bikri mill-iskola terġa' huwa ogħla fost il-popolazzjoni tar-Roma.

(9) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2008 dwar it-tagħlim fost l-adulti[10] jirrikonoxxu r-rwol tat-tagħlim tal-adulti biex jindirizza t-tluq bikri mill-iskola billi joffri opportunità oħra lil min jasal fl-istat ta' adult mingħajr ma jkun kiseb kwalifiki, u jiffoka b'mod partikolari fuq il-ħiliet bażiċi, fuq il-ħiliet fit-Teknoloġija tal-Informatika u fuq it-tagħlim tal-lingwi.

(10) Ir-Reżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2007 dwar "Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda"[11] enfasizzat il-ħtieġa li jittejbu l-livelli ta' ħiliet ġenerali u li tingħata prijorità lill-edukazzjoni u t-taħriġ ta' dawk li qegħdin f'riskju ta' esklużjoni ekonomika u soċjali, speċjalment dawk li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt. Hija enfasizzat il-ħtieġa għall-provvediment ta' gwida vokazzjonali u ta' pjanijiet ta' taħriġ personali lil min ikun qed ifittex l-impjieg u l-ħtieġa li tiġi żviluppata l-validazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim li jkun inkiseb b'mod formali, informali u mhux formali.

(11) Fil-Konkluzjonijiet tiegħu dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ[12], f'Mejju 2010, il-Kunsill qabel li biex tkun ta' suċċess il-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskejjel, tirrikjedi l-iżvilupp tat-tagħrif dwar il-gruppi li jkunu fir-riskju li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali; u tirrikjedi wkoll l-iżvilupp ta' sistemi ta' identifikazzjoni bikrija tal-individwi li jkunu f'dan ir-riskju; u kkonkluda li għandhom jiġu implimentati strateġiji komprensivi u transettorjali biex jipprovdu medda ta' politiki sistemiċi u mxerrda mal-iskejjel kollha li jiffokaw fuq il-fatturi differenti li jwasslu għat-tluq bikri mill-iskejjel.

(12) Ir-riformi fl-edukazzjoni jridu ż-żmien biex iħallu effett. Biex jinkiseb tnaqqis tar-rati tat-tluq bikri mill-iskejjel fl-għaxar snin li ġejjin u tinkiseb il-mira ta' Ewropa 2020, għandhom jiġu implimentati mill-aktar fis strateġiji komprensivi u transettorjali għal dan it-tnaqqis.

(13) Qafas komuni Ewropew għal aproċċi komprensivi lejn it-tnaqqis tat-tluq bikri jista' jgħin lill-Istati Membri biex jirrevedu l-politiki attwali, biex jiżviluppaw il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma skont l-istrateġija Ewropa 2020, u biex jirrinnovaw u jiżviluppaw strateġiji ġodda ta' impatt kbir u proporzjon tajjeb ta' kosti kontra benefiċċji. Jista' jipprovdi wkoll bażi għall-kollaborazzjoni permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Kooperazzjoni u fokus għall-użu tal-istrumenti ta' finanzjament tal-UE,

B'DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

Jużaw il-qafas stabbilit fl-Anness ma' din ir-Rakkomandazzjoni biex:

1. Jidentifikaw il-fatturi ewlenin li jwasslu għat-tluq bikri mill-iskejjel u jissorveljaw il-karatteristiċi ta' dan il-fenomenu f'livelli nazzjonali, reġjonali u lokali bħala prerekwiżit għal politiki b'mira ċara u effettivi msejsa fuq l-esperjenza.

2. Sa tmiem l-2012 ikunu adottaw u żguraw l-implimentazzjoni ta' strateġiji komprensivi biex inaqqsu t-tluq bikri mill-iskejjel, bi qbil mal-miri nazzjonali ta' Ewropa 2020; dawn l-istrateġiji għandhom jinkludu l-prevenzjoni, l-intervent u l-miżuri kompensatorji.

3. Jiżguraw li dawn l-istrateġiji jinkludu l-miżuri xierqa għall-gruppi li għandhom l-iżjed riskju ta' tluq bikri mill-iskejjel fl-Istat Membru, pereżempju tfal minn sfondi soċjoekonomikament żvantaġġati, migranti jew Roma, jew dawk bi ħtiġijiet edukattivi speċjali.

4. Jiżguraw li dawn l-istrateġiji jindirizzaw kemm l-edukazzjoni ġenerali kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u l-isfidi speċifiċi tagħhom.

5. Minħabba li t-tluq bikri mill-iskejjel huwa fenomenu kumplessiv li ma jistax jissolva permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ biss, għandhom jieħdu miżuri integrati li jappoġġjaw it-tnaqqis tar-rati tat-tluq bikri fil-politiki kollha relevanti li jkunu mmirati lejn it-tfal u ż-żgħażagħ u jikkoordinaw l-attivitajiet fost is-setturi differenti tal-politika u l-partijiet interessati biex jgħinu lil dawk in-nies li qegħdin f'riskju ta' tluq bikri, inklużi dawk li diġà jkunu ħarġu mis-sistema edukattiva qabel il-waqt.

JISTIEDNU L-KUMMISSJONI BIEX:

1. Tikkontribwixxi lejn l-isforzi li jagħmlu l-Istati Membri billi tissorvelja l-iżviluppi fl-Istati Membri kollha biex tiddetermina t-tendenzi.

2. Tappoġġja l-iżvilupp ta' strateġiji nazzjonali u l-iskambju tal-esperjenzi u tal-prassi tajba, u tiffaċilita t-tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri dwar il-miżuri biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel u biex jittejbu r-riżultati edukattivi ta' tfal ġejjin minn gruppi ta' nies li qegħdin f'riskju ta' tluq bikri.

3. Tintegra l-miżuri li jappoġġjaw it-tnaqqis tar-rati tat-tluq bikri mill-iskejjel fl-azzjonijiet relevanti kollha mmirati lejn it-tfal u ż-żgħażagħ.

4. Tappoġġja l-iżvilupp ta' politiki effettivi kontra t-tluq bikri mill-iskejjel billi tniedi studji u riċerka kumparattivi.

5. Tiżgura li, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja tal-UE u l-Fondi Strutturali Ewropej u l-Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni jsostnu u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali.

6. Tirrapporta perjodikament dwar il-progress lejn il-kisba tal-għan tal-Ewropa 2020 dwar it-tluq bikri mill-iskejjel permezz tal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir; u għall-ewwel darba bħala parti mir-rapport konġunt dwar il-progress tal-2015, dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali waqt ir-rappurtaġġ tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020).

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Qafas għall-politiki komprensivi biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel

L-istrateġiji għat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel għandhom ikunu msejsa fuq l-analiżi f'livelli nazzjonali, reġjonali u lokali tal-kundizzjonijiet li jwasslu għall-fenomenu, minħabba li r-rati medji ħafna drabi jaħbu differenzi kbar bejn reġjuni jew pajjiżi differenti. Il-grupp ta' nies li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt huwa wieħed eteroġenu u l-motivazzjonijiet għal dan it-tluq qabel il-waqt ivarjaw ħafna. L-isfond familjari u l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi, bħall-ġibda tas-suq tax-xogħol huma fatturi importanti. Il-qawwa tal-impatt tagħhom tiddependi fuq l-istruttura tas-sistema edukattiva u ta' taħriġ, fuq l-opportunitajiet ta' tagħlim disponibbli, u fuq l-ambjent tat-tagħlim. Il-koordinazzjoni ta' politiki li jindirizzaw il-benessri tat-tfal u taż-żgħażagħ, is-sigurtà soċjali, l-impjieg taż-żgħażagħ u l-prospetti ta' karrieri għandha rwol importanti fit-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel.

1. L-identifikazzjoni tal-fatturi ewlenin u s-sorveljanza

Il-proċessi tat-tluq bikri mill-iskejjel huma kkawżati minn fatturi kumplessivi u diversi, iżda ħafna drabi huma marbutin ma' żvantaġġi soċjoekonomiċi, ma' sfondi ta' livell edukattiv baxx, mat-tbegħid mill-edukazzjoni u t-taħriġ jew nuqqas ta' riżultati tajbin, mal-ġibda tas-suq tax-xogħol, u/jew ma' taħlita ta' problemi soċjali, emozzjonali u edukattivi li jpoġġu lill-individwi fir-riskju li jitilqu qabel il-waqt.

Għandu jitqies it-tip ta' edukazzjoni li jkunu qegħdin isegwu l-istudenti. F'xi Stati Membri l-istudenti li jsibu d-diffikultajiet fl-edukazzjoni ġenerali, ħafna drabi jidħlu fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. (ETV) Għaldaqstant, l-iskejjel vokazzjonali jerfgħu responsabbiltà u jiffaċċjaw sfida partikolari fir-rispett tat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel. Il-politiki msejsin fuq l-esperjenza jitolbu li għandha tinagħta attenzjoni partikolari lill-prestazzjoni skont is-settur tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ.

L-iżvilupp ta' politiki kost effettivi u msejsin fuq l-esperjenza biex jikkumbattu t-tluq bikri mill-iskejjel jirrikjedi l-ġbir u ż-żamma tad-dejta dwar dan il-fenomenu. Din imbagħad tippermetti l-analiżi f'livelli lokali, reġjonali u nazzjonali. Jista' jkun fiha tagħrif dwar ir-rati tat-tluq bikri mill-iskejjel, dwar it-tranżizzjonijiet minn livell edukattiv għal ieħor, kif ukoll dwar l-assenteiżmu mill-iskejjel u dwar imġibiet ta' skartar mill-iskola.

- Il-ġbir tal-informazzjoni għandu jħalli lok għall-analiżi tar-raġunijiet għat-tluq bikri mill-iskejjel għal gruppi diversi ta' studenti, skejjel, tipi ta' istituzzjoni ta' edukazzjoni u taħriġ, muniċipalitajiet u reġjuni.

- L-għaqda tad-dejta dwar it-tluq bikri mill-iskejjel u d-dejta soċjoekonomika tista' tgħin biex il-miżuri u l-politiki jitfasslu b'miri ċari. Il-ġbir u l-analiżi tat-tagħrif dwar il-motivazzjonijiet għat-tluq bikri ta' żgħażagħ individwali, dwar il-prospettivi tagħhom ta' impjiegi u karrieri jistgħu wkoll jgħinu biex il-miri tal-miżuri u tal-politiki jkunu ċari.

- Il-valutazzjoni tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-miżuri politiċi attwali li l-għan tagħhom hu t-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel hija bażi importanti għat-titjib tal-istrateġiji u l-programmi li jżidu l-probabbiltà li l-istudenti jirnexxu fl-iskola.

2. Qafas ta' politiki

L-istrateġiji komprensivi huma magħmula minn taħlita ta' politiki, koordinazzjoni fost setturi politiċi differenti u l-integrazzjoni ta' miżuri li jappoġġjaw it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel fil-politiki relevanti kollha li huma mmirati lejn it-tfal u ż-żgħażagħ. Prinċipalment dawn huma l-politiki soċjali u s-servizzi ta' appoġġ marbutin magħhom; dwar l-impjiegi, iż-żgħażagħ, il-familja u l-integrazzjoni. Il-koordinazzjoni orizzontali bejn atturi differenti u l-koordinazzjoni vertikali mal-livelli differenti tal-gvern huma ta' importanza ndaqs. L-istrateġiji kontra t-tluq bikri mill-iskejjel għandhom ikunu magħmula minn elementi ta' prevenzjoni, ta' intervent u ta' kumpens. L-Istati Membri għandhom jagħżlu l-elementi ddettaljati tal-istrateġiji tagħhom skont iċ-ċirkostanzi u l-kuntesti individwali tagħhom.

2.1 Il-politiki ta' prevenzjoni jimmiraw li jnaqqsu r-riskju ta' tluq bikri qabel ma jibdew il-problemi. Dawn il-miżuri jtejbu l-għotja tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jappoġġjaw l-aħjar riżultati tat-tagħlim u biex iwarrbu t-tfixkil għas-suċċess edukattiv.

Jimmiraw li jibnu bażi soda li tgħin lit-tfal jiżviluppaw il-potenzjal li għandhom għat-tagħlim u biex jintegraw rwieħhom fl-iskejjel

1. Il-provvediment ta' edukazzjoni u indukrar ta' kwalità fit-tfulija bikrija huwa ta' benefiċċju għat-tfal kollha, u partikolarment relevanti għal dawk li ġejjin minn sfondi żvantaġġati, li jinkludu l-migranti u r-Roma. Itejjeb il-benessri fiżiku, l-iżvilupp soċjali u emozzjonali, il-ħiliet tal-lingwi u dawk konoxxittivi bażiċi. Il-provvediment tal-edukazzjoni u l-indukrar għandu jkun ta' kwalità għolja, li jista' jintlaħaq finanzjarjament, b'persunal xieraq, u aċċessibbli għall-familji bi sfond żvantaġġat.

Il-politiki ta' prevenzjoni jindirizzaw l-organizzazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ, ir-riżorsi disponibbli għall-iskejjel, id-disponibbiltà, il-permeabbiltà u l-flessibbiltà ta' mogħdijiet individwali ta' tagħlim. Jindirizzaw ukoll id-differenzi bejn is-sessi, is-sosteniment ta' tfal minn sfondi żvantaġġati jew li għandhom lingwa materna differenti.

2. Jekk tiżdied l-offerta tal-edukazzjoni, jew billi jittawwal iż-żmien tal-edukazzjoni obbligatorja, jew billi jsiru disponibbli l-garanziji għall-edukazzjoni u t-taħriġ wara l-età tal-edukazzjoni obbligatorja, din tista' taffettwa l-imġiba taż-żgħażagħ u tal-familji tagħhom u twassal għal rati ogħla ta' tkomplija tal-edukazzjoni sal-kisba tal-kwalifiki tal-ogħla sekondarja.

3. L-implimentazzjoni ta' politiki li attivament inaqqsu s-segregazzjoni, u l-għotja ta' appoġġ addizzjonali għall-iskejjel li huma f'żoni żvantaġġati, jew li numru kbir ta' studenti minn sfondi soċjoekonomikament żvantaġġati, jgħinuhom biex jibbilanċjaw il-kompożizzjoni soċjali u l-offerta edukattiva tagħhom, u b'hekk jitgħollew l-akkwisti edukattivi ta' studenti minn sfondi soċjoekonomikament żvantaġġati u jitnaqqas ir-riskju li dawn jitilqu mill-iskola qabel il-waqt.

4. Is-sostenn ta' tfal li għandhom lingwa materna differenti biex itejbu l-għarfien tagħhom tal-lingwa tat-tagħlim u l-appoġġ tal-għalliema biex ikunu jistgħu jgħallmu tfal b'kompetenzi lingwistiċi ta' livelli diversi jtejbu l-kisbiet edukattivi ta' tfal li jkunu ġejjin minn sfond migrant u jnaqqsu r-riskju li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt.

5. Żieda fil-flessibbiltà u l-permeabbiltà tar-rotot edukattivi (pereżempju billi l-korsijiet jinqasmu f'moduli jew billi ssir alternazzjoni bejn l-iskola u x-xogħol), tagħti sostenn partikolari lill-istudenti ta' prestazzjoni akkademika baxxa, tista' timmotivhom li jkomplu f'edukazzjoni u f'taħriġ li jkun adattat għall-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tagħhom. Din ukoll tagħti lok fejn jistgħu jiġu indirizzati raġunijiet speċifiċi skont is-sess tal-istudenti, pereżempju li wieħed jitlaq qabel il-waqt biex jibda jaħdem, jew li tfajla titlaq għax tkun ħarġet tqila.

6. Jekk jissaħħu l-mogħdijiet vokazzjonali u jsiru aktar attraenti u flessibbli, dawk l-istudenti li jkunu fir-riskju li jitilqu qabel il-waqt mill-iskola jkollhom alternattivi kredibbli għat-tluq bikri. Jekk l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jkunu integrati sew fis-sistemi ġenerali ta' edukazzjoni u taħriġ, dan iħalli lok għal mogħdijiet alternattivi lejn l-edukazzjoni sekondarja għolja u terzjarja.

2.2 L-għan tal -politiki ta' intervent huwa li jiġi evitat it-tluq bikri mill-iskejjel billi tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell tal-istituzzjonijiet edukattivi, li jkun hemm reazzjoni għas-sinjali bikrija ta' twissija u li jiġi pprovdut is-sostenn immirat lejn l-istudenti jew il-gruppi ta' studenti li qegħdin fir-riskju li joħorġu mis-sistema edukattiva qabel il-waqt. Dawn il-politiki jibdew bl-edukazzjoni tal-bidu tat-tfulija u jkomplu jindirizzaw il-livelli kollha sal-edukazzjoni sekondarja għolja.

Fil-livell tal-iskola jew tal-istituzzjoni ta' taħriġ l-istrateġiji kontra t-tluq bikri jagħmlu parti minn politika ġenerali tal-iżvilupp tal-iskola. L-għan tagħhom hu li joħolqu ambjent pożittiv għat-tagħlim filwaqt li jirrinfurzaw il-kwalità u l-innovazzjoni tal-pedagoġija, itejbu l-kompetenzi tal-għalliema biex jiffaċċjaw id-diversità soċjali u kulturali u jiżviluppaw approċċi li jaħdmu kontra l-vjolenza u kontra l-bullying.

7. L-iżvilupp tal-iskejjel f'komunitajiet ta' tagħlim, imsejjes fuq viżjoni tal-partijiet kollha interessati ta' żvilupp, bl-użu tal-esperjenza u l-għarfien ta' kulħadd u li jipprovdi post ta' tagħlim miftuħ għall-ideat, ta' ispirazzjoni u fejn l-istudenti jħossuhom komdi jitgħallmu, biex iż-żgħażagħ jitħeġġu li jkomplu bl-edukazzjoni u t-taħriġ u jiksbu t-tagħlim b'suċċess.

8. L-iżvilupp ta' sistemi ta' twissija bikrija dwar l-istudenti li jkunu fir-riskju, jista' jgħin biex jittieħdu passi effettivi qabel ma joħorġu l-problemi fil-beraħ, qabel ma jibdew l-istudenti jitbiegħdu mill-iskola, qabel ma jibdew jiskartaw l-iskola jew jitilqu qabel il-waqt.

9. L-inkoraġġiment tal-ġenituri biex jinvolvu rwieħhom jirrinforza l-kooperazzjoni tal-ġenituri mal-iskola u l-ħolqien ta' sħubiji bejn l-iskejjel u l-ġenituri jħeġġu l-appoġġ tal-familji għall-edukazzjoni u t-taħriġ ta' suċċess. Dawn jistgħu jiġu ffaċilitati minn medjaturi mill-komunità lokali li jkunu jistgħu jsostnu l-komunikazzjoni u jżidu l-fiduċja.

10. In-netwerking ma' atturi minn barra l-iskola, bħas-servizzi komunitarji lokali, organizzazzjonijiet għall-migranti jew għall-minoritajiet, assoċjazzjonijiet sportivi u kulturali, organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tas-soċjetà ċivili jippermetti soluzzjonijiet olistiċi għall-għajnuna ta' studenti fir-riskju u jiffaċilita l-aċċess għall-appoġġ estern mingħand nies bħal psikoloġisti, ħaddiema soċjali u dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, u servizzi kulturali u komunitarji.

11. L-appoġġ lejn l-għalliema u l-għotja tas-setgħa lilhom f'xogħolhom mal-istudenti fir-riskju huma prerekwiżiti għas-suċċess tal-miżuri fil-livell tal-iskola. It-taħriġ iffokat għall-għalliema jgħinhom jindirizzaw id-diversità fil-klassi, biex isostnu l-istudenti minn sfondi żvantaġġati u jsolvu sitwazzjonijiet ta' diffikultà.

12. L-attivitajiet extra-kurrikulari wara u barra mill-iskola u attivitajiet artistiċi, kulturali u sportivi jistgħu jgħollu s-self-esteem tal-istudenti fir-riskju u jżidu r-reżiljenza tagħhom kontra d-diffikultajiet fit-tagħlim.

Il-politiki tal-intervent fil-livell individwali jimmiraw li jipprovdu ġabra ta' mekkaniżmi ta' appoġġ għall-istudenti individwali fir-riskju li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt li jistgħu jiġu mfassla għall-bżonnijiet tagħhom. Dawn jiffukaw fuq l-iżvilupp personali sabiex tinbena r-reżiljenza għall-istudenti fir-riskju u wkoll fuq l-indirizzar tad-diffikultajiet konkreti, li jistgħu jkunu ta' natura soċjali, konjittiva jew emozzjonali.

13. Il-mentoring jgħin lill-istudenti individwali biex jegħlbu d-diffikultajiet akkademiċi, soċjali jew personali speċifiċi. L-istudenti jingħataw għajnuna, jew f'approċċ individwali (mentoring) jew fi gruppi żgħar (tutoring), ħafna drabi dan jinagħta mill-persunal tal-edukazzjoni jew minn membri tal-komunità.

14. It-tisħiħ tal-approċċi personalizzati tat-tagħlim u l-għoti ta' appoġġ fit-tagħlim għall-istudenti fir-riskju jgħinhom biex jadattaw rwieħhom għad-domandi tal-edukazzjoni formali u biex jegħlbu l-ostakoli maħluqa mis-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

15. It-tisħiħ tal-iggwidar u l-counselling jappoġġa l-għażliet tal-karriera tal-istudenti, it-tranżizzjonijiet fl-edukazzjoni jew mill-ekukazzjoni għad-dinja tax-xogħol. Inaqqas it-teħid ta' deċiżjonijiet ħżiena bbażati fuq stennijiet foloz jew nuqqas ta' informazzjoni. Jgħin liż-żgħażagħ jagħmlu deċiżjonijiet li jaqblu mal-ambizzjonijiet, l-interessi personali u t-talenti tagħhom.

16. Miżuri ta' appoġġ finanzjarji bħall-allokazzjonijiet ta' studju jgħinu biex jiskoraġġixxu dawk li jitilqu qabel mill-iskola minħabba raġunijiet finanzjarji. Din l-għajnuna tista' tkun tiddependi fuq attendenza regolari jew tista' tkun marbuta mal-benefiċċji soċjali tal-familji.

2.3 Il- kumpens għandu l-għan li jgħin lil dawk li telqu mill-iskola qabel iż-żmien, joffri rotot għad-dħul mill-ġdid fl-edukazzjoni u t-taħriġ u biex jiksbu l-kwalifiki li tilfu.

17. Programmi ta' suċċess li joffru opportunità oħra joffru ambjenti ta' tagħlim li jaqdu l-bżonnijiet speċifiċi ta' dawk li telqu qabel mill-iskola, jirrikonoxxu t-tagħlim preċedenti tagħhom u jappoġġaw il-benessri tagħhom. Dawn huma differenti mill-iskejjel kemm fl-aspetti organizzattivi kif ukoll dawk pedagoċiċi u ħafna drabi jkunu karatterizzati minn gruppi żgħar, personalizzati u tagħlim innovattiv u mogħdijiet tat-tagħlim flessibbli. Dawn jeħtieġ li jkunu aċċessibbli faċilment u b'xejn.

18. Huwa importanti li jiġu pprovduti rotot differenti għal min jixtieq jirritorna fl-edukazzjoni u t-taħriġ ġenerali. Il-klassijiet tat-tranżizzjoni jistgħu jgħinu biex jingħalaq id-distakk bejn fallimenti preċedenti fl-iskola u d-dħul mill-ġdid fl-edukazzjoni ġenerali.

19. Ir-riorganizzazzjoni u l-ivvalidar tat-tagħlim preċedenti, inkluż il-kompetenzi miksuba fit-tagħlim formali u informali, iżidu l-kunfidenza u s-self-esteem u jiffaċilitaw id-dħul mill-ġdid fl-iskola. Dan jista' jimmotivahom biex ikomplu l-edukazzjoni u t-taħriġ, jgħinhom jidentifikaw it-talenti tagħhom u jagħmlu għażliet aħjar għall-karriera.

20. L-appoġġ individwali mmirat jintegra l-appoġġ soċjali, finanzjarjau, edukattiv u psikoloġiku għaż-żgħażagħ fid-diffikultà. Huwa partikolarment importanti għaż-żgħażagħ f'sitwazzjonijiet ta' inkwiet soċjali jew emozzjonali serju li jfixkilhom milli jkomplu l-edukazzjoni jew it-taħriġ.

[1] It-terminu "Tluq Bikri Mill-Iskejjel" jinkludi kull forma ta' tluq mill-edukazzjoni u t-taħriġ qabel ma wieħed ikun spiċċa l-edukazzjoni sekondarja jew l-ekwivalenti tagħha fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

[2] Eurostat, Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, 2010.

[3] It-terminu "Tluq Bikri Mill-Iskejjel" jinkludi kull forma ta' tluq mill-edukazzjoni u t-taħriġ qabel ma wieħed ikun spiċċa l-edukazzjoni sekondarja jew l-ekwivalenti tagħha fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

[4] COM(2010) 2020.

[5] ĠU L 308, 24.11.2010, p. 50.

[6] COM(2010) 0758.

[7] "Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" - COM(2010) 2020.

[8] Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5-6 ta’ Mejju 2003 dwar il-livelli ta’ riferiment tal-prestazzjoni medja Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (Punti ta' riferiment) (dok. 8981/03).

[9] ĠU C 301, 11.12.2009, p. 5.

[10] ĠU C 140, 6.6.2008, p. 10.

[11] ĠU C 290, 4.12.2007, p. 1.

[12] ĠU C 135, 26.5.2010, p. 2.