|
23.2.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 54/18 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-Reviżjoni tal-politika Ewropea tal-viċinat”
2012/C 54/04
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
|
— |
iqis li l-parteċipazzjoni msaħħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politika tal-viċinat tista' żżid is-sensibilizzazzjoni, l-involviment u l-appoġġ tal-pubbliku fir-rigward tal-politika, u tikkontrobatti l-impressjoni li hija r-responsabbiltà esklużiva tal-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet fi Brussell li jiggvernaw il-kontinent tagħna. F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jgħinu wkoll biex jingħelbu t-tendenzi perikolużi tal-iżolazzjoniżmu jew ir-rinazzjonalizzazzjoni, li jistgħu jipperikolaw l-istabbiltà tal-pajjiżi u r-reġjuni kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn minnha; |
|
— |
jagħti importanza kbira lill-ħidma u l-opportunitajiet offruti mill-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-dibattitu politiku Ewro-Mediterranju, u tagħti dimensjoni territorjali lill-proġetti magħżula mis-Segretarjat Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM). Tiżgura wkoll l-iskambju tal-aqwa prattiki u tikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet tal-PEV; |
|
— |
jappoġġja bl-istess mod il-Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP) bħala n-netwerk ta’ kooperazzjoni multilaterali bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali tal-UE u tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, liema netwerk għandu l-għan li jinvolvi iżjed lil dawn l-awtoritajiet fl-implimentazzjoni tal-PEV. Beħsiebu wkoll jaħdem mal-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-imsieħba tal-Lvant sabiex jiġi stabbilit qafas istituzzjonali permanenti ta’ kooperazzjoni; |
|
— |
jirrakkomanda li l-politika tal-viċinat tiġi intensifikata fiż-żona kollha tal-Baħar l-Iswed. L-importanza ġeopolitika kontinwa ta’ dan ir-reġjun għall-UE għandha tiġi enfasizzata, l-istess kif għandha tiġi enfasizzata l-importanza tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed. Il-pajjiżi tal-UE li jaqsmu fruntiera ma’ din iż-żona għandhom jirċievu appoġġ konsiderevoli mill-UE għall-attivitajiet tagħhom tal-politika tal-viċinat. |
|
Relatur |
Is-Sur PROTAS (PL/PPE), Marixxall tar-reġjun ta’ Warmińsko-Mazurskie |
|
Dokument ta’ referenza |
Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Risposti ġodda għal viċinat fi trasformazzjoni COM(2011) 303 finali |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Daħla
|
1. |
jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni u l-għan globali tagħha li jenfasizza bil-qawwa l-importanza li jiġu appoġġjati l-isforzi favur demokrazija profonda u riforma politika fil-pajjiżi msieħba. Ma hemm l-ebda dubju li l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni għandhom rwol x'jaqdu bħala korpi demokratiċi u politiċi u huma ċentrali għall-bini tad-demokrazija. Għalhekk, huma lesti jikkontribwixxu bil-ħerqa għal dawn l-isforzi marbuta mal-politika tal-viċinat; |
|
2. |
bi pjaċir jilqa' l-iżvilupp li sar s'issa tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), li dejjem qed issir iktar diversa u dejjem qed tadatta iżjed għal bżonnijiet u sitwazzjonijiet speċifiċi. Il-Kumitat tar-Reġjuni jilqa' l-fatt li l-proġett oriġinali tal-2004 ta’ “daqs wieħed għal kulħadd” ġie żviluppat fi strumenti dejjem iktar speċjalizzati u “adattati”; |
|
3. |
jilqa' l-ispeċjalizzazzjoni li qed tiġi żviluppata tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fis-Sħubija tal-Lvant, l-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) u l-ħolqien tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed; |
|
4. |
iqis li l-PEV għandha tiġi speċjalizzata aktar u li l-politika tal-viċinat għandha ssir element ġenwin ta’ politika esterna Ewropea ambizzjuża u koerenti u strument dejjem iktar speċjalizzat ta’ din il-politika; |
|
5. |
jenfasizza li l-politika tal-viċinat li ġiet segwita fir-reġjuni u mir-reġjuni tista' tkun strument effettiv għall-promozzjoni tal-valuri li fuqhom issejset l-Unjoni Ewropea – ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għall-minoranzi; |
|
6. |
jirrakkomanda li l-politika tal-viċinat għandha tistieden lir-reġjuni kollha tal-UE jkunu involuti b'mod li jsir użu mill-għarfien u l-esperjenza tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni; |
|
7. |
iqis li huwa importanti b'mod partikolari li l-pubbliku jiġu sensibilizzat dwar il-politika tal-viċinat fir-reġjuni; |
|
8. |
jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati kemm il-livell tal-gvern kif ukoll il-livell taċ-ċittadini fil-Politika Ewropea tal-Viċinat. Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jista' jkun partikolarment importanti biex jinbnew kooperazzjonijiet immirati u responsabbli mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili iżda bħala awtoritajiet pubbliċi, dawn għandhom jaqdu wkoll il-parti tagħhom biex jibnu l-kuntatti fil-livell amministrattiv/uffiċjali; |
|
9. |
iqis li l-parteċipazzjoni msaħħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politika tal-viċinat tista' żżid is-sensibilizzazzjoni, l-involviment u l-appoġġ tal-pubbliku fir-rigward tal-politika, u tikkontrobatti l-impressjoni li hija r-responsabbiltà esklużiva tal-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet fi Brussell li jiggvernaw il-kontinent tagħna. F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jgħinu wkoll biex jingħelbu t-tendenzi perikolużi tal-iżolazzjoniżmu jew ir-rinazzjonalizzazzjoni, li jistgħu jipperikolaw l-istabbiltà tal-pajjiżi u r-reġjuni kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn minnha; |
|
10. |
jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni li mhumiex ġirien fl-UE u r-reġjuni li mhumiex fl-UE; |
|
11. |
jirrakkomanda li jiġi appoġġat mhux biss it-tkabbir ekonomiku fih innifsu, iżda wkoll l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi ġirien, b'attenzjoni partikolari għat-tnaqqis tad-differenzi reġjonali u soċjali; |
|
12. |
japprova l-proposta tal-Kummissjoni li tħeġġeġ u tappoġġja s-sħubijiet. Il-kooperazzjoni fit-tul bejn il-partijiet interessati kollha fi ħdan is-soċjetà tippromovi l-pluraliżmu u l-parteċipazzjoni f'għadd ta’ livelli, li jtejjeb il-prerekwiżiti għal żvilupp ekonomiku, soċjali u demokratiku sostenibbli; |
|
13. |
iqis li l-ħidma u l-metodi tar-reġjuni jistgħu jagħmlu kontribut partikolarment utli għall-Politika Ewropea tal-Viċinat, filwaqt li jappoġġjaw l-istrumenti tal-PEV bħal TAIEX, SIGMA, il-ġemellaġġ tar-reġjuni u tal-bliet u l-Pjani ta’ Azzjoni tal-PEV; |
|
14. |
japprova s-suġġeriment tal-Kummissjoni li jistgħu jinħolqu sħubijiet reġjonali effettivi f'oqsma ta’ kooperazzjoni bħall-iżvilupp tal-SMEs, l-ambjent, l-edukazzjoni, l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ, il-kultura, it-trasport, ir-riċerka, l-iżvilupp rurali u l-impjieg. L-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE għandhom ħafna esperjenza u għarfien prattiku f'dawn l-oqsma u jilqgħu l-opportunità li jkunu involuti fis-sħubijiet; |
|
15. |
jappoġġja l-argumenti prinċipali li tressqu fl-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Politika Ewropea tal-Viċinat b'Saħħitha u jiġbed l-attenzjoni għall-importanza u r-rilevanza tagħha; |
|
16. |
jiġbed l-attenzjoni għar-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE biex jiġi żgurat li l-pajjiżi msieħba jagħmlu użu effettiv tar-riżorsi disponibbli u jissuġġerixxi li l-enfasi tkun fuq il-kooperazzjoni prattika li tagħti riżultati konkreti; |
|
17. |
jenfasizza li l-baġit tal-UE għall-2014-2020 għandu jiżgura fondi adatti għall-implimentazzjoni tal-PEV; |
|
18. |
jilqa' b'sodisfazzjon ix-xewqa tal-Kummissjoni li tissemplifika u tikkoordina aħjar għadd ta’ strumenti finanzjarji u jenfasizza l-impatt potenzjali u l-benefiċċju li dan iġib miegħu; |
Id-divrenzjar tal-politika tal-viċinat, il-metodi tagħha u r-rwol tar-reġjuni
|
19. |
jinsab konvint li d-divrenzjar meħtieġ tal-politika tal-viċinat m'għandux ikun ta’ natura purament formali, b'diviżjoni ġeografika bejn id-dimensjonijiet tan-naħa t'isfel u n-naħa tal-Lvant; |
|
20. |
jirrakkomanda li l-politika tal-viċinat tiġi divrenzjata skont kemm qed tiffunzjona d-demokrazija (jiġifieri l-proċessi demokratiċi), ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u taċ-ċittadini, l-istat tad-dritt, kif ukoll il-progress tal-proċess ta’ trasformazzjoni sistemika/ekonomika (b'enfasi speċjali fuq l-implimentazzjoni tal-prinċipji tas-suq ħieles) f'pajjiżi individwali. Il-politika tal-viċinat iktar ma tkun immirata tajjeb, iktar tkun effettiva; |
|
21. |
iqis li tkun ħaġa xierqa li jinħolqu strumenti politiċi li jagħmluha possibbli li l-azzjoni ċivika, nazzjonali jew tal-gvern reġjonali u lokali tiġi trattata b'mod divrenzjat skont is-sitwazzjonijiet u l-opportunitajiet individwali. L-azzjoni f'dawn l-oqsma differenti għandha tiġi koordinata iżda m'hemmx għalfejn, u sikwit lanqas għandha, issir b'mod parallel; |
|
22. |
iqis li, fil-kuntest tal-politika tal-viċinat fil-livell ta’ gvern, il-prinċipju ta’ “iżjed għal iżjed” (more for more) huwa ċar u ġustifikat; |
|
23. |
madankollu, iqis li fil-livell tas-soċjetà, il-prinċipju ta’ “iżjed għal iżjed” huwa inqas ċar u wisq formali; l-applikazzjoni tiegħu tista' tkun saħansitra kontroproduttiva u timpedixxi l-kuntatti minn isfel għal fuq li jkunu diġà stabbiliti. Biex il-kuntatti soċjali jkunu effettivi, irid ikun hemm il-kontinwità u jridu jkunu kemm jista' jkun informali; |
|
24. |
iqis li l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ma jistax jissostitwixxi l-parteċipazzjoni tal-gruppi soċjali u t-tielet settur; |
|
25. |
jenfasizza li l-parteċipazzjoni tat-tielet settur għandha tiġi rikonoxxuta bħala element importanti tal-politika tal-viċinat li teħtieġ strumenti speċjalizzati; |
|
26. |
jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp ta’ kuntatti kummerċjali iktar mill-qrib u jqis li integrazzjoni ekonomika iktar stretta tista' sservi bħala katalista għat-tibdil soċjali u politiku. Huwa jħeġġeġ ukoll lill-pajjiżi tal-PEV biex jistabbilixxu żoni ta’ kummerċ ħieles; |
|
27. |
jagħti importanza kbira lill-ħidma u l-opportunitajiet offruti mill-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-dibattitu politiku Ewro-Mediterranju, u tagħti dimensjoni territorjali lill-proġetti magħżula mis-Segretarjat Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM). Tiżgura wkoll l-iskambju tal-aqwa prattiki u tikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet tal-PEV; |
|
28. |
jappoġġja bl-istess mod il-Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP) bħala n-netwerk ta’ kooperazzjoni multilaterali bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali tal-UE u tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, liema netwerk għandu l-għan li jinvolvi iżjed lil dawn l-awtoritajiet fl-implimentazzjoni tal-PEV. Beħsiebu wkoll jaħdem mal-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-imsieħba tal-Lvant sabiex jiġi stabbilit qafas istituzzjonali permanenti ta’ kooperazzjoni; |
|
29. |
iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea, lill-Unjoni għall-Mediterran, lill-gvernijiet nazzjonali u lill-partijiet ikkonċernati internazzjonali biex ikomplu jaħdmu mal-ARLEM, li tgħaqqad lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, sabiex tiġi assigurata azzjoni aktar ikkoordinata u effettiva madwar il-Mediterran; |
|
30. |
jirrakkomanda li l-kuntatti soċjali jkunu ta’ natura diretta u bejn in-nies. L-iktar ħaġa importanti hija l-impenn personali tal-parteċipanti u mhux sempliċiment l-involviment fi rwoli u azzjoni istituzzjonali; |
|
31. |
iqis li hemm bżonn li l-bliet u r-reġjuni jitħeġġu juru interess fl-iskambju kulturali. Dan huwa qasam fejn it-tielet settur jista' jkun partikolarment effettiv. Madankollu, dan jirrikjedi appoġġ ċar mill-gvernijiet nazzjonali u mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
|
32. |
iqis li hemm bżonn li jiġu bbilanċjati d-differenzi fl-interess bejn il-gruppi ta’ reġjuni skont is-siti ġeografiċi differenti tagħhom. Il-koordinazzjoni globali tal-politika esterna tal-UE għandha tassigura li d-divrenzjar ma jwassalx għall-kompetizzjoni bejn in-naħa t'isfel u n-naħa tal-Lvant u li l-ispeċjalizzazzjoni skont ir-reġjuni f'oqsma individwali tal-politika tal-viċinat m'għandhiex twassal jew tenfasizza d-differenzi fl-interess jew il-kompetizzjoni fis-sens negattiv; |
|
33. |
iqis li l-istituzzjonalizzazzjoni tal-politika tal-viċinat għandha tiffaċilita u tappoġġja l-involviment u l-azzjoni minn reġjuni “mill-bogħod” (pereżempju l-kooperazzjoni mir-reġjuni tal-Ewropa Ċentrali fiż-żona tal-Mediterran, jew mir-reġjuni tal-Ewropa tal-Punent fl-Ewropa tal-Lvant). Dan isaħħaħ is-sens ta’ responsabbiltà komuni tar-reġjuni għall-PEV kollha kemm hi; |
|
34. |
iqis li r-rwol speċjali tar-reġjuni li jinsabu ħdejn fruntieri sensittivi tal-UE fin-naħa tal-Lvant u n-naħa t'isfel għandu jissaħħaħ. Dawn huma konċernati direttament mill-problemi tal-viċinat Ewropew. Il-Politika Ewropea tal-Viċinat bl-ebda mod m'għandha titwettaq mingħajr kunsiderazzjoni ta’ dawn ir-reġjuni u għandha tqis l-interessi speċifiċi tagħhom; |
|
35. |
jirrakkomanda li r-reġjuni tal-fruntieri tal-UE għandhom jirċievu appoġġ speċifiku taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat; |
|
36. |
iqis li l-Politika Ewropea tal-Viċinat għandha tqis ir-relazzjonijiet eżistenti mal-pajjiżi terzi, speċjalment mar-Russja, b'mod partikolari fin-naħa tal-Lvant. Ir-reġjuni għandhom jiġu sensibilizzati dwar dan l-aspett tal-PEV u għandhom jiġu appoġġjati l-forom adegwati ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi kollha kkonċernati; |
|
37. |
jistqarr li beħsiebu jappoġġja l-proċess tad-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi ġirien individwali tal-UE billi jkompli jikkoorganizza l-missjonijiet tal-monitoraġġ tal-elezzjonijiet flimkien mal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali fl-Ewropa tal-Kunsill tal-Ewropa; |
Kundizzjonijiet għall-politika tal-viċinat fil-pajjiżi individwali
|
38. |
iqis li hemm bżonn li jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet partikolari għas-Sħubija tal-Lvant u l-azzjoni ta’ politika tal-viċinat fil-Kawkasu; |
|
39. |
jinnota li l-Ġeorġja teħtieġ appoġġ sistematiku kontinwu taħt is-Sħubija tal-Lvant fid-dawl tal-effetti tal-kunflitt tal-2008; |
|
40. |
jirrakkomanda li l-politika tal-viċinat tiġi intensifikata fiż-żona kollha tal-Baħar l-Iswed. L-importanza ġeopolitika kontinwa ta’ dan ir-reġjun għall-UE għandha tiġi enfasizzata, l-istess kif għandha tiġi enfasizzata l-importanza tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed. Il-pajjiżi tal-UE li jaqsmu fruntiera ma’ din iż-żona għandhom jirċievu appoġġ konsiderevoli mill-UE għall-attivitajiet tagħhom tal-politika tal-viċinat; |
|
41. |
iqis lill-Moldova bħala każ speċjali. Fid-dawl tal-progress konsiderevoli li nkiseb mill-politika tal-viċinat u s-Sħubija tal-Lvant hawnhekk, hemm bżonn li jittieħed l-ikbar interess possibbli fl-iżvilupp ta’ dan il-pajjiż. Anke suċċess parzjali hawnhekk jista' jkollu impatt maġġuri fuq il-promozzjoni tal-politika tal-viċinat u l-politika esterna tal-UE; |
|
42. |
jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni tal-Oblast ta’ Kaliningrad, li minkejja l-post fejn jinstab mhuwiex kopert mill-politika tal-viċinat. Dan mhuwiex biss territorju importanti u sensittiv b'mod mhux tas-soltu li jmiss mal-fruntieri tal-UE, iżda fil-fatt huwa mdawwar mit-territorju tal-UE fuq kull naħa. Il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan ir-reġjun ma jistgħux jiġu injorati meta l-politika tal-viċinat tkun qed titwettaq fil-viċinat dirett tal-UE; |
|
43. |
iqis li, minkejja d-diżappunt dwar id-diffikultajiet kontinwi fil-Bjelorussja, jeħtieġ li l-involviment fil-politika tal-viċinat f'dan il-pajjiż jiġi appoġġjat; |
|
44. |
jagħraf il-ħtieġa għal appoġġ sistematiku għall-proċess demokratiku, politiku, ekonomiku u soċjali ta’ trasformazzjoni fl-Ukraina; |
|
45. |
jirrakkomanda li, fil-kuntest tar-Rebbiegħa Għarbija, il-politika tal-viċinat għandha taqdi rwol importanti biex jiġu żviluppati l-kuntatti bejn is-soċjetajiet. Għandha ssir enfasi partikolari u intensiva fuq dan ir-reġjun fil-futur immedjat. L-involviment f'dan ir-reġjun għandu jitqies bħala test tar-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru tal-UE bħala stat, reġjun u soċjetà; |
|
46. |
ifakkar li kull wieħed mill-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran huwa differenti u li l-approċċ tal-UE jrid jitfassal skont kull pajjiż u kull sitwazzjoni. Madankollu, il-bini tad-demokrazija u t-tranżizzjoni demokratika huma universali u jibdew l-ewwel u qabel kollox fil-livell l-iżjed bażiku u ma jistgħux jiġu imposti minn fuq jekk iridu jkunu stabbli u b'għeruq profondi fis-soċjetà; |
L-importanza tal-kooperazzjoni territorjali bħala strument tal-politika tal-viċinat
|
47. |
iqis li l-Ewroreġjuni jipprovdu esperjenza importanti għall-politika tal-viċinat. Huma saru strument utli fil-proċess tal-adeżjoni għall-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, u wara li saru Stati Membri tal-UE saru strument utli biex jiġu regolati r-relazzjonijiet mal-ġirien barra l-UE; |
|
48. |
għaldaqstant joffri l-appoġġ tiegħu għall-istabbiliment ta’ strutturi politiċi u amministrattivi deċentralizzati u dejjiema, billi l-kapaċitajiet amministrattivi u istituzzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffaċilitaw kooperazzjoni fil-livell sottostatali, itejbu l-effiċjenza u l-governanza tajba, u huma fundamentali għall-proċess ta’ demokratizzazzjoni; |
|
49. |
jirrakkomanda li jiġu esplorati l-possibbiltajiet li jissaħħu l-Ewroreġjuni eżistenti billi jintuża l-istrument tar-Raggruppament Ewropew għall-Kooperazzjoni Territorjali peress li dan għandu jtejjeb iċ-ċertezza legali għall-partijiet ikkonċernati u t-trasparenza tal-istrutturi li jinħolqu. Jerġa' jtenni t-talba tiegħu li r-REKT mal-pajjiżi terzi għandhom ikunu possibbli fuq bażi bilaterali u jappella lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan sabiex jieħdu l-passi neċessarji sabiex jiffaċilitaw il-ħolqien u l-implimentazzjoni tar-REKT; |
|
50. |
jenfasizza l-utilità prattika tal-programmi tal-bini tal-kapaċità fil-kuntest tat-tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat u – abbażi tal-programm pilota bl-isem Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali bħala eżempju konkret (1) – itenni s-suġġeriment tiegħu li għandhom jiġu żviluppati inizjattivi ekwivalenti għall-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran sabiex jappoġġjaw il-bini tal-kapaċità fil-livell lokali u reġjonali; |
|
51. |
jinnota li l-Ewroreġjun jiffaċilita firxa wiesgħa ta’ attivitajiet mill-isfera ekonomika sal-isfera kulturali. Huwa jiffaċilita wkoll il-proċessi ta’ kooperazzjoni spontanji bil-parteċipazzjoni tat-tielet settur. L-Ewroreġjun wera li jista' jkun strument flessibbli u effettiv b'mod mhux tas-soltu għall-azzjoni fil-fruntieri tal-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant, ir-reġjuni tal-fruntieri esterni tal-UE; |
|
52. |
jirrakkomanda li jingħata l-appoġġ għall-proġetti u t-twaqqif ta’ Ewroreġjuni ġodda (imsejsa fuq l-esperjenza tal-Ewroreġjuni li ilhom li twaqqfu), b'mod partikolari il-ħolqien ta’ rabta bejn ir-reġjuni fl-Alġerija, it-Tuneżija, il-Libja u l-Eġittu b'żoni adatti fl-Ewropa t'Isfel; |
|
53. |
iqis li l-karatteristiċi speċifiċi tal-fruntiera tan-naħa t'isfel tal-Unjoni Ewropea, billi hija fruntiera kostali, m'għandhomx jitqiesu bħala ostaklu għall-ħolqien ta’ Ewroreġjuni. L-importanza ta’ inizjattivi biex jiġu stabbiliti Ewroreġjuni bħall-Anadalusia-Ġibiltà-Marokk, Notio Egeo-Turkija, Vorio Egeo-Turkija u Polis-Trakiakent għandha tiġi enfasizzata, anke jekk għadhom fil-bidu tagħhom; |
|
54. |
iqis li hemm bżonn urġenti li jkun hemm Ewroreġjun tal-Baħar l-Iswed li jkun operattiv għalkollox; |
|
55. |
iqis li l-Ewroreġjuni jistgħu jagħtu appoġġ effettiv għall-istrumenti tal-PEV (ENPI) bħal TAIEX, SIGMA, il-ġemellaġġ u l-Pjani ta’ Azzjoni tal-PEV; |
|
56. |
jenfasizza l-valur miżjud tar-raggruppamenti Ewropej ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT) u tal-istrateġija makroreġjonali bħala għodod innovattivi għall-kooperazzjoni territorjali fil-livell interreġjonali u sopranazzjonali, għax dawn jistgħu jsaħħu l-koeżjoni u l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet politiċi f'diversi oqsma fir-reġjun usa' tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed, permezz tar-razzjonalizzazzjoni tat-tqassim tar-riżorsi finanzjarji u billi jiġi enfasizzat ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali abbażi tal-prinċipji tal-governanza f'diversi livelli u bil-parteċipazzjoni mifruxa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; |
Id-dimensjoni taċ-ċittadini tal-politika tal-viċinat appoġġjata mill-azzjoni tar-reġjuni
|
57. |
jirrakkomanda li l-kuntatti bejn il-gvernijiet nazzjonali jew anke l-awtoritajiet reġjonali ma jissostitwux il-kuntatti usa' u iktar profondi bejn is-soċjetajiet. Il-pajjiżi Mediterranji kollha għandhom joħolqu Ewroreġjuni, li jiffaċilitaw il-kuntatti bejn it-tielet settur u ċ-ċittadini; |
|
58. |
jirrakkomanda t-tip ta’ azzjoni li huwa tipiku tal-Ewroreġjuni bħala strumenti effettivi biex jiġu miġġielda ħafna stereotipi u biżgħat li jinħolqu mill-migrazzjoni tul il-fruntieri tal-UE u jemmen li l-esperjenza diretta ta’ kooperazzjoni u skambju tista' tgħin ukoll biex tingħeleb l-istampa stereotipika tal-Ewropa u tal-Punent li huma mifruxa f'ħafna pajjiżi li għandhom il-fruntiera mal-Unjoni; |
|
59. |
iqis li politika tal-viċinat attiva tista' tkun mezz biex tiġi limitata l-migrazzjoni bla rażan; |
|
60. |
jemmen li politika tal-viċinat li tassisti l-iktar individwi u gruppi attivi fir-reġjuni u l-pajjiżi li għandhom fruntiera mal-Unjoni Ewropea tista' tippromovi l-proċessi ta’ trasformazzjoni politiċi u ekonomiċi; |
|
61. |
jisħaq li l-assistenza lill-individwi u l-grupp li jaħdmu b'mod attiv għat-tibdil demokratiku u r-riforma ekonomika tista' ssaħħaħ l-effikaċja tal-attivitajiet kollha; |
|
62. |
jenfasizza kemm huwa importanti li, taħt il-patroċinju tal-politika tal-viċinat, jiġu organizzati skambji taż-żgħażagħ u tal-istudenti kif ukoll il-kooperazzjoni xjentifika; |
|
63. |
jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva f'pajjiżi sħab u għaldaqstant jilqa' b'sodisfazzjon it-tisħiħ tal-programmi nazzjonali bħaċ-Ċentru Estonjan tas-Sħubija tal-Lvant, iffokat fuq il-kapaċità amministrattiva, u l-Akkademja tas-Sħubija tal-Lvant tal-Amministrazzjoni Pubblika f'Varsavja, u jappella biex dawn jappoġġjaw ir-riforma amministrattiva u l-bini tal-kapaċità anke fil-livell lokali u reġjonali; |
Kooperazzjoni interreġjonali fil-politika tal-viċinat
|
64. |
jirrakkomanda li l-Ewroreġjuni tan-naħa t'isfel (l-istess bħar-reġjuni) ikollhom imsieħba f'partijiet oħra tal-kontinent. Għandhom jinħolqu rabtiet ta’ dan it-tip b'mod partikolari bejn l-Ewroreġjuni madwar il-fruntiera tan-naħa t'isfel tal-UE u l-Ewroreġjuni fl-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa ta’ fuq li jmissu mal-Ewropa tal-Lvant. Il-PEV m'għandhiex taqsamhom f'biċċiet iżolati u l-politika reġjonali tal-Unjoni Ewropea għandha taħdem biex dan jiġi evitat. Ir-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazjoni Territorjali jidher li huwa l-istrument adatt biex jinħolqu r-rabtiet ta’ dan it-tip; |
|
65. |
iqis li hemm bżonn analiżi sistematika tal-politika tal-viża tal-UE bil-għan li tiġi ffaċilitata l-kwistjoni tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-PEV biex jiġi promoss id-djalogu bejn is-soċjetajiet; |
|
66. |
jenfasizza l-benefiċċji potenzjali tal-introduzzjoni tat-traffiku lokali fil-fruntiera f'uħud mill-fruntieri tal-Unjoni. |
Brussell, 14 ta’ Diċembru 2011.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Mercedes BRESSO
(1) Il-KtR diġà jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea f'li jappoġġja dan il-programm pilota li għalissa huwa ristrett għall-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali.