18.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/17


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-ġejjieni tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura”

2012/C 113/05

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jagħraf li l-ECOC huwa avveniment importanti li jenfasizza r-rikkezza, id-diversità u l-aspetti komuni tal-kulturi Ewropej, u jinnota li l-programm ECOC ta kontribut speċjali għall-emerġenza ta’ identità Ewropea f’perjodu ta’ tkabbir kulturali rapidu għall-Unjoni Ewropea;

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-prestiġju dejjem jikber ta’ dan it-titlu ta wkoll post importanti lill-kultura fl-aġenda politika tal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet;

jisħaq li l-kunċett tad-djalogu interkulturali flimkien mal-koeżjoni soċjali u territorjali jistgħu jgħinu fl-iżvilupp tal-valuri bażiċi tal-ħajja privata, soċjali u ċivika, bħalma huma s-solidarjetà, ir-responsabbiltà, it-tolleranza, ir-rispett, l-isforz għall-progress soċjali u l-komprensjoni tad-diversità soċjali u kulturali. Jista’ wkoll irawwem il-kapaċità li individwi u gruppi b’kuntesti kulturali differenti jikkomunikaw flimkien u jgħixu flimkien f’solidarjetà;

jinnota li l-bliet li ngħataw it-titlu ECOC saħħew b’mod sinifikanti s-settur kulturali tagħhom u raw żieda fil-parteċipazzjoni kulturali tagħhom, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ;

jenfasizza li l-ECOC jeħtieġ li jkun proċess fejn l-udjenza lokali tiżviluppa permezz ta’ programmi edukattivi, azzjonijiet parteċipattivi u sensibilizzazzjoni akbar dwar kwistjonijiet lokali u Ewropej.

Relatur

is-Sur ROMBOUTS (NL/PPE), Sindku ta’ 's-Hertogenbosch

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kuntest ġenerali

1.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed taħdem fuq qafas legali ġdid għall-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura (European Capital of Culture – ECOC) u li organizzat konsultazzjoni online u laqgħa pubblika fl-2010-2011. Itenni l-impenn tiegħu li jikkontribwixxi għad-dibattiti, hekk kif jistqarr fil-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 1419/1999/KE li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura mill-2005 sal-2019  (1);

2.

jenfasizza l-importanza tat-tkomplija tal-programm ECOC lil hinn mill-2019;

3.

jagħraf li l-ECOC huwa avveniment importanti li jenfasizza r-rikkezza, id-diversità u l-aspetti komuni tal-kulturi Ewropej, u jinnota li l-programm ECOC ta kontribut speċjali għall-emerġenza ta’ identità Ewropea f’perjodu ta’ tkabbir kulturali rapidu għall-Unjoni Ewropea;

4.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-prestiġju dejjem jikber ta’ dan it-titlu ta wkoll post importanti lill-kultura fl-aġenda politika tal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet. Barra minn hekk, ir-riċerka u l-investiment fil-kultura huma mezz importanti biex jiġu assigurati l-prosperità u l-koeżjoni soċjali fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fil-livell nazzjonali u Ewropew;

5.

iqis li jekk iż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jieħdu sehem f’varjetà ta’ avvenimenti kulturali, dan iwessa’ l-perspettivi tagħhom u jgħinhom jegħlbu l-preġudizzji u l-biża’ ta’ dak li huwa barrani u mhux magħruf minnhom, u b’hekk jikkontribwixxi għad-djalogu multikulturali;

6.

jisħaq li l-kunċett tad-djalogu interkulturali flimkien mal-koeżjoni soċjali u territorjali jistgħu jgħinu fl-iżvilupp tal-valuri bażiċi tal-ħajja privata, soċjali u ċivika, bħalma huma s-solidarjetà, ir-responsabbiltà, it-tolleranza, ir-rispett, l-isforz għall-progress soċjali u l-komprensjoni tad-diversità soċjali u kulturali. Jista’ wkoll irawwem il-kapaċità li individwi u gruppi b’kuntesti kulturali differenti jikkomunikaw flimkien u jgħixu flimkien f’solidarjetà (2);

7.

jagħraf li l-programm ECOC kellu impatt ekonomiku, soċjali u kulturali estiż; it-titlu jagħti impetu qawwi lis-settur kreattiv, li jaqdi rwol ekonomiku importanti fl-Ewropa u jservi ta’ mutur ekonomiku għal setturi oħrajn;

8.

jinnota li l-bliet li ngħataw it-titlu ECOC saħħew b’mod sinifikanti s-settur kulturali tagħhom u raw żieda fil-parteċipazzjoni kulturali tagħhom, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ;

9.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom l-aqwa fehim tar-realtajiet u s-sitwazzjonijiet li jiffaċċjaw il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura (kandidati) u jinsabu fl-aqwa pożizzjoni biex jgħinu fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-ECOC b’rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà; barra minn hekk, f’ħafna Stati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom responsabbiltà diretta biex jassiguraw li l-avvenimenti kulturali jkunu organizzati u implimentati tajjeb u li għalhekk għandhom l-għarfien u l-esperjenza li jistgħu jgħinu biex jinstabu approċċi innovattivi u kreattivi;

Rakkomandazzjonijiet

A.   Tkomplija u intensifikazzjoni tal-iskema tal-belt kapitali tal-kultura

10.

jaqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea li t-titlu tal-ECOC għadu ta’ stima għolja, jiġġenera programmi kulturali estensivi u jikseb impatti sinifikanti (3); għaldaqstant jappella biex din l-inizjattiva titkompla sabiex tkompli trawwem is-sehem taċ-ċittadini u l-iżvilupp fuq żmien twil; jinnota li wara l-2019 l-ECOC għandu jfittex li jadotta approċċ bilanċjat lejn il-kultura, li għandha tingħata appoġġ mhux biss bħala mezz kif isir ritorn tanġibbli u li jista’ jitkejjel għall-investiment li jkun sar, iżda anke għall-valur intrinsiku tagħha;

11.

jissuġġerixxi li l-programm ECOC jista’ jikkontribwixxi biex tinbena l-Ewropa tal-ġejjieni. It-tendenzi bħan-nazzjonaliżmu, l-individwaliżmu u l-konsumiżmu kif ukoll l-infrastruttura soċjali li qed tiddeterjora kollha jeħtieġu l-attenzjoni tagħhna. Il-globalizzazzjoni, iż-żieda fil-mobbiltà u l-fruntieri miftuħa jwessgħu l-viżjoni tagħna tad-dinja. L-Ewropej huma wkoll “ċittadini tad-dinja”, iżda fl-istess ħin hemm bżonn li nħarsu u nżommu l-kulturi lokali tan-nies. L-Ewropa għandha tkun tista’ tippermetti lill-kultura lokali li tiżviluppa fl-istess ħin li tiżviluppa identità Ewropea inklużiva; l-innovazzjoni industrijali, soċjali u ambjentali hija kruċjali biex tiżdied il-kompetittività Ewropea li għandha tgħin biex tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali;

12.

jinnota li l-programm ECOC irid ikun ibbażat fuq l-ambjent kulturali lokali u reġjonali, u għalhekk l-involviment taċ-ċittadini u tal-entitajiet pubbliċi u privati kollha li joperaw fit-territorju huwa kruċjali fl-istadji differenti tal-proġett; jenfasizza li l-ECOC jeħtieġ li jkun proċess fejn l-udjenza lokali tiżviluppa permezz ta’ programmi edukattivi, azzjonijiet parteċipattivi u sensibilizzazzjoni akbar dwar kwistjonijiet lokali u Ewropej. Il-bliet kapitali Ewropej tal-kultura għandhom jiġu involuti aktar fl-azzjonijiet u l-inizjattivi li l-UE twettaq sabiex timplimenta l-programmi attwali jew futuri tagħha fl-qasam tal-kultura, waqt li b’mod gradwali jżidu l-possibbiltà li jsiru anke lok ta’ applikazzjoni għal dawn l-azzjonijiet u inizjattivi;

13.

jirrikonoxxi li l-programm ECOC kien effettiv fir-rigward tal-iżvilupp ta’ programmi li jħeġġu l-inklużjoni u d-djalogu interkulturali, u jinnota li ħafna mill-avvenimenti preċedenti tal-Belt Kapitali tal-Kultura seħħew fi bliet li qed jiffaċċjaw sfidi marbutin mal-koeżjoni soċjali u l-integrazzjoni. L-aċċess għall-kultura huwa muftieħ prinċipali għal responsabbiltà u ċittadinanza msaħħa, benesseri individwali u kollettiv, mobbiltà soċjali, solidarjetà eċċ. Waqt li jitqies dan kollu, il-programm ECOC għandu jkollu liċ-ċittadini u lis-soċjetà ċivili fil-qalba tiegħu;

14.

itenni li s-settur tal-kultura jaqdi rwol importanti biex jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020. F’dan il-kuntest, jirreferi għall-opportunitajiet kbar li joffri t-turiżmu kulturali għall-iżvilupp ekonomiku ta’ ħafna reġjuni. Madankollu, javża li wieħed m’għandux jenfasizza b’mod esklużiv l-importanza ekonomika tal-kultura. Il-kultura taqdi rwol daqstant importanti fil-ħolqien ta’ ambjent ta’ ħajja tajjeb u dinamiku, kundizzjoni meħtieġa għall-iżvilupp (4);

15.

jappoġġja l-idea li l-istrument tal-ECOC għandu jkompli wara l-2019 u jissuġġerixxi li jitwessa’ sabiex ikun jista’ jiffoka iktar fuq it-tfittxija tal-identità/identitajiet kulturali varjata/varjati tal-Ewropej u l-iskoperta tagħhom. Għal dan il-għan, il-kontenut tal-programm għandu jkun iktar miftuħ għal kulturi non-Ewropej oħrajn u l-imsieħba għandhom jenfasizzaw il-valur u r-rikkezza tal-kulturi Ewropej b’mod saħansitra iktar effettiv;

B.   Kuntest multiannwali

16.

jinnota li l-programm ECOC evolva f’dawn l-aħħar 25 sena minn festival tas-sajf għal avveniment kulturali tul is-sena kollha li jinkludi elementi tal-iżvilupp kulturali, soċjali u ekonomiku. Ċerti bliet estendew l-ambitu tal-ECOC sabiex dan ikopri għadd ta’ snin qabel u wara l-avveniment. Dan l-approċċ kellu suċċess kbir biex iħeġġeġ lill-popolazzjoni lokali tipparteċipa fis-sena ECOC fiha nnifisha u biex jistimola l-iżvilupp kulturali u l-parteċipazzjoni fil-ħolqien ta’ kuxjenza u kooperazzjoni internazzjonali;

17.

jirrepeti li l-approċċ multiannwali wera li huwa ta’ suċċess għax jgħin sabiex jiġu kkonsolidati l-iżviluppi fil-belt u fir-reġjun, kif ukoll in-netwerks ġodda (Ewropej) li żviluppaw b’rabta mat-titlu ECOC. Jgħin ukoll biex jiġi ggarantit, b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet ta’ pressjoni finanzjarja, li l-investiment fil-kultura jibqa’ fuq l-aġenda politika fuq perjodu itwal. Il-kriterju attwali ta’ “belt u ċittadini” jitlob li l-avveniment ikun sostenibbli u parti integrali tal-iżviluppi kulturali u soċjali fuq perjodu twil. Madankollu, l-ECOC għadu fuq kollox ikkonċentrat fuq l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet kulturali matul is-sena. F’dan il-kuntest, kollaborazzjoni aktar strutturata bejn il-bliet kapitali Ewropej tal-kultura tal-preżent, dawk tal-passat u dawk tal-futur tkun kontribut pożittiv;

18.

itenni li l-bliet għandhom jużaw l-avveniment bħala parti minn strateġija tal-iżvilupp fuq perjodu twil sabiex jiġu promossi approċċi iktar sostenibbli għall-iżvilupp kulturali u sabiex jittejjeb l-impatt u l-wirt tal-bliet ECOC hekk kif tgħid l-opinjoni dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għal avveniment tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura mill-2007 sal-2019 sabiex dawn l-istrateġiji jiġu żviluppati fuq perjodu twil u għalhekk tinstab soluzzjoni għall-isfidi ġodda lokali u reġjonali, itenni li hemm bżonn li jitfasslu u jiġu implimentati politiki kulturali konsenswali fuq il-perjodu medju u dak fit-tul – aspett li jista’ jsir biss abbażi ta’ rieda istituzzjonali ċara u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-imsieħba soċjali pubbliċi u privati;

19.

jirrikonoxxi li t-titlu tal-ECOC jingħata għal sena speċifika waħdanija; ifakkar f’kemm huwa importanti li l-attivitajiet jitpoġġew f’kuntest multiannwali u li jkunu parti minn politika fuq perjodu twil f’termini kulturali, ekonomiċi, soċjali u spazjali;

20.

jisħaq li l-Istati Membri għandhom jagħtu l-attenzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-proġett tal-belt kapitali Ewropea tal-kultura, u fuq kollox jiżguraw li jkun sostenibbli. Kull proġett individwali tal-kapitali Ewropea tal-kultura għandu jingħata l-appoġġ adegwat mill-Istat Membru kkonċernat u għandu jiġi integrat fil-politika u l-istrateġija tiegħu fuq tul ta’ żmien;

C.   Jitħeġġeġ l-involviment tar-reġjun ta’ madwar

21.

jirrikonoxxi li l-programm ECOC evolva wkoll f’termini tat-tipi ta’ bliet u reġjuni involuti. Fl-ewwel fażi l-bliet li nħatru mill-Istati Membri ġeneralment kienu l-belt kapitali jew bliet kbar oħrajn. Imbagħad, biż-żmien, it-titlu ngħata dejjem iktar lil bliet iżgħar (‘bliet sekondarji’ jew ċentri kulturali reġjonali). Minħabba fid-daqs dejjem iżgħar tal-belt kandidata, l-involviment tar-reġjun madwarha qed isir dejjem iktar importanti. L-irħula u l-bliet huma postijiet fejn jiltaqgħu n-nies; huma ċentri ta’ kummerċ, industrija, edukazzjoni jew governanza, u jinsabu fil-qalba ta’ reġjun; jirriflettu l-karattru tar-reġjun; jinnota li dan l-iżvilupp ġie rikonoxxut permezz tal-inklużjoni tad-dimensjoni reġjonali fil-programm ECOC wara l-2007; għalhekk, jenfasizza l-valur miżjud tal-promozzjoni ta’ approċċ reġjonali għat-titlu tal-ECOC, pereżempju billi jiġi kkunsidrat li jingħata titlu fil-livell reġjonali, fejn ir-reġjun ikun il-qofol kulturali ewlieni taħt ir-responsabbiltà tal-belt prinċipali ta’ dak ir-reġjun;

22.

jenfasizza li fil-futur, il-belt applikanti għandha titħeġġeġ ħafna iktar sabiex tinvolvi lir-reġjun ta’ madwarha – jew anke l-ewroreġjuni fil-każ ta’ bliet konfinali – fil-programm ECOC, permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ sħubija li jiggarantixxu t-twettiq tal-ħidma komuni fl-istadji kollha tal-inizjattiva; jirrikonoxxi l-importanza ta’ sistema ta’ governanza b’saħħitha li tassigura s-sostenibbiltà tal-impenn politiku u finanzjarju. Appoġġ politiku b’saħħtu bejn il-partiti, li jinkludi garanzija tal-baġit, indipendenza artistika u involviment taċ-ċittadini, għandu jkun fattur prinċipali fis-sistema ta’ governanza;

23.

jinnota r-rwol vitali fl-ekonomiji moderni tan-netwerks u tal-bliet kreattivi, fil-qafas ta’ ekosistema ta’ innovazzjoni miftuħa, hekk kif tiżdied il-kooperazzjoni bejn il-bliet, ir-reġjuni, l-isituti universitarji jew l-istabbilimenti tar-riċerka u l-intrapriżi fir-rigward ta’ kwistjonijiet strateġiċi sabiex jinkisbu ekonomiji ta’ skala u skop, jinħolqu “spillovers” tal-għarfien u jiġi kkoordinat l-ippjanar infrastrutturali; jappella biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti mill-qrib fit-tħejjija tal-oqfsa legali u l-programmi ta’ finanzjament;

24.

ifakkar fl-importanza tad-dimensjoni Ewropea tal-avveniment (5); jaqbel li l-programm ECOC għandu l-għan li jippromovi l-kooperazzjoni Ewropea, li jenfasizza r-rikkezza tal-kultura Ewropea u li jinvolvi u jattiva liċ-ċittadini; itenni li t-tħeġġiġ tal-involviment attiv tat-territorji reġjonali tal-madwar fil-programm ECOC għandu jippromovi dan l-objettiv u jassigura li l-effetti pożittivi jinħassu f’kuntest reġjonali (usa’);

25.

itenni li l-Kummissjoni Ewropea għandha tkun sensittiva għall-iżviluppi l-ġodda fl-iskema ECOC u tistudjahom mill-qrib u tagħtihom l-appoġġ tagħha; ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea, hi u tfassal il-programmi tagħha, għandha tikkunsidra kif jixraq il-potenzjal kulturali tas-sħubijiet urbani u reġjonali – li huma tant importanti għas-soċjetà kollha kemm hi – u tintegra żviluppi kwalitattivi ġodda (6);

D.   Inħeġġu parteċipazzjoni fil-preselezzjoni

26.

jagħraf li l-ECOC huwa wieħed mill-iktar programmi ta’ suċċess tal-UE billi jipprovdi opportunità unika għall-belt ospitanti u r-reġjun ta’ madwar u anke għall-bliet kandidati li jieħdu pass kbir ’il quddiem fl-ambitu kulturali, soċjali u ekonomiku, sabiex b’hekk fi ftit snin jiksbu trasformazzjoni li normalment iddum ġenerazzjoni;

27.

iħeġġeġ għalhekk li firxa wiesgħa ta’ kandidati jiġu stimulati jipparteċipaw fl-għażla għat-titlu ECOC; jinnota li l-esperjenza tas-snin li għaddew turi li sempliċi applikazzjoni għas-selezzjoni għandha effetti pożittivi għall-bliet kandidati f’termini ta’ effetti ekonomiċi ġenerattivi u ta’ reputazzjoni. Il-kompetizzjoni għat-titlu wasslet ukoll għal netwerks (internazzjonali) ġodda u għal kooperazzjoni mtejba bejn l-imsieħba fi ħdan reġjun;

28.

jirrikonoxxi l-problemi li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri u s-sistema Ewropea tal-ġurija li jirriżultaw mill-ipproċessar ta’ għadd dejjem jikber ta’ applikazzjonijiet, spejjeż dejjem jiżdiedu u kwistjonijiet organizzattivi marbutin mal-kompetizzjoni; jappella lill-Kummissjoni biex l-għadd dejjem jikber ta’ kandidati jitqies b’mod pożittiv u l-proċedura ta’ selezzjoni tal-2019 tiġi organizzata f’dan id-dawl;

29.

jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-bliet kandidati għandhom jaħdmu fi sħubija mill-qrib sabiex iżidu l-għarfien pubbliku tat-titlu fil-bliet u r-reġjuni. Il-Kummissjoni għandha tkompli tiżviluppa l-valur kummerċjali tat-titlu ECOC. L-Istati Membri għandhom jirreklamaw b’mod wiesa’ l-kompetizzjoni fil-livell nazzjonali u l-bliet għandhom responsabbiltà partikolari li jużaw il-kuntatt dirett tagħhom maċ-ċittadini sabiex jispjegaw u jikkomunikaw il-benefiċċji tal-inizjattiva. Fil-fatt, jekk iċ-ċittadini ma jifhmux b’mod ċar l-objettivi tat-titlu ECOC, ikun diffiċli għall-belt li tikseb appoġġ pubbliku għall-applikazzjoni tagħha. Dan jista’ jiskoraġġixxi lil xi kandidati potenzjali milli jitfgħu proposta għat-titlu;

30.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm bżonn ta’ qafas iktar sod għall-kompetizzjoni; jissuġġerixxi li l-‘kompetizzjoni’ titħejja b’tali mod li l-bliet kollha li jkunu applikaw jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ kultura fil-livell Ewropew, nazzjonali u/jew reġjonali. L-attivitajiet ippjanati bħala parti mill-proċess ta’ applikazzjoni jistgħu jitfasslu biex juru kif il-bliet jew reġjuni jikkontribwixxu għall-għanijiet politiċi kulturali, u jistgħu wkoll jinkludu impenn min-naħa tal-bliet biex din il-ħidma tkompli fis-snin qabel l-ECOC (irrispettivament minn min ‘jirbaħ’). Qafas iktar ċar għall-kompetizzjoni għandu jgħin biex inaqqas it-tensjoni bejn il-bliet u r-reġjuni kif ukoll biex il-kandidati jikkontribwixxu għal aġendi tal-UE u nazzjonali iktar wesgħin. Essenzjalment dan ifisser li għandu jitħeġġeġ sens tajjeb ta’ ‘kooperazzjoni għall-kompetizzjoni’;

31.

jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex, permezz tal-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet nazzjonali tagħhom, jipprovdu l-appoġġ kollu possibbli lill-belt magħżula bħala l-belt kapitali tal-kultura;

E.   Proċedura tal-għażla

32.

jappoġġja s-sistema ta’ rotazzjoni għall-Istati Membri li attwalment qiegħda tintuża biex jingħata t-titlu tal-ECOC (sa mill-2007), u jirrikonoxxi li din is-sistema tiggarantixxi possibbiltajiet indaqs għall-bliet u l-Istati Membri ż-żgħar li jżommu t-titlu minkejja ristrezzjonijiet baġitarji;

33.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea tqis li fil-bażi legali l-ġdida tal-ECOC terġa’ ddaħħal il-possibbiltà li bliet li mhumiex parti minn Stati Membri japplikaw għat-titlu; l-esperjenza ta’ Istanbul 2010 hija indikazzjoni ta’ dan (7);

34.

itenni li r-rappreżentant tal-KtR fil-Panel ta’ Selezzjoni għandu jkompli jkun wieħed mill-membri eletti tiegħu, hekk kif dejjem sar; jirrikonoxxi madankollu li l-parteċipazzjoni fil-panel mhix pożizzjoni onorarja u li ġġib magħha ħafna xogħol u responsabbiltà sinifikanti fir-rigward tal-bliet li jitfgħu l-applikazzjoni; jitlob li l-Kummissjoni tikkonferma r-rwol tal-Kumitat tar-Reġjun fil-Panel ta’ Monitoraġġ u li dan il-panel ikompli jaqdi rwol attiv biex jassigura li s-sinerġiji bejn il-programmi kulturali tal-bliet innominati jiġu żviluppati fil-fażi ta’ tħejjija tal-programm (8); iqis li tkun ħaġa tajba li jiġu stabbiliti kriterji ta’ valutazzjoni iktar oġġettivi sabiex il-bliet kandidati rifjutati jkunu jistgħu jitgħallmu u l-kandidati futuri jkunu jafu fuq liema kriterji għandhom jibbażaw.

Brussell, 15 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 393/2003 fin.

(2)  CdR 251/2008 fin.

(3)  Evalwazzjoni “ex post” tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura 2010 (Essen għar-Ruhr, Pécs, Istanbul) COM(2011) 921 final.

(4)  CdR 172/2007 fin.

(5)  CdR 393/2003 fin.

(6)  CdR 172/2007 fin.

(7)  Evalwazzjoni “ex post” tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura 2010 (Essen għar-Ruhr, Pécs, Istanbul) COM(2011) 921 final.

(8)  CdR 251/2005 fin.