14.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 168/126


Il-Ħamis 15 ta’ Diċembru 2011
Tuneżija: il-każ ta' Zakaria Bouguira

P7_TA(2011)0592

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar it-Tuneżija: il-każ ta’ Zacharia Bouguira

2013/C 168 E/17

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tuneżija, b'mod partikolari dik tas-3 ta' Frar 2011 (1),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar (2),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-25 ta' Mejju 2011 mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni bit-titolu ‧Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni‧ (COM(2011)0303),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2002 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi terzi (3),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tat-28 u d-29 ta’ Settembru 2011 tat-Task Force UE-Tuneżija,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u t-Trattament Krudili, Diżuman jew Degradanti Ieħor u l-Protokoll Fakultattiv tagħha,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b'mod partikulari l-Artikoli 7 u 9 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fit-13 ta’ Novembru 2011, fl-Ajruport Tunis-Carthage, Zacharia Bouguira, student tal-mediċina mit-Tuneżija, kien xhieda ta’ atti pubbliċi ta’ vjolenza mwettqa mill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi kontra grupp ta’ żgħażagħ Marokkini li kienu għall-finali tat-Tazza taċ-Champions Afrikana bejn Wydad Casablanca u Esperance Sportive de Tunis;

B.

billi, minħabba l-vjolenza estrema tal-attakk tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi fuq 13-il Marokkin, li kellhom idejhom marbuta u ma setgħux jiċċaqalqu, Zacharia Bouguira beda jiffilmja li kien qed jiġri bil-mowbajl tiegħu bl-intenzjoni li jitfa’ l-vidjow fuq l-internet bl-għan li tiġi fit-tmiem din it-tip ta’ impunità li kienet mifruxa matul iż-żmien ta' Ben Ali u b'hekk jgħin jibni Tuneżija demokratika bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

C.

billi Zacharia Bouguira kien immedjatament imwaqqaf milli jiffilmja minn gwardja tas-sigurtà u ż-żagħżugħ issawwat b’mod vjolent minn madwar 20 pulizija u mehud f’għassa tal-pulizija fil-periferija tal-ajruport mal-grupp ta’ żgħażagħ Marokkini;

D.

billi Zacharia Bouguira nżamm f’detenzjoni arbitrarja u matul dan iż-żmien kien suġġett għal atti ripetuti ta’ vjolenza u intimidazzjoni li jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu trattament diżuman u degradanti; billi, waqt li kien arrestat, iż-żagħżugħ kien xhieda wkoll tal-kundizzjonijiet li fihom kienu miżmuma l-Marokkini żgħażagħ l-oħra u t-trattament diżuman u degradanti li kienu suġġetti għalih;

E.

billi wara l-intervent tal-iskwadra ta’ kontra t-terroriżmu quddiem l-istazzjon tal-pulizija ta' mal-fruntiera, il-ġurnalisti mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni Tuneżini Al Wataniya, Hannibal u Nesma ntbagħtu fuq il-post u xandru news flash fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 ta’ Novembru 2011 jiġġustifikaw l-arrest ta’ grupp ta’ supporters Tuneżini żgħażagħ abbażi tal-fatt li allegatament wettqu atti ta’ vandaliżmu fis-sala tat-tluq tal-ajruport;

F.

billi Zacharia Bouguira ġie rilaxxat wara l-intervent ta' ommu u l-avukat tagħha, li marru fil-post fejn kien qed jinżamm; billi disgħa mit-13-il supporter Marokkin inżammu taħt arrest bejn it-13 u l-21 ta’ Novembru 2011 u ġew trasferiti għall-ħabs ta’ Bouchoucha u Morniaga;

G.

billi fis-17 ta’ Novembru 2011 Zacharia Bouguira ressaq quddiem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali domanda ta’ denunċja għal tortura kontra l-membri tal-forzi tas-sigurtà involuti u l-Ministeru tal-Intern, u billi ġie interrogat mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fit-8 ta' Diċembru 2011;

H.

billi avukati Tuneżini u organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jinnutaw li, minkejja l-waqgħa tar-reġim ta’ Ben Ali, il-membri tal-pubbliku għadhom regolarment suġġetti għal atti ta' vjolenza u prattiċi brutali min-naħa tal-forzi tas-sigurtà, fi ksur tal-impenji internazzjonali ffirmati dan l-aħħar mit-Tuneżija fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem;

I.

billi l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi kif ukoll l-azzjoni kontra t-tortura u l-impunità huma ta’ importanza essenzjali fil-bini ta’ Stat ġenwinament ibbażat fuq l-istat ta’ dritt, u billi l-iżgurar tar-rispett għal dawn il-prinċipji fundamentali jrid ikun ta’ tħassib ċentrali għall-Gvern Tuneżin futur meta jiddeċiedi liema riformi għandhom jingħataw prijorità, kif ukoll għall-Assemblea Kostitwenti tal-pajjiż;

J.

billi s-simpatizzanti tal-ex RCD għadhom preżenti u attivi sew fi ħdan il-Ministeri tal-Intern u tal-Ġustizzja;

K.

billi hu essenzjali, wara snin ta' oppressjoni, li tkun restawrata r-rabta ta’ fiduċja bejn il-pubbliku u l-awtoritajiet, b'mod partikolari l-forzi tas-sigurtà u l-ġudikatura, u billi hemm sejħiet pubbliċi regolari għal bidla radikali fir-rigward tal-prattiki tal-passat u jisħaq fuq ir-rispett tar-regoli bażiċi ta’ Stat demokratiku;

L.

billi hu essenzjali, jekk għandu jitwieled stat Tuneżin bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u biex ir-Rebbiegħa Għarbija tkun ta’ suċċess u twassal għal bidliet fit-tul, li din u każijiet oħra ta’ tortura, trattament jew pieni diżumani u degradanti jiġu kkastigati b'mod ġust u trasparenti u biex tiġieb fit-tmiem l-impunità għal reati bħal dawn;

1.

Jilqa’ l-impenji internazzjonali mwettqa mit-Tuneżija sa mit-tmiem tar-reġim ta' Ben Ali, b'mod partikolari fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-mekkaniżmi u l-proċeduri speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-ġlieda kontra t-tortura u t-trattament diżuman u degradanti; iħeġġeġ għalhekk lill-awtoritajiet Tuneżini biex jiggarantixxu lil Zacharia Bouguira d-dritt għal proċess ġudizzjarju konformi mal-istandards internazzjonali, sabiex jitfa' dawl fuq il-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem li hu kien vittma tagħhom u biex dawk li wettqu dawn l-atti jiġu mħarrka; jitlob ukoll li jiġu investigati l-vjolazzjoni tad-drittijiet tat-tlettax-il ċittadin Marokkin;

2.

Jilqa’ r-ratifika mit-Tuneżija fid-29 ta' Ġunju 2011 tal-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura, kif ukoll ir-ratifika tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha Kontra l-Għajbien Sfurzat u tal-ewwel Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

3.

Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGĦ) u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex iżommuh infurmat fir-rigward tal-passi meħuda mill-awtoritajiet Tuneżini u l-azzjoni li tittieħed dwan dan;

4.

Huwa konxju mill-isfidi li se tħabbat wiċċha magħhom it-Tuneżija matul il-proċess ta’ tranżizzjoni; jistieden lill-Gvern Tuneżin u l-Assemblea Kostitwenti, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins interessati biex mingħajr dewmien jimpenjaw ruħhom fi proċess ta’ riforma irreversibbli li jirrigwarda b’mod partikolari s-settur tas-sigurtà, b’referenza speċifika għas-sistemi tal-pulizija u tal-ġustizzja, u biex tkun garantita l-indipendenza tal-ġudikatura u l-libertà u l-indipendenza tal-istampa u tal-midja, sabiex tiġi stabbilita demokrazija soda u sostenibbli;

5.

Iqis li r-riforma tas-settur tas-sigurtà u l-ġlieda kontra l-impunità huma ħidmiet essenzjali li għandhom jibdew mingħajr dewmien, u jqis li huwa biss meta dawn il-ħidmiet jiġu finalizzati li jkun possibbli li jiġi stabbilit stat vijabbli bbażat fuq l-istat ta’ dritt u jinbeda proċess ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali; hu tal-fehma li t-trasformazzjoni tal-pulizija minn korp li jiffoka fuq l-ordni pubbliku u l-kontroll għal wieħed li jiffoka fuq il-ħarsien tal-individwi u l-proprjetà hi parti essenzjali tat-tranżizzjoni demokratika; jitlob għalhekk li din ir-riforma titwettaq f’kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f’dan il-qasam;

6.

Itenni l-appoġġ u r-rabta tiegħu għall-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Tuneżin favur id-demokrazija u jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żamma b'suċċess tal-ewwel elezzjonijiet liberi fit-23 ta' Ottubru 2011, li huma l-ewwel elezzjonijiet li rriżultaw mill-avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija, fejn l-Assemblea Kostitwenti issa għandha l-ħidma storika li toħloq il-pedamenti għal Stat ibbażat fuq prinċipji demokratiċi, fuq l-istat ta' dritt u fuq il-libertajiet fundamentali;

7.

Jenfasizza li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, sew offline kif ukoll onlajn, hija ta’ importanza fundamentali għal soċjetà libera u demokratika kif ukoll għall-protezzjoni u l-promozzjoni ta’ drittijiet oħra; jenfasizza li aċċess ħieles għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni kif ukoll l-aċċess mingħajr ċensura għall-internet (il-libertà tal-internet) huma drittijiet universali u huma indispensabbli għall-iżgurar tat-trasparenza u r-responsabilizzazzjoni fil-ħajja pubblika;

8.

Jistieden lill-VP/RGħ, lill-SEAE u lill-Kummissjoni biex ikomplu jappoġġaw it-Tuneżija matul dan il-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika billi jagħtu prijorità lit-tfassil, f’konformità mal-obejttivi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat il-ġdida, programm ta’ appoġġ fis-settur tas-sikurezza u b’mod partikolari tal-pulizija, u programm li jappoġġa r-riforma tas-sistema ġudizzjarja bħala parti mill-proċess ta’ riforma mmexxi mill-gvern, u li jinkludi mekkaniżmu għal konsultazzjonijiet u valutazzjonijiet min-naħa tas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-SEAE jiżgura li l-Parlament ikun infurmat kif xieraq bil-progress tan-negozjati attwali tal-pjan ta’ azzjoni l-ġdid UE-Tuneżija kif ukoll bil-ħidma tat-Task Force UE-Tuneżija;

9.

Jistieden lill-Gvern Tuneżin u lill-Assemblea Kostitwenti biex iqisu l-ħolqien, skont l-istandards internazzjonali, u b’mod partikolari l-Prinċipji ta’ Pariġi, ta’ Kunsill Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem imsaħħaħ b’mekkaniżmi li jiddefendu u jħarsu kontra l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u bl-abilità li jaċċetta applikazzjonijiet individwali u jwettaq investigazzjonijiet indipendenti;

10.

Jilqa’ r-rapport tal-kummissjoni nazzjonali li tinvestiga każijiet ta' frodi u korruzzjoni (CNICM), li fl-aħħar ġie ppubblikat fil-11 ta' Novembru 2011, u jikkunsidra li huwa essenzjali għall-konklużjonijiet ta’ dak ir-rapport li tittieħed azzjoni fuqu, sabiex l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu jistgħu jinvestigaw sew it-300 każijiet mgħoddija lilhom, li nofshom jinvolvu ċ-ċirku ta' ġewwa tal-ex President; jenfasizza li l-konklużjonijiet tss-CNICM jikkostitwixxu wkoll kontribuzzjoni importanti għax-xogħol tal-Assemblea Kostitwenti eletta dan l-aħħar, xogħol li beda fit-22 ta’ Novembru 2011, meta wieħed iżomm f’moħħu li l-kostituzzjoni l-ġdida trid tagħmel qatgħa vera minn mal-era ta' Ben Ali;

11.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-SEAE, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tat-Tuneżija, lill-Gvern tat-Tuneżija u lill-Assemblea Ġenerali.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2011)0038.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2011)0154.

(3)  ĠU C 131 E, 5.6.2003, p. 147.