31.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 153/148


Il-Ħamis 17 ta’ Novembru 2011
Il-ġlieda kontra s-sajd illegali fil-livell dinji

P7_TA(2011)0516

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar il-ġlieda kontra s-sajd illegali fil-livell dinji – ir-rwol tal-UE (2010/2210(INI))

2013/C 153 E/20

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) u d-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, li ġiet adottata fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp f’Ġunju 1992,

wara li kkunsidra l-Ftehima tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) biex tippromwovi l-osservanza tal-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni minn bastimenti tas-sajd f’ibħra internazzjonali, li ġiet approvata fis-27 seduta tal-Konferenza tal-FAO f’Novembru 1993 (“Ftehima ta’ Osservanza”),

wara li kkunsidra l-Ftehima tal-1995 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokk ta’ Ħut li hu Komuni f’Aktar minn Żona Waħda u Stokk ta’ Ħut li hu Migratorju Ħafna (“Ftehima tan-NU dwar l-Istokks tal-Ħut” – UNFSA ta’ Awwissu 1995),

wara li kkunsidra l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO għal Industrija tas-Sajd Responsabbli, li ġie adottat f’Ottubru 1995 mill-Konferenza tal-FAO,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, li ġiet adottata f’Ġunju 1998 (“Konvenzjoni ta’ Århus”),

wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-FAO sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IPOA-IUU), li ġie appoġġjat mill-Kunsill tal-FAO f’Ġunju 2001,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ Mejju 2002 (COM(2002)0180) dwar pjan ta’ azzjoni tal-Komunità biex jinqered is-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni li saret fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar mis-26 ta’ Awwissu sal-4 ta’ Settembru 2002 f’Johannesburg,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Frar 2007 dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra s-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (“Regolament IUU”) (2), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità (“Regolament tal-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd”) (3) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (“Regolament tal-Kontroll”) (4),

wara li kkunsidra l-Ftehima tal-FAO dwar miżuri tal-Istat tal-Port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (PSMA), li ġiet approvata fis-36 seduta tal-Konferenza tal-FAO, li saret f’Ruma f’Novembru 2009,

wara li kkunsidra r-rapport tal-2011 tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC) dwar il-kriminalità organizzata transnazzjonali fl-industrija tas-sajd,

wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Referenza taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni “L-Iskoraġġiment tal-Attivitajiet Illegali fis-Settur tas-Sajd – il-Ġenetika, il-Ġenomika, il-Kimika u l-Forensika għall-Ġlieda Kontra s-Sajd IUU u bħala Appoġġ għat-Traċċabilità tal-Prodott tal-Ħut”, ippubblikat fl-2011,

wara li kkunsidra l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti li ġejja dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (UNCSD), li se ssir fil-Brażil f’Ġunju 2012,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0362/2011),

A.

billi 71 % tad-Dinja hija koperta minn oċeani, li jaħżnu 16-il darba l-ammont ta’ dijossidu karboniku maħżun mid-dinja terrestri u għandhom irwol fundamentali fis-sistemi li jappoġġjaw il-klima u l-ħajja tal-pjaneta kollha kif ukoll jipprovdu ikel, għajxien, enerġija u rotot ta’ trasport lil porzjon sustanzjali tal-popolazzjoni dinjija;

B.

billi ġie rrappurtat li s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) jikkorrispondi għal bejn 11 u 26 miljun tunnellata fis-sena, li huma ekwivalenti għal mill-inqas 15 % tal-qabdiet dinjija, u b’hekk jagħmel impossibbli l-ġestjoni ekonomika, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-isfruttament tar-riżorsi marittimi tad-dinja;

C.

billi l-ftehima appruvata fl-Għaxar Konferenza tal-Firmatarji tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, li saret f’Ottubru 2010 f’Nagoya, stabbilixxiet l-obbligu internazzjonali li sal-2020 it-telf ta’ bijodiversità jitnaqqas mill-inqas bin-nofs;

D.

billi l-oċeani tad-dinja jikkostitwixxu 90 % tal-ħabitats għall-ħajja li fiha;

E.

billi żewġ terzi tal-oċeani tad-dinja ma jaqgħux taħt ġuriżdizzjoni nazzjonali u b’hekk huma neqsin minn politiki komprensivi li jiggvernaw l-ibħra internazzjonali, filwaqt li l-liġijiet inkompluti eżistenti huma bbażati primarjament fuq prinċipji tas-seklu 17 tal-libertà tal-ibħra u jinjoraw ħafna mill-prinċipji ambjentali li ilhom żmien jiġu applikati għall-art u l-atmosfera,

F.

billi l-Ftehima tal-FAO dwar miżuri tal-Istat tal-Port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat tinkludi fost l-objettivi tagħha t-tneħħija tal-“portijiet ta’ konvenjenza” li jservu bħala kenn sikur għall-bastimenti IUU u li minnhom jidħol il-kummerċ tal-qabdiet illegali;

G.

billi l-pakkett ta’ kontroll il-ġdid tal-UE, li jikkonsisti fir-Regolament IUU, ir-Regolament tal-Kontroll u r-Regolament tal-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd, jikkostitwixxi sett komprensiv ta’ strumenti għall-ġlieda kontra dan il-flaġell tal-oċeani billi jispeċifika r-responsabilitajiet tal-istat tal-bandiera, tal-kosta, tal-port u tas-suq kemm tal-Istati Membri tal-UE u kemm tal-pajjiżi terzi;

H.

billi l-UE hija l-ikbar importatur dinji tal-prodotti tas-sajd u waħda mill-qawwiet ewlenin fid-dinja fil-qasam tas-sajd, u għalhekk dan jimponi fuqha responsabilità ewlenija biex tkun fuq quddiem fl-immobilizzar tal-komunità internazzjonali fil-ġlieda kontra s-sajd IUU;

1.

Huwa tal-fehma li s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) huwa waħda mill-aktar theddidiet serji għall-bijodiversità tal-oċeani tad-dinja;

2.

Konvint li s-sajd IUU huwa problema dinjija fil-kuntest ambjentali u ekonomiku, kemm fis-sajd marittimu u f’dak tal-ilma ħelu, jimmina l-isforzi tal-ġestjoni tas-sajd, jhedded is-sostenibilità tal-istokks tal-ħut u s-sigurtà tal-ikel kif ukoll joħloq distorsjoni tas-suq, b’riperkussjonijiet soċjali u ekonomiċi mhux kalkulabbli fuq is-soċjetà bħala tali, inkluż f’pajjiżi li qed jiżviluppaw;

3.

Jenfasizza li s-sajd IUU u l-attivitajiet kummerċjali assoċjati miegħu jikkostitwixxu kompetizzjoni inġusta għas-sajjieda u għal oħrajn li joperaw fir-rispett tal-liġi, u joħolqu diffikultajiet ekonomiċi għall-komunitajiet tas-sajjieda, għall-konsumaturi u għas-settur kollu;

4.

Jenfasizza t-tmexxija dinjija meħuda mill-UE bil-pakkett ta’ kontroll il-ġdid, li jikkonsisti fir-Regolament IUU, ir-Regolament tal-Kontroll u r-Regolament tal-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd; iqis li dan jikkostitwixxi sett komprensiv u b’firxa wiesgħa ta’ strumenti għall-ġlieda kontra dan il-flaġell tal-oċeani, billi jispeċifika r-responsabilitajiet tal-Istat tal-bandiera, tal-kosta, tal-port u tas-suq kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi terzi, u l-obbligi fir-rigward tal-attivitajiet taċ-ċittadini tagħhom; iħeġġeġ l-applikazzjoni stretta ta’ dawn l-istrumenti;

5.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u l-Istati Membri sabiex itejbu l-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni u jassistu fl-applikazzjoni rigoruża u trasparenti tal-leġiżlazzjoni tas-sajd tal-Unjoni;

6.

Iqis li r-responsabilità għall-iżgurar tal-konformità tal-bastimenti mal-ġestjoni rilevanti u regoli oħra, tal-ġbir u l-irrappurtar tad-dejta dwar il-qabda u l-isforz, u għall-iżgurar tat-traċċabilità, inkluż permezz tal-validazzjoni taċ-ċertifikati tal-qabda, għandha tibqa’ f’idejn l-Istat tal-bandiera għaliex id-delega lil Stat ieħor iddgħajjef il-ġlieda kontra s-sajd IUU;

7.

Jinsisti li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ kontroll fl-Istati Membri għandhom jingħataw riżorsi suffiċjenti (umani, finanzjarji, teknoloġiċi) li jippermettulhom li jimplimentaw bis-sħiħ dawn ir-Regolamenti;

8.

Jenfasizza l-ħtieġa, fl-interess tal-kredibilità tal-UE, biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jidentifikaw u jimponu sanzjonijiet fuq l-operaturi tal-UE li jiksru l-leġiżlazzjoni tal-UE, u jikkunsidra f’dan il-kuntest li għad irid isir xi progress qabel l-UE tiġġieled b’mod sodisfaċenti kontra s-sajd IUU fuq it-territorju tagħha stess u minn operaturi tal-UE f’postijiet oħra;

9.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li s-sajd illegali jiġi miġġieled fil-baħar u fl-ilmijiet interni u jenfasizza l-ħtieġa li terġa' tiġi eżaminata s-suffiċjenza tal-mekkaniżmi ta' kontroll u l-implimentazzjoni tagħhom;

10.

Jitlob rieżami tal-politika tas-sajd komuni biex tintuża għall-ħolqien ta’ inċentivi għas-sajd legali fl-interess tal-ħut, l-ambjent, il-konsumaturi u l-produtturi fl-UE;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga – qabel tmiem l-2012 – jekk is-sajd rikreattiv fl-UE jeżistix fuq tali skala li tassew jista’ jiġi kklassifikat bħala sajd IUU;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoperaw bejniethom bil-għan li tinħoloq “Gwardja tal-Kosta Ewropea” sabiex tissaħħaħ il-kapaċità komuni ta’ monitoraġġ u spezzjoni u biex effettivament jiġu miġġielda perikli kurrenti u futuri fuq il-baħar bħat-terroriżmu, il-piraterija, is-sajd IUU, it-traffikar jew saħansitra t-tniġġiż tal-baħar;

13.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni għall-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima u b’mod partikolari dawk l-isforzi li għandhom l-għan li jieħdu l-kariga ta’ għassies tal-kosta fil-livell Ewropew.

14.

Jemmen li l-objettivi tal-UE fil-ġlieda kontra s-sajd IUU għandhom jiġu appoġġjati mir-riżorsi meħtieġa, l-aktar dawk finanzjarji, biex jiżguraw il-promozzjoni tagħhom, bl-Istati Membri li jiġu allokati riżorsi suffiċjenti li jippermettulhom li jimplimentaw ir-regolamenti fis-seħħ; jenfasizza, bl-istess mod, li kwalunkwe adozzjoni futura tal-metodi ġodda (pereżempju s-sistemi elettroniċi tal-intraċċar, eċċ.) għandhom jiżguraw id-disponibilità fil-livell tal-baġit tal-UE tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika valutazzjonijiet annwali tal-prestazzjoni tal-Istati Membri kollha fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) li jidentifikaw punti ta’ dgħufija possibbli li jeħtieġu titjib, u tuża l-mezzi kollha possibbli, inkluż l-identifikazzjoni tal-Istati Membri meta dawn jonqsu milli jissodisfaw ir-responsabilitajiet tagħhom, biex tiżgura l-konformità sħiħa tagħhom, sabiex toħloq reġim ta’ kontroll affidabbli u trasparenti;

16.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tintroduċi liċenzja tas-sajd ibbażata fuq il-punti, għodda addizzjonali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw biex jidentifikaw l-irregolaritajiet f'kull stadju tal-katina tas-suq u jimponu penali severi f'każ ta' ksur;

17.

Iqis li, minħabba l-mobilità għolja tal-istokkijiet tal-ħut, tal-flotot tas-sajd u tal-kapital li jappoġġja l-flotot, kif ukoll minħabba n-natura globali tas-suq tal-ħut, is-sajd IUU jista’ jiġi miġġieled b’mod effikaċi bis-saħħa tal-koperazzjoni internazzjonali, kemm fil-livell bilaterali u multilaterali, bi skambju ta’ tagħrif estensiv, preċiż u f’waqtu fir-rigward tal-bastimenti tas-sajd, l-attivitajiet u l-qabdiet tagħhom u kwistjonijiet rilevanti oħra;

18.

Jistieden lill-UE tinsisti bis-saħħa sabiex pajjiżi terzi jiġġieldu b’mod effikaċi kontra s-sajd IUU, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-iffirmar, ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-FAO dwar Miżuri tal-Istat tal-Port, il-Ftehim tan-NU dwar l-Istokks tal-Ħut, il-Ftehim ta’ Osservanza tal-FAO u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar kif ukoll il-bosta skemi ta’ dokumentazzjoni tal-qabda diġà adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) fil-kuntest tal-ftehimiet kummerċjali, il-Ftehimiet tas-Sħubija dwar is-Sajd u l-politika għall-iżvilupp tal-UE;

19.

Jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu applikati r-regoli tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar id-drittijiet fundamentali tax-xogħol, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-dumping soċjali kkawżat mis-sajd IUU, lill-pajjiżi terzi kollha li magħhom l-UE stabbilixxiet Ftehima ta’ Sħubija dwar is-Sajd;

20.

Jenfasizza li l-limitazzjonijiet li kien hemm fil-passat rigward il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd fil-parti l-kbira tagħhom ingħelbu bis-saħħa tal-avvanzi tekniċi, inkluż żvilupp f’teknoloġiji spazjali u satellitari, u li s-soluzzjoni għall-ġlieda kontra s-sajd IUU tinsab primarjament f’idejn il-gvernijiet li jsibu r-rieda politika li jieħdu azzjoni effikaċi u responsabbli;

21.

Jistieden lill-Istati Membri biex jfittxu u jressqu quddiem il-qorti lil bastimenti, sidien, impriżi, kumpaniji jew individwi involuti f’attivitajiet marbuta mas-sajd IUU, inkluż it-taħlit ta' qbid IUU ma' qabdiet legali, bħalma jsir lil dawk responsabbli għal reati ambjentali jew ekonomiċi, b'sanzjonijiet severi kif jinstabu ħatja inklużi fejn xieraq f’każ ta’ ksur serju u ripetut, l-irtirar permanenti tal-liċenzja u r-rifjut ta' aċċess għall-faċilitajiet tal-port;

22.

Jiddeplora l-fatt li s-sussidji tal-UE tqassmu lill-bastimenti li qabel kienu nqabdu jistadu illegalment;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni biex temenda r-rekwiżiti għat-tipi kollha ta’ assistenza finanzjarja sabiex tapplika s-sanzjonijiet finanzjarji u r-rifjut tal-opportunitajiet tal-iffinanzjar għas-sidien tal-bastimenti li ġew ippruvati li stadu illegalment;

24.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni iżżomm lura l-għajnuna mill-Fond Ewropew għas-Sajd lill-bastimenti kollha involuti f'attivitajiet ta' sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat;

25.

Jenfasizza l-ħtieġa għall-iżgurar ta’ responsabilità u responsabilità diretta ikbar min-naħa tal-industrija tas-sajd sabiex jinkiseb l-użu sostenibbli tar-riżorsi marittimi; iqis li huwa kruċjali t-titjib tat-trasparenza fl-aspetti kollha tal-industrija tas-sajd u l-attivitajiet tagħha, inkluż l-ilħuq ta’ qbil dwar kriterji internazzjonali biex jiġu stabbiliti s-sidien benfiċjarji reali tal-bastimenti kif ukoll id-drittijiet tas-sajd li għandhom, u l-kundizzjonijiet għall-pubblikazzjoni tagħhom, kif ukoll is-sorveljanza tal-bastimenti tas-sajd f’ilmijiet internazzjonali;

26.

Jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tagħti eżempju billi tadotta u tippromwovi politika ta’ trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tas-sajd fil-korpi internazzjonali u fil-pajjiżi terzi li magħhom l-UE għandha relazzjonijiet dwar is-sajd;

27.

Iqis li sajd li jirrispetta l-miżuri adottati fil-livell internazzjonali, reġjonali u nazzjonali u bbażat fuq utilizzazzjoni responsabbli u sostenibbli tar-riżorsi jġib 'il quddiem it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, sew fi ħdan l-UE kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat għandu effetti drammatiċi fil-livell ekonomiku, soċjali u ambjentali, u li l-konsegwenzi tiegħu jagħmlu aktar ħsara lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba li jfixkel l-ilħiq tal-Objettivi tal-Iżvilupp tal-Millenju (MDGs), b'mod partikolari l-Objettivi 1, 7 u 8;

28.

Jenfasizza l-karattru transkonfinali tal-attivitajiet tas-sajd u l-ħtieġa, fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat, tal-koperazzjoni fil-livelli bilaterali u multilaterali bil-għan li l-miżuri kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat jiġu applikati minn kulħadd b'mod trasparenti, nondiskriminatorju u ekwu, filwaqt li jitqiesu l-kapaċitajiet finanzjarji, teknċi u umani tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari dawk tal-Istati żgħar li huma gżejjer;

29.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza tal-politiki tagħha b'tali mod li l-politika tal-iżvilupp li tiġġieled kontra l-faqar tkun parti integrali mill-politika tal-UE kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat, flimkien mal-kwestjonijiet ambjentali u kummerċjali;

30.

Jenfasizza r-rabta diretta bejn is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat u l-livell ta' governanza ta' Stat, u jitlob li kwalunkwe miżura ta' għajnuna esterna tkun akkumpanjata mir-rieda soda tal-Istat benefiċjarju li jipprojbixxi s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat fl-ilmijiet tiegħu, u li b'mod aktar ġenerali jtejjeb il-governanza fis-settur tas-sajd;

31.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jestendu l-programmi tagħhom ta’ appoġġ finanzjarju, teknoloġiku u tekniku, inklużi l-Għajnuna għall-Iżvilupp Uffiċjali u l-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd, għall-monitoraġġ, il-kontroll u l-programmi ta’ sorveljanza fl-ibħra tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jagħtu prijorità ikbar lill-programmi reġjonali milli lil dawk bilaterali; jinkoraġġixxi wkoll koordinament ikbar fost id-donaturi kollha, kemm dawk Ewropej kif ukoll l-oħrajn, għall-finanzjament ta’ dawn il-programmi;

32.

Jikkunsidra wkoll li l-UE għandha tagħmel użu attiv tal-koperazzjoni fil-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Settur tas-Sajd (FPAs) sabiex tiġġieled kontra s-sajd IUU b’mod aktar effettiv;

33.

Jitlob lill-Kummissjoni żżid kemm jeħtieġ l-ammont finanzjarju favur is-settur tas-sajd fil-ftehimiet li tikkonkludi ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan li dawn tal-aħħar jikkonsolidaw il-kapaċitajiet istituzzjonali. umani u tekniċi tagħhom biex jiġġieldu kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat, u b'hekk jirrispettaw aktar il-miżuri tal-organizzazzjonijiet dinjija u reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd u l-leġiżlazzjoni Ewropea;

34.

Jenfasizza l-ħtieġa li s-soċjetà ċivili tiġi involuta u li l-impriżi tas-settur tas-sajd jiġu responsabilizzati, b'tali mod li jieħdu ħsieb jirrispettaw il-metodi legali tas-sajd u jikkoperaw mal-awtoritajiet fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat, fil-kuntest tar-responsabilità soċjali u ambjentali tal-impriżi;

35.

Jitlob li l-Kummissjoni teżamina l-possibilità li żżid il-Ftehima tal-FAO dwar miżuri tal-Istat tal-Port, il-Ftehima tan-NU dwar l-Istokks tal-Ħut u l-Ftehima ta’ Osservanza tal-FAO mal-lista tal-istrumenti li għandhom jiġu implimentati sabiex xi pajjiżi jkunu eliġibbli għas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi Plus, li bħalissa qed tiġi rriveduta; jitlob it-tneħħija taċ-ċertifikati ta’ esportazzjoni għall-Istati kollha li jqiegħdu fis-suq il-prodotti li joriġinaw mis-sajd IUU; iqis li jkun tajjeb li tiġi stabbilita koperazzjoni ma’ dawn l-Istati sabiex jiġi pprojbit it-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti;

36.

Ifakkar in-natura inseparabbli tal-kwistjoni tas-sajd IUU u ta’ dik tal-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd, fl-ambitu tal-iskambji kummerċjali suġġetti għar-regoli tad-WTO; jenfasizza l-problema tad-deroga mir-regoli tal-oriġini għal ċerti prodotti tas-sajd ipproċessati, b’mod partikolari l-każ tal-Papwa Ginea Ġdida, li ma tippermettix it-traċċar ta’ dawn il-prodotti u twitti t-triq għas-sajd IUU;

37.

Iqis li l-UE għandha ssegwi l-għanijiet li ġejjin fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) fejn hija membru:

l-istabbiliment, għas-sajd kollu li jaqa’ fl-ambitu tal-RFMOs, ta’ reġistri tal-bastimenti tas-sajd, inklużi l-bastimenti ta’ appoġġ, li huma awtorizzati għas-sajd kif ukoll listi tal-bastimenti li huma identifikati bħala IUU (listi suwed), u l-aġġornament frekwenti u l-pubblikazzjoni wiesgħa tagħhom u l-koordinazzjoni tagħhom bejn l-RFMOs;

it-tisħiħ tal-Kumitati tal-Konformità tal-RMFOs bil-għan li tiġi eżaminata l-prestazzjoni tal-Firmatarji u, fejn meħtieġ, jiġu imposti sanzjonijiet effikaċi;

l-estensjoni tal-lista ta’ miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu mill-Firmatarji (CPCs) bħalma huma l-istati tal-bandiera, tal-kosta, tal-port u tas-suq, u l-Istati tas-sjieda benefiċjarja, fl-RFMOs individwali;

l-istabbiliment ta’ spezzjonijiet adegwati fil-baħar u programmi ta’ osservazzjoni;

il-projbizzjoni tat-trażbord fil-baħar;

l-iżvilupp ta’ skemi tad-dokumentazzjoni tal-qabda li jibdew mill-ispeċi ewlenin li hemm f’kull RFMO;

l-użu obbligatorju tal-għodda elettronika inkluż il-VMS, il-ġurnali elettroniċi u tagħmir ieħor tal-insegwiment fejn rilevanti;

evalwazzjonijiet obbligatorji u regulari tal-prestazzjoni tal-RFMOs individwali, bir-rekwiżit li tittieħed azzjoni abbażi tar-rakkomandazzjonijiet;

id-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji fir-rigward tas-sajd mill-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-RFMOs fejn dawn jistgħu jwasslu għal kunflitt ta’ interess;

38.

Jitlob estensjoni urġenti tan-netwerk tal-RFMOs biex ikunu koperti l-meded tal-baħar u ż-żoni kollha fl-ibħra internazzjonali, jew bl-istabbiliment ta’ RFMOs ġodda jew bl-estensjoni tal-mandat ta’ dawk eżistenti; huwa tal-fehma li fid-dawl tan-natura globali tas-sajd IUU tinħtieġ koperazzjoni mtejba ħafna bejn l-RFMOs fejn jidħlu l-iskambju ta’ informazzjoni, sanzjonijiet kontra bastimenti u CPCs;

39.

Jemmen li d-dritt tas-sajd fl-ibħra internazzjonali għandu, sa fejn possibbli skont il-liġi internazzjonali, ikun bil-kundizzjoni li l-Istat jaderixxi mal-korpi internazzjonali rilevanti u jimplimenta bis-sħiħ il-miżuri tal-ġestjoni kollha li jadottaw;

40.

Jinnota li l-FAO hija s-sors ewlieni għat-tagħrif xjentifiku u r-rakkomandazzjonijiet meta jiġi eżaminat is-sajd globali u l-kwistjonijiet tal-akwakultura minħabba li l-iżvilupp u l-ġestjoni tas-sajd ġew amalgamati aħjar mal-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-protezzjoni tal-ambjent;

41.

Jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva kurrenti tal-FAO għall-iżvilupp ta’ Reġistru Globali tal-Bastimenti tas-Sajd, Bastimenti tal-Ġarr Imkessħin u Bastimenti ta' Forniment li għandu jkun obbligatorju u għandu jiġbor fih mill-aktar fis il-bastimenti li jaqbżu l-10 GT;

42.

Jinkoraġġixxi l-iżvilupp rapidu ta’ sistema ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-istati tal-bandiera, li bħalissa qed tinħoloq fi ħdan il-FAO, bħala mezz ta’ pressjoni fil-konfront tal-istati li mhux qed jaqdu l-obbligi legali internazzjonali tagħhom; jinsisti li għandu jinstab mekkaniżmu effikaċi għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kontra dawk l-istati li ma jiżgurawx li l-bastimenti li qed itajru l-bandiera tagħhom ma jappoġġjawx jew ma jwettqux sajd IUU u jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni kollha rilevanti; jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu b’mod ġust u trasparenti l-istrumenti tas-suq biex iwaqqfu s-sajd illegali, mingħajr ma jiddiskriminaw kontra pajjiżi oħra; jappoġġja d-deċiżjoni tal-FAO li tistabbilixxi konsultazzjonijiet internazzjonali dwar il-prestazzjoni ta’ Stati tal-bandiera fir-rigward tal-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali;

43.

Jitlob għall-adozzjoni urġenti tal-miżuri li jġibu fi tmiemu l-użu tal-“bnadar ta’ konvenjenza”, prattika li tippermetti li l-bastimenti tas-sajd joperaw illegalment, b’impunità, bi ħsara kbira għall-ekosistema marittima, għall-istokks tal-ħut, għall-komunitajiet kostali, għas-sigurtà tal-ikel, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għall-industrija tas-sajd li hija leġittima u tikkonforma mal-liġi;

44.

Jenfasizza l-ħtieġa għall-iżgurar li l-interessi tal-UE ma jkunux involuti f’dawk il-forom ta’ piraterija tas-sajd u għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li ċ-ċittadini tagħhom ma jappoġġjawx u ma jwettqux sajd IUU;

45.

Jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi reġistru pubbliku li jelenka l-identitajiet tas-sidien tal-vapuri li ġew ippruvati li ħadu sehem fis-sajd IUU; jemmen li r-reġistru għandu jkun konformi ma’ dak imħaddem mill-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd f’Vigo;

46.

Huwa tal-fehma li għandhom jitwettqu, mingħajr iktar dewmien, evalwazzjonijiet indipendenti tal-prestazzjoni kemm tal-istati tal-bandiera u kemm tal-RFMOs minn organizzazzjoni integrata fis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti;

47.

Jirrikonoxxi n-nuqqas ta’ koperazzjoni internazzjonali fil-ġestjoni tal-impatti negattivi tal-attivitajiet tal-bniedem li mhumiex relatati mas-sajd li jaffettwaw l-ambjent marittimu u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-ħolqien ta’ korp globali biex jimla dan il-vojt, possibbilment taħt l-awspiċju tan-NU;

48.

Jenfasizza li l-kunċett tar-responsabilità tal-istat tas-suq għandu jkun żviluppat bis-sħiħ bħala mezz biex jingħalqu s-swieq għall-prodotti tal-ħut IUU; huwa tal-fehma li hemm urġenza biex l-UE tiddiskuti ma’ Stati tas-suq ewlenin oħra, inklużi l-Istati Uniti, il-Ġappun u ċ-Ċina, għalkemm m’għandhiex tillimita ruħha għal dawn il-pajjiżi, kif jistgħu jikkoperaw bejniethom u kemm jista' jkun malajr, biex jiġu żviluppati strumenti legali internazzjonali li jistgħu jwaqqfu, iressqu quddiem il-qorti u jikkastigaw il-kummerċ tal-ħut IUU, f’konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u fil-qafas tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti;

49.

Jenfasizza li ż-żamma u l-iżvilupp tas-settur Ewropew tas-sajd jiddependi parzjalment mill-kontroll IUU strett tal-prodotti tas-sajd imqiegħda fis-suq Ewropew u f’dak dinji; jenfasizza l-importanza ta’ dan is-settur għall-iżvilupp territorjali, is-sikurezza tal-ikel, il-preservazzjoni tal-impjiegi u tar-riżorsi fl-ilmijiet Komunitarji;

50.

Iqis li l-Unjoni Ewropea diġà għandha strumenti biex tiskoraġġixxi s-sajd illegali, u jinsab konvint li, billi hija għandha wieħed mill-ikbar swieq tas-sajd fid-dinja, jekk tużahom b’mod adegwat, l-effett dissważiv ikollu konsegwenzi prattiċi indiskutibbli. Jjitlob, għaldaqstant, li ma jingħatawx, jew li jiġu rtirati, iċ-Ċertifikati ta’ Esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea lil dawk l-Istati jew il-Firmatarji li ma jikkollaborawx mal-RMFOs fl-istabbiliment tal-istrumenti bħas-sistemi ta’ dokumentazzjoni tal-qabdiet jew tal-miżuri tal-Istat tal-Port;

51.

Jinsisti li waħda mill-ikbar armi fil-ġlieda kontra s-sajd IUU hija dik kummerċjali. għaldaqstant, jikkundanna, għal darba oħra, in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn id-DĠ MARE u d-DĠ TRADE, ladarba filwaqt li l-ewwel wieħed kulma jmur dejjem jistipula iktar objettivi biex jikkumbattih, l-objettiv tat-tieni wieħed jidher li huwa esklużivament li kulma jmur dejjem jiftaħ iktar is-swieq Komunitarji għall-importazzjonijiet, ikunu xi jkunu l-oriġini u l-garanziji ta’ kontroll tagħhom, filwaqt li jingħataw preferenzi tarrifarji u derogi mir-regoli tal-oriġini li qed iservu biss biex iwasslu lis-swieq Ewropej għal flotot u pajjiżi identifikati għall-inqas bħala tolleranti għas-sajd IUU;

52.

Jikkunsidra f’dan il-kuntest li s-suq għandu jinżamm aktar responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu, u b’mod partikolari l-importaturi, peress li s-suq aktarx li hu l-aktar kawża sinifikanti tas-sajd IUU;

53.

Jisħaq fuq l-importanza tad-dritt tal-konsumatur li dejjem ikun ċert li l-prodott mixtri jkun inqabad legalment;

54.

Jistieden kemm lill-Kummissjoni u kemm lill-Istati Membri biex itejbu l-informazzjoni tagħhom lill-konsumaturi dwar diversi skemi ta’ tikkettar, pereżempju l-iskema tal-Marine Stewardship Council (MSC), li joħloq trasparenza u jipprovdi lill-konsumaturi b’garanzija li qed jixtru ħut maqbud b’mod legali u sostenibbli;

55.

Jappoġġja bis-sħiħ il-linji gwida l-ġodda li ġew adottati fil-laqgħa li saret fi Frar 2011 fil-Kumitat dwar is-Sajd tal-FAO (COFI), bl-għan li jarmonizzaw is-sistema tat-tikkettar tal-prodotti tas-sajd sabiex jiġi miġġieled is-sajd illegali; fost il-karatteristiċi li għandhom ikunu fuq it-tikketta, għandu jkun hemm indikazzjonijiet ċari dwar l-ismijiet kummerċjali u xjentifiċi tal-ħut, dwar it-tip ta’ sajd u speċjalment dwar l-indikazzjoni taż-żona fejn ikun sar is-sajd;

56.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex taħdem favur l-iżvilupp ta’ skemi ta’ dokumentazzjoni tal-qabda;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jappoġġjaw l-iżvilupp u l-użu ta’ tekniki biex tkun żgurata traċċabilità totali u effikaċi tal-prodotti tas-sajd tul il-katina tal-forniment, inklużi l-intraċċar bis-satellita tal-bastimenti tas-sajd u ta’ appoġġ kif ukoll tikketti elettroniċi għall-intraċċar tal-ħut, il-ħolqien ta’ bażi tad-data globali tad-DNA tal-ħut u bażijiet tad-data ġeneriċi oħra għall-identifikazzjoni tal-prodotti tal-ħut u l-oriġini ġeografika tagħhom kif deskritt mir-rapport taċ-Ċentru Konġunt Għar-Riċerka (JRC) bit-titlu ‘L-Iskoraġġiment tal-Attivitajiet Illegali fis-Settur tas-Sajd – il-Ġenetika, il-Ġenomika, il-Kimika u l-Forensika għall-Ġlieda Kontra s-Sajd IUU u bħala Appoġġ għat-Traċċabilità tal-Prodott tal-Ħut’;

58.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iżidu r-riżorsi allokati għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fil-livelli kollha.

59.

Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport reċenti mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC) dwar ir-rwol tal-kriminalità organizzata transnazzjonali fl-industrija tas-sajd u l-ispjega li jagħti dwar kif il-gruppi kriminali organizzati qed iżidu l-influwenza tagħhom fl-industrija tas-sajd, inkluż kemm fl-attivitajiet ta’ qabel is-sajd (provvista ta’ bastimenti u ekwipaġġi, riforniment bil-fjuwil eċċ.) u kemm f’dawk ta’ warajh (tqegħid fis-suq, trasport tal-merkanzija);

60.

Jinsab imħasseb dwar l-użu ta’ attivitajiet kriminali bħall-isfruttament u t-traffikar tal-bnedmin, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, in-negozju ta’ oġġetti misruqa, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi doganali minn dawk involuti fis-sajd IUU, li għandu jitqies bħala forma ta’ kriminalità organizzata transnazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa għal strateġija aktar komprensiva u integrata biex ikun miġġieled is-sajd IUU, inklużi l-kontrolli fuq il-kummerċ u l-importazzjonijiet;

61.

Jappoġġja bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-UNODC, inklużi l-estensjoni tal-koperazzjoni internazzjonali fl-investigazzjoni ta’ attivitajiet kriminali fil-baħar, it-titjib tat-trasparenza rigward is-sjieda u l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd u l-iskoraġġiment kemm tal-bejgħ kif ukoll tal-isfruttament ta’ bastimenti tas-sajd minn kumpaniji fejn ma jkunx possibbli t-traċċar tas-sidien benefiċjarji;

62.

Jinnota li l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali hija wieħed mill-aktar trattati li ġew irratifikati minn għadd kbir ta’ pajjiżi u tobbliga lill-Firmatarji tagħha li jikkoperaw ma’ xulxin fir-rigward tal-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjoni u l-proċeduri ġudizzjarji f’każijiet relatati mal-kriminalità transnazzjonali organizzata u b’hekk toħloq sinerġiji importanti fil-ġlieda kontra s-sajd IUU;

63.

Huwa tal-fehma li s-sajd IUU għandu jsir wieħed mill-oqsma ta’ prijorità għall-Interpol u għandhom jingħataw riżorsi u setgħat ta’ investigazzjoni lill-organizzazzjoni biex hija tissorvelja u tikkumbatti l-aspetti kriminali transnazzjonali tas-sajd IUU;

64.

Jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina il-Lacey Act tal-Istati Uniti u tikkunsidra jekk ċertu elementi minnu humiex utli fil-kuntest Ewropew, b’mod partikolari r-responsabilità li jimponi fuq il-bejjiegħa bl-imnut għal-legalità tal-ħut;

65.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-prinċipji t’hawn fuq, fejn rilevanti, fid-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali tas-sajd tagħha;

66.

Jisħaq li l-UE għandha tipproponi li l-kwistjoni tal-governanza internazzjonali tal-oċeani tkun prijorità fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li ġej fl-2012 fil-Brażil, f’għeluq it-tletin sena mil-Liġi tal-Baħar tan-NU;

67.

Jindika li l-ġlieda kontra s-sajd illegali fil-livell dinji hija essenzjali għal żvilupp sostenibbli globali u, għaldaqstant, għandha tifforma parti integrali u ċara mill-Ftehimiet ta’ Sħubija tas-Sajd, l-impenji tal-politika kummerċjali, l-objettivi tal-politika ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp u l-prijoritajiet tal-politika estera tal-Unjoni Ewropea;

68.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, lis-segretarjati tal-RFMOs li tagħhom l-UE hija Firmatarja u lill-Kumitat għas-Sajd tal-FAO.


(1)  ĠU C 287E, 29.11.2007, p. 502

(2)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33.

(4)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.