8.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 131/121


Il-Ħamis 27 ta’ Ottubru 2011
Tibet, b'mod partikolari reliġjużi nisa u rġiel jaħarqu lilhom infushom b'idejhom

P7_TA(2011)0474

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar it-Tibet, b'mod partikolari r-reliġjużi nisa u rġiel li jaħarqu lilhom infushom

2013/C 131 E/15

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina u t-Tibet, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tat-twemmin reliġjuż,

wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tar-reliġjon u l-libertà tal-assoċjazzjoni huma prinċipji fundamentali tal-UE u prijorità tal-politika barranija tagħha,

B.

billi l-Gvern Ċiniż impona restrizzjonijiet drastiċi fuq il-monasteri Buddisti Tibetani fil-prefettura tal-kontea ta' Aba/Ngaba fil-provinċja ta' Sichuan, u f'partijiet oħra tal-plateau tat-Tibet, fosthom attakki għal għarrieda u brutali ta' sigurtà, id-detenzjoni arbitrarja ta' rġiel reliġjużi, aktar sorveljanza fil-monasteri u preżenza permanenti tal-pulizija fil-monasteri sabiex timmonitorja l-attivitajiet reliġjużi,

C.

billi dawn il-miżuri ta' sigurtà huma mfassla biex jillimitaw id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-libertà tat-twemmin reliġjuż fil-monasteri Buddisti Tibetani,

D.

billi Phuntsog (ta' 20 sena) u Tsewang Norbu (ta' 29 sena) mietu wara li ħarqu lilhom infushom, fis-16 ta' Marzu u fil-15 ta' Awwissu 2011 rispettivament, bħala protesta kontra politiki Ċiniżi restrittivi fit-Tibet,

E.

billi l-aħwa ta' Phuntsog li huma iżgħar minnu, Lobsang Kelsang u Lobsang Kunchok (it-tnejn ta' 18-il sena), ħarqu lilhom infushom fis-suq tal-kontea ta' Aba/Ngaba fis-26 ta' Settembru 2011, u billi, għalkemm ma mitux, il-kundizzjoni attwali tagħhom għadha mhijiex ċara,

F.

billi Dawa Tsering, raġel reliġjuż ta' 38 sena fil-Monasteru ta' Kardze, ħaraq lilu nnifsu fil-25 ta' Ottubru 2011, u billi l-persunal tas-sigurtà Ċiniż tfew in-nar u ppruvaw joħorġuh minn hemm, u billi dan ir-raġel reliġjuż bħalissa qed jiġi protett minn sħabu reliġjużi fil-monasteru, u billi l-kundizzjoni tiegħu hija kritika,

G.

billi Kelsang Wangchuk, raġel reliġjuż ta' 17-il sena fil-Monasteru ta' Kirti, ħaraq lilu nnifsu fit-3 ta' Ottubru 2011 u ttieħed minnufih mis-suldati Ċiniżi, li tfew in-nar u tawh xebgħa kbira qabel ma ħaduh 'il barra, u billi l-istat attwali tal-benessri tiegħu u l-post fejn qed jinżamm mhumiex magħrufa,

H.

billi żewġ ex irġiel reliġjużi minn Kirti, Choephel (ta' 19-il sena) u Kayang (ta' 18-il sena), żammew idejn xulxin u ħarqu lilhom infushom filwaqt li talbu r-ritorn tad-Dalai Lama u d-dritt għal-libertà reliġjuża, u billi mietu wara din il-protesta,

I.

billi l-ex raġel reliġjuż minn Kirti, Norbu Damdrul (ta' 19-il sena), li ħaraq lilu nnifsu fil-15 ta' Ottubru 2011, kien it-tmien Tibetan li ħaraq lilu nnifsu, u billi l-benessri tiegħu u l-post fejn qed jinżamm attwalment mhumiex magħrufa,

J.

billi fis-17 ta' Ottubru 2011 mara reliġjuża mill-Kunvent ta' Ngaba Mamae Dechen Choekorling, Tenzin Wangmo (ta' 20 sena), mietet, u billi kienet l-ewwel mara li ħarqet lilha nnifsha,

K.

billi l-att li wieħed jaħraq lilu nnifsu jista' jitqies bħala bħala forma ta' protesta u espressjoni tad-disperazzjoni li qed tiżdied li tinħass miż-żgħażagħ Tibetani, speċjalment fil-komunità tal-Monasteru ta' Kirti,

L.

billi, ikunu xi jkunu l-motivazzjonijiet personali li jwasslu għal dawn l-atti, iridu jitqiesu fil-kuntest usa' tar-repressjoni reliġjuża u politika fil-kontea ta' Aga/Ngaba, li tmur lura ħafna snin,

M.

billi l-issikkar tal-kontroll tal-istat fuq il-prattika reliġjuża permezz ta' għadd ta' regolamenti maħruġa mill-Gvern Ċiniż fl-2007 kkontribwixxa għad-disperazzjoni tat-Tibetani fil-plateau kollu tat-Tibet,

N.

billi r-regolamenti attwali wessgħu drammatikament il-kontroll tal-istat fuq il-ħajja reliġjuża, filwaqt li ħafna espressjonijiet ta' identità reliġjuża huma soġġetti għall-approvazzjoni u l-kontroll tal-istat, inkluż ir-rikonoxximent tal-lamas reinkarnati,

O.

billi qorti Ċiniża tat sentenza ta' ħabs lil tliet irġiel reliġjużi Tibetani rigward il-mewt tar-raġel reliġjuż Phuntsog, li ħaraq lilu nnifsu fis-16 ta' Marzu 2011, għaliex qalet li ħbewh u ma tawhx kura medika, u billi akkużathom b'"omiċidju intenzjonat",

P.

billi f'Marzu 2011, wara l-ewwel inċident li fih xi ħadd ħaraq lilu nnifsu, persunal armat iċċirkonda l-Monasteru ta' Kirti u qata' l-aċċess tiegħu għall-ikel u l-ilma għal diversi ġranet; billi l-uffiċjali ġodda tas-sigurtà mibgħuta l-monasteru imponew programm obbligatorju ġdid ta' "edukazzjoni patrijottika", u billi aktar minn 300 raġel reliġjuż ittieħdu mill-monasteru fi trakkijiet militari u ġew detenuti f'postijiet mhux speċifikati biex jingħataw indottrinazzjoni politika għal diversi ġimgħat,

Q.

billi l-Gvern Ċiniż akkuża lill-irġiel reliġjużi fil-Monasteru ta' Kirti li kienu involuti f'atti "bl-għan li jħarbtu l-ordni soċjali", inklużi l-vandaliżmu u l-ħruq tagħhom infushom,

R.

billi fix-xhur riċenti l-awtoritajiet Ċiniżi ssikkaw is-sigurtà fit-Tibet, speċjalment fiż-żona madwar il-Monasteru ta' Kirti, u billi l-ġurnalisti u l-barranin huma pprojbiti milli jżuru r-reġjun, u billi l-monasteru huwa ssorveljat mill-pulizija kontra l-irvellijiet; billi l-midja barranija ġiet ipprojbita milli tidħol fil-partijiet tat-Tibet fejn hemm l-inkwiet, u billi t-televiżjoni tal-istat Ċiniż naqas milli jirrapporta dwar il-protesti, u billi l-irġiel reliġjużi huma pprojbiti milli jitkellmu dwar il-protesti,

1.

Jikkundanna t-trażżin kontinwu mill-awtoritajiet Ċiniżi tal-monasteri Tibetani u jistedinhom jirrevokaw ir-restrizzjonijiet u l-miżuri ta' sigurtà imposti fuq il-monasteri u l-komunitajiet lajċi, u jistabbilixxu mill-ġdid il-linji ta' komunikazzjoni għall-irġiel reliġjużi tal-Monasteru ta' Kirti;

2.

Huwa preokkupat ħafna dwar rapporti, minn April li għadda, ta' tmien irġiel reliġjużi Buddisti Tibetani u mara reliġjuża li ħarqu lilhom infushom ħdejn il-Monasteru ta' Ngaba Kirti fil-provinċja Ċiniża ta' Sichuan;

3.

Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jirrevoka r-restrizzjonijiet u l-miżuri ta' sigurtà ħorox imposti fuq il-Monasteru ta' Kirti, u jipprovdi informazzjoni dwar fejn jinsabu l-irġiel reliġjużi li ttieħdu bil-forza mill-monasteru; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jippermettu lill-midja internazzjonali indipendenti u lil osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem iżuru ż-żona;

4.

Jistieden lill-Gvern Ċiniż jiggarantixxi l-libertà tar-reliġjon liċ-ċittadini kollha tiegħu skont l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jabolixxi l-penali kriminali u amministrattivi għar-reliġjon u li ntużaw biex jikkastigaw liċ-ċittadini talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tar-reliġjon;

5.

Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jirrispettaw id-drittijiet tat-Tibetani fil-provinċji Ċiniżi kollha u jieħdu passi proattivi biex isolvu l-ilmenti sottostanti kollha tal-popolazzjoni Tibetana taċ-Ċina;

6.

Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi ma jibqgħux jippromwovu politiki li jheddu l-lingwa, il-kultura, ir-reliġjon, il-wirt u l-ambjent Tibetani, bi ksur tal-Kostituzzjoni Ċiniża u tal-liġi Ċiniża li jagħtu l-awtonomija lill-minoranzi etniċi;

7.

Iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jipprovdi dettalji sħaħ rigward l-istat tat-300 raġel reliġjuż li ttieħdu mill-Monasteru ta' Kirti f'April 2011, li fir-rigward tagħhom intervenew diversi Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Għajbien Infurzat jew Involontarju;

8.

Iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jkun rsponsabbli għall-istatus ta' dawk it-Tibetani li "ttieħdu l-isptar" wara li ħarqu lilhom infushom, anke fir-rigward tal-aċċess tagħhom għat-trattament mediku;

9.

Jikkundanna l-għoti ta' sentenza ta' ħabs lill-irġiel reliġjużi ta' Kirti u jinsisti fuq id-dritt tagħhom għal proċess ġust u għall-għoti ta' assistenza legali xierqa għat-tul kollu tal-proċess; jitlob li osservaturi indipendenti jingħataw aċċess għall-irġiel reliġjużi ta' Kirti li huma detenuti;

10.

Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà toħroġ stqarrija pubblika li tesprimi l-preokkupazzjoni tal-UE fir-rigward tas-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fil-kontea ta' Aba/Ngaba u li tħeġġeġ ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, flimkien ma' moderazzjoni min-naħa tal-pulizija tas-sigurtà;

11.

Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi ma jibqgħux jimplimentaw politiki kontroproduttivi u programmi aggressivi ta' "edukazzjoni patrijottika" f'żoni ppopolati minn Tibetani bħal Sichuan, Gansu u Qinghai, postijiet fejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem ħoloq tensjonijiet;

12.

Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jirrispettaw ir-riti tal-mewt tradizzjonali Tibetani u li jirritornaw il-fdalijiet skont ir-ritwali Buddisti u mingħajr dewmien jew xkiel;

13.

Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jistiednu lill-Gvern Ċiniż jerġa' jibda d-djalogu mad-Dalai Lama u r-rappreżentanti tiegħu bl-għan li tinkiseb awtonomija vera għat-Tibetani fi ħdan ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u jwaqqaf il-kampanja tiegħu biex jiskredita d-Dalai Lama bħala mexxej reliġjuż;

14.

Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Barranija u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni tqajjem kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fis-Summit li jmiss bejn l-UE u ċ-Ċina, u jistieden lill-President tal-Kummissjoni u lill-President tal-Kunsill Ewropew jappoġġjaw b'mod ċar l-identità lingwistika, kulturali u reliġjuża unika tat-Tibet fid-diskorsi uffiċjali tagħhom waqt il-ftuħ jew l-għeluq tas-Summit, f'każ li ma tkunx fl-aġenda għad-diskussjoni;

15.

Jistieden lis-SEAE u lid-delegazjzoni tal-UE għaċ-Ċina jimmonitorjaw kostantement is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u jkomplu jqajmu – f'laqgħat u korrispondenza ma' uffiċjali Ċiniżi – il-każijiet speċifiċi ta' Tibetani individiwali li ntbagħtu l-ħabs talli eżerċitaw paċifikament il-libertà reliġjuża tagħhom, u jippreżentaw rapport lill-Parlament sa mhux aktar tard minn 12-il xahar, li fih jipproponu azzjonijiet li għandhom jittieħdu jew politiki li għandhom jiġu implimentati;

16.

Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill biex jaħtar Rappreżentant Speċjali tal-UE għat-Tibet bl-għan li jiġi ffaċilitat il-bidu mill-ġdid tad-djalogu bejn l-awtoritajiet Ċiniżi u l-mibgħuta tad-Dalai Lama b'rabta mad-determinazzjoni ta' status verament awtonomu għat-Tibet fi ħdan ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

17.

Jistieden lil dawk l-Istati Membri li huma membri tal-G-20, u lill-President tal-Kummissjoni u lill-President tal-Kunsill Ewropew, iqajmu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet mal-President tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, Hu Jintao, fis-Summit tal-G-20 li se jsir f'Cannes fit-3 u l-4 ta' Novembru 2011;

18.

Iħeġġeġ lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina tirrispetta l-libertajiet reliġjużi u d-drittijiet tal-bniedem bażiċi tal-komunitajiet monastiċi u lajċi fi Ngaba, u tissospendi l-implimentazzjoni ta' regolamenti dwar il-kontroll reliġjuż sabiex il-Buddisti Tibetani jkunu jistgħu jidentifikaw u jedukaw għalliema reliġjużi b'mod konsistenti mat-tradizzjonijiet Tibetani, teżamina mill-ġdid il-politiki reliġjużi u ta' sigurtà implimentati fi Ngaba mill-2008 'l hawn, u tibda djalogu trasparenti mal-mexxejja tal-iskejjel Buddisti Tibetani;

19.

Iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jirrispetta standards tad-drittijiet tal-bniedem miftiehma internazzjonalment u jonora l-obbligi tiegħu skont il-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin;

20.

Jesprimi l-ħtieġa li d-drittijiet tal-komunitajiet ta' minoranza taċ-Ċina jitqiegħdu fl-aġenda għal ċikli futuri tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina;

21.

Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

22.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2010)0449.