8.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 131/108


Il-Ħamis 27 ta’ Ottubru 2011
Is-sitwazzjoni fil-Jemen, fil-Baħrejn, fis-Sirja u fl-Eġittu

P7_TA(2011)0471

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u s-Sirja, b'mod parikolari dik tal-Komunitajiet Insara

2013/C 131 E/12

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu u s-Sirja, b'mod partikolari tal-15 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (1), tas-7 ta' Lulju 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u l-Afrika ta' Fuq (2), u tas-17 ta' Frar 2011 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà tar-reliġjon (4),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-Sirja tat-8 ta' Ottubru 2011 u dwar l-Eġittu tal-10 ta' Ottubru 2011,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-20 ta' Frar 2011,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar is-Sirja tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-10 ta' Ottubru 2011 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2011,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Eġittu u s-Sirja huma firmatarji tiegħu,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/522/PESK tat-2 ta' Settembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (5), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/523/UE tat-2 ta' Settembru 2011 li parzjalment tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana (6), ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 878/2011 tat-2 ta' Settembru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (7), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1011/2011 tat-13 ta' Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (8),

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-libertajiet tar-reliġjon, tat-twemmin, tal-kuxjenza u tal-ħsieb huma valuri fundamentali u universali u huma elementi essenzjali tad-demokrazija; billi l-Unjoni Ewropea ripetutament esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertajiet tar-reliġjon, tat-twemmin, tal-kuxjenza u tal-ħsieb u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir li jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha,

L-Eġittu

B.

billi l-Eġittu għaddej minn perjodu kritiku ta' tranżizzjoni demokratika u qed jaffaċċja ħafna sfidi u diffikultajiet f'dan il-proċess; billi l-iżvilupp ekonomiku u standard ta' għajxien ogħla tal-popolazzjoni huma essenzjali għall-istabilità politika u soċjali fuq perjodu twil ta' żmien fil-pajjiż,

C.

billi fid-9 ta' Ottubru 2011 mill-inqas 25 ċittadin Eġizzjan inqatlu u aktar minn 300 ndarbu fil-Kajr waqt dimostrazzjoni paċifika organizzata mill-Insara Kopti, li bdiet fid-distrett ta' Shubra fit-Tramuntana tal-Kajr u mxiet lejn il-bini tat-televiżjoni tal-istat f'Maspero, biex jipprotestaw kontra attakk fuq knisja Kopta f'Aswan, biex tiġi miġġielda b'mod effikaċi d-diskriminazzjoni reliġjuża, u biex tintalab l-adozzjoni ta' liġi unifikata dwar il-bini ta' postijiet ta' qima, biex id-diskriminazzjoni reliġjuża tiġi kriminalizzata b'mod effikaċi u biex terġa' tinbena l-knisja li ġiet attakkata,

D.

billi l-awtoritajiet Eġizzjani rrispondew għal dan l-avveniment traġiku billi taw bidu għal spezzjoni taż-żona ta' Maspero mill-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, li wettaq investigazzjoni taħt l-awtorità ġudizzjarja militari u waqqaf missjoni ta' ġbir tal-fatti magħmula minn membri tal-ġudikatura biex tinvestiga dawk l-inċidenti bl-għan li jinżammu responsabbli dawk li inċitaw il-vjolenza u li wettqu azzjonijiet vjolenti; taw bidu għall-kunsiderazzjoni immedjata ta' abbozz ta' digriet bl-għan li jillegalizza l-istatus ta' postijiet ta' qima mibnija mingħajr awtorizzazzjoni xierqa; taw bidu, abbażi ta' talba mill-mexxejja ta' diversi gruppi reliġjużi, għal dibattitu soċjali dwar l-abbozz ta' kodiċi unifikat għall-bini ta' postijiet ta' qima bl-għan li jiġi adottat; u ddeċidew li jintroduċu emendi għall-Kodiċi Penali biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat,

E.

billi minn Marzu tal-2011 'l hawn, ġie rrappurtat li għexieren ta' eluf ta' Kopti telqu mill-Eġittu,

F.

billi l-persuni ċivili arrestati skont il-liġi ta' emerġenza ttellgħu quddiem qrati militari li jiksru d-dritt għal proċess ġust u jċaħħdu lill-akkużati mid-dritt għall-appell; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw li minn Marzu tal-2011 'l hawn aktar minn 12 000 ċivili ttellgħu quddiem dawn il-qrati speċjali,

G.

billi Maikel Nabil Sanad kien arrestat mill-pulizija militari fit-28 ta' Marzu 2011 f'daru fil-Kajr talli esprima l-opinjoni tiegħu onlajn, li inkludiet kritika tar-rwol tal-militar Eġizzjan matul u wara r-rivoluzzjoni tal-poplu; billi ngħata sentenza ta' tliet snin ħabs fl-10 ta' April 2011 fuq akkużi li "insulta l-militar" wara proċess mgħaġġel u inġust f'qorti militari fin-nuqqas tal-avukat, tal-familja u tal-ħbieb tiegħu,

H.

billi t-theddid kontra l-NGOs, speċjalment dawk involuti fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, f'kampanja intensiva ta' malafama mnedija mill-istampa tal-istat, serva biex jiddeleġittimizzahom u jistigmatizzahom f'għajnejn il-pubbliku bħala li qed jaġixxu kontra l-interessi tal-Eġittu,

I.

billi x-xandir televiżiv statali tal-Eġittu kompla jinċita għall-vjolenza meta xandar sejħa biex in-nies “jipproteġu l-armata”,

J.

billi l-perjodu tranżitorju wara r-rivoluzzjoni tal-25 ta' Jannar 2011 fl-Eġittu kien karatterizzat minn tendenza lejn il-marġinalizzazjzoni tan-nisa, li kienu esklużi mill-Kumitat Kostituzzjonali, u billi, bħala parti mir-rieżami tal-liġi dwar id-drittijiet politiċi, il-kwota tan-nisa ġiet abolita,

K.

billi huwa preokkupat dwar il-ħtif ta' tfajliet Kopti li ġew sfurzati jikkonvertu għall-Iżlam,

Is-Sirja

L.

billi, sa mill-bidu tat-trażżin vjolenti tad-dimostranti paċifiċi fis-Sirja f'Marzu 2011, il-qtil sistematiku, il-vjolenza u t-tortura kienu qed jiżdiedu b'mod drammatiku u l-armata Sirjana u l-forzi tas-sigurtà qed ikomplu bir-rispons tagħhom ta' qtil immirat, tortura u arresti tal-massa; billi, skont l-istimi tan-NU, 'il fuq minn 3 000 persuna tilfu ħajjithom, ħafna aktar korrew u eluf ġew detenuti; billi bosta Sirjani qegħdin jiffaċċjaw sitwazzjoni umanitarja li kull ma jmur sejra għall-agħar, kaġun tal-vjolenza u tal-ispostamenti,

M.

billi għadu l-każ li l-ebda ġurnalist u osservatur internazzjonali ma jista' jidħol fil-pajjiż; billi r-rapporti mill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem Sirjani u l-immaġini mill-mowbajls huma l-uniku mezz ta' dokumentazzjoni tal-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u l-attakki sistematiċi, kemm immirati u każwali, kontra d-dimostranti u ċ-ċittadini paċifiċi inġenerali fis-Sirja,

N.

billi l-avvenimenti li għaddejjin fis-Sirja huma akkumpanjati minn azzjonijiet immirati għall-inċitament ta' kunflitti interetniċi u inter-reliġjużi u għaż-żieda ta' tensjonijiet settarji; billi hemm rapporti li jistmaw li l-popolazzjoni Nisranija fis-Sirja jista' jkun li naqset minn 10 fil-mija għal 8 fil-mija; billi eluf ta' Nsara mill-Iraq marru s-Sirja biex jaħarbu minn vjolenza mmirata fl-Iraq; billi ħafna Nsara fis-Sirja jibżgħu li sejrin jispiċċaw vittmi ta' vjolenza settarja fil-pajjiż; billi l-Komunitajiet Insara għandhom rwol importanti fid-demokratizzazzjoni tal-pajjiż,

O.

billi, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2011, il-Kunsill laqa' l-isforzi tal-oppożizzjoni politika Sirjana biex tistabbilixxi pjattaforma unita, stieden ukoll lill-komunità internazzjonali biex tilqa' dawn l-isforzi, u nnota l-ħolqien tal-Kunsill Nazzjonali Sirjan (SNC) bħala pass pożittiv 'il quddiem; billi fis-Sirja nħoloq ukoll il-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla Demokratika,

L-Eġittu

1.

Jerġa' jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan f'dan il-perjodu kritiku u diffiċli tat-tranżizzjoni demokratika fil-pajjiż u jkompli jappoġġja l-aspirazzjonijiet demokratiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jappoġġjaw l-isforzi mmirati għall-aċċellerazzjoni tar-riformi demokratiċi, ekonomiċi u soċjali fl-Eġittu;

2.

Jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta' dimostranti fl-Eġittu; jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu mal-familji tal-vittmi kollha; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-forzi ta' sigurtà ma jużawx forza sproporzjonata; jisħaq fuq id-dritt taċ-ċittadini kollha li jipprotestaw liberament u paċifikament, taħt protezzjoni xierqa mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jeħilsu t-28 Nisrani li jinsabu arrestati f'Maspero kif ukoll lil persuni oħra li ġew arrestati;

3.

Jilqa' l-isforzi li saru mill-awtoritajiet Eġizzjani biex jidentifikaw lil dawk li ppjanaw u wettqu l-attakki fuq il-Komunitajiet Insara; jenfasizza li huwa importanti li investigazzjoni indipendenti, trasparenti u bir-reqqa dwar l-avvenimenti f'Maspero għandha titmexxa minn ġudikatura ċivili indipendenti, sabiex kull min kien involut jinżamm responsabbli; jenfasizza li r-rwol tal-midja għandu jiġi indirizzat bis-sħiħ; jieħu nota tal-avviżi tal-gvern dwar il-kunsiderazzjoni immedjata ta' abbozz ta' digriet li jfittex li jillegalizza l-istatus tal-postijiet ta' qima mibnija mingħajr l-awtorizzazzjoni xierqa kif ukoll dwar it-tisħiħ tal-istrumenti legali li jfittxu li jiġġieldu d-diskriminazzjoni kemm f'oqsma pubbliċi kif ukoll f'dawk privati; jisħaq madankollu fuq ir-responsabilità tal-Gvern u l-awtoritajiet Eġizzjani biex jiżguraw is-sikurezza taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż u biex dawk responsabbli għall-vjolenza jitressqu quddiem il-ġustizzja;

4.

Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw ir-rispett sħiħ għal-libertajiet fundamentali kollha, inklużi l-libertà tal-assoċjazzjoni, il-libertà tal-għaqda paċifika, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tar-reliġjon, tal-kuxjenza u tal-ħsieb għaċ-ċittadini kollha fl-Eġittu, inklużi l-Insara Kopti, u li l-Komunitajiet tal-Insara Kopti ma jisfawx vittmi ta' attakki vjolenti u jkunu jistgħu jgħixu fil-paċi u jesprimu t-twemmin tagħhom b'mod ħieles madwar il-pajjiż; jitlob protezzjoni adegwata tal-knejjes sabiex tintemm l-aggressjoni u l-qerda kontinwa ta' knejjes minn estremisti Iżlamiċi; jilqa' l-isforzi kontinwi biex jiġi adottat "Kodiċi Komuni għall-bini ta' postijiet ta' qima"; jenfasizza li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali li huwa garantit minn strumenti legali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jwaqqfu d-diskriminazzjoni kontra l-Insara Kopti, pereżempju billi jħassru referenzi għar-reliġjon mid-dokumenti uffiċjali kollha, u jiżguraw dinjità u opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha fl-Eġittu biex ikollhom aċċess għall-impjiegi pubbliċi u politiċi kollha, inkluża rappreżentanza fil-forzi armati, fil-Parlament u fil-Gvern;

5.

Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw b'mod strett il-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi; iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, biex iħeġġeġ l-Istati Membri jimplimentaw u jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Pożizzjoni Komuni;

6.

Huwa tal-fehma li Kostituzzjoni ġdida għandha tipprevedi espliċitament il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kollha, inklużi l-libertà tal-assoċjazzjoni, il-libertà tal-għaqda paċifika, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tar-reliġjon, tal-kuxjenza u tal-ħsieb, u l-protezzjoni tal-minoranzi; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw li kwalunkwe dispożizzjoni kostituzzjonali tkun inklussiva u ma tħalli l-ebda possibbiltà ta' diskriminazzjoni kontra xi ħadd fis-soċjetà Eġizzjana;

7.

Jisħaq fuq l-importanza li jsiru elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti għall-Assemblea tal-Poplu u għall-Kunsill Shoura fl-aħħar tal-2011 u l-bidu tal-2012, u l-elezzjonijiet presidenzjali fl-2012, fl-Eġittu; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jappoġġjaw u jgħinu lill-awtoritajiet, il-partiti politiċi u s-soċjetà ċivili Eġizzjani fl-isforzi bl-għan li jintlaħaq dan l-objettiv; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jiffaċilitaw ix-xogħol tal-organizzazzjonijiet barranin li bi ħsiebhom isegwu l-proċess elettorali fuq il-post; jitlob il-bdil tal-gvern interim tal-Eġittu, malajr kemm jista' jkun, bi gvern stabbilit skont ir-riżultati ta' elezzjonijiet ħielsa;

8.

Jistieden lill-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati (SCAF) jirrevoka minnufih il-liġi ta' emerġenza, billi tikser id-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda, sabiex ikun evitat li l-elezzjonijiet parlamentari skedati għal tmiem is-sena jsiru fi stat ta' emerġenza;

9.

Jilqa' f'dan ir-rigward l-emenda tal-Kodiċi Penali biex jiġu kriminalizzati atti ta' diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' sess, razza, lingwa, reliġjon jew twemmin;

10.

Iqis li l-UE għandha tadotta miżuri fil-każ ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem ta' kwalunkwe ċittadin fl-Eġittu; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkun lesta li tadotta miżuri ulterjuri sabiex tgħin liċ-ċittadini Eġizzjani li qegħdin jistinkaw għal futur demokratiku permezz ta' mezzi paċifiċi;

11.

Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jadottaw liġi ta' assoċjazzjoni ġdida skont l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u f'konsultazzjoni mill-qrib ma' NGOs u gruppi tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li r-rispett għad-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-parteċipazzjoni politika tan-nisa huwa kruċjali għal żvilupp demokratiku veru fl-Eġittu;

12.

Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kundizzjoni tas-saħħa tal-blogger Maikel Nabil Sanad li qed jinżamm fil-ħabs u jitlob li jinħeles minnufih; iħeġġeġ lill-Gvern u l-awtoritajiet Eġizzjani biex itemmu mingħajr dewmien il-proċessi militari ta' ċivili; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jiżguraw li l-ebda organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili ma tkun suġġetta għal intimidazzjoni diretta jew indiretta fil-pajjiż u biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta' dawn l-organizzazzjonijiet fil-proċess ta' tranżizzjoni demokratika, inkluż il-proċess elettorali;

Is-Sirja

13.

Jikkundanna bil-qawwa l-użu sproporzjonat u brutali tal-forza kontra d-dimostranti paċifiċi u l-persekuzzjoni sistematika tal-attivisti favur id-demokrazija, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, it-tobba u l-persunal mediku; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar il-gravità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-awtoritajiet Sirjani, inklużi arresti tal-massa, qtil extraġudizzjarju, detenzjoni arbitrarja, għajbien u tortura, anke tat-tfal, li jistgħu jammontaw għal reati kontra l-umanità; itenni t-talba tiegħu lill-President Bashar al-Assad u r-reġim tiegħu biex iċedu l-poter minnufih sabiex jippermettu li sseħħ tranżizzjoni politika fis-Sirja bl-għan li jitnieda proċess ta' riformi demokratiċi kbar;

14.

Jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi; ifaħħar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-poplu Sirjan u jappoġġja bil-qawwa l-aspirazzjonijiet tiegħu biex jikseb ir-rispett sħiħ tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u l-garanzija ta' kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar;

15.

Itenni s-sejħa għal investigazzjoni indipendenti, trasparenti u effikaċi dwar il-qtil, l-arresti, id-detenzjoni arbitrarja, u l-allegat għajbien sfurzat u l-każi ta' tortura mill-forzi tas-sigurtà Sirjani sabiex jiżguraw min wettaq dawn l-atti jinżamm responsabbli mill-komunità internazzjonali; huwa tal-fehma li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għandu jirreferi lis-Sirja quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjoni (QKI) bil-għan li ssir ġustizzja mal-poplu Sirjan u li jiġi evitat li aktar nies jisfaw vittmi ta' dawn il-prattiki; jitlob aċċess sħiħ għall-pajjiż tal-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll il-midja internazzjonali u jenfasizza t-talba mill-forzi tal-oppożizzjoni u d-dimostranti Sirjani biex jintbagħtu osservaturi internazzjonali;

16.

Huwa preokkupat ħafna dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fis-Sirja, b'mod partikolari dwar is-sikurezza tagħhom; jikkundanna l-azzjonijiet li għandhom l-għan li jinċitaw kunflitt inter-reliġjuż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani attwali u futuri biex jipprovdu protezzjoni affidabbli u effikaċi għall-Komunitajiet Insara;

17.

Jisħaq fuq l-importanza tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fis-Sirja, u b'mod partikolari l-libertajiet tar-reliġjon, tat-twemmin, tal-kuxjenza u tal-ħsieb; jesprimi, f'dan il-kuntest, l-appoġġ tiegħu għall-Komunità Nisranija fil-pajjiż u, fl-istess ħin, iħeġġeġ lil din il-Komunità biex ikollha rwol pożittiv u kostruttiv fl-avvenimenti li għaddejjin fis-Sirja; iħeġġeġ ukoll lill-forzi tal-oppożizzjoni Sirjani biex jiddikjaraw jew jerġgħu jikkonfermaw l-impenn tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u b'mod partikolari l-libertajiet tar-reliġjon, tat-twemmin, tal-kuxjenza u tal-ħsieb;

18.

Jilqa' d-dikjarazzjoni pożittiva magħmula mill-Kunsill dwar l-isforzi tal-oppożizzjoni politika Sirjana biex tiġi stabbilita pjattaforma unita; itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ Ashton, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħeġġu u jappoġġjaw ulterjorment il-feġġa ta' forzi tal-oppożizzjoni demokratika Sirjana organizzati kemm ġewwa l-pajjiż kif ukoll lil hinn minnu;

19.

Jilqa' l-impenn tal-UE biex tkompli tħeġġeġ azzjoni b'saħħitha tan-NU biex tiżdied il-pressjoni internazzjonali; itenni t-talba tiegħu lill-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u b'mod partikolari r-Russja u ċ-Ċina, biex ma jimblukkawx riżoluzzjoni li tikkundanna l-użu tal-forza letali mir-reġim Sirjan u li tħeġġeġ il-waqfien tal-użu tal-forza, u biex jistabbilixxu sanzjonijiet jekk dan ma jsirx; jappoġġja bil-qawwa d-deċiżjoni tal-UE tat-23 ta' Settembru 2011 li tadotta sanzjonijiet addizzjonali kontra r-reġim Sirjan; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkun lesta li tadotta miżuri ulterjuri sabiex tgħin liċ-ċittadini Sirjani li qegħdin jitħabtu għal futur demokratiku permezz ta' mezzi paċifiċi;

20.

Jilqa' l-fatt li t-Turkija u l-Arabja Sawdija kkundannaw lir-reġim Sirjan, u juri l-għoġba tiegħu għar-rwol tat-Turkija fl-ilqigħ tar-rifuġjati;

21.

Jikkundanna bil-qawwa l-atti ta' vjolenza, fastidju jew intimidazzjoni ta' xi ċittadini Sirjani li qed iseħħu fit-territorju tal-UE u jfakkar li d-dritt li wieħed jipprotesta liberament u paċifikament fis-sikurezza huwa garantit bis-sħiħ fl-Istati Membri tal-UE, anke għal min jipprotesta kontra t-tmexxija tal-President Bashar al-Assad;

*

* *

22.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Amministrazzjoni u l-Kungress tal-Istati Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2011)0387.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2011)0333.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2011)0064.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2011)0021.

(5)  ĠU L 228, 3.9.2011, p. 16.

(6)  ĠU L 228, 3.9.2011, p. 19.

(7)  ĠU L 228, 3.9.2011, p. 1.

(8)  ĠU L 269, 14.10.2011, p. 18.