5.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 33/89


L-Erbgħa 6 ta’ Lulju 2011
Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment

P7_TA(2011)0322

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment (2010/2304(INI))

2013/C 33 E/09

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2010 dwar aċċess regolat għan-Netwerks ta’ Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGA) (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-20 ta’ Settembru 2010 bit-titolu ‘Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment’ (COM(2010)0472),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-11 ta’ Mejju 2011 dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju (2),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Awwissu 2010 bit-titolu: “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ‘Il-Broadband Ewropew: Investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment’ (TEN/434-435 - CESE 362/2011),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2009 bit-titolu ‘Linji gwida Komunitarji għall-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mat-tusigħ rapidu tan-netwerks tal-faxx wiesa’ (3),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Awissu 2009 bit-tiolu ‘Rapport dwar il-Kompetittività Diġitali tal-Ewropa: Kisbiet ewlenin tal-istrateġija i2010 mill-2005 sal-2009” (COM(2009)0390)

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ġunju 2009 bit-titlu ‘L-Internet tal-Oġġetti: Pjan ta’ azzjoni għall-Ewropa’ (COM(2009)0278),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2009 bit-titolu "Ninvestu illum għall-Ewropa ta’ għada" (COM(2009)0036),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-20 ta’ Marzu 2006 bit-titolu ‘Bridging the Broadband Gap’ (Innaqqsu d-Distakk fir-rigward tal-Broadband) (COM(2006)0129),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ April 2006 bl-isem ‘i2010 eGovernment Action Plan: Accelerating eGovernment in Europe for the Benefit of All’ (COM(2006)0173),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2004 bit-titolu ‘e-Health - making healthcare better for European citizens: An action plan for a European e-Health Area’ (COM(2004)0356),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar l-Internet tal-Oġġetti (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu (5),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009 lill-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà u tal-libertajiet fundamentali fuq l-internet (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar ‘Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali Ewropew’: Approċċ komuni għall-użu tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2007 dwar it-tfassil ta’ politika Ewropea dwar il-Broadband (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-14 ta’ Frar 2007 ntitolata ‘Lejn politika Ewropea għall-ispettru radju-elettriku’ (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2006 dwar soċjetà ta’ l-informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2005 dwar is-soċjetà tal-informazzjoni (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Ottubru 1998 dwar il-globalizzazzjoni u s-soċjetà tal-informazzjoni: il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni internazzjonali msaħħa (12),

wara li kkunsidra l-qafas tal-UE għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif emendat, b’mod partikolari d-Direttivi 2002/21/KE (Direttiva Qafas), 2002/20/KE (Direttiva dwar l-Awtorizzazzjoni), 2002/19/KE (Direttiva ta’ Aċċess), 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizzi Universali), 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi) u r-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (Regolament BEREC),

wara li kkunsidra l-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku COM(2008)0800,

wara li kkunsidra l-Anness III għar-Regolament emendatorju tal-Kunsill (KE) Nru 473/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009,

wara li kkunsidra l-Artikolu 189 tat-Trattat ta’ Lisbona,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0221/2011),

A.

billi l-provvediment fl-UE kollha ta’ netwerks tal-broadband ta’ veloċità għolja huwa ta’ importanza vitali jekk għandhom jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija UE 2020, f’dawk li huma l-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku territorjalment koeżiv li jkun intelligenti, sostenibbli, u inklussiv, it-titjib tas-sitwazzjoni tal-impjiegi, it-tisħiħ tal-kompetittività tal-Ewropa, l-iffaċilitar tar-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni u b’hekk ir-reġjuni, l-ibliet, il-muniċipalitajiet u s-setturi tas-soċjetà kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-ambjent diġitali u tingħatalhom l-opportunità li jesplojtjaw teknoloġiji diġitali ġodda għas-servizzi pubbliċi,

B.

billi l-aċċess għall-broadband iseħħ minn ħafna pjattaformi(ram, kejbil, fibra, bla fili fiss u mobbli, satellita, eċċ.), attira utenti ta’ kull tip (bħalma huma konsumaturi, negozji, gvern, istituzzjonijiet pubbliċi u mingħajr qligħ, inklużi skejjel, libreriji, sptarijiet u aġenziji tas-sukurezza pubblika), li jużaw il-broadband għal għadd kbir ta’ servizzi (kummerċ elettroniku, twassil tal-kura tas-saħħa, komunikazzjoni bil-vuċi u bil-vidjo, divertiment, immaniġġjar ta’ flotot, servizzi governattivi, edukazzjoni, taħriġ għall-impjiegi, u ħafna aktar), u qed jippermetti l-applikazzjonijiet tat-tip minn magna għal magna (miters elettriċi intelliġenti u grilji intelliġenti, moniters tal-qalb bla fili, servizzi ta’ emerġenza, sistemi tal-allarm, telemetrija tal-vetturi, intraċċar tal-inventarju, u aktar),

C.

billi r-rikonoxximent u t-tħaddin ta’ diversi pjattaformi, utenti u servizzi bħala parti mill-ekosistema tal-broadband se jgħinu biex jiġi żgurat il-100 % tal-aċċess għall-broadband u se jwasslu l-ħafna benefiċċji tas-soċjetà li hemm assoċjati miegħu, li mbagħad, min-naħa tagħhom, jippromwovu l-adozzjoni tal-broadband 100 %, billi l-objettivi tal-UE għandhom jinkludu li r-reġjuni u s-setturi kollha tas-soċjetà jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-ambjent diġitali,

D.

billi l-aċċess sostenibbli tal-infrastruttura u l-kompetizzjoni tas-servizzi, flimkien ma’ ffissar ta’ miri realistiċi, vijabbli, ‘minn fuq għal isfel’, se jagħmlu l-konnettività tal-ġenerazzjoni li jmiss disponibbli b’mod effiċjenti u konformi mad-domanda,

E.

billi l-politika tal-UE tal-broadband għandha tħejji t-triq għal żvilupp fejn l-UE tista’ tkun ta’ quddiem nett rigward l-aċċess għall-broadband, il-veloċitajiet, il-mobilità, il-kopertura u l-kapaċità tal-broadband; billi t-tmexxija globali fis-settur tal-ICT hija kruċjali għall-prosperità u l-kompetittività tal-UE; billi s-suq Ewropew bi kważi 500 miljun persuna konnessi mal-broadband ta’ veloċità għolja għandu jixpruna l-iżvilupp tas-suq intern, filwaqt li joħloq massa kritika globalment unika ta’ utenti, jesponi r-reġjuni kollha għal opportunitajiet ġodda u jagħti lill-utenti valur akbar u lill-UE l-kapaċità li tkun ekonomija bbażata fuq l-għarfien fuq quddiem nett fid-dinja; billi l-installazzjoni rapida tal-broadband hija essenzjali biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u lill-produttività, u biex jiġu stimolati l-SMEs ġodda u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE,

F.

billi huwa essenzjali li jingħalaq id-distakk diġitali u jinkiseb broadband għal kulħadd fl-UE kollha għal valur miżjud Ewropew, speċjalment fir-rigward taż-żoni remoti u rurali, sabiex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali u territorjali,

G.

billi l-broadband huwa importanti għall-implimentazzjoni tal-infrastrutturi teknoloġiċi l-ġodda, li huma meħtieġa għat-tmexxija xjentifika, teknoloġika u industrijali tal-UE, bħall-cloud computing, is-superkompjuters, l-internett tal-Oġġetti u l-ambjenti intelliġenti tal-kompjuters; ifakkar li l-aċċess xieraq għall-broadband u l-veloċità xierqa tal-broadband huma essenzjali għall-iżvilupp u l-użu effiċjenti ta’ tali teknoloġiji innovattivi tal-ICT; barra dan jinnota li dawn it-teknoloġiji u s-servizzi li jipprovdu huma maħsuba għall-benefiċċju kemm tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozji, inklużi l-SMEs,

H.

billi l-atturi pubbliċi jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-varar tal-broadband għal kulħadd u tal-Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGA) f’żoni li mhumiex servuti jew li mhumiex servuti biżżejjed; billi l-investiment pubbliku għandu jopera b’tali mod li jikkumplementa l-investiment privat u jsaħħaħ il-kompetizzjoni; billi l-investituri fl-NGA jridu jżommu f’idejhom inċentivi xierqa biex ikomplu jinvestu fil-broadband,

I.

billi s-settur privat investa mijiet ta’ biljuni ta’ euro f’faċilitajiet, servizzi, applikazzjonijiet u kontenut tal-broadband matul l-aħħar għaxar snin, iżda xorta mhux iċ-ċittadini kollha Ewropej esperjenzaw il-benefiċċji tal-broadband; billi l-promozzjoni tal-investiment privat u pubbliku għandha tkompli tkun il-mutur primarju tat-tkabbir tal-broadband fl-UE,

J.

fir-rigward tad-deċiżjoni meħuda mill-Konferenza Ministerjali għall-Unjoni għall-Mediterran tal-4 ta’ Novembru 2008 f’Marsilja biex jitnaqqas id-distakk diġitali bjen iż-żewġt ixtut tal-Mediterran, li rriżultat fil-proposta tal-BB-Med (il-broadband għall-Mediterran),

Il-Broadband għal kulħadd

1.

Jinnota li l-Komunikazzjoni tifforma parti waħda biss minn pakkett usa’, li jinkludi wkoll l-Aġenda Diġitali, l-Unjoni tal-Innovazzjoni, il-Programm tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju u l-programmi ta’ finanzjament tal-UE u nazzjonali, bil-għan li tinħoloq sistema ta’ appoġġ reċiproku għal aktar żvilupp effiċjenti tan-netwerks u għall-aċċess għalihom u l-użu tagħhom, kemm jekk terrestri fissi u mobbli jew permezz tas-satellita;

2.

Jinnota li l-kunċett tal-broadband qiegħed jevolvi kostantament peress li l-għadd ta’ pjattaformi kiber u l-bażi ta’ konsumaturi u l-firxa ta’ utenti mmultiplikaw b’mod esponenzjali: il-broadband issa mhux biss jirrigwarda l-aċċess għall-internet, l-anqas ma huwa limitat għall-interazzjoni diretta tal-bnedmin hekk kif il-konnessjonijiet u l-applikazzjonijiet bejn makna u oħra qed jipproliferaw rapidament;

3.

Jinnota li t-traffiku tad-data kemm fiss u kemm mobbli qed jikber esponenzjalment u li għadd ta’ azzjonijiet, bħalma huma aktar allokazzjonijiet armonizzati għall-ispettru għall-broadband bla fili, żieda fl-effiċjenza tal-ispettru u l-varar rapidu tan-netwerks tal-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGA), se jkunu kruċjali għall-ġestjoni ta’ din iż-żieda;

4.

Iqis għalhekk li l-objettiv irid ikun li tiġi stabbilita tmexxija globali min-naħa tal-UE fl-infrastruttura tal-ICT; bil-għan li jintlaħaq dan l-objettiv, 100 % tal-kopertura bażika bil-broadband għandu jitwassal lill-Ewropej kollha sas-sena 2013, fejn jingħataw servizz ta’ mill-anqas 2 Mbps lill-utenti kollha fiż-żoni rurali u veloċitajiet ħafna aktar għolja lill-utenti f’żoni oħra; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn il-fatt li, bil-għan li jiġi oppost u pprevenut distakk diġitali, il-kopertura bażika fiż-żoni rurali se jkollha bżonn tqis ir-rekwiżiti li qed dejjem jiżdiedu ta’ trasmissjoni għal servizzi tal-internet innovattivi bħalma huma l-gvern elettroniku, is-saħħa elettronika jew it-tagħlim elettroniku; hu tal-fehma li, meta jkun qed jitqies kif għandhom jiġu ffinanzjati dawn il-miri, għandha tiġi kkunsidrata bir-reqqa l-kompetizzjoni bil-għan li jiġi evitat it-tgħawwiġ tas-suq u sabiex is-suq ikun jista’ jipprovdi soluzzjonijiet mill-bidu nett;

5.

Jinnota li, biex inkunu fit-triq it-tajba għall-mira ta’ 100Mbps, sal-2015 madwar 15 % tal-unitajiet domestiċi tal-UE għandhom ikollhom abbonamenti b’tal-anqas dik il-veloċità;

6.

Ifakkar kemm hu importanti li jintlaħqu l-objettivi tal-Aġenda Diġitali, jiġifieri li jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkollhom aċċess għal veloċitajiet tal-broadband ta’ mhux inqas minn 30 Mbps sal-2020 u li jsir possibbli għall-UE li jkollha l-ogħla veloċitajiet u kapaċità tal-broadband possibbli; jenfasizza li, biex jintlaħqu l-miri tal-broadband tal-UE 2020, l-Aġenda Diġitali trid tistabbilixxi punti ta’ riferiment għas-snin intermedjarji 2013, 2015, u 2018, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali;

7.

Jenfasizza l-ħtieġa li jsir l-aħjar użu tat-teknoloġiji disponibbli kollha, inklużi dawk mobbli u dawk tas-satellita, biex tinkiseb il-kopertura bil-broadband fiż-żoni rurali, fir-reġjuni muntanjużi u fil-gżejjer bl-aktar mod kosteffettiv, mingħajr piżijiet żejda fuq il-konsumaturi, ir-reġjuni tal-Istati Membri jew l-industrija;

8.

Jinnota li l-allokazzjoni fil-ġejjieni tal-ispettru tar-radju għandha twitti t-triq għat-tmexxija Ewropea fl-applikazzjonijiet bla fili u fis-servizzi l-ġodda; jirrimarka li l-aċċess għall-faxex ta’ frekwenza baxxa tar-radju, bil-karatteristiċi ta’ propagazzjoni tagħhom li jappoġġaw kopertura fuq żoni vasti, huwa kruċjali għall-iffaċilitar tal-kopertura bil-broadband bla fili fiż-żoni rurali, fir-reġjuni muntanjużi u l-gżejjer, u b’hekk jinfetaħ l-aċċess għas-servizzi prevedibbli kollha tal-internet; jenfasizza li l-Ewropa għandha tibqa’ fuq quddiem nett tar-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam tas-servizzi bla fili; jinnota li huwa essenzjali li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-infrastrutturi tal-broadband, inkluż it-tagħmir tal-utenti fuq il-post, sabiex jiġu assistiti l-aċċettazzjoni u x-xiri tas-servizzi tal-internet tal-broadband bis-satellita fuq bażi finanzjarjament aċċessibbli fiż-żoni rurali, fir-reġjuni muntanjużi u tal-gżejjer, u li l-utenti jiġu mgħejjuna biex ikollhom aċċess għas-servizzi tal-internet previsti kollha;

9.

Jirrakkomanda l-iffaċilitar tal-isfruttar fil-pront tad-‘Dividend Diġitali’ għas-servizzi ġodda tal-broadband mobbli permezz ta’ approċċ pan-Ewropew li jkun armonizzat u teknoloġikament newtrali, li jagħti ekonomiji ta’ skala u jevita l-kwistjonijiet detrimentali tal-interferenza transkonfinali, filwaqt li ma jinterferix mar-riċeviment tat-TV/HDTV Diġitali fuq il-bażi tal-istandards internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tappoġġa l-proġetti u l-esperimenti bl-‘ibliet bla fili’;

10.

Jikkunsidra li huwa essenzjali li l-istituti tat-tagħlim u tar-riċerka jkollhom aċċess għall-infrastrutturi tal-broadband bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni libera tal-għarfien għall-finijiet tat-tħejjija tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar u biex l-UE ssir kompetittiva; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw programmi Ewropej u nazzjonali biex jiffaċilitaw u jipprovdu l-iffinanzjar għall-aċċess għall-infrastruttura tal-broadband għall-istituzzjonijiet kollha tat-tagħlim u r-riċerka sal-2015; jikkunsidra li sal-2015 l-istituzzjonijiet kollha Ewropej tar-riċerka u akkademiċi għandhom ikunu konnessi b’netwerks b’Gbps ultraveloċi, u b’hekk jinħoloq l-intranet għaż-żona tar-riċerka unika Ewropea;

11.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jestendu l-konnettività ta’ aċċess miftuħ ta’ veloċità għolja għall-infrastrutturi pubbliċi importanti (skejjel, sptarijiet u istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn) li jinsabu f’żoni remoti, bħala mezz biex itejbu s-servizz pubbliku u jankraw il-konnettività b’veloċità għolja fir-reġjuni remoti, biex b’hekk inaqqsu l-ispejjeż tal-investiment għad-distribuzzjoni lokali privata;

12.

Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jimplimentaw politiki pubbliċi biex jappoġġaw l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u li tkun promossa l-introduzzjoni ta’ metodi ta’ tagħlim diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iskambji tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u mal-pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-UE;

13.

Ifakkar li t-teknoloġiji l-ġodda u l-aċċess għall-konnessjonijiet ta’ veloċità għolja għandhom impatt pożittiv fuq l-edukazzjoni taċ-ċittadini, inkluż billi joħolqu opportunitajiet tajba għat-tagħlim mill-bogħod b'mod partikolari fir-reġjuni ultraperiferiċi, għall-informazzjoni, għall-komunikazzjonijiet u għar-rikreazzjoni;

14.

Jenfasizza l-ħtieġa għal investiment sostnut fir-riċerka fi ħdan l-UE għat-teknoloġiji futuri tal-komunikazzjoni kemm fit-telefonija fissa u f’dik tal-mowbajl; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa inizjattivi konġunti ta’ teknoloġija f’dawn l-oqsma, billi tinvolvi l-universitajiet, l-istituti ta’ riċerka, il-manifatturi tat-tagħmir u l-fornituri tas-servizz u tal-kontenut; iqis li dawn il-pjattaformi jipprovdu l-aħjar mezzi biex tiġi żviluppata u sfruttata t-teknoloġija ġdida u jipprovdu vantaġġ kompetittiv sinifikanti għall-UE;

15.

Jinnota li, ix-xandara għandhom ikunu kapaċi joffru kontenut awdjoviżiv pluralistiku ta’ standard għoli, billi jużaw pjattaformi ta’ xandir eżistenti, inklużi pjattaformi terrestri kif ukoll netwerks tal-broadband, b'mod partikolari għal servizzi fuq talba, sakemm dawn in-netwerks tal-broadband jissodisfaw l-istess rekwiżiti f'termini tal-kwalitià tas-servizz u jimmassimizzaw l-effiċjenza tal-ispettru u l-kopertura tagħhom;

16.

Jitlob lill-Kummissjoni biex, bil-għan li tinħoloq struttura koerenti, konsistenti u effettiva tal-UE li tiġbor flimkien ir-riżorsi kollha biex ikunu jistgħu jintużaw b’mod effiċjenti, tippreżenti b’mod urġenti proposta xierqa għal pjan strateġiku li jkun fih qafas uniku għall-aspetti kollha tas-sigurtà ċibernetika tal-UE, tiżgura l-ħarsien sħiħ u l-abilita ta’ rkupru tal-infrastrutturi tan-netwerks u tal-informazzjoni kritika, inklużi standards minimi ta’ sikurezza u ċertifikazzjonijiet, terminoloġija komuni, ġestjoni tal-inċidenti ċibernetiċi u pjan direzzjonali dwar is-sigurtà ċibernetika; hu tal-fehma li tali pjan għandu jiddefinixxi l-kontribuzzjonijiet rekwiżiti minn kull attur, inkluża l-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-ENISA, il-Europol, il-Eurojust, l-UE u t-timijiet nazzjonali bil-kompjuter għar-reazzjoni għall-emerġenzi u korpi u awtoritajiet oħra relevanti tal-UE u nazzjonali, kif ukoll is-settur privat, u wkoll jindirizza r-rwol u r-rappreżentanza tal-UE internazzjonalment;

17.

Iqis li l-obbligi universali tas-servizz jistgħu eventwalment isiru inċentiv addizzjonali mal-iżvilupp tal-broadband u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex malajr teżamina mill-ġdid l-ambitu tas-servizz universali f’dan ir-rigward;

18.

Jistieden lill-Istati Membri biex, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati kollha, jistabbilixxu pjanijiet tal-broadband nazzjonali u jadottaw pjanijiet operazzjonali b’miżuri konkreti biex jimplimentaw il-miri tal-2013 u l-2020 stipulati fl-Aġenda Diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tistudja dawn il-pjanijiet, tipproponi soluzzjonijiet ottimi u tikkoordina l-implimentazzjoni tagħhom mal-Istati Membri;

Il-Broadband għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u l-kompetittività globali

19.

Iqis li huma meħtieġa netwerks u servizzi ġodda ta’ veloċità għolja biex tiġi inkoraġġita l-kompetittività internazzjonali tal-UE u biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja;

20.

Jemmen li l-kombinazzjoni tal-kompetizzjoni u l-miri magħżula bl-attenzjoni, kemm fl-infrastruttura kif ukoll fis-servizzi, tipprovdi l-aħjar bażi għall-investiment sostenibbli, l-innovazzjoni u l-aċċettazzjoni u x-xiri; madankollu jenfasizza li f’xi każijiet aktar kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati tista’ trawwem ukoll l-investimenti;

21.

Iqis li n-netwerks tal-broadband ta’ kapaċità għolja u l-fibra fin-netwerks ta’ aċċess (FTTH jew ‘il-fibra ottika sad-dar tal-utent’) huma essenzjali mill-perspettiva kemm tal-utenti finali u l-ħtiġijiet tagħhom fil-ġejjieni u kemm tal-iżvilupp ekonomiku, meta wieħed iqis l-użu dejjem aktar estensiv tal-applikazzjonijiet tal-broadband;

22.

Jirrakkomanda li jiġi promoss suq kompetittiv għall-investiment f’infrastruttura tal-broadband fissa kif ukoll mingħajr fili, u għall-użu tagħha; jinnota li suq kompetittiv huwa katalist għall-investiment addizzjonali u għall-innovazzjoni min-naħa tal-fornituri tal-komunikazzjonijiet, tal-applikazzjonijiet u tal-kontenut, kif ukoll pjattaforma vitali għall-ekonomija diġitali; jirrikonoxxi l-fatt li pjattaforma tal-broadband robusta se tgħaqqad il-gvern, l-utenti individwali u dawk kummerċjali f’postijiet fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, u li għalhekk l-UE u l-Istati Uniti b’mod partikolari għandhom isegwu aġendi kuraġġjużi biex jippromwovu l-broadband;

23.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lill-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Kommunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u lill-fornituri tas-servizzi jaħdmu biex sal-2013 isibu approċċ komuni lejn it-tisħiħ tas-suq uniku għan-negozju u l-komunikazzjonijiet madwar l-UE kollha;

24.

Jenfasizza, bil-ħsieb li jiġu rrealizzati swieq mobbli kompetittivi, l-importanza tal-allokazzjoni kompetittiva u f’waqtha ta’ spettru għall-broadband bla fili permezz tal-Programm ta’ Politika dwar l-Ispettru tar-Radju, u jistieden lill-Istati Membri biex sal-2013 jagħmlu disponibbli l-faxxa tat-800MHz, filwaqt li jirrispettaw is-servizzi eżistenti;

25.

Ifakkar li d-dinja diġitali u l-ICT huma muturi tal-innovazzjoni u li l-aċċess għal broadband ta’ veloċità kbira għaldaqstant huwa prekundizzjoni essenzjali fis-Sħubiji Ewropej għall-Innovazzjoni (EIPs) kollha, peress li ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-parteċipazzjoni miċ-ċittadini;

26.

Jenfasizza l-importanza tal-akkwist pubbliku prekummerċjali ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq l-R&D għas-setturi msemmija bħala mezz biex jiġi stimulat ċiklu virtuż ta’ żvilupp teknoloġiku u domanda għal servizzi tal-broadband ta’ veloċità għolja;

27.

Huwa tal-fehma li l-finanzjament pubbliku allokat għas-servizzi tal-broadband jista’ jipprovdi l-ispinta effettiva għall-kompetittività tar-reġjuni tal-UE jekk jiġi dirett għal ġol-iżvilupp ta’ infrastruttura aġġornata ta’ ġenerazzjoni ġdida b’kapaċità għolja ta’ trażmissjoni f’żoni fejn hemm nuqqas mill-akbar ta’ konnessjoni tal-broadband; jemmen li żoni bħal dawn, b’mod partikolari dawk b’bażi industrijali kbira u li għandhom densità għolja ta’ popolazzjoni, jistgħu jibbenefikaw malajr ħafna mill-potenzjal innovattiv u kreattiv tas-servizzi l-ġodda disponibbli għall-individwi u għan-negozji;

28.

Iqis li l-estensjoni tan-netwerks tal-broadband, prinċipalment fiż-żoni rurali, se tiffaċilita titjib fil-komunikazzjonijiet, partikolarment għal persuni b’mobilità mnaqqsa jew li jgħixu f’kundizzjonijiet iżolati, kif ukoll se ttejjeb l-aċċess għal servizzi u tħeġġeġ l-iżvilupp tas-SMEs f’żoni rurali, u b’hekk tgħin biex jinħolqu impjiegi ġodda u jiġu żviluppati servizzi ġodda f’dawn il-postijiet;

29.

Jiddispjaċih li l-EUR 1 biljun ta’ finanzjament imħabbar fl-2008 fil-pjan għall-irkupru ekonomiku Ewropew b’referenza għal koperutura ta’ 100 % bil-broadband sa tmiem l-2010 ma ġiex allokat u li dan l-objettiv ma ntlaħaqx; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw l-ammonti meħtieġa biex tintlaħaq il-mira li sal-2013 tiġi żgurata kopertura ta’ 100 % bil-broadband meta l-qafas finanzjarju multiannwali attwali jiġi rieżaminat;

30.

Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi stabbilit suq uniku diġitali kompetittiv li jaħdem bħala xprun biex is-suq intern jinfetaħ għaċ-ċittadini kollha tal-UE; jitlob għall-istabbiliment ta’ ‘punt uniku ta’ riferiment’ fir-rigward tal-VAT f’kull Stat Membru sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ elettroniku transkonfinali għall-SMEs u l-imprendituri;

31.

Isostni li d-domanda għolja għall-konnettività, li simultanjament tkabbar il-profil tal-ekonomija onlajn tal-UE, tikkontribwixxi biex l-UE tkun lesta għan-netwerks u twieġeb għat-tibdil fis-soċjetà li qed iseħħ fis-suq uniku, għandha tiġi appoġġjata mill-fondi xierqa u minn infrastruttura solida ta’ kompetizzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-proġett tal-Broadband Ewropew;

32.

Jenfasizza li s-servizzi tal-broadband huma essenzjali għall-kompetittività tal-industrija tal-UE u jikkontribwixxu bil-kbir għat-tkabbir ekonomiku tal-UE, għall-koeżjoni soċjali u għall-impjiegi ta’ kwalità, kif ukoll għall-parteċipazzjoni tar-reġjuni u l-gruppi soċjali kollha fil-ħajja diġitali fl-UE; jemmen li l-implimentazzjoni b’suċċess tal-‘Pakkett tal-Broadband’ hija kritika biex jiġi ttrattat b’mod determinat il-qgħad, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, permezz tal-provvediment ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv fl-Ewropa kif previst mill-istrateġija Ewropa 2020;

33.

Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ssejjaħ Assemblea Diġitali f’Ġunju tal-2011;

L-inċentivizzar tal-investiment u l-kompetizzjoni

34.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-miżuri min-naħa tal-Istati Membri u s-settur tal-industrija li jkunu mmirati biex jipprovdu l-broadband għal kulħadd, jiġu ffukati fuq in-naħa tad-domanda u jevitaw li jgħawġu s-suq jew li joħolqu piż bla bżonn fuq is-settur;

35.

Jinnota li r-riskji potenzjali involuti fil-bini ta’ infrastruttura tal-broadband tal-ġenerazzjoni li jmiss li tkun tiswa ħafna huma qawwija, b’perjodi twal ta’ ħlas lura; jistqarr li r-regolamentazzjoni m’għandhiex tiskoraġġixxi l-investimenti f’din l-infrastruttura u għandha tiżgura li l-parteċipanti kollha tas-suq ikollhom inċentivi suffiċjenti biex jinvestu;

36.

Jisħaq li l-ispiża tal-investimenti tal-infrastruttura teħtieġ li tiġi ffinanzjata mis-suq; jinnota, madankollu, li, fejn x’aktarx li ma tiġix installata infrastruttura miftuħa permezz ta’ forzi tas-suq f'perjodu ta’ żmien raġonevoli, il-qafas tal-għajnuna tal-istat għall-broadband u l-użu speċifikat tal-fondi Komunitarji, inkluż permezz tal-BEI, il-fondi strutturali u l-FAEŻR, jistgħu jkunu l-aktar mezz kumplementari progressiv biex jiġi aċċellerat il-varar tal-broadband; jistieden lill-Kummissjoni ħalli fir-rieżami tagħha tal-linji gwida tal-għajnuna tal-istat fir-rigward tal-broadband tipprovdi qafas stabbli u konsistenti li jkun jappoġġja l-kompetizzjoni u l-investiment effiċjenti fin-netwerks miftuħa u tippermetti l-allokazzjoni flessibbli ta’ fondi tal-UE fiż-żmien tal-perjodi ta’ programmar rispettivi;

37.

Jappoġġa l-miżuri kollha li se jgħinu biex jonqsu l-ispejjeż tal-inġinerija ċivili u jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm servizzi innovattivi biex jiġu stimulati l-aċċettazzjoni u x-xiri; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi ħiliet u kompentenzi ġodda biex jiġu pprovduti servizzi innovattivi u biex inkunu nistgħu nadattaw ruħna għall-bidla teknoloġika, u jqis li l-investiment f’netwerks ġodda, miftuħa u kompetittivi għandu jiġi sostnut minn miżuri meħuda mill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali ħalli jitnaqqsu l-ispejjeż; jitlob li jiġu allokati fondi pubbliċi (nazzjonali u tal-UE) għall-iżvilupp ta’ infrastrutturi tal-komunikazzjonijiet bil-broadband fiż-żoni iżolati, li għandhom popolazzjoni baxxa u mifruxa jew li huma ultraperiferiċi li mhumiex attraenti biżżejjed għall-fornituri f’dak li jirrigwarda l-kost imqabbel mal-benefiċċji;

38.

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ gwida aħjar dwar l-investiment fil-broadband għall-awtoritajiet lokali u reġjonali bil-għan li jiġi inkoraġġit l-assorbiment sħiħ tal-fondi tal-UE, peress li l-figuri tal-infiq għall-Fondi Strutturali jissuġġerixxu li r-reġjuni jsibuha diffiċli biex jassorbu l-fondi disponibbli u biex jimmirawhom għal proġetti tal-broadband; jikkunsidra li l-għajnuna statali għall-investiment tal-broadband għandha tintuża f’sinerġija mal-fondi strutturali biex tistimula l-intraprenditorija lokali u l-ekonomija lokali, jinħolqu impjiegi lokali u tiġi promossa l-kompetizzjoni fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet; jemmen li biex isir użu massimu mill-fond pubbliku limitat, kemm jekk direttament mill-Istati Membri jew inkella permezz tal-UE, tali fondi jeħtieġ li jkollhom fowkus ċar fuq dawk il-proġetti fejn jista’ jkun mistenni li jkollhom l-effett massimu f’investiment privat bil-għan li jkomplu jiżdiedu l-kopertura u l-kapaċità; jenfasizza l-ħtieġa għal fondi pubbliċi jew self preferenzjali, f’konformità mal-gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna statali, li għandha tiġi mmirata lejn evidenza futura, fit-tul u infrastrutturi miftuħa li jappoġġjaw il-kompetizzjoni u l-għażla tal-konsumatur;

39.

Jenfasizza li azzjonijiet f’dan il-qasam jitwettqu predominantement fuq livell lokali, u jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżviluppa u ttejjeb mekkaniżmi li se jippermettu li l-protagonisti lokali jiksbu l-informazzjoni rilevanti sabiex inaqqsu l-ispejjeż tal-investimenti; iqis li, sabiex il-pjanijiet tal-broadband isiru operattivi għalkollox, mhux biss il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jikkooperaw, iżda l-awtoritajiet reġjonali u lokali ukoll għandhom jiġu involuti fit-tfassil tal-pjanijiet;

40.

Jagħraf il-fatt li ċ-ċertezza regolatorja hija meħtieġa biex jiġi promoss l-investiment u biex jiġu indirizzati l-barrieri fin-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ARN) jsegwu politiki prokompetittivi li jiżguraw it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni fis-suq tal-bejgħ tal-telekomunikazzjonijiet bl-ingrossa, ħaġa li tħalli lill-kompetituri kollha jkollhom aċċess ġust għall-infrastruttura; jistieden lill-Istati Membri.jikkonformaw mar-regoli tal-UE rigward it-telekomunikazzjonijiet u jistieden lill-ARN jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-NGA; jistieden lill-Kummissjoni tapplika aktar elementi li jinċentivizzaw l-investiment fil-qafas regolatorju u tipprovdi stimolu biex jintużaw sinerġiji mill-proġetti tal-infrastruttura;

41.

Jenfasizza l-importanza tas-swieq kompetittivi fil-kisba ta’ broadband li jkun għall-but ta’ kulħadd, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat malajr mill-Istati Membri u l-ARN il-qafas rivedut tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE u r-Rakkomandazzjoni dwar l-Aċċess tal-Ġenerazzjoni Li Jmiss;

42.

Jinnota l-ħtieġa għal linji gwida ċari għall-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-fondi jiġu diretti f’waqthom lejn objettivi tal-broadband ewlenin filwaqt li jiġu rispettati l-effiċjenza u l-proporzjonalità tal-ispiża tal-miżuri;

43.

Jitlob li jiġi stabbilit qafas li jkun jirrispetta l-investimenti għall-NGA u għall-aċċess ta’ veloċità għolja bla fili (mobbli u bis-satellita) li, inter alia, jiżgura ċ-ċertezza legali u jippromwovi l-investiment, il-kompetizzjoni u n-newtralità tat-teknoloġija, filwaqt li jħalli l-għazliet tat-teknoloġija f’idejn is-suq;

44.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess nondiskriminatorju għax-xogħlijiet ċivili u jiffaċilitaw l-aċċess għat-tubi, u b’hekk jitbaxxa sostanzjalment il-livell ta’ limitu għall-investimenti;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni, b’appoġġ mill-Istati Membri, tagħmel mappa li turi ż-żoni li mhumiex servuti u ż-żoni li mhumiex servuti biżżejjed;

46.

Jinnota li bil-għan li jiġu massimizzati d-disponibilità u l-adozzjon tal-broadband, il-politika tal-UE trid tinkoraġġixxi l-installazzjoni ta’ netwerks, applikazzjonijiet, tagħmir ta’ aċċess, servizzi u kontenut li jkunu effiċjenti u finanzjarment aċċessibbli; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżviluppaw servizzi elettroniċi tal-gvern, tad-demokrazija, tat-tagħlim u tas-saħħa, li se jagħtu spinta lid-domanda għall-broadband;

47.

Jenfasizza li fejn il-forzi tas-swieq huma kapaċi jwasslu l-aċċess kompetittiv għall-broadband, il-politika tal-gvern għandha tippromwovi l-investiment u l-innovazzjoni min-naħa tas-settur privat billi tneħħi l-ostakoli għall-installar;

48.

Jappoġġa l-ħidma tal-Kummissjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex jittejjeb l-iffinanzjar ta’ netwerks veloċi u ultraveloċi, u jenfasizza l-ħtieġa li tali finanzjar ikun dirett lejn proġetti ta’ infrastruttura miftuħa li jappoġġaw diversità ta’ servizzi;

49.

Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu esplorati sorsi ġodda ta’ finanzjament u strumenti tal-iffinanzjar innovattivi; għal dak il-għan jappoġġa l-ħolqien ta’ sistema ta’ bonds għall-proġetti tal-UE li, f’kollaborazzjoni mal-BEI u ggarantita mill-baġit tal-UE, se tirrispondi għal-lakuna fil-finanzjament attwali kkaġunata mir-riluttanza min-naħa tal-investituri privati u l-limitazzjonijiet serji li hemm fuq il-baġits nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex mill-aktar fis possibbli tressaq proposti leġiżlattivi konkreti għall-implimentazzjoni ta’ dan is-sors alternattiv ta’ finanzjament għal proġetti maġġuri ta’ infrastruttura li għandhom valur miżjud Ewropew;

50.

Ikompli jinkoraġġixxi l-investiment xieraq tas-settur pubbliku u mudelli organizzattivi, b’mod partikolari bl-involviment tal-awtoritajiet lokali, is-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat u skemi ta’ inċentivi tat-taxxa għall-varar ta’ netwerks veloċi u ultraveloċi; jenfasizza kemm hu importanti li l-politiki tal-gvern jiġu kkoordinati fil-livelli kollha;

51.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiftiehmu dwar Patt tal-UE għall-Installar tal-Broadband bil-għan li l-programmi ta’ finanzjament nazzjonali u Ewropej u l-investiment privat jiġu koordinati b’mod aktar effettiv, skont il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-Għajnuna tal-Istat, filwaqt li jiġu speċifikati bħala mira ż-żoni rurali b’mod partikolari, u tiġi żgurata l-koordinazzjoni meħtieġa b’indikaturi konsistenti tal-output fuq skala tal-UE kollha;

52.

Jitlob li jiġi stabbilit task force tal-UE ta’ livell għoli waħdanija b’rappreżentanza tal-partijiet interessati relevanti kollha, inklużi l-utenti u l-fornituri ta’ netwerks u servizzi elettroniċi, l-ARN u l-BEREC, biex jgħinu fl-iżvilupp ta’ strateġija futura tal-infrastruttura tal-ICT;

53.

Jistieden lill-Kummissjoni ssalvagwardja l-prinċipji tan-newtralità u tal-ftuħ tal-internet u tippromwovi l-abilità tal-utenti aħħarija li jidħlu għall-informazzjoni u jiddistribwuha u li joperaw applikazzjonijiet u servizzi li jagħżlu huma; jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk l-implimentazzjoni tal-qafas rivedut tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE għadhiex il-ħtieġa ta’ regoli ta’ gwida speċifiċi;

54.

Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu liema miżuri jistgħu jittieħdu biex jiġi faċilitat il-penetrazzjoni tas-swieq min-naħa ta’ operaturi ġodda bil-għan li jitħeġġeġ ambjent kompetittiv;

55.

Jenfasizza li l-miżuri regolatorji meħuda mill-Istati Membri fir-rigward tal-impożizzjoni tas-separazzjoni funzjonali, għandhom jittieħdu biss bħala miżura eċċezzjonali wara analiżi tal-impatt mistenni dwar l-awtorità regolatorja, l-impriża, b’mod partikolari l-ħaddiema tagħha u l-inċentivi tagħha biex tinvesti fin-netwerk tagħha; din l-evalwazzjoni tal-impatt għandha tiġi diskussa mal-partijiet interessati kollha, inklużi r-rappreżentanti tal-ħaddiema;

Il-benefiċċji għall-konsumatur

56.

Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproduċi gwida dwar l-ikkostjar u n-nondiskriminazzjoni, prinċipji ewlenin fil-qafas tal-UE, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-kompetizzjoni fin-netwerks veloċi u ultraveloċi u tippermetti lill-operaturi kollha aċċessaw ekwu għall-infrastruttura, bil-għan li tiġi żgurata għażla wiesgħa ta’ servizzi, rati ta’ aċċess ekwi għan-netwerks u prezzijiet għall-but tal-konsumaturi, u tagħti inċentivi għall-investiment effiċjenti u għall-qlib rapidu għan-netwerks veloċi u ultraveloċi;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw l-esklużjoni diġitali soċjali u impedimenti oħra li s’issa żammew xi popolazzjonijiet barra mis-sistema tal-internet, b'mod partikolari l-komunitajiet bi dħul baxx u l-persuni b'diżabilità, u jistedinhom jirrikjedu li l-partijiet interessati kollha jipprovdu: it-taħriġ u l-aċċess pubbliku għas-servizzi tal-broadband, l-assistenza ekonomika għall-akkwist tas-servizzi u t-tagħmir tal-broadband, u inċentivi għall-iżvilupp tat-teknoloġija u l-kontenut immirati lejn il-ħtiġijiet speċifiċi tal-utenti;

58.

Jistieden lill-Kummissjoni, bil-għan li naslu fi stat fejn ikollna servizzi interattivi fattibbli u jkun jista’ jsir il-monitoraġġ tal-miri tal-broadband, tispeċifika aktar karatteristiċi kwalitattivi tal-aċċess għall-broadband, inklużi l-veloċitajiet biex tniżżel u ttella’, il-ħinijiet ta’ stennija jew dewmien, il-veloċitajiet esperjenzati mill-utenti u l-karatteristiċi metieġa għall-prestazzjoni effiċjenti ta’ tali servizzi; jilqa’ x-xogħol tal-Kummissjoni fuq l-iżviluppar ta’ metodoloġija biex jitkejlu l-aspetti relevanti tal-esperjenza attwali tal-utenti;

59.

Jisħaq id-differenza bejn il-veloċitajiet teoretiċi tan-netwerk u l-esperjenza tal-utent attwali peress li l-esperjenza tal-utent hija marbuta wkoll mal-kapaċità u l-konġestjoni tal-websajt eċċ; jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-BEREC, tirfina l-qisien tagħha tal-veloċitajiet tal-broadband li jitwasslu u taġġusta l-miri tagħha skont dawn il-qisien, u jistieden lill-BEREC jiżviluppa linji gwida tal-UE biex jiżgura li l-veloċitajiet tal-broadband reklamati jirriflettu b’mod xieraq il-veloċitajiet medji għat-tligħ u t-tniżżil li l-utenti jistgħu fil-fatt jistennew u biex jiżgura informazzjoni komprensiva għall-konsumatur dwar is-servizzi offruti, bil-għan li tiġi żgurata t-trasparenza fuq il-benefiċċji tat-teknoloġija ġdida, tiġi promossa l-komparabilità u tittejjeb il-kompetizzjoni; jitlob lill-GRET jiżgura li, fl-interess tat-trasparenza, jkunu rreklamati b'mod ġust il-veloċitajiet tipiċi tal-broadband li jesperjenzaw il-konsumaturi u l-benefiċċji tat-teknoloġija l-ġdida għall-applowdjar u għad-dawnlowdjar mill-internet; jistieden lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jieħdu miżuri kontra l-fornituri li ma jikkonformawx mar-rakkomandazzjonijiet tal-GRET;

60.

Itenni l-importanza ta’ servizzi futuri b’veloċità għolja li jagħtu l-effiċjenza tal-enerġija tal-UE, l-objettivi ta’ sigurtà u kapaċitajiet oħra ta’ komunikazzjoni (pereżempju sistemi tat-trasport effiċjenti u intelliġenti, sistemi ta’ komunikazzjoni persuna għall-persuna, persuna għall-magna u magna għall-magna);

61.

Josserva li, meta mqabbla mat-teknoloġija tal-lum, in-netwerks ġodda tal-fibra ottika joffru lill-konsumaturi aċċess ta’ kwalità għolja b'veloċitajiet konsistentement ogħla; iqis li jagħmel sens li l-broadband abbażi tal-fibra ottika jingħata prijorita f'dawk iż-żoni fejn fit-tul jirrappreżenta l-aktar soluzzjoni ekonomika u sostenibbli;

62.

Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rapport kull sena lill-Parlament dwar dak li hemm offrut u l-għażliet fir-rigward tal-broadband effettivament disponibbli għall-utenti fl-UE kif ukoll dwar il-progress li jsir lejn l-implimentazzjoni tal-qafas għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u r-rakkomandazzjoni tal-NGA;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri fil-qasam tan-netwerks WiFi b’veloċità għolja fit-trasport pubbliku li jkunu aċċessibbli u bla ħlas;

64.

Jenfasizza li l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, flimkien mal-internet broadband, huwa opportunità kbira biex ikomplu jittejbu l-komunikazzjoni u d-djalogu bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea;

65.

Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ b’valutazzjonijiet aktar dettaljati rigward l-impatt li ċertu teknoloġiji relatati mal-broadband, b’mod partikolari s-sistemi tal-komunikazzjoni persuna lil persuna, persuna lil magna u magna lil magna, jista’ jkollhom fuq is-saħħa; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE biex tikkontrolla u tevalwa kostantement ir-riskji tas-saħħa tal-internet bla fili ħalli ċ-ċittadini ma jiġux esposti għal radjazzjoni ta’ ħsara għas-saħħa;

Inizjattivi Elettroniċi: il-promozzjoni tad-domanda

66.

Jitlob li jittieħdu miżuri speċifiċi biex jiġi żgurat li l-SMEs ikunu jistgħu jgawdu għalkollox il-potenzjal tal-broadband fl-oqsma tal-kummerċ elettroniku u tal-akkwist elettroniku; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel skambju tal-aħjar prattiki u tikkunsidra programm speċifiku għall-SMEs u għall-konnettività bil-broadband bħala parti mill-Aġenda Diġitali;

67.

Jenfasizza li, sabiex jiġu ottimizzati l-impatt u l-benefiċċji tiegħu għas-soċjetà, id-dħul tal-broadband għandu jsir flimkien ma’ programmi ta’ informazzjoni dwar l-għarfien fuq id-domanda u programmi edukattivi;

68.

Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi biex jindirizzaw l-iskarsezza tal-ħiliet fil-qasam elettroniku fil-livelli edukattivi kollha u permezz tal-edukazzjoni tul il-ħajja kollha għaċ-ċittadini kollha, b’fowkus speċjali fuq dawk b’ħiliet baxxi fl-IT; jindika li l-investiment fil-broadband fl-UE jista’ jkun ta’ suċċess biss jekk l-investiment tekniku jimxi id f’id mal-investiment fil-ħiliet tal-IT taċ-ċittadini; jenfasizza r-rwol li għandhom it-teknoloġiji l-ġodda fl-edukazzjoni u jinnota li l-litteriżmu teknoloġiku minn issa 'l quddiem mhux biss huwa objettiv imma wkoll għodda essenzjali biex iseħħu t-tagħlim tul il-ħajja u l-koeżjoni soċjali;

69.

Jistieden lill-Istati Membri u l-industrija biex jagħtu s-setgħa lill-persuni biex jiżviluppaw ħiliet ġodda permezz ta’ programmi komprensivi ta’ tagħlim ta’ ħiliet mill-ġdid u taħriġ u biex jakkumpanjaw il-bidla teknoloġika minn politiki tas-suq tax-xogħol attivi;

70.

Jistieden lill-Istati Membri jagħtu widen lir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-pjan ta’ azzjoni tagħha dwar il-gvern elettroniku billi jużaw l-akkwist elettroniku, jadottaw strateġija miftuħa għall-aċċess għad-data tas-settur pubbliku, jippromwovu l-identità elettronika u jiżguraw l-interoperabilità tal-firem pan-Ewropea u dinjija; ifakkar li l-azzjonijiet kollha għandhom jiġu diretti lejn is-semplifikar tal-interazzjoni burokratika mal-amministrazzjonijiet pubbliċi;

71.

Jistieden lill-Kummissjoni taċċellera l-operazzjonijiet tal-akkwist pubbliku bl-użu ta’ riżorsi fuq l-internet u fatturazzjoni elettronika (inizjattiva tal-fattura elettronika);

72.

Jappoġġja inizjattivi bħalma huma s-saħħa elettronika u infrastruttura tal-informazzjoni tas-saħħa pan-Ewropea biex itejbu l-awtonomija tal-pazjenti u l-kwalità tal-ħajja tagħhom; jiddikjara li, minħabba li l-popolazzjoni tal-UE qiegħda tixjieħ, dawn is-servizzi għandhom ikunu aċċessibbli kullimkien, f’kull ħin, inkluż minn fuq apparat mobbli u fuq kollox għandhom ikunu affordabbli; jemmen li sabiex tiġi implimentata l-infrastruttura tal-informazzjoni tas-saħħa pan-Ewropea ta’ sistema tas-saħħa ċċentrata fuq il-pazjent, għandhom jiġu realizzati l-azzjonijiet li ġejjin:

l-implimentazzjoni ta’ ftehim fl-UE kollha bejn l-Awtoritajiet tas-Saħħa tal-UE dwar standards li jippermettu aċċess integrat għal informazzjoni relevanti fl-infrastruttura tal-informazzjoni tas-saħħa Ewropea; jeħtieġ li jiġu involuti l-awtoritajiet li hemm fil-livelli kollha – lokali, nazzjonali u tal-UE,

l-implimentazzjoni tal-Infrastruttura tal-Informazzjoni tas-Saħħa Ewropea; din se tinkludi sforz ta’ żvilupp fuq skala kbira biex tiġi faċilitata l-integrazzjoni tal-informazzjoni miżmuma f’diversi postijiet, kif ukoll l-implimentazzjoni tas-servizzi ewlenin iċċentrati fuq il-pazjenti għall-appoġġ tal-pazjenti, billi jipprovdu awtorizzazzjoni u pagament tat-trattament, ikun fejn ikun u jkun xħin ikun;

73.

Jappoġġa servizzi tal-broadband innovattivi diretti lejn is-settur marittimu, u jilqa’ d-diskussjoni mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fuq inizjattiva marittima elettronika ġdida li qed tinbena fuq il-proġett SafeSeaNet, li, huwa previst, se tindirizza wkoll informazzjoni relatata mal-loġistika, id-dwana, il-kontroll tal-fruntieri, l-ambjent, l-operazzjonijiet tas-sajd, il-komunikazzjonijiet kif ukoll il-kwistjonijiet tas-sigurtà u s-sikurezza;

74.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-użu tal-aħħar ġenerazzjoni ta’ satelliti bħala użu innovattiv tal-komunikazzjonijiet tal-broadband fi proġetti ta’ valur miżjud Ewropew, inkluż l-iżvilupp tal-użu tas-sistema tal-Perikolu u s-Sigurtà Marittima Globali, u l-ġenerazzjoni l-ġdida tan-Netwerk taż-Żona Globali tal-Broadband u servizzi marittimi tal-FleetBroadband;

75.

Ifakkar fil-ħtieġa li l-Aġenda Diġitali tiġi konnessa mad-dispożizzjonijiet ta’ servizzi ġodda li jiġġeneraw it-tkabbir bħall-kummerċ elettroniku, is-saħħa elettronika, it-tagħlim elettroniku u s-servizzi bankarji elettroniċi;

76.

Jenfasizza kemm hu importanti li jkun hemm qafas robust tal-privatezza għall-UE u jilqa' r-rieżami li għadu għaddej tad-Direttiva dwar il-Privatezza;

*

* *

77.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 251, 25.9.2010, p. 35.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2011)0220.

(3)  ĠU C 235, 30.9.2009, p. 7.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2010)0207.

(5)  ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 45.

(6)  ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 206.

(7)  ĠU C 8E, 14.1.2010, p. 60.

(8)  ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 87.

(9)  ĠU C 287E, 29.11.2007, p. 364.

(10)  ĠU C 291E, 30.11.2006, p. 133.

(11)  ĠU C 133E, 8.6.2006, p. 140.

(12)  ĠU C 104, 14.4.1999, p. 128.