5.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 33/77


It-Tlieta 5 ta’ Lulju 2011
L-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE

P7_TA(2011)0320

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE (2011/2047(INI))

2013/C 33 E/08

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jgħid li "L-objettiv prinċipali tal-politika ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp ta’ l-Unjoni għandu jkun it-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar. L-Unjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-objettivi ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw”,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta’ Settembru 2000,

wara li kkunsidra l-Kunsens ta’ Monterrey, adottat fil-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp li saret f’Monterrey, fil-Messiku, bejn it-18 u t-22 ta’ Marzu 2002,

wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp (1),

wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tan-Nisa fl-Iżvilupp 2010-2015 (SEC (2010) 0265) u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2010 dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju li japprovaw il-Pjan ta’ Azzjoni rilevanti tal-UE,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-koperazzjoni għall-iżvilupp (2) (‘Strument ta’ Koperazzjoni għall-Iżvilupp’ (DCI)),

wara li kkunsidra l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol f’Politiki dwar l-Iżvilupp (3),

wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna u l-Aġenda ta’ Akkra għal Azzjoni,

wara li kkunsidra l-Inizjattiva tan-NU għal Bażi ta’ Protezzjoni Soċjali, imnedija mill-Bord tal-Kapijiet Eżekuttivi tan-NU (CEB) f’April 2009,

wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Iżvilupp Ewropew bl-isem ‘Protezzjoni speċjali għal żvilupp inklussiv’, imniedi fis-7 ta’ Diċembru 2010,

wara li kkunsidra l-Aġenda ta’ Xogħol Deċenti tal-ILO u l-Patt Globali dwar l-Impjiegi tal-ILO, adottat b’kunsens globali fid-19 ta’ Ġunju 2009 fil-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol,

wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel, Olivier De Schutter, imsemmi "Agroecology and the Right to Food" (Agroekoloġija u d-Dritt għall-Ikel), imressaq tul is-16-il Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti [A/HRC/16/49], fit-8 ta’ Marzu 2011,

wara li kkunsidra r-rapport bl-isem "L-Istat tal-Ikel u tal-Agrikoltura 2010-2011; In-Nisa fl-Agrikoltura - Innaqqsu d-differenzi bejn is-sessi għall-iżvilupp" mill-Organizzazzjoni dwar l-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, Ruma 2011,

wara li kkunsidra d-‧Djalogu Strutturat – għal sħubija effiċjenti fl-Iżvilupp‧ inizjattiva mnedija mill-Kummissjoni Ewropea f'Marzu 2010 biex jinstabu mezzi prattiċi ta’ titjib tal-effikaċja tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali involuti fil-kooperazzjoni mal-UE,

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Novembru 2010 intitolata “Politika tal-żvilupp tal-UE għall-appoġġ ta’ tkabbir inklussiv u żvilupp sostenibbli: Żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE’ (COM(2010)0629),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2010 dwar il-futur tal-appoġġ baġitarju tal-UE lil pajjiżi terzi,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti għal kulħadd (4), tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar kuntratti tal-GMD (5), tal-25 ta’ Marzu 2010 dwar l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw u fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp (6), tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar is-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-Afrika Sub-Saħarjana u s-Saħħa Dinjija (7), tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar il-progress lejn l-ilħiq tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp: reviżjoni intermedja bi tħejjija għal-laqgħa ta’ livell għoli tan-NU f’Settembru 2010 (8), tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima f’Cancun (COP16) (9), u tat-8 ta’ Marzu 2011 dwar it-Taxxa u l-Iżvilupp – Kooperazzjoni ma’ Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw dwar il-Promozzjoni ta’ Governanza Tajba fi Kwistjonijiet tat-Taxxa (10),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0205/2011),

A.

billi t-tnaqqis u l-qerda tal-faqar jikkostitwixxu għan ewlieni tal-politika għall-iżvilupp tal-UE, kif definita fit-Trattat ta’ Lisbona,

B.

billi l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE fir-rigward tal-eliminazzjoni tal-faqar u l-ilħiq tal-MDGs, u l-prinċipji bħas-sjieda u s-sħubija, l-effikaċja tal-għajnuna u l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, li għadhom kruċjali u li għandhom jiggwidaw l-isforzi biex jiżdied l-impatt tal-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp,

C.

billi l-faqar għandu bosta dimensjonijiet, mhux biss dik ekonomika, iżda wkoll umana, soċjokulturali, politika, protettiva, tas-sessi u ambjentali, li għandhom jiġu ffaċċjati permezz tal-politika tal-UE għall-iżvilupp,

D.

billi l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-kisba tas-setgħa politika u ekonomika min-nisa u t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa huma kruċjali għat-tnaqqis tal-faqar u għall-iżvilupp sostenibbli,

Politika tal-iżvilupp b'impatt kbir

1.

Jilqa’ l-isforzi biex jiġu żviluppati dokumenti ta’ Strateġija Nazzjonali Ewropea biex jinkiseb titjib fil-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri; jenfasizza li l-proċess tal-ipprogrammar għandu jiżgura li l-aġenda tal-effikaċja tal-għajnuna tiġi implimentata, u li d-dritt tal-Parlament li jeżerċita l-iskrutinju demokratiku, kif definit mit-Trattat ta’ Lisbona fl-Artikolu 290, jiġi rispettat;

2.

Itenni s-sejħa tiegħu għall-inkorporazzjoni tal-FEŻ fil-baġit tal-UE biex ikun hemm koordinament aħjar bejn il-bosta strumenti ta’ għajnuna tal-UE; jinsisti li dan m'għandux iwassal għal tnaqqis tal-finanzjament kemm tal-istrument ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp futur jew tal-FEŻ (meta mqabbel mal-livelli attwali tagħhom);

3.

Jenfasizza li riżultati kbar biż-żieda tal-impatt tal-għajnuna tal-UE jistgħu jinkisbu minn issa permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipji li diġà qed jiggwidaw l-azzjoni għall-iżvilupp, bħall-iffukar tal-għajnuna tal-UE fuq il-faqar, il-PCD, u l-impenji ta’ Pariġi u ta’ Akkra dwar l-effikaċja tal-għajnuna; jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol ta’ tmexxija fuq dawn il-kwistjonijiet, partikolarment fil-Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna f'Busan, u biex tiżgura li dan il-proċess deċisiv jimxi skont l-għanijiet deskritti preċedentement rigward l-effikaċja tal-qafas ta’ għajnuna lejn l-2015;

4.

Iqis li l-proġetti u l-politiki ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea għandhom ikunu evalwati regolarment biex jiġi determinat liema azzjonijiet ta’ żvilupp huma l-aktar effikaċi; jistieden, konsegwentement, lill-Kummissjoni tfassal politika ta’ valutazzjoni komprensiva bbażata fuq kriterji u indikaturi ċari, kif meħtieġ; itenni, madankollu, li din it-tfittxija għal politika b'impatt qawwi ma għandhiex twassal biex tiffavorixxi valutazzjoni tar-riżultati li hi purament kwantitattiva u fuq perjodu ta’ żmien qasir;

5.

Jemmen li l-kuntratti MDG jipprovdu mudell pożittiv ta’ għajnuna prevedibbli u bbażata fuq ir-riżultati, li għandha tiġi żviluppata aktar mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri;

6.

Ifakkar, permezz tal-Kunsens dwar l-Iżvilupp, li l-governanza parteċipatorja responsabbli hi strument fost l-aktar li jiffaċilitaw l-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar il-prattiki ta’ governanza fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, inklużi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-titjib tal-ġestjoni finanzjarja pubblika, it-tisħiħ tat-trasparenza u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jappoġġa l-proposti tal-Kummissjoni għat-titjib tal-promozzjoni ta’ governanza tajba u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni f'pajjiżi benefiċjarji; jenfasizza, madankollu, li l-mekkaniżmi li jużaw l-għajnuna bħala inċentiv għal riformi politiċi, għandhom ikunu trasparenti, u għandhom ipoġġu enfasi partikolari fuq id-demokrazija u fuq id-drittijiet tal-bniedem u għandhom jinkludu l-partijiet interessati fl-iżvilupp nazzjonali;

7.

Jenfasizza li, bi qbil mal-kunċett tas-sjieda demokratika, il-parlamenti, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra għandhom ikunu appoġġati fl-isforzi tagħhom li jirrealizzaw ir-rwol li suppost għandhom fid-definizzjoni ta’ strateġiji għall-iżvilupp, biex iżommu responsabbli l-gvernijiet u jimmonitorjaw u jevalwaw il-prestazzjoni tal-passat u r-riżultati f'termini ta’ żvilupp; jinsisti, barra minn hekk, dwar il-fatt li l-approċċ territorjali għall-iżvilupp jippermetti sjieda aħjar mill-benefiċjarji;

8.

Jistieden lill-UE twettaq l-impenji ta’ Akkra tagħha billi tipprovdi finanzjament u għajnuna adegwata lill-gvernijiet sieħba sabiex tippermetti l-parteċipazzjoni sinifikanti taċ-ċittadini fl-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili;

9.

Jenfasizza r-rwol imwettaq mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u min-netwerks tagħhom fit-tkabbir tal-impatt tal-politika Ewropea għall-iżvilupp; jirrimarka li l-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi riċevituri jinsabu fl-aħjar qagħda biex iwettqu r-rwol proprju tagħhom billi jidentifikaw setturi prijoritarji, iħejju u jadottaw Karti ta’ Strateġija tal-Pajjiżi u baġits multiannwali, kif ukoll jimmonitorjaw l-allokazzjonijiet tal-baġit, b'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, qabel id-djalogu politiku mad-donaturi biex b'hekk jissaħħaħ ir-rwol tal-parlamentari fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

10.

Jenfasizza r-rabta mill-qrib bejn l-iżvilupp tal-politika tal-iżvilupp b'impatt kbir u l-iżvilupp tal-kapaċità; jirrimarka li l-iżvilupp tal-kapaċità għandu jitqies bħala proċess integrat li jtejjeb il-kapaċità taċ-ċittadini, organizzazzjonijiet, gvernijiet u soċjetajiet biex ifasslu strateġiji ta’ żvilupp sostenibbli; jenfasizza li l-iżvilupp tal-kapaċità hu proċess li jirrikjedi sjieda mill-pajjiżi sieħba u spazju għall-politika tagħhom;

11.

Jinnota li l-appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċità, mhux biss permezz tal-istrument ta’ appoġġ għall-baġit iżda ukoll permezz ta’ kooperazzjoni teknika, hu essenzjali għall-għajnuna għall-iżvilupp b'impatt kbir; jirrikonoxxi li s-sjieda tal-proċessi ta’ trasformazzjoni u l-idenfikazzjoni magħhom minn naħa tal-pajjiżi sieħba jistgħu jiżdiedu biż-żmien meta dawk l-istrumenti jiġu kkonsolidati;

12.

Jenfasizza li l-mira għaż-żieda tal-impatt tal-għajnuna u l-kisba ta’ aktar riżultati/valur għall-flus m'għandux iwassal għal politika ta’ żvilupp li tmur kontra r-riskju u li tiffoka biss fuq il-"pajjiżi faċli"; jinsisti li l-qerda tal-faqar u l-bżonnijiet relatati għandhom jibqgħu l-kriterju kruċjali għall-allokazzjoni tal-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp u li l-effikaċja tal-għajnuna għandha tittejjeb billi wieħed jiffoka fuq ir-riżultati tanġibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrevedu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrumenti ta’ finanzjament u jiffokaw l-għoti tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) fuq l-ifqar pajjiżi u fuq l-iktar pajjiżi vulnerabbli, u biex jilħqu l-ifqar partijiet tas-soċjetà - b'mod partikolari dawk li jiffaċċjaw l-ikbar riskji ta’ esklużjoni soċjali, bħan-nisa, it-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità, filwaqt li jqisu r-riżultati miksuba u l-impatt tal-għajnuna; jitlob biex jiġi pprogrammat perjodu ta’ tneħħija gradwali tal-allokazzjonijiet tal-ODA għall-pajjiżi emerġenti;

13.

Jenfasizza l-bżonn li jkun hemm distinzjoni bejn il-bżonnijiet ta’ żvilupp tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) u dawk tal-Pajjiżi bi Dħul Medju (MICs), partikolarment id-donaturi emerġenti; ifakkar li 72 % tal-foqra dinjija jgħixu fil-MICs, u li għandu jibqa' jkun hemm kooperazzjoni u djalogu sabiex jiġu indirizzati l-faqar u l-inugwaljanza persistenti; itenni li l-kooperazzjoni mhux relatata mal-ODA mal-MICs u sħab strateġiċi m’għandhiex tiġi ffinanzjata minn baġit għall-iżvilupp li diġà huwa skars;

14.

Hu tal-fehma li l-politika tal-UE għall-iżvilupp għandha tfittex li telimina l-ostakoli għall-iżvilupp, bħar-rimi ta’ prodotti agrikoli, il-piż ta’ dejn illeġittimu, it-trasferiment ta’ kapital u l-kummerċ inġust u għandha wkoll toħloq ambjent internazzjonali li jippermetti l-ġlieda kontra l-faqar, b'garanzija ta’ dħul u għajxien deċenti u kif ukoll it-twettiq tad-drittijiet umani bażiċi, inklużi d-drittijiet soċjali u ekonomiċi;

15.

Itenni l-prinċipju tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bħala bażi li fuqhom għandu jissaħħaħ l-impatt tal-politika ta’ żvilupp tal-UE;

16.

Jenfasizza li t-trattament tal-inugwaljanza – inkluż l-inugwaljanza bejn is-sessi – isaħħaħ l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem li hu sostnut fil-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp u jista' jwassal għal tnaqqis tal-faqar b'rata aktar mgħaġġla;

17.

Jirrikonoxxi l-problemi għall-iżvilupp riżultat tal-kunflitti u d-diżastri kif ukoll l-importanza u l-kost-effettività tal-investiment fil-prevenzjoni;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni, biex flimkien mal-Istati Membri interessati, jagħtu ċans lill-approċċi ta’ għajnuna innovattivi, bħall-ħlas mal-akkwist, għajnuna bbażata fuq il-produzzjoni u finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati;

19.

Jenfasizza li l-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) hija kruċjali għall-implimentazzjoni ta’ politika ta’ żvilupp b’impatt kbir u għat-temma tal-MDGs; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi b’mod ċar ir-responsabilitajiet u t-tmexxija fl-ogħla livelli rigward it-tisħiħ tal-obbligu tal-PCD skont it-Trattat, u jitlob li jkun hemm biżżejjed riżorsi allokati għal dan l-għan fil-Kummissjoni, fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-delegazzjonijiet tal-UE;

20.

Jemmen li sabiex jiġi żgurat impatt kbir, il-politika għall-iżvilupp tal-UE għandu jkollha approċċ ibbażat fuq l-inċentivi msejjes fuq divrenzjar akbar billi jkunu ppremjati dawk il-pajjiżi bi prestazzjoni tajba u appoġġati dawk li jinsabu fl-ikbar diffikultà;

21.

Jinsisti li l-mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament iffukati fuq il-ħolqien tal-ġid, id-drittijiet għall-proprjetà intellettwali u t-tnaqqis tat-trasferiment tal-kapital għandhom jingħataw kunsiderazzjoni xierqa fit-tfassil ta’ direzzjonijiet ta’ żvilupp lokalizzati, bi qbil mal-prijoritajiet speċifiċi tar-riċevituri;

L-ilħiq tal-impenji finanzjarji

22.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu li għandha tintlaħaq il-mira kollettiva li tingħata perċentwali ta’ 0.7 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni (ING) lill-ODA sal-2015; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsibu sorsi ġodda ta’ finanzjament għall-iżvilupp bħat-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarja fil-livell dinji, finanzjament mis-settur privat u soluzzjonijiet orjentati lejn is-suq; jopponi kwalunkwe bidla jew twessigħ tad-definizzjoni ta’ ODA, kif stipulat mill-Kumitat għall-Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD;

23.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu l-impenji finanzjarji pendenti tagħhom, inkluż dawk magħmula dwar il-kura tas-saħħa materna u tat-tfal, bħala parti mill-inizjattiva tal-G8 ta’ Muskoka;

24.

Jenfasizza li l-għajnuna għandha tingħata b'mod prevedibbli skont il-pjanijiet u l-prijoritajiet nazzjonali, u għandha tipprovdi inċentivi għat-trasparenza u r-responsabilità akbar mill-gvernijiet donaturi, NGOs u mill-Istati sieħba;

25.

Huwa tal-fehma li l-valur miżjud tal-għajnuna tal-Kummissjoni għall-iżvilupp u l-iskadenzi għall-MDGs li dalwaqt magħna jiġġustifikaw żieda sinifikanti f’termini reali tal-figuri annwali għall-ODA fl-MFF (Qafas Finanzjarju Multiannwali) li jmiss; jenfasizza li m'għandux jitnaqqas is-sehem globali tal-għajnuna Ewropea diretta permezz tal-baġit tal-UE u li din għandha tibqa' ffukata fuq il-faqar;

26.

Ifakkar li għajnuna skont l-istrumenti futuri tal-UE ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha tkompli tintrabat mal-kriterji tal-ODA stabbiliti mill-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD

27.

Jitlob sforzi akbar fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar l-iżvilupp fl-Ewropa; jenfasizza li dawn għandhom jitqiesu mhux biss bħala mezz biex jiżdied l-appoġġ pubbliku għall-infiq għall-iżvilupp, iżda wkoll bħala mezz li jippermetti lil kull persuna fl-Ewropa tifhem it-tħassib relatat mal-iżvilupp globali; jenfasizza li t-titjib tal-għarfien pubbliku u t-tnaqqis tal-indifferenza għat-tbatija tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jistgħu jgħinu t-tisħiħ tal-politika tal-UE għall-iżvilupp;

28.

Jinnota li sabiex jiżdied l-għarfien pubbliku u titnaqqas l-indifferenza, għandhom isiru sforzi għat-titjib tat-trasparenza tal-infiq għall-għajnuna, għat-tisħiħ tat-tixrid tal-istudji ta’ valutazzjoni indipendenti, u għandhom jiġu applikati sanzjonijiet aktar stretti għal dawk l-atturi li jkunu nstabu li għamlu użu ħażin tal-għajnuna għall-iżvilupp;

Il-promozzjoni tat-tkabbir fost il-foqra

29.

Jirrikonoxxi li t-tkabbir ekonomiku hu mutur ta’ spinta kruċjali lill-iżvilupp; jenfasizza madankollu li t-tkabbir hu biss strument wieħed fost ħafna, u li l-immassimizzar tat-tkabbir ma jfissirx l-immassimizzar tal-iżvilupp; jinnota b'mod partikolari li l-impatt tat-tkabbir fuq l-eliminazzjoni tal-faqar jista' jkun ferm ogħla jekk titnaqqas l-inugwaljanza u jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem; jinsisti għalhekk li l-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp tkun imfassla biex tiffavorixxi t-tkabbir favur il-foqra permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri li jiffokaw speċjalment fuq il-foqra u l-marġinalizzati sabiex titrawwem żieda fil-parti tagħhom tal-ġid nazzjonali u biex ikun jistgħu jsiru l-mutur għal tkabbir ġenwinament inklużiv, bħall-mikrokreditu u l-mikrofinanzi, kif ukoll soluzzjonijiet oħrajn li joħorġu mis-suq;

30.

Josserva li politika bbażata biss fuq it-tkabbir ekonomiku wriet il-kapaċità limitata tagħha biex teqred il-faqar u tippromwovi l-koeżjoni soċjali kif urew il-kriżijiet finanzjarji, klimatiċi, tal-enerġija u tal-ikel reċenti; huwa favur żvilupp sostenibbli, msejjes fuq il-kummerċ ġust u l-ġustizzja soċjali, li jibbenefika l-ġenerazzjonijiet attwali mingħajr ma jipperikola d-disponibilità ta’ riżorsi għall-ġenerazzjonijiet futuri;

31.

Jenfasizza li l-politiki ta’ tkabbir ekonomiku ma jistgħux jirnexxu mingħajr il-promozzjoni ta’ standards soċjali u ambjentali u l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ protezzjoni soċjali;

32.

Jenfasizza li l-politiki tal-UE għandhom jiffaċilitaw it-tkabbir f’oqsma tal-ekonomija fejn jaqalgħu flushom il-foqra, bħall-agrikultura, u għandhom jagħtu iktar attenzjoni lis-settur informali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffavorixxu miżuri li jipprovdu sikurezza tal-pussess tal-art u jiffaċilitaw l-aċċess tal-foqra għall-art, is-swieq, il-krediti u servizzi finanzjarji oħra u żvilupp tal-ħiliet, mingħajr ma jkomplu jżidu l-inugwaljanzi eżistenti u mingħajr ma jsaħħu strutturi ta’ dipendenza assimetrika;

33.

Jappoġġa sforzi biex jiġi promoss żvilupp industrijali u żvilupp tal-infrastruttura li jikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli f'rispett sħiħ tal-istandards soċjali u ambjentali; jinnota li t-tisħiħ tal-iżvilupp industrijali u tas-suq hu l-aktar mod effettiv biex jiżdied it-tkabbir u biex iċ-ċittadini jinħarġu mill-faqar;

34.

Jinnota li l-iżvilupp industrijali għandu potenzjal trasformattiv qawwi ħafna għall-ekonomiji nazzjonali, u għall-kuntrarju tal-esportazzjonijiet agrikoli jew l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali, li jesponu l-ekonomiji għall-kriżijiet, x'aktarx joffri possibilitajiet akbat ta’ tkabbir imsaħħaħ tal-produttività għat-tul; għalhekk jistieden lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jindirizzaw din il-kwistjoni billi jfasslu u jimplimentaw politiki ta’ industrijalizzazzjoni b'mira speċifika fuq l-ispeċjalizzazzjoni fil-manifattura u l-bini ta’ kapaċità kummerċjali;

35.

Jenfasizza l-ħtieġa għal tkabbir industrijali effiċjenti fl-enerġija, sabiex it-tkabbir fil-PGD ikun isseparat mid-dipendenza fuq iż-żejt u fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu kull sforz biex jiffaċilitaw it-trasferiment ta’ teknoloġija effiċjenti fl-enerġija u tal-aħjar prattiki, lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

36.

Iqis il-finanzjament għal esportazzjoni fuq skala kbira jew il-proġetti tal-infrastruttura, filwaqt li jibqgħu attraenti f'termini ta’ riżultati tanġibbli, mhux neċessarjament huma l-aħjar strateġija biex jingħataw benefiċċji lill-popolazzjoni inġenerali u lill-komunitajiet foqra l-aktar marġinalizzati;

37.

Iħeġġeġ li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw b’mod iktar sistematiku l-aġenda tax-xogħol deċenti tal-ILO fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex jiġi stimulat il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u jiġu protetti l-istandards ewlenin tax-xogħol;

38.

Jenfasizza li d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u t-tnaqqis tad-dipendenza tagħhom fuq l-importazzjonijiet jeħtieġu li jkunu objettivi primarji għall-politiki ta’ sostenn tat-tkabbir;

39.

Jenfasizza li l-proġetti tal-investiment appoġġati mill-mekkaniżmi tal-UE għat-taħlit ta’ għotjiet u self għandhom ikunu soġġetti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom u għal studji tal-impatt dwar l-istandards soċjali u ambjentali miftehma; jinsisti li l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-għażla tal-proġetti għandu jkun trasparenti u jiżgura l-koerenza mal-karti ta’ strateġija tal-UE, mal-prinċipju tas-sjieda tal-pajjiż u mal-impenn tal-UE li ma tibqax tagħti għajnuna b'kundizzjonijiet ta’ xiri;

40.

Jinsisti li t-taħlit għandu jiġġenera fondi ġodda, aktar milli jwassal għas-sostituzzjoni tal-għotjiet tal-ODA mill-UE bis-self;

41.

Jenfasizza li l-politika ta’ żvilupp ma tistax tkun tassew effikaċi mingħajr il-promozzjoni ta’ oqfsa legali adegwati speċjalment fl-oqsma dwar id-drittijiet għall-proprjetà u l-liġi kuntrattwali;

42.

Jenfasizza li l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tgħin biex tibda tintuża l-kapaċità produttiva tan-nisa u b'hekk jingħata kontribut għal tkabbir sostenibbli u favur il-foqra;

Żvilupp uman

43.

Jenfasizza li l-faqar ma jitkejjilx biss f'termini monetarji u li fis-sens aktar wiesa' tiegħu il-faqar ifisser iċ-ċaħda ta’ drittijiet fundamentali bħall-ikel, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-libertà tal-espressjoni;

44.

Jenfasizza li l-provvista ta’ servizzi soċjali bażiċi hija kruċjali għat-tkabbir fost il-foqra u l-ilħuq tal-MDGs; jitlob li l-UE tiddedika 20 % mit-total tal-assistenza għas-servizzi soċjali bażiċi, kif iddefiniti min-Nazzjonijiet Uniti fl-MDGs (indikatur 8.2 għall-għan 8: Żvilupp ta’ sħubija dinjija għall-iżvilupp), b’enfasi partikolari fuq l-aċċess ħieles u universali għall-kura tas-saħħa primarja u l-edukazzjoni bażika, b'kunsiderazzjoni tal-appoġġ tal-UE għall-inizjattiva "Edukazzjoni għall-kulħadd", u l-Kommunikazzjoni dwar ir-rwol tal-UE għas-saħħa globali tal-2010; itenni l-bżonn li tingħata attenzjoni speċifika lill-gruppi vulnerabbli u lil dawk b'riskju għoli ta’ esklużjoni soċjali, bħall-persuni b'diżabilità;

45.

Jenfasizza li l-edukazzjoni tal-bniet u l-promozzjoni tal-ugwaljanza tal-ġeneru fl-edukazzjoni huma essenzjali għall-iżvilupp, u l-politiki u l-azzjonijiet li ma jindirizzawx d-diskrepanzi tal-ġeneru ser jitilfu opportunitajiet ta’ żvilupp kritiċi; jenfasizza li l-edukazzjoni tal-bniet toffri wħud mill-ogħla ritorni ta’ investiment għall-iżvilupp, bl-għoti ta’ benefiċċji privati u soċjali li jakkumulaw għall-individwi, familji u s-soċjetà in ġenerali bit-tnaqqis tar-rati ta’ fertilità tan-nisa, it-tnaqqis tar-rati ta’ maternità, il-mortalità tat-trabi u tat-tfal, il-protezzjoni kontra l-infezzjoni mill-HIV/AIDS, iż-żieda fir-rati ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol u l-ħolqien ta’ benefiċċji edukattivi interġenerazzjonali;

46.

Jenfasizza l-importanza li jitnaqqsu d-distakki fis-sistemi tas-saħħa, minħabba prijoritajiet bħas-saħħa sesswali u riproduttiva, u jenfasizza l-importanza tal-investiment fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS u mard infettiv ieħor;

47.

Ifakkar li l-investiment fit-tfal u fiż-żgħażagħ hu investiment għat-tul fl-iżvilupp sostenibbli tal-bniedem;

48.

Jilqa’ l-inizjattiva tan-NU għal Protezzjoni Soċjali Minima; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ għal programmi nazzjonali ta’ protezzjoni soċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex jiżviluppaw qafas politiku komprensiv dwar din il-kwistjoni li jinkludi l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-aspetti tal-emanċipazzjoni tan-nisa;

49.

Jilqa' l-isforzi tal-UE biex tindirizza b'mod aktar sistematiku r-rabtiet bejn id-dimensjoni esterna tal-politika ta’ migrazzjoni u tal-asil u politiki oħrajn li għandhom effett fuq il-migrazzjoni, pereżempju l-impjiegi, l-edukazzjoni, id-drittijiet u l-protezzjoni soċjali;

50.

Hu tal-fehma li l-introjti fiskali huma essenzjali biex pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ikunu jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi taċ-ċittadini tagħhom, sabiex ikunu anqas dipendenti fuq l-għajnuna barranija u biex jippromwovu r-responsabilità demokratika; itenni l-fehma tiegħu li l-UE għandha tappoġġa pajjiżi sħab biex jiżviluppaw sistemi fiskali ġusti, trasparenti u effettivi biex jiġġeneraw id-dħul meħtieġ għall-protezzjoni soċjali u politiki favur il-foqra, u għandha tkompli l-ħidma fil-livell internazzjonali għal trasparenza finanzjarja akbar u biex tiżgura li l-pajjiżi sieħba jaqsmu l-istess benefiċċji; jenfasizza li l-iskambju tal-aħjar prattika u l-qsim tal-informazzjoni fil-politika ta’ tassazzjoni huma kruċjali għall-ħolqien ta’ sistemi fiskali ġusti;

51.

Jenfasizza l-importanza intrinsika tad-drittijiet tal-bniedem u t-toroq differenti disponibbli għall-UE biex tgħin fil-bini tal-kapaċità għar-rispett tad-drittijiet kollha tal-bniedem;

L-involviment tas-settur privat

52.

Jirrikonoxxi li l-iżvilupp tas-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa kruċjali biex jinħolqu opportunitajiet ta’ impjieg, jiġu pprovduti servizzi u jiżdied il-ħolqien tal-prosperità; ifakkar li 90 % tal-impjiegi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jinsabu fis-settur privat; jenfasizza li, bi qbil mal-aġenda favur il-foqra, l-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp għandha tiffoka fuq il-finanzjament għal kumpaniji domestiċi, l-ispinta ta’ kapitali domestiċi u t-tħeġġiġ tal-pajjiżi riċevituri biex joħolqu ambjent li jwassal għall-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar, medi u mikro u fuq it-tneħħija ta’ ostakoli għall-formalizzazzjoni, l-aċċess għall-kapital u l-kreditu bi spiża raġonevoli u li s-servizzi u l-bini tal-ħiliet jiġu mmirati b’mod partikolari lejn intraprendituri ifqar;

53.

Jafferma mill-ġdid ir-rwol soċjalment u ekoloġikament responsabbli tas-settur privat fl-ispinta tal-pass tal-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tappoġġa, fost l-oħrajn, l-intrapriżi soċjali-ekonomiċi li jaħdmu bi qbil mal-prinċipji etiċi u ekonomiċi;

54.

Jenfasizza l-importanza li jiġu vvalutati biċ-ċar ir-riskji possibbli ta’ parteċipazzjoni dejjem akbar tas-settur privat, u għalhekk għandhom jiġu ddefiniti kriterji ċari għall-appoġġ ta’ proġetti fis-settur privat flimkien ma’ mekkaniżmi ta’ valutazzjoni tal-impatt b'saħħithom li għandhom jiġu żviluppati biex jiżguraw li l-investiment tas-settur privat jkun sostenibbli, bi qbil mal-għanijiet ta’ żvilupp internazzjonali miftehma, u li dan jwassalx li mmorru lura lura għall-irbit tal-għajnuna;

55.

Ifakkar li l-investiment pubbliku f'beni pubbliċi, infrastruttura u servizzi hu fundamentali għat-tkabbir sostenibbli u t-tnaqqis effettiv tal-inugwaljanzi;

56.

Jenfasizza li proġetti ta’ investiment li jinvolvu lis-settur privat li jkunu ffinanzjati mill-UE f’pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jissodisfaw standards internazzjonali ambjentali, drittijiet tal-bniedem, soċjali u ta’ trasparenza u jkunu konsistenti mal-pjanijiet ta’ żvilupp tal-pajjiżi benefiċjarji; joġġezzjona għal kwalunkwe tip ta’ kooperazzjoni ma’ entitajiet privati li jikkontribwixxu direttament jew indirettament għal kull tip ta’ evażjoni fiskali jew evitar tat-taxxa; jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-mekkaniżmi ta’ diliġenza dovuta fl-għażla ta’ finanzjament għall-proġetti ta’ tħaffir għar-riżorsi;

57.

Jinsab konvint li l-investiment għandu impatt pożittiv fuq it-tkabbir u l-impjiegi, mhux biss fl-UE iżda ukoll fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jenfasizza li l-pajjiżi industrijalizzati għandhom responsabilità biex jipprovdu appoġġ akbar għall-investiment fl-impriżi indiġeni u t-trasferiment tat-teknoloġija lilhom, sabiex is-setturi emerġenti tal-ekonomija fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ikunu jistgħu jimplimentaw standards ta’ kwalità kif ukoll standards soċjali u ambjentali internazzjonali; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni msaħħa sabiex il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jiġu megħjjuna jtejbu l-kapaċità istituzzjonali u regolatorja tagħhom għall-ġestjoni tal-investimenti barranin;

58.

Jitlob lill-UE tirrikonoxxi d-dritt tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jirregolaw l-investiment, jiffavorixxu l-investituri li jappoġġjaw l-istrateġija tal-iżvilupp tal-pajjiżi sieħba u biex jagħtu trattament preferenzjali lill-investituri domestiċi u reġjonali għall-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali;

59.

Jistieden lill-UE tilqa' l-impenji tal-Istrateġija għall-Għajnuna tal-Kummerċ tagħha dwar l-assistenza għall-iżvilupp b'mira speċifika fuq proġetti mfassla biex jgħinu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex dawn jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom marbutin mal-kummerċ, itejbu l-katina tal-provvista u fl-aħħar mill-aħħar jikkompetu fis-swieq reġjonali u globali;

60.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva b'għan simili dwar il-liġi l-ġdida tal-Istati Uniti dwar il-"conflict minerals", biex tiġġieled l-isfruttament illegali tal-minerali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, b'mod partikolari fl-Afrika, kunflitti li jagħtu n-nar għall-gwerer ċivili u gwerer, u biex jiżguraw it-traċċabiltà tal-importazzjonijiet tal-minerali fis-suq tal-UE;

61.

Jitlob li ssir analiżi u valutazzjoni tas-Sħubijiet Pubbliċi u Privati (PPP) li jinvolvu s-settur privat fl-iżvilupp, promossi mill-Kummissjoni sabiex nitgħallmi minn din l-esperjenza qabel ma ngħaddu għal kunċett ta’ politika ġdid ta’ użu ta’ flus pubbliċi biex ikun immobilizzat il-finanzjament mis-settur privat;

62.

Jenfasizza li l-appoġġ lis-settur privat għandu jmur id f’id mal-għajnuna lill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali u l-parlamenti fil-pajjiżi benefiċjarji biex dawn ikunu jistgħu jirregolaw is-swieq b’mod effikaċi, jippromwovu t-trasparenza, jimplimentaw politiki fiskali ġusti u l-governanza tajba u jiġġieldu kontra l-korruzzjoni, kemm fl-intrapriżi u l-NGOs, kif ukoll fil-gvernijiet u l-awtoritajiet pubbliċi;

It-tibdil fil-klima, l-enerġija, u l-iżvilupp sostenibbli

63.

Jilqa’ l-proposta biex il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tiġi ffokata fuq l-enerġija sostenibbli u rinnovabbli; itenni li l-aċċess għall-enerġija hu prerekwiżit għat-temma tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju; jinsisti li l-provvista tal-ilma u l-aċċess għall-enerġija għall-foqra u b’rabta mal-provvista ta’ servizzi pubbliċi u l-iżvilupp lokali għandhom ikunu objettivi ewlenin ta’ proġetti appoġġati mill-UE;

64.

Jipprijoritizza l-appoġġ għal soluzzjonijiet tal-enerġija sostenibbli lokali u reġjonali u l-produzzjoni deċentralizzata, b'mod partikolari, sabiex il-prijoritajiet ta’ żvilupp jiġu allinjati ma’ kwestjonijiet ambjentali preokkupanti;

65.

Jinnota l-potenzjal kbir tal-enerġija rinnovabbli (l-enerġija solari, l-enerġija tar-riħ, l-enerġija ġeotermali u l-bijomassa) f'bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw proġetti ta’ enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jqiegħdu għad-dispożizzjoni teknoloġija, għarfien espert u opportunitajiet ta’ investiment, peress li dan huwa vitali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, inaqqas id-dipendenza tal-pajjiżi fuq il-fjuwils fossili u jnaqqas il-vulnerabilità tagħhom inkwantu tibdil fil-prezzijiet tal-enerġija;

66.

Iħeġġeġ lill-UE tiżgura li l-ODA tal-UE għat-titjib tal-aċċess għall-enerġija tappoġġa l-iżvilupp tal-ekonomija lokali, l-impjiegi ambjentali u t-tnaqqis tal-faqar u li dan ma tkunx marbuta jew użata biex tissussidja l-intrapriżi tal-UE; jistieden ukoll lill-UE ma tħawwadx politiki għat-tkabbir tal-aċċess għall-enerġija għan-nies foqra mat-twettiq tal-miri tal-UE għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew mal-bżonnijiet tas-sigurtà tal-enerġija għaliha stess;

67.

Jilqa' l-inizjattivi meħuda mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jinvestu fil-produzzjoni tal-ikel aktar milli fil-produzzjoni tal-bijokarburanti, sabiex jiżguraw il-provvista tal-ikel tagħhom;

68.

Itenni li l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għandhom id-dover li jieħdu t-tmexxija fil-bini ta’ ekonomija globali b'livell ta’ karbonju baxx li hi meħtieġa biex jitnaqqsu l-emissjonijiet kif meħtieġ; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu t-tmexxija fit-tnaqqis tal-emissjonijiet;

69.

Jirrikonoxxi li t-trattament tat-tibdil fil-klima u l-kisba tal-għanijiet ewlenin ta’ żvilupp huma għanijiet ta’ appoġġ reċiproku; jenfasizza l-ħtieġa ta’ sforzi iktar sistematiċi għall-integrazzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima bbażati fuq l-ekosistema u miżuri ta’ tnaqqis tar-riskju u l-mitigazzjoni ta’ diżastri, u jitlob għalhekk li jkun hemm approċċ olistiku li jintegra d-dimensjoni ambjentali fil-programmi u l-proġetti ta’ żvilupp, pereżempju billi jitjiebu r-regolamenti dwar it-trasferiment tal-iskart u l-qtugħ tas-siġar illegali;

70.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-migrazzjoni tal-klima, fenomenu li xi uħud jistmaw li għandu jwassal 200 miljun ruħ iħallu djarhom sal-2050, hekk kif il-kondizzjonijiet fl-artijiet tagħhom imorru gradwalment għall-agħar, u jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi permezz tal-politika ta’ żvilupp biex tingħata assistenza u jitnaqqsu n-numru ta’ refuġjati, b'investiment fit-teknoloġiji, ir-riżorsi umani u l-għajnuna finanzjarja;

71.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-integrazzjoni ma tistax tissostitwixxi l-provvediment ta’ riżorsi ġodda u addizzjonali li l-UE u donaturi oħra wiegħdu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-ħtiġijiet ta’ adattament tagħhom; jenfasizza li dan l-approċċ għandu jadotta approċċ lokali u/jew reġjonali biex jiġu indirizzati problemi speċifiċi ffaċċjati f'dawn l-oqsma u jfakkar li l-finanzjament għat-tibdil fil-klima - u l-beni pubbliċi b'mod ġenerali - m'għandhomx jiġu ffinanzjati mill-ODA u għandhom għalhekk ikunu ġodda u addizzjonali għall-impenji tal-Istati Membri ta’ 0.7 % tal-ING għall-ODA;

72.

Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni sostenibbli tal-iżvilupp urban bħala parti mill-aġenda internazzjonali kif ukoll tal-implimentazzjoni tagħha fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, li jkollu impatt benefiku fuq il-kwalità tal-ħajja tal-popli kollha tad-dinja u b'mod partikolari fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

73.

Jinnota li l-iżvilupp sostenibbli jista' jinkiseb biss bit-tisħiħ tal-bini tal-kapaċità tal-pajjiżi riċevituri u bit-titjib tal-infrastruttura bażika;

74.

Jitlob l-inklużjoni u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 (j) tal-Konvenzjoni dwar il-Bijodiversità Bijoloġika, li hi pilastru għall-iżvilupp sostenibbli, fil-karti ta’ strateġija tal-pajjiż u reġjonali;

75.

Jirrikonoxxi li d-deforestazzjoni u l-importazzjoni mhux sostenibbli tal-injam fis-suq tal-UE kkontribwixxew għad-diżastri naturali u l-vulnerabilità tal-pajjiżi foqra u jitlob għalhekk lill-Kummissjoni u l-Kunsill tal-UE biex jintegraw fl-istrateġija tal-politika għall-iżvilupp il-ġdid, projbizzjoni sħiħa fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-injam illegali fl-UE;

Sikurezza tal-ikel u agrikoltura

76.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-UE għandha tiffoka l-għajnuna tagħha għall-iżvilupp fuq is-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u l-promozzjoni ta’ produzzjoni agrikola organika sostenibbli fuq skala żgħira; jenfasizza l-bżonn li b’mod partikolari jiġi żgurat aċċess għall-bdiewa żgħar għall-mezzi ta’ produzzjoni (art, kapital protett ta’ ishma, żrieragħ, taħriġ, kreditu, konsulenza u servizzi ta’ għoti ta’ pariri), għal opportunitajiet ta’ ipproċessar u ta’ kummerċjalizzazzjoni u għal swieq lokali u transkonfinali;

77.

Jitlob, bi qbil mar-rapport IAASTD, għall-appoġġ għal tranżizzjoni lejn agrikoltura bijoloġika u ambjentalment sostenibbli, li tqis l-esperjenzi miksuba fil-produzzjonijiet fuq skala żgħira u li fl-istess ħin tirrappreżenta metodu effikaċi ta’ aġġustament ta’ għat-tibdil fil-klima;

78.

Jenfasizza l-importanza ta’ appoġġ speċifiku għan-nisa fl-agrikoltura, peress li r-riċerka turi li t-tnaqqis fid-differenzi bejn il-ġeneri fl-agrikoltura jista' jżid il-produzzjoni agrikola totali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'bejn 2.5 % u 4 %, u li n-nisa jonfqu parti kbira mid-dħul finanzjarju tagħhom fuq l-ikel, il-ħwejjeġ u l-edukazzjoni ta’ uliedhom; jitlob it-twarrib ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa u jitlob li l-politiki u l-programmi agrikoli jqisu aktar il-ġeneru; jenfasizza li n-nisa għandhom jitqiesu bħala sieħba ugwali fl-iżvilupp sostenibbli għall-iżvilupp agrikolu u s-sigurtà tal-ikel;

79.

Jinsisti li l-UE għandha tindirizza wkoll il-kawżi profondi tan-nuqqas ta’ sikurezza tal-ikel, inkluża responsabilità fqira rigward id-dritt għall-ikel, l-ispekulazzjoni fuq il-prezzijiet tal-ikel u l-‧ħtif tal-art‧; itenni li r-riforma tal-Politika Agrikola Komuni għandha tqis l-obbligu tat-tisħiħ tal-PCD skont it-Trattat, kif ukoll il-kompetizzjoni ġusta, l-appoġġ għall-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-attività produttiva tagħhom stess; jitlob biex tittieħed azzjoni bl-għan li jintemm il-ħtif tal-art, l-użu mhux sostenibbli tal-art u tal-ilma, jiġu żgurati d-drittijiet għall-proprjetà ta’ proprjetarji żgħar jew bdiewa indiġeni u l-aċċess tagħhom għall-art għall-biedja, u jintemmu l-monopolji fuq iż-żrieragħ u d-dipendenza fuq pestiċidi speċjalizzati;

80.

Iqis li, biex wieħed jitma' popolazzjoni dinjija li hi mistennija taqbeż id-9 biljuni sal-2050, il-produzzjoni agrikola jkollha tiżdied b'70 % bejn issa u dak iż-żmien filwaqt li għandhom jintużaw inqas art, ilma u pestiċidi; jinnota li s-sigurtà globali tal-ikel hi kwistjoni urġenti ħafna għall-Unjoni Ewropea u jitlob azzjoni immedjata u konsistenti għall-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel kemm għaċ-ċittadini tal-UE u kemm fil-livell globali;

81.

Jenfasizza li l-iffaċjar tan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel ifisser l-implimentazzjoni ta’ bosta azzjonijiet, minn setturi differenti, bħall-ġestjoni tar-riżorsi naturali lokali, l-infurzar mill-ġdid tal-produzzjoni u l-manifattura, it-taħriġ, l-istrutturar tal-organizzazzjonijiet professjonali, l-implimentazzjoni ta’ xibka ta’ sigurtà għal dawk l-iktar vulnerabbli, l-edukazzjoni u n-nutrizzjoni u wkoll id-diversifikazzjoni tal-impjiegi rurali lil hinn mill-agrikoltura biex jissaħħaħ id-dħul tal-familji rurali, li huma l-ewwel vittmi tal-ġuħ;

82.

Jinnota li l-ħtieġa tal-introduzzjoni ta’ metodi ta’ produzzjoni agrikoli mtejba, inkluż teknoloġiji li ma jiswewx ħafna flus, tal-provvediment tar-riċerka fl-agrikoltura, u t-tisħiħ tal-produttività, metya mqabbla mal-effiċjenza, fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex tissaħħaħ is-sostenibilità;

83.

Jitlob lill-UE u lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jippromwovu s-sjieda tal-art bħala għodda għat-tnaqqis tal-faqar, bit-tisħiħ tad-drittijiet tal-proprjetà u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-kreditu għall-bdiewa, impriżi żgħar u komunitajiet lokali;

84.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-akkwist attwali ta’ art għall-biedja mill-investituri barranin b'appoġġ tal-gvern, partikolarment fl-Afrika, li tirriskja li timmina s-sigurtà tal-ikel lokali u tikkawża skwilibriju soċjali mhux previst u wiesa', jekk dan ma jiġix ġestit b'mod adegwat;

85.

Jenfasizza li l-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd tal-UE (FPAs) għandhom jgħinu l-konsolidazzjoni tal-politiki dwar is-sajd tal-pajjiżi sieħba u jsaħħu l-kapaċità tagħhom biex jiżguraw sajd sostenibbli fl-ilmijiet tagħhom u wkoll impjieg lokali f'dan is-settur;

86.

Jenfasizza li l-protezzjoni adegwata minn diżastri u mard li jittieħed marbutin mal-ilma, kif ukoll l-aċċess għal kwantitajiet suffiċjenti tal-ilma u l-kwalità tal-ilma, bi prezz raġonevoli mingħajr ma tkun kompromessa s-sostenibilità tal-ekosistemi ewlenin, sabiex ikunu ssodisfti l-ħtiġijiet bażiċi ta’ ikel, enerġija u ħtiġijiet oħrajn li huma essenzjali għal għajxien b'saħħtu u produttiv, għandha tkun aspett ewlieni tal-politika għall-iżvilupp;

Trasparenza

87.

Sabiex tiżdied it-trasparenza u l-aċċettazzjoni pubblika tal-proġetti ta’ żvilupp iffinanzjati bis-sħiħ jew parzjalment mill-UE jew mill-Istati Membri, jitlob li tinħoloq bażi ta’ dejta elettronika li tipprovdi informazzjoni dwar l-ODA; jemmen li din il-bażi ta’ dejta għandha tippermetti lill-utenti jsibu d-donaturi kollha tal-UE u jekk meħtieġ, proġetti u programmi tal-Aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti fil-pajjiżi rispettivi, min jiffinanzjawhom u liema organizzazzjoni timplimentahom; huwa tal-fehma li din għandha tkun faċli biex tintuża u aċċessibbli għal kulħadd permezz tal-Internet u li għandu jkollha funzjoni li tiffaċilita t-tfittxija ta’ informazzjoni speċifika permezz ta’ ġabra ta’ kriterji definiti minn qabel (donaturi, settur DAC, post, status tal-proġett, tip ta’ finanzjament u MDGs (u toffri ukoll tabelli u mapep ġeografiċi għal analiżi; jinnota li din it-tip ta’ bażi ta’ dejta hi essenzjali ukoll għall-koordinament u l-armonizzazzjoni msaħħa fost id-donaturi u l-allinjament mal-gvern tal-pajjiż riċevitur;

*

* *

88.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

(3)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2007 (09558/2007).

(4)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 321.

(5)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 15.

(6)  ĠU C 4 E, 7.1.2011, p. 34.

(7)  Testi adottati P7_TA(2010)0355.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2010)0210.

(9)  Testi adottati, P7_TA(2010)0442.

(10)  Testi adottati, P7_TA(2011)0082.