11.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 380/132


Il-Ħamis 9 ta’ Ġunju 2011
Guantánamo: deċiżjoni imminenti dwar piena tal-mewt

P7_TA(2011)0271

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Ġunju 2011 dwar Guantánamo: deċiżjoni imminenti tal-piena tal-mewt

2012/C 380 E/18

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali, Ewropej u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u dwar il-projbizzjoni tad-detenzjoni arbitrarja, l-għajbien furzat u t-tortura, bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tas-16 ta’ Diċembru 1966 u l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Kastigi oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta’ Diċembru 1984, u l-protokolli relevanti tagħhom,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 62/149 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Diċembru 2007 fejn intalab moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt u 63/168 tat-18 ta’ Diċembru 2008 b'talba għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-piena tal-mewt, l-aktar dawk tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-Jum Dinji kontra l-piena tal-mewt (1) u tal-10 ta’ Lulju 2008 dwar il-piena tal-mewt, b'mod partikulari l-każ ta’ Troy Davis (2), dwar Guantánamo, partikolarment dawk tat-13 ta’ Ġunju 2006 dwar il-qagħda tal-priġunieri ta’ Guantánamo (3) u tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar id-dritt tal-priġunieri ta’ Guantánamo li jkollhom proċess ġust (4), kif ukoll dwar l-użu allegat ta’ pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta’ priġunieri, partikolarment dik adottata fl-14 ta’ Frar 2007 (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Frar 2009 dwar ir-ritorn u r-rilokazzjoni tal-priġunieri tal-faċilità ta’ detenzjoni ta’ Guantánamo (6),

wara li kkunsidra l-ittra mibgħuta mill-President tiegħu lill-parlamenti nazzjonali dwar is-segwitu mogħti mill-Istati Membri għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta’ Frar 2007,

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tat-28 ta’ April 1983 dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt,

wara li kkunsidra t-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-ICCPR, bil-għan li jikseb l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, tal-15 ta’ Diċembru 1989,

wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Gvern tal-Istati Uniti għandu l-intenzjoni li jitlob il-piena tal-mewt fil-proċess tal-kummissjoni militari li jmiss ta’ raġel mill-Arabja Sawdija, Abd al-Rahim Hussayn Muhammed al-Nashiri, li attwalment qed jinżamm fil-faċilità ta’ detenzjoni tal-Istati Uniti fi Guantánamo Bay; billi biex isir hekk hemm bżonn tal-approvazzjoni ta’ uffiċjal magħruf bħala ‧l-awtorità ta’ konvokazzjoni‧, u d-deċiżjoni hija mistennija fi żmien numru ta’ ġimgħat,

B.

billi al-Rahim al-Nashiri ilu taħt il-kustodja tal-Istati Uniti għal madwar disa' snin, u billi, minkejja li ġie msemmi f'att ta’ akkuża ppreżentata lil qorti federali tal-Istati Uniti xhur biss wara l-arrest tiegħu fl-2002, huwa ma ttiħidx minnufih quddiem awtorità ġudizzjarja u ttieħed għall-proċess mingħajr dewmien, kif mitlub mil-liġi internazzjonali, iżda kien minflok miżmum taħt arrest sigriet sakemm ġie ttrasferit fi Guantánamo fl-2006,

C.

billi matul kważi erba' snin taħt il-kustodja tas-CIA huwa apparentement inżamm incommunicado, f'reklużjoni, f'postijiet sigrieti u kien allegatament suġġett għal tortura, inkluż ‧il-water-boarding‧,

D.

billi fl-20 ta’ April 2011 id-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti ħabbar li Abd al-Rahim al-Nashiri kien ġie mixli skont l-Att tal-Kummissjonijiet Militari tal-2009 b'fost l-oħrajn, ‧qtil bi vjolazzjoni tal-liġi tal-gwerra‧, u ‧terroriżmu‧ fuq il-bażi tal-allegat rwol ta’ tmexxija tiegħu fl-attakk fuq il-USS Cole fil-Jemen fit-12 ta’ Ottubru 2000, fejn 17-il baħri Amerikan inqatel u 40 oħra korrew, u fl-attakk tat-tanker taż-żejt Franċiż MV Limburg fil-Golf ta’ Aden fis-6 ta’ Ottubru 2002, fejn inqatel membru tal-bdot,

E.

billi l-każ ta’ Abd al-Rahim al-Nashiri, ċittadin Sawdi, se jkun l-ewwel li se jiġi pproċessat quddiem kummissjoni militari minn mindu l-President Obama amar il-bidu mill-ġdid ta’ proċessi simili, billi l-ebda data ma ġiet stabbilita sa issa għall-proċess mill-kummissjoni militari, u billi l-prosekuzzjoni rrakomandat li l-piena tal-mewt tkun għażla fil-proċess, anki jekk din għandha tkun approvata minn qabel ‧mill-awtorità ewlenija militari‧/ta' konvokazzjoni għall-kummissjonijiet militari, uffiċjal maħtur mis-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti,

F.

billi l-uffiċjal tal-awtorità ta’ konvokazzjoni attwali indika li huwa lest biex jirċievi sottomissjonijiet bil-miktub dwar il-kwistjoni tal-piena tal-mewt sat-30 ta’ Ġunju 2011 u li d-deċiżjoni tiegħu jeħodha wara din id-data,

G.

billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata bil-qawwa fil-ħidma tagħha biex tiżgura l-moratorji fuq l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt minn pajjiżi terzi, l-ewwel nett, u l-abolizzjoni eventwali tal-piena tal-mewt kullimkien, u qed tħabrek biex tikseb l-aċċettazzjoni universali ta’ dan il-prinċipju,

H.

billi l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tirrikonoxxi li xi pajjiżi jżommu l-piena tal-mewt, imma tipprojbixxi l-impożizzjoni u t-twettiq ta’ sentenza ta’ mewt fuq il-bażi ta’ proċess li ma jkunx issodisfa l-ogħla standards tal-ġustizzja,

I.

billi hu diġà esprima l-kritika tiegħu u stieden lill-Istati Uniti biex jirrevedu s-sistema tal-kummissjonijiet militari, minħabba li mhux qed jissodisfaw l-istandards internazzjonali rigward proċessi ġusti,

J.

billi fl-2007 r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali stieden lill-Istati Uniti jabolixxu l-kummissjonijiet militari, u billi fl-2009 r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji ħeġġeġ lill-Istati Uniti biex ma jmexxu l-ebda prosekuzzjoni kapitali quddiem kummissjonijiet militari,

K.

billi Abd al-Rahim al-Nashiri allega li għal bosta xhur fl-2002 u fl-2003 huwa nżamm b'mod sigriet f'detenzjoni tas-CIA fil-Polonja u li ġie ttorturat waqt dan il-perjodu, u billi fl-10 ta’ Mejju 2011 huwa appella lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bl-appoġġ tal-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem,

L.

billi minkejja l-evidenza ta’ vjolazzjonijiet estremament serji tad-drittijiet tal-bniedem u delitti skont il-liġi internazzjonali, bħalma huma t-tortura, il-maltrattament, id-detenzjoni incommunicado u l-għajbien furzat, li seħħew waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ftit nies ġew imressqa quddiem il-ġustizzja f'dan ir-rigward, fl-Istati Uniti jew fl-UE,

1.

Jinnota r-relazzjoni fil-qrib transatlantika msejsa fuq il-kondiviżjoni ta’ nukleu ta’ valuri u rispett għal drittijiet bażiċi u universali tal-bniedem li mhumiex negozjabbli, bħalma huma d-dritt għal proċess ġust u l-projbizzjoni ta’ detenzjoni arbitrarja; jilqa' l-kooperazzjoni fil-qrib transatlantika fuq medda wiesa' ta’ kwistjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

2.

Itenni l-għadab u r-rabja tiegħu lejn l-attakki kollha tal-massa mit-terroristi, u s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi ta’ attakki simili u s-simpatija tiegħu għall-uġigħ u t-tbatija tal-familji tagħhom, tal-ħbieb u tal-qraba; itenni, madankollu, li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax titwettaq b'detriment tal-valuri kondiviżi, bażiċi u stabbiliti, bħalma huwa r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta’ dritt;

3.

Itenni l-oppożizzjoni twila tiegħu għall-użu tat-tortura u l-maltrattament u għall-piena tal-mewt f'kull każ u taħt kull ċirkostanza, u jenfasizza għal darb'oħra li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità tal-bniedem u l-iżvilupp progressiv tad-drittijiet tal-bniedem;

4.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex ma jimponux il-piena tal-mewt fuq Abd al-Rahim al-Nashiri, u jistieden lir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, il-Presidenza tal-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iqajmu l-kwistjoni bħala waħda ta’ urġenza mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti u biex jagħmlu rappreżentazzjonijiet qawwija lill-Istati Uniti fi sforz biex ikun żgurat li Abd al-Rahim al-Nashiri ma jinqatilx;

5.

Itenni l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jirrevedu s-sistema tal-kummissjonijiet militari biex ikunu żgurati proċessi ġusti, biex jagħlqu Guantánamo, jipprojbixxu taħt kull ċirkostanza l-użu tat-tortura, il-maltrattament, id-detenzjoni incommunicado, id-detenzjoni indefinita mingħajr proċess u l-għajbien furzat, u jfakkar lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri dwar id-dmir tagħhom biex ma jikkollaborawx, jew ma jgħattux, atti simili pprojbiti mil-liġi internazzjonali, Ewropea u nazzjonali;

6.

Josserva b'dispjaċir id-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti tas-7 ta’ Marzu 2011 li jiffirma l-ordni eżekuttiva dwar id-detenzjoni u r-revoka tal-projbizzjoni dwar it-tribunali militari; huwa konvint li l-proċessi kriminali normali taħt il-ġurisdizzjoni ċivili huma l-aqwa mod biex ikun solvut l-istatus tad-detenuti ta’ Guantánamo; jinsisti li s-Sur al-Nashiri, u d-detenuti l-oħra kollha taħt il-kustodja tal-Istati Uniti, għandhom ikunu mixlija minnufih u pproċessati skont l-istandards internazzjonali tal-istat ta’ dritt jew inkella jinħelsu; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-istess standards dwar proċessi ġusti għandhom japplikaw għal kulħadd, mingħajr diskriminazzjoni;

7.

Jistieden lill-UE u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, biex jiżguraw li inkjesti u investigazzjonijiet sħaħ, ġusti, indipendenti u imparzjali jitwettqu fil-kuntest tal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-delitti skont il-liġi internazzjonali, Ewropea u nazzjonali, u biex jitressqu quddiem il-ġustizzja dawk responsabbli, inkluż il-qafas tal-kunsinni straordinarji tas-CIA u l-programm tal-ħabsijiet sigrieti;

8.

Jilqa' l-fatt li numru ta’ Stati Membri aċċettaw id-detenuti ta’ Guantánamo għal rilokazzjoni, u jistieden aktar Stati Membri jikkooperaw mal-Gvern tal-Istati Uniti għal dan il-għan;

9.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Awtorità ta’ Konvokazzjoni għall-Kummissjonijiet Militari, lis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, lill-President tal-Istati Uniti, lill-Kungress u s-Senat tal-Istati Uniti, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2010)0351.

(2)  ĠU C 294E, 3.12.2009, p. 80.

(3)  ĠU C 300E, 9.12.2006, p. 136.

(4)  ĠU C 102 E, 28.4.2004, p. 640.

(5)  ĠU C 287E, 29.11.2007, p. 309.

(6)  ĠU C 67E, 18.3.2010, p. 91.