11.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 380/120


Il-Ħamis 9 ta’ Ġunju 2011
Is-Sudan u s-Sudan t'Isfel

P7_TA(2011)0267

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Ġunju 2011 dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel: is-sitwazzjoni wara r-referendum 2011

2012/C 380 E/14

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,

wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta’ Paċi (CPA) iffirmat fid-9 ta’ Jannar 2005,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1978 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Afrikana tal-31 ta’ Jannar 2011,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta’ Jannar 2011 dwar is-Sudan, kif ukoll id-Deċiżjoni 2011/315/UE (1) tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-3 ta’ Ġunju 2011,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta’ Frar 2011 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Catherine Ashton, f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar ir-riżultati finali tar-referendum rigward l-awtodeterminazzjoni tas-Sudan t'Isfel, kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-Barunissa Ashton tal-24 ta’ Mejju 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-konsultazzjonijiet appoġġjati min-NU dwar il-proċess ta’ paċi fid-Darfur, li saru f'Doha, il-Qatar (mis-27 sal-31 ta’ Mejju 2011),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tal-missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ osservazzjoni tar-referendum, ippreżentata fit-2 ta’ Ġunju 2011,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi r-Referendum dwar is-Sudan t'Isfel sar bejn id-9 u l-15 ta’ Jannar 2011, u l-maġġoranza l-kbira kienet favur it-twaqqif ta’ stat indipendenti tas-Sudan t'Isfel,

B.

billi s-Sudan t'Isfel huwa mistenni jiddikjara formalment l-indipendenza tiegħu fid-9 ta’ Lulju 2011, data li tikkoinċidi mal-iskadenza tas-CPA,

C.

billi, minkejja r-riżervi ta’ riżorsi naturali tas-Sudan t'Isfel bħaż-żejt, ir-ram u l-ħadid kif ukoll il-foresti u l-art għammiela, il-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni tiegħu tgħix fil-faqar, b'waħda mill-ogħla rati ta’ mortalità tat-trabi u bl-iżjed indikaturi baxxi tal-edukazzjoni fid-dinja, u billi dan kollu jikkontribwixxi għal sfidi soċjoekonomiċi, umanitarji u ta’ sigurtà,

D.

billi xi aspetti tas-CPA ma ġewx implimentati fil-ħin jew għadhom ma ġewx implimentati, u jinħtieġu sforzi konsiderevoli biex jintlaħaq qbil dwar negozjati ta’ wara r-referendum dwar kwistjonijiet bħall-qsim tad-dħul miż-żejt, id-demarkazzjoni tal-fruntieri, iċ-ċittadinanza u d-diviżjoni tad-djun u l-assi,

E.

billi r-referendum biex jiġi stabbilit jekk Abyei hix se tkun parti mis-Sudan ta’ Fuq jew t'Isfel, li kellu jikkoinċidi mar-referendum dwar is-Sudan t'Isfel, għadu ma sarx, u dan wassal biex il-vjolenza fiż-żona intensifikat b'mod gravi,

F.

billi l-istatus taż-żoni ta’ kunflitt għadu ma ġiex solvut, u billi s-sitwazzjoni f'Abyei sejra għall-agħar, u dan qed iwassal għall-mewt ta’ mijiet ta’ nies u għall-esodu ta’ eluf ta’ persuni, filwaqt li l-poplu huwa vulnerabbli għal insigurtà alimentari, mard u nuqqas ta’ aċċess għal servizzi bażiċi bħall-kura tas-saħħa u ilma tajjeb għax-xorb,

G.

billi s-sitwazzjoni fid-Darfur għadha sors kbir ta’ preokkupazzjoni, u billi reċentement, il-Missjoni tan-NU fid-Darfur irrappurtat bombardamenti mill-Gvern, kif ukoll li bosta ħaddiema umanitarji inħatfu bħala ostaġġi fir-reġjun; billi l-missjoni ġġarrab regolarment fastidju, ħtif u theddidiet għas-sigurtà ġenerali,

1.

Jilqa' l-imġiba paċifika u kredibbli kemm tas-Sudan kif ukoll tas-Sudan t'Isfel fir-Referendum 2011 dwar is-Sudan t'Isfel, l-isforzi tal-partijiet kontraenti kollha għas-CPA u l-impenn l wrew lejh; iqis dan bħala pass kruċjali fl-implimentazzjoni tas-CPA u bħala sinjal pożittiv għall-koeżistenza paċifika taż-żewġ pajjiżi;

2.

Itenni r-rispett sħiħ tiegħu għar-riżultat tar-referendum bħala l-espressjoni tar-rieda demokratika tal-poplu tas-Sudan t'Isfel; jistieden kemm lis-Sudan ta’ Fuq kif ukoll lis-Sudan t'Isfel biex jippromwovu l-governanza demokratika u l-istabbiliment ta’ paċi, sigurtà u prosperità fuq medda twila ta’ żmien għaż-żewġ pajjiżi, b'rispett għad-drittijiet umani, soċjali u ekonomiċi;

3.

Jistieden lill-awtoritajiet tas-Sudan t'Isfel jippromwovu l-iżvilupp tas-Sudan t'Isfel bħala stat modern, pluralistiku u demokratiku bbażat fuq l-istat tad-dritt u li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tan-nisa u t-tfal, u l-preminenza tad-dritt taċ-ċittadini li jagħżlu l-gvern tagħhom permezz ta’ elezzjonijiet regolari u ħielsa, filwaqt li l-protezzjoni tal-libertà ta’ moviment, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà li dak li jkun jesprimi l-fehmiet politiċi tiegħu jkunu inkorporati kemm fil-Kostituzzjoni kif ukoll fid-dritt;

4.

Jikkundanna bil-qawwa l-attakk intenzjonat li sar fuq il-Missjoni tan-NU fis-Sudan (UNMIS) fl-10 ta’ Mejju 2011 fl-inħawi ta’ Abyei u jiddenunzja l-militarizzazzjoni ta’ dik iż-żona kemm mis-Sudan ta’ Fuq kif ukoll mis-Sudan t'Isfel; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet kontraenti għas-CPA biex ikomplu jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza tal-popli kollha fis-Sudan, b'mod partikolari fl-istat ta’ Abyei, bla ma jbiddlu l-kompożizzjoni demografika tar-reġjun; jitlob lill-forzi armati kemm tas-Sudan kif ukoll tas-Sudan t'Isfel biex jirtiraw minn Abyei, u liż-żewġ naħat biex juru trażżin billi jipparteċipaw fi djalogu kostruttiv immedjat għal soluzzjoni paċifika dwar l-istatus ta’ Abyei fil-qafas tas-CPA;

5.

Jenfasizza l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Grupp ta’ Implimentazzjoni ta’ Livell Għoli għas-Sudan tal-Unjoni Afrikana, taħt it-tmexxija ta’ Thabo Mbeki, biex jiffaċilita n-negozjati bejn il-partijiet kontraenti għas-CPA, u l-isforzi tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Sudan, Haile Menkerios, għal medjazzjoni bejn iż-żewġ naħat fir-reġjun ta’ Abyei; jafferma mill-ġdid li l-UE trid tkun lesta tipprovdi kwalunkwe assistenza ulterjuri li hi meħtieġa;

6.

Iħeġġeġ lill-partijiet kontraenti kollha għas-CPA biex jibdew djalogu kontinwu u kostruttiv biex jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ wara r-referendum fosthom il-fruntieri komuni, l-arranġamenti għaċ-ċittadinanza kemm għaċ-ċittadini tan-naħa ta’ fuq kif ukoll għal dawk tan-naħa t'isfel, il-kondiviżjoni tad-dħul miż-żejt u l-użu tal-pipelines, u l-organizzazzjoni ta’ konsultazzjonijiet popolari fin-Nil il-Blu u fil-Kordofan tan-Nofsinhar;

7.

Jenfasizza l-importanza tal-iżgurar ta’ ġestjoni effikaċi u sikura ta’ dawk li jerġgħu lura fis-Sudan t'Isfel, f'dak li għandu x'jaqsam mat-tranżitu, il-kapaċità teknika (nuqqas ta’ urbanisti u ġeometri), l-infrastruttura, l-allokazzjoni tal-art u l-aċċess għas-servizzi bażiċi;

8.

Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2011 li EUR 200 miljun se jiġu allokati għas-Sudan t'Isfel minbarra l-EUR 150 miljun allokati s-sena l-oħra biex jgħinu l-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli fis-Sudan kollu; jinnota li l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE diġà lesta biex tgħin liż-żewġ naħat; jisħaq li l-flus ġodda għandhom jintużaw biex jappoġjaw servizzi bażiċi, primarjament l-edukazzjoni u s-saħħa, l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u l-bini tal-kapaċità istituzzjonali; jitlob li s-Sudan t'Isfel jaderixxi b'urġenza għall-Ftehim ta’ Cotonou u li l-UE tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li l-finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp isir disponibbli malajr kemm jista' jkun;

9.

Jenfasizza li l-UE jrid ikollha rwol prinċipali fil-Konferenza tad-Donaturi tas-Sudan t'Isfel aktar tard fl-2011 u trid tinkuraġġixxi b'mod attiv lil donaturi oħrajn biex jagħmlu l-istess; jistieden lill-kredituri internazzjonali jtaffu d-dejn internazzjonali tas-Sudan u tas-Sudan t'Isfel;

10.

Jistieden lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel biex idaħħal politiki dwar l-investiment barrani fl-interess tal-popolazzjoni, biex l-investiment barrani fir-riżorsi naturali jkun ta’ benefiċċju għall-iżvilupp tal-ekonomija domestika sabiex jiġi miġġieled il-faqar; jenfasizza li l-UE trid tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-entitajiet multinazzjonali u l-intrapriżi barranin li joperaw fir-reġjun ikunu rregolati biżżejjed u jiddikjaraw b'mod trasparenti l-attivitajiet u d-dħul tagħhom;

11.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jestendi l-mandat tal-UNMIS u biex jibgħat forzi addizzjonali għaż-żamma tal-paċi fis-Sudan; iqis li preżenza kontinwa tan-NU hija siewja ferm għall-iżvilupp paċifiku ta’ żewġ stati vijabbli; jistieden kemm lis-Sudan kif ukoll lis-Sudan t'Isfel biex jilqgħu l-preżenza tan-NU u jiżguraw is-sikurezza tagħha;

12.

Jisħaq fuq l-importanza li l-UE tibqa' tagħti l-għajnuna umanitarja tagħha lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel wara d-9 ta’ Lulju 2011; jinkuraġġixxi preżenza u kapaċità umanitarji sostanzjali fir-reġjun b'mezzi adegwati biex tkun żgurata s-sikurezza tal-organizzazzjonijiet umanitarji;

13.

Jilqa' l-konklużjonijiet tal-konsultazzjonijiet appoġġjati min-NU dwar il-proċess ta’ paċi fid-Darfur; jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw il-ftehimiet ta’ waqfien mill-ġlied u ta’ twaqqif tal-kunflitti li diġà ġew iffirmati; jinnota l-importanza ta’ trasparenza sħiħa matul in-negozjati dwar il-kwistjonijiet tad-Darfur u ta’ Abyei, kif ukoll tad-djalogu ġenerali bejn is-Sudan ta’ Fuq u s-Sudan t'Isfel; jitlob li jkun hemm rappreżentanza tal-partijiet kollha involuti fit-tilwima, kif ukoll tas-soċjetà ċivili u tal-mexxejja politiċi fil-livelli lokali, nazzjonali u internazzjonali;

14.

Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel jadotta approċċ trasparenti, responsabbli u inklużiv għal governanza tul il-proċess kostituzzjonali ta’ reviżjoni; jenfasizza li huwa importanti li l-partiti politiċi kollha jaħdmu flimkien biex jirrappreżentaw b'mod sħiħ il-poplu kollu tal-pajjiż u jgħinu fil-bini ta’ istituzzjonijiet politiċi stabbli u demokratiċi;

15.

Jistieden liż-żewġ naħat biex, sa ma jasal jum l-indipendenza fid-9 ta’ Lulju 2011, jippreżentaw pjanijiet konkreti dwar it-twaqqif u/jew ir-riforma tal-istituzzjonijiet tagħhom sabiex iż-żewġ Stati jkunu vijabbli minn din id-data; jitlob lid-delegazzjonijiet fis-Sudan u fis-Sudan t'Isfel biex jiċċirkolaw u jimplimentaw proattivament ir-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet riċenti tal-UE ta’ osservazzjoni tar-referendum u l-elezzjoni;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għas-Sudan t'Isfel, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lill-President tal-Grupp ta’ Livell Għoli għas-Sudan tal-Unjoni Afrikana, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE.


(1)  ĠU L 142, 28.5.2011, p. 61.