11.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 380/89


L-Erbgħa 8 ta’ Ġunju 2011
Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva

P7_TA(2011)0266

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva (2010/2211(INI))

2012/C 380 E/13

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (1),

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Marzu 2007 dwar il-futur tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (3) u r-regoli implimentattivi tagħha,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE (COM(2010)0700),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-16 ta’ Ġunju 2010 li twaqqaf kumitat speċjali dwar l-isfidi politiċi u r-riżorsi baġitarji għal Unjoni Ewropea sostenibbli wara l-2013 (4),

wara li kkunsidra l-kontributi min-Nationalrat Awstrijakk, mill-Kamra Ċeka, mill-Folkentinget Daniż, mir-Riigikogu Estonjan, mid-Deutscher Bundestag, mid-Deutscher Bundesrat, mill-Oireachtas Irlandiż, mis-Seimas Litwan, mis-Saeima Latvjan, mill-Assembleia da República Portugiża, mit-Tweede Kamer tal-Pajjiżi l-Baxxi u mir-Riksdagen Svediż,

wara li kkunsidra l-Artikolu 184 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat speċjali dwar l-isfidi tal-politika u r-riżorsi baġitarji għal Unjoni Ewropea sostenibbli wara l-2013 u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0193/2011),

A.

billi l-Parlament iddeċieda li jwaqqaf kumitat speċjali bil-mandat li ġej:

(a)

li jiddefinixxi l-prijoritajiet politiċi tal-Parlament għall-MFF ta’ wara l-2013, kemm f’termini leġiżlattivi kif ukoll dawk baġitarji,

(b)

li jagħmel stima tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex l-Unjoni tilħaq l-objettivi tagħha u twettaq il-politiki tagħha għall-perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2014,

(c)

li jiddefinixxi l-perjodu tal-MFF li jmiss,

(d)

li jipproponi, skont dawk il-prijoritajiet u l-objettivi, struttura għall-MFF futur, li tindika l-oqsma ta’ attività ewlenin tal-Unjoni,

(e)

li jippreżenta linji gwida dwar allokazzjoni indikattiva tar-riżorsi bejn u fi ħdan l-intestaturi differenti tan-nefqa tal-MFF f’konformità mal-prijoritajiet u l-istruttura proposta,

(f)

li jispeċifika r-rabta bejn riforma tas-sistema ta’ finanzjament tal-baġit tal-UE u reviżjoni tan-nefqa biex jipprovdi lill-Kumitat għall-Baġits bażi tajba għan-negozjati dwar l-MFF il-ġdid,

B.

billi l-kumitat speċjali għandu jippreżenta r-rapport finali tiegħu qabel ma l-Kummissjoni tippreżenta l-proposti tagħha għall-MFF li jmiss,

C.

billi skont l-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għandha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-għanijiet tagħha u twettaq b’suċċess il-politika tagħha u għandha tiġi ffinanzjata kompletament minn riżorsi proprji,

D.

billi skont l-Artikoli 312(5) u 324 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew għandu jkun involut kif xieraq fil-proċess ta’ negozjati tal-MFF li jmiss,

E.

billi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona jsaħħaħ il-politiki tal-Unjoni u joħloq oqsma ġodda ta’ kompetenza li għandhom jiġu riflessi fl-MFF li jmiss,

F.

billi l-isfidi li qed jaffaċċjaw l-Unjoni u ċ-ċittadini, bħall-kriżi ekonomika globali, it-tkabbir rapidu tal-ekonomiji emerġenti, it-tranżizzjoni għal soċjetà sostenibbli u b’ekonomija li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, l-isfidi demografiċi, inklużi l-interazzjoni tal-immigranti u l-protezzjoni tal-persuni li jfittxu asil, il-bidla fid-distribuzzjoni globali tal-produzzjoni u tal-iffrankar favur l-ekonomiji emerġenti, il-ġlieda kontra l-faqar, kif ukoll it-theddid tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, tat-terroriżmu u tal-kriminalità organizzata, jirrikjedu reazzjoni b’saħħitha mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha,

G.

billi l-Unjoni Ewropea għandha aktar piż fil-livell internazzjonali mill-piż tal-Istati Membri individwali flimkien,

H.

billi l-mira ewlenija tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandha tibqa' t-tnaqqis tad-disparitajiet soċjali, ekonomiċi u territorjali li għadhom jeżistu fl-Unjoni, u billi politika ta’ koeżjoni viżibbli u ta’ suċċess għandha minnha nnifisha Valur Miżjud Ewropew u għandhom jibbenefikaw minnha l-Istati Membri kollha tal-UE,

I.

billi ċ-ċittadini tal-UE saru jistennew aktar mill-Unjoni u saru wkoll aktar kritiċi fir-rigward tal-prestazzjoni tagħha; u billi s-sjieda pubblika tal-Unjoni se terġa' tinkiseb biss meta ċ-ċittadini tagħha jkunu fiduċjużi li l-valuri u l-interessi tagħhom ikunu moqdija aħjar mill-Unjoni,

J.

billi l-istrateġija Ewropa 2020 għandha tgħin lill-Ewropa tirkupra mill-kriżi u toħroġ minnha aktar b’saħħitha, permezz tal-ħolqien tal-impjiegi u ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; billi din l-istrateġija hija bbażata fuq ħames miri emblematiċi tal-Unjoni dwar il-promozzjoni tal-impjiegi, it-titjib fil-kundizzjonijiet għall-innovazzjoni, għar-riċerka u għall-iżvilupp, l-issodisfar tal-objettivi tat-tibdil fil-klima u tal-enerġija, it-titjib fil-livelli tal-edukazzjoni u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar,

K.

billi l-baġit tal-Unjoni huwa aġent b’saħħtu għar-riforma; u billi l-impatt tiegħu jista’ jitkabbar jekk jimmobilizza sorsi addizzjonali ta’ finanzjament privat u pubbliku biex jappoġġa l-investiment, biex b’hekk ikun qed jaġixxi ta’ katalist fl-effett multiplikatur tal-infiq tal-Unjoni; billi l-prinċipju hekk imsejjaħ “juste retour” m’għandu l-ebda motivazzjoni ekonomika, peress li ma jqisx kif xieraq il-Valur Miżjud Ewropew, l-effetti residwi, u l-ħtieġa ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi tal-UE,

L.

billi, skont l-Artikolu 3 TUE, l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa għandu jkun mibni fuq tkabbir ekonomiku bbilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità tal-ambjent,

M.

billi l-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja soda huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni; u billi ħafna Stati Membri qed jagħmlu aġġustamenti fiskali diffiċli għall-baġits nazzjonali tagħhom; u billi l-ġestjoni finanzjarja soda - l-effiċjenza, l-effikaċja, l-ekonomija - saru dejjem aktar importanti fl-infiq pubbliku, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak tal-Istati Membri,

N.

billi d-dispożizzjonijiet marbuta mal-aġġustament perjodiku tal-programmi tal-infiq għal bidliet fil-ħtiġijiet u fiċ-ċirkostanzi ma kinux biżżejjed; u billi n-natura kumplessa tar-regolamenti u tar-regoli kienet waħda mir-raġunijiet għal sistemi ta’ ġestjoni u kontroll li ma kellhomx prestazzjoni tajba;

O.

billi l-ewwel erba’ snin tal-MFF attwali 2007-2013 urew b’mod ċar il-limiti tal-kapaċità tal-qafas finanzjarju li jakkomoda żviluppi u prijoritajiet ġodda mingħajr ma jipperikola oħrajn li diġà jeżistu; u billi l-MFF atwali ma kienx kapaċi jirreaġixxi malajr għal impenji ġodda bħall-Galileo, l-ITER, il-Faċilità tal-Ikel jew il-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku,

P.

billi l-introduzzjoni tar-riżorsa tal-IGN fl-1988 fis-sistema ta’ ffinanzjar tal-UE kienet intiża li tikkumplimenta temporanjament tnaqqis fir-riżorsi proprji, iżda ġiet estiża u rinforzata tul is-snin u llum hija l-komponent ewlieni tar-riżorsi baġitarji tal-UE; billi din il-predominanza enfasizzat ix-xejriet tal-Istati Membri li jikkalkulaw il-bilanċ nett tagħhom, li l-konsegwenza tagħha hija serje ta’ rifużjonijiet, korrezzjonijiet, eżenzjonijiet u kumpensi li jagħmlu s-sistema attwali tar-riżorsi proprji kumplessa u opaka wisq, filwaqt li m’għandhiex rabtiet suffiċjenti ma’ politiki eżistenti tal-Unjoni u hija nieqsa mill-ekwità u għalhekk ma tistax tiżgura finanzjar trasparenti u effiċjenti tal-politiki tal-Unjoni fl-interess Ewropew, u finalment din assolutament ma tistax tinftiehem miċ-ċittadini Ewropej,

Q.

billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2011 dwar finanzjament innovattiv fuq livell globali (5) u Ewropew, il-Parlament Ewropew approva l-introduzzjoni ta’ taxxa globali fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji TTF, li “tista’ tgħin biex jiġu indirizzati l-mudelli ta’ kummerċ li qed jiżdiedu u li huma ta’ dannu kbir fis-swieq finanzjarji, bħalma huma t-tranżazzjonijiet b’xejriet lejn profitti b’terminu ta’ żmien qasir u t-tranżazzjonijiet awtomatizzati tat-tip HFT, u biex titrażżan l-ispekulazzjoni”,

Parti I:     Sfidi ewlenin

1.

Jemmen li l-isfidi tal-ġejjieni - sew jekk id-demografija, it-tibdil fil-klima jew il-provvista tal-enerġija - huma oqsma fejn l-Unjoni Ewropea, li hija ħafna iktar mis-somma tal-Istati Membri tagħha, tista’ turi l-valur miżjud tagħha;

2.

Jinnota li l-kriżi attwali u r-restrizzjonijiet kbar fl-infiq pubbliku għamluha aktar diffiċli għall-Istati Membri biex jimxu 'l quddiem aktar f'termini ta’ tkabbir, kompetittività akbar, l-ilħuq tal-konverġenza ekonomika u soċjali u biex jipparteċipaw b'mod sħiħ fis-suq intern; jemmen b’mod qawwi li s-soluzzjoni għall-kriżi hija aktar Ewropa u mhux anqas;

3.

Jikkunsidra li l-kunċett ta’ “Riżorsi sostenibbli għall-Unjoni Ewropea” ifisser l-ewwel u qabel kollox it-tfassil mill-ġdid tas-“sistema tar-riżorsi” tal-Baġit tal-UE sabiex il-kontribuzzjonijiet nazzjonali attwali jiġu sostitwiti b’riżorsi ġenwinament Ewropej;

4.

Jikkunsidra li l-avvenimenti riċenti wrew li ż-żona tal-Euro għandha bżonn governanza ekonomika aktar kuraġġuża u li pilastru monetarju mingħajr pilastru soċjali u ekonomiku huwa destinat li jfalli; jikkunsidra li huwa essenzjali li l-Unjoni ssaħħaħ is-sistema tagħha tal-governanza ekonomika biex tiżgura l-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE2020 (tirkupra u tissalvagwardja r-rati tat-tkabbir ekonomiku fuq perjodu twil ta’ żmien), tipprevjeni ripetizzjoni tal-kriżi attwali u tissalvagwardja l-proġett Ewropew;

Il-bini ta’ soċjetà bbażata fuq l-għarfien

5.

Jirrimarka li l-kriżi enfasizzat l-isfidi strutturali li l-parti l-kbira tal-ekonomiji tal-Istati Membri jridu jaffaċċjaw: produttività subottimali, livelli għolja ta’ dejn pubbliku, żbilanċi fiskali kbar, qgħad strutturali, ostakoli persistenti fis-suq intern, mobilità baxxa tal-ħaddiema u kunċetti antikwati għall-ħiliet, li jikkontribwixxu għal tkabbir fqir; jenfasizza l-ħtieġa ta’ investimenti f’oqsma ewlenin bħall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex jintgħelbu dawn l-isfidi strutturali, u jenfasizza l-importanza li titreġġa' lura x-xejra ta’ investimenti pubbliċi li kulma jmur qed jonqsu;

6.

Ifakkar li skont ix-xejriet attwali tal-investiment, l-Asja tista’ sal-2025 tkun minn ta’ quddiem fl-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi; ifakkar madankollu li dawn il-bidliet mhux biss jirrappreżentaw sfidi tassew kbar imma wkoll opportunitajiet, bħal tkabbir qawwi fil-potenzjal tal-esportazzjoni għall-UE; huwa mħasseb li fl-edukazzjoni akkademika u vokazzjonali fil-livell terzjarju, l-Unjoni waqgħet lura peress li madwar 30 università Ewropea biss jikklassifikaw fost l-aħjar 100 università fid-dinja; jenfasizza li l-Ewropa qed taqa’ lura wkoll fit-tellieqa tal-ħiliet u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li sal-2020, 16-il miljun impjieg ieħor se jirrikjedu kwalifiki għolja filwaqt li d-domanda għal ħiliet mingħajr kwalifiki se tonqos bi 12-il miljun impjieg;

Il-ġlieda kontra l-qgħad

7.

Jikkunsidra li waħda mill-isfidi l-kbar li jiffaċċjaw l-Unjoni Ewropea hija dik li żżomm il-kompetittività tagħha, iżżid it-tkabbir, tiġġieled il-livell għoli tal-qgħad, tiffoka fuq swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw sew u fuq kundizzjonijiet soċjali biex titjieb il-prestazzjoni fl-impjiegi, tippromwovi x-xogħol diċenti, tiggarantixxi d-drittijiet tal-ħaddiema fl-Ewropa kollha kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-tnaqqis tal-faqar;

L-isfida tad-demografija

8.

Jinsisti li l-Unjoni għandha tindirizza l-isfida demografika tagħha; jinnota li t-taħlita ta’ popolazzjoni iżgħar li taħdem u sehem ikbar ta’ persuni li jirtiraw se tqiegħed piżijiet addizzjonali fuq is-sistemi soċjali tagħha u fuq il-kompetittività ekonomika tagħha;

L-isfidi klimatiċi u tar-riżorsi

9.

Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-espansjoni tal-popolazzjoni dinjija minn 6 għal 9 biljuni se tintensifika l-kompetizzjoni globali għar-riżorsi naturali u tagħmel pressjoni addizzjonali fuq l-ambjent globali u lokali; jinnota li d-domanda għall-ikel x’aktarx li se tikber b’70 % sal-2050 u li l-użu u l-ġestjoni ineffiċjenti u mhux sostenibbli tal-materja prima u tal-prodotti bażiċi jesponu liċ-ċittadini għal kompetizzjoni ta’ ħsara bejn l-ikel, il-preservazzjoni tan-natura u l-produzzjoni tal-enerġija, kif ukoll għal xokkijiet fil-prezzijiet li jiswew ħafna; jista’ jkollha wkoll konsegwenzi serji għall-industrija fir-rigward tal-opportunitajiet tan-negozju, inklużi restrizzjonijiet tal-aċċess għall-materja prima, filwaqt li thedded is-sigurtà ekonomika u tikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima; għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tieħu azzjoni immedjatament u tmexxi l-proċess lejn ekonomija bbażata fuq użu sostenibbli tar-riżorsi;

10.

Jiġbed l-attenzjoni għall-konsum li kulma jmur qed jikber tal-enerġija u għall-fatt li d-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija mistennija tiżdied, b’mod li l-Unjoni se timporta, sal-2050, kważi żewġ terzi tal-ħtiġijiet tagħha jekk il-politiki attwali tal-enerġija ma jiġux modifikati b'mod adegwat u jekk l-UE u l-Istati Membri ma jżidux l-isforzi biex jiżviluppaw is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli tagħhom stess u jirrealizzaw il-potenzjal tal-effiċjenza tal-enerġija tagħhom, billi jqisu bis-sħiħ l-impenji tal-UE dwar l-enerġija u l-klima kif ukoll l-aspetti tas-sikurezza; iwissi li l-volatilità tal-prezzijiet u l-inċertezzi fil-provvisti se jmorru għall-agħar ukoll minħabba l-volatilità politika f’pajjiżi li għandhom ħafna enerġija; jitlob għalhekk li r-rotot tal-provvista u s-sħab kummerċjali jiġu ddiversifikati;

11.

Jappoġġja l-idea li l-finanzjament kollu tal-UE meħud flimkien għandu jwassal għal titjib fl-istat ġenerali tal-ambjent Ewropew, tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra li għall-inqas jikkorrispondi għall-għanijiet fil-leġiżlazzjoni attwali tal-UE; jipproponi għalhekk li l-effetti pożittivi u negattivi tal-infiq tal-fondi tal-UE fuq il-klima u fuq l-ambjent għandhom jiġu analizzati f’livelli aggregati;

Is-sigurtà interna u esterna u l-libertajiet personali

12.

Huwa tal-fehma li l-globalizzazzjoni żiedet is-sens ta’ vulnerabilità billi ġabet fix-xejn id-demarkazzjoni bejn il-forom interni u esterni tal-libertà, tal-ġustizzja u tas-sigurtà; huwa konvint li sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà tas-seklu 21 filwaqt li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet personali jeħtieġ għalhekk li jkun hemm reazzjonijiet globali u antiċipatorji, li jistgħu jiġu pprovduti biss minn attur tad-daqs tal-Unjoni; huwa konvint li d-dimensjoni esterna tas-sigurtà tal-UE hija marbuta mill-qrib mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba tal-pajjiżi terzi, u li l-UE għandha responsabilità speċjali li tikkontribwixxi għal dan;

L-Ewropa fid-dinja: issir parteċipant assertiv

13.

Huwa konvint li l-Unjoni, bħala qawwa politika, ekonomika u kummerċjali ewlenija, għandha tissodisfa r-rwol sħiħ tagħha fix-xena internazzjonali; ifakkar li t-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi għodod ġodda biex l-interessi u l-valuri Ewropej jiġu pprojettati aħjar madwar id-dinja; jenfasizza li l-Unjoni se żżid il-valur fix-xena globali u tinfluwenza d-deċiżjonijiet politiċi globali fil-każ biss li taġixxi b’mod kollettiv; jinsisti li rappreżentazzjoni esterna aktar b’saħħitha se jeħtieġ li tmur id f’id ma’ koordinament intern aktar b’saħħtu;

Il-garanzija ta’ governanza tajba

14.

Huwa konvint li t-tisħiħ tas-sens tas-sjieda pubblika tal-Unjoni għandu jsir forza li tixpruna l-azzjoni kollettiva; jemmen li l-garanzija ta’ “governanza tajba” hija l-aktar mezz b’saħħtu bil-bosta li għandha l-Unjoni biex tiżgura l-impenn u l-involviment kontinwu taċ-ċittadini tagħha;

Parti II:     L-ottimizzazzjoni tar-riżultati: ir-rwol tal-baġit tal-UE

Il-valur miżjud Ewropew u l-prezz tan-nuqqas ta’ preżenza tal-Ewropa

15.

Jenfasizza li l-għan ewlieni tal-infiq baġitarju tal-UE huwa l-ħolqien ta’ valur miżjud Ewropew (VME) billi jinġabru r-riżorsi, billi jagħmilha ta’ katalist u billi joffri ekonomiji tal-kobor, effetti transkonfinali u residwi, biex b’hekk jikkontribwixxi għall-ilħuq ta’ miri politiċi komuni miftiehma b'mod aktar effikaċi jew aktar malajr u jnaqqas l-infiq nazzjonali; ifakkar li, bi prinċipju, għandu jiġi evitat kwalunkwe infiq doppju u fondi allokati sovraposti f’diversi linji tal-baġit u li l-infiq tal-UE għandu dejjem jimmira li joħloq aktar valur mill-infiq individwali aggregat tal-Istati Membri; jikkunsidra li l-qafas finanzjarju multiannwali, użat tajjeb, jikkostitwixxi strument importanti ħafna għall-ippjanar fuq perjodi twal ta’ żmien tal-proġett Ewropew billi jqis il-perspettiva Ewropea u l-valur miżjud tal-Unjoni;

16.

Jiġbed l-attenzjoni lejn l-oqsma li ġejjin bħala kandidati potenzjali għal sinerġija ikbar u ekonomiji tal-kobor: is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-għajnuna umanitarja u b’mod iktar speċifiku l-kapaċità ta’ reazzjoni rapida tal-UE, il-ġbir flimkien tar-riżorsi tad-difiża, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, il-proġetti l-kbar tal-infrastruttura (partikolarment fil-qasam tal-enerġija u t-trasport) u s-sorveljanza tas-suq finanzjarju;

17.

Iqis li, flimkien mal-kontroll tas-sussidjarjetà permezz tal-parlamenti nazzjonali minqux fit-Trattat ta’ Lisbona, għandha ssir valutazzjoni tal-VME għal kull proposta leġiżlattiva b’rilevanza baġitarja bħala kwistjoni tal-aħjar prattika; jinsisti, madankollu, fuq il-fatt li l-valutazzjoni tal-VME tirrikjedi aktar minn “approċċ statistiku”, u li valutazzjoni politika teħtieġ teżamina jekk l-azzjoni ppjanata hux se tikkontribwixxi b’mod effiċjenti u effikaċi għal objettivi komuni tal-UE u jekk hux se toħloq beni pubbliċi tal-UE; jinnota li l-elementi ewlenin u l-iktar importanti tal-VME, bħall-paċi, l-istabilità, il-libertà, il-moviment liberu tal-persuni, tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-kapital, ma jistgħux jiġu vvalutati f’termini numeriċi;

18.

Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prova tal-konsistenza tal-infiq kollu tal-UE mal-obbligi tat-Trattat, mal-acquis communautaire jew mal-għanijiet ewlenin tal-politika tal-UE; jenfasizza li l-VME jista’ jiġi ġġenerat mhux biss bl-infiq, iżda wkoll b’leġiżlazzjoni Ewropea u permezz tal-koordinament tal-politiki nazzjonali u tal-UE fl-oqsma ekonomiċi, fiskali, baġitarji u soċjali; huwa konvint li l-Valur Miżjud Ewropew tal-infiq skont l-MFF futur għandu jitjieb; jenfasizza li l-finanzjament tal-UE għandu, kull meta jkun possibbli, jikkontribwixxi għal iktar minn għan wieħed tal-politika tal-UE fl-istess ħin (pereżempju l-koeżjoni territorjali, l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-bijodiversità);

19.

Huwa tal-opinjoni qawwija li l-investimenti fil-livell tal-UE jistgħu jwasslu għal iffrankar li b'mod sinifikattiv ikun ogħla, notevolment fl-oqsma fejn l-UE mingħajr dubju għandha aktar valur miżjud mill-baġits nazzjonali; jemmen bis-sħiħ li l-prinċipju tal-VME għandu jkun il-bażi tan-negozjati kollha tal-ġejjieni dwar il-baġit tal-UE; jilqa’, għalhekk, l-impenn tal-Kummissjoni li tniedi analiżi komprensiva tal-“prezz tan-nuqqas ta’ preżenza tal-Ewropa” għall-Istati Membri u għal-baġits nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika dan ir-rapport fiż-żmien opportun biex il-Parlament ikun jista’ jqisu matul il-proċess tan-negozjati għall-MFF li jmiss;

20.

Jitlob koordinament imtejjeb bejn il-baġit tal-UE u l-baġits nazzjonali tal-Istati Membri fl-iffinanzjar tal-prijoritajiet politiċi komuni; itenni l-ħtieġa li l-infiq tal-fondi pubbliċi jiġi kkoordinat mill-ippjanar sal-implimentazzjoni sabiex jiġu żgurati l-komplementarjetà, effiċjenza u viżibilità aħjar kif ukoll simplifikazzjoni aħjar tal-baġit tal-UE; jemmen li l-mekkaniżmu ta’ koordinament il-ġdid tal-politika ekonomika u baġitarja (is-“semestru Ewropew”) għandu jkollu rwol importanti fl-allinjament tal-miri tal-politika madwar l-Ewropa u mal-miri tal-UE u b’hekk jgħin fil-kisba tas-sinerġiji baġitarji mixtieqa bejn il-baġit tal-UE u dawk nazzjonali;

Baġit effiċjenti

21.

Iqis li, filwaqt li l-prinċipju tal-VME għandu jintuża biex jiggwida d-deċiżjonijiet futuri li jiddeterminaw il-prijoritajiet fl-infiq, l-użu effiċjenti u effikaċi tal-approprjazzjonijiet għandu jwassal għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet differenti;

22.

Jenfasizza li sabiex jinkisbu riżultati ottimali għal tkabbir u żvilupp sostenibbli fil-post, għal solidarjetà u koeżjoni, għandha tingħata prijorità lit-titjib tas-sinerġiji bejn il-fondi kollha tal-baġit tal-UE li għandhom impatt fuq l-iżvilupp ekonomiku u lil approċċ integrat bejn setturi differenti, lill-iżvilupp ta’ politiki orjentati lejn ir-riżultati u, fejn ikun xieraq, lill-użu ta’ kundizzjonalitajiet, lill-prinċipji "tagħmilx ħsara" u "min iniġġes iħallas", fatturi ta’ suċċess u indikaturi tal-prestazzjoni u tal-eżitu;

L-użu tal-baġit bħala lieva għall-investiment

23.

Ifakkar li l-baġit tal-UE huwa primarjament baġit ta’ investiment, li jista’ jiġġenera iktar investiment minn sorsi pubbliċi jew privati; iqis li se jkun kruċjali li jiġi attratt kapital addizzjonali biex jintlaħqu l-ammonti sinifikanti ta’ investiment meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi politiċi ta’ Ewropa 2020; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiġi mmassimizzat l-impatt tal-finanzjament tal-UE billi jiġu mmobilizzati, miġbura u sfruttati r-riżorsi finanzjarji pubbliċi u privati għall-infrastrutturi u għal proġetti kbar ta’ interess Ewropew, mingħajr ma jkun hemm distorsjonijiet tal-kompetizzjoni;

24.

Jieħu nota tal-iżvilupp mid-disgħinijiet 'l hawn ta’ sħubijiet pubbliċi-privati istituzzjonalizzati (PPPs) fl-Unjoni, inter alia fis-settur tat-trasport, fil-qasam tal-bini u t-tagħmir pubbliku, u l-ambjent, bħala forom ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat u strument addizzjonali ta’ forniment għall-infrastruttura u servizzi pubbliċi strateġiċi; huwa madankollu mħasseb dwar xi problemi sottostanti li għandhom il-PPPs u jinsisti li t-tfassil ta’ PPPs futuri għandu jqis il-lezzjonijiet misluta u jsewwi n-nuqqasijiet tal-passat;

25.

Jieħu nota tal-esperjenza preċedenti ġeneralment pożittiva tal-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi - inkluż it-taħlit ta’ għotjiet u self u l-mekkaniżmi għall-qsim tar-riskji, bħall-Istrument ta’ Garanzija għas-Self għal proġetti tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (LGTT), il-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF) u l-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni (JEREMIE, JESSICA, JASPERS u JASMINE) - biex jiġi indirizzat objettiv speċifiku tal-politika; iqis li l-Unjoni għandha tieħu azzjoni notevolment biex issaħħaħ l-użu tal-fondi tal-UE bħala katalist biex tiġbed finanzjament addizzjonali mill-BEI, mill-BERŻ, minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra u mis-settur privat;

26.

Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex testendi s-sistema tal-finanzjament innovattiv, wara l-eżami dettaljat tagħha u wara valutazzjoni preċiża tal-ħtiġijiet ta’ investiment pubbliku u privat kif ukoll metodoloġija għall-koordinament tal-finanzjament minn sorsi differenti; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-qafas legali nazzjonali tagħhom jippermetti l-implimentazzjoni ta’ dawn is-sistemi; jitlob, għalhekk, li jissaħħaħ b'mod sostanzjali l-qafas regolatorju, baġitarju u operazzjonali ta’ dawn il-mekkaniżmi, biex tiġi żgurata l-effikaċja tagħhom f'termini ta’ multiplikazzjoni tal-investiment, sostenibilità, l-użu xieraq tar-riżorsi tal-UE u biex jiġu garantiti monitoraġġ, rappurtar u responsabilità adegwati; jinsisti barra minn hekk fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li r-riskji sottostanti jiġu kkwantifikati u kkunsidrati kif jixraq;

27.

Jinnota d-diffikultajiet storiċi biex jinstabu investituri privati għall-proġetti kbar tal-UE; jirrikonoxxi li l-kriżi finanzjarja wasslet lill-investituri privati biex saħansitra joqogħdu aktar lura qabel ma jiffinanzjaw proġetti tal-UE u żvelat il-ħtieġa li terġa' tiġi ggwadanjata biżżejjed fiduċja biex proġetti ta’ investiment kbar jiġbdu l-appoġġ li jeħtieġu; jenfasizza li l-appoġġ tal-baġit tal-UE se jkun meħtieġ, fit-terminu l-qasir kif ukoll f’dak twil, biex jattira u jimmobilizza l-fondi privati favur proġetti ta’ interess Ewropew, speċjalment għal dawk il-proġetti b’valur miżjud Ewropew li jkunu ekonomikament vijabbli imma li ma jkunux ikkunsidrati bħala kummerċjalment vijabbli;

28.

Jilqa', għalhekk, l-Inizjattiva tal-Bonds Ewropa 2020 għall-Proġetti, bħala mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tar-riskji mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li jipprovdu appoġġ limitat mill-baġit tal-UE, li għandhom jimmultiplikaw il-fondi tal-UE u jiġbdu aktar interess minn investituri privati biex jipparteċipaw fi proġetti prijoritajiet tal-UE bi qbil mal-objettivi ta’ Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta kompluta dwar il-bonds tal-UE għall-proġetti, billi tibni fuq l-esperjenza eżistenti bi strumenti konġunti UE-BEI, u tinkludi kriterji ċari u trasparenti għall-eliġibilità u għall-għażla tal-proġetti; ifakkar li l-proġetti ta’ interess għall-UE li jiġġeneraw ftit dħul se jkomplu jirrikjedu finanzjament permezz ta’ għotjiet; huwa mħasseb li d-daqs limitat tal-baġit tal-UE jista' eventwalment jimponi limitazzjonijiet biex jingħata ingranaġġ addizzjonali għal inizjattivi ġodda;

29.

Itenni l-ħtieġa li tiġi żgurata l-akbar trasparenza, responsabilizzazzjoni u skrutinju demokratiku għall-istrumenti u l-mekkaniżmi finanzjarji innovattivi li jinvolvu l-baġit tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi qafas ta’ implimentazzjoni u ta’ eleġibilità ta’ proġetti - li jiġi deċiż permezz ta’ proċedura leġiżlattiva ordinarja - li jiżgura fluss kontinwu ta’ informazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-awtorità baġitarja fir-rigward tal-użu ta’ dawn l-istrumenti fl-Unjoni kollha, li b’hekk jippermetti li l-Parlament jivverifika li l-prijoritajiet politiċi tiegħu jintlaħqu, kif ukoll kontroll isħaħ fuq dawn l-istrumenti mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

L-iżgurar ta’ ġestjoni finanzjarja soda

30.

Iqis li t-titjib tal-implimentazzjoni u tal-kwalità tal-infiq għandhom ikunu prinċipji gwida biex jintlaħaq użu ottimali tal-baġit tal-UE u biex jitfasslu u jiġu ġestiti l-programmi u l-attivitajiet wara l-2013;

31.

Jenfasizza, barra minn hekk, li t-tfassil tal-programmi tal-infiq għandu jagħti l-akbar attenzjoni lill-prinċipji taċ-ċarezza tal-objettivi, tal-konformità sħiħa mal-acquis Komunitarju u tal-komplementarjetà tal-istrumenti u tal-azzjonijiet, tal-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli dwar l-eliġibilità u l-implimentazzjoni, tat-trasparenza u ta’ responsabilità sħiħa u miftehma; jenfasizza l-importanza tal-ibbaġitjar bejn is-sessi bħala għodda ta’ governanza tajba għat-titjib tal-effiċjenza u l-ekwità;

32.

Jenfasizza, b'mod partikolari, li s-simplifikazzjoni tar-regoli u tal-proċeduri għandha tkun prijorità orizzontali ewlenija u huwa konvint li r-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju għandu jkollha rwol kruċjali f'dan ir-rigward;

33.

Jenfasizza li t-titjib tal-ġestjoni finanzjarja fl-Unjoni għandu jiġi appoġġat permezz ta’ sorveljanza mill-qrib tal-progress fil-Kummissjoni u fl-Istati Membri; jinsisti li l-Istati Membri għandhom jieħdu r-responsabilità għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE u joħorġu dikjarazzjoni nazzjonali ta’ kull sena dwar l-użu tal-fondi tal-UE f’livell politiku xieraq;

34.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata t-tendenza ta’ livell dejjem jikber ta’ impenji mhux minfuqa (RAL); ifakkar li, skont il-Kummissjoni, il-livell ta’ RAL sal-aħħar tal-2013 se jkun jammonta għal EUR 217 biljun; jinnota li ċertu livell ta’ RAL ma jistax jiġi evitat meta jiġu implimentati l-programmi multiannwali, imma jenfasizza madankollu li l-eżistenza ta’ impenji mhux minfuqa, skont id-definizzjoni jitolbu li għandhom isiru ħlasijiet korrispondenti; għalhekk ma jaqbilx mal-approċċ tal-Kunsill li jiddeċiedi dwar il-livell tal-ħlasijiet a priori, mingħajr ma jqis valutazzjoni preċiża tal-ħtiġijiet attwali; għalhekk se jagħmel ħiltu kollha matul il-proċedura kollha tal-baġit annwali fl-MFF li jmiss biex inaqqas id-diskrepanza bejn l-impenji u l-approprjazzjonijiet tal-ħlas permezz ta’ żieda xierqa fil-livell tal-ħlasijiet;

35.

Jemmen b'mod qawwi li hija meħtieġa valutazzjoni tal-punti ta’ saħħa u ta’ dgħufija tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ta’ kull Stat Membru f'oqsma politiċi individwali biex tittejjeb il-kwalità tal-ġestjoni u tal-kontroll tal-fondi tal-UE mill-Istati Membri; jemmen ukoll li ġestjoni aħjar, anqas burokrazija u aktar trasparenza, kif ukoll kontrolli aħjar, u mhux aktar kontrolli, huma meħtieġa biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-fondi tal-UE, anke fir-rigward tar-rata tal-assorbiment tagħhom; iqis f’dan ir-rigward li għandu jinstab bilanċ bejn il-livell tal-kontroll u l-kost tiegħu;.

36.

Jenfasizza l-importanza taċ-ċertezza legali u tal-kontinwità baġitarja għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-politiki u l-programmi multiannwali; jemmen, għalhekk, li r-regoli m’għandhomx jinbidlu matul il-perjodi tal-ipprogrammar mingħajr ġustifikazzjoni opportuna u valutazzjoni xierqa tal-impatt, għaliex dan jista’ jirriżulta fi spejjeż tat-tranżizzjoni ogħla, implimentazzjoni aktar bil-mod u riskju iżjed ta’ żball;

37.

Jenfasizza li l-kapaċità istituzzjonali hija wieħed mill-elementi ewlenin għal żvilupp, implimentazzjoni u sorveljanza ta’ suċċess tal-politiki tal-Unjoni; iqis, għalhekk, li t-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali jistgħu jkunu l-pedament ta’ aġġustamenti strutturali u jikkontribwixxu għall-assorbiment mingħajr xkiel u b'suċċess tar-riżorsi tal-UE;

Parti III:     Il-prijoritajiet politiċi

38.

Ifakkar li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona jsaħħaħ il-politiki tal-Unjoni u jagħti lill-Unjoni prerogattivi ġodda sinifikanti, l-iktar fl-oqsma tal-azzjoni esterna, tal-isport, tal-ispazju, tat-tibdil fil-klima, tal-enerġija, tat-turiżmu u tal-protezzjoni ċivili; jenfasizza li dan jirrikjedi riżorsi finanzjarji sinifikanti; ifakkar f’dan il-kuntest l-Artikolu 311 TFUE li jitlob li l-Unjoni tipprovdi lilha nnifisha bil-mezzi meħtieġa biex tilħaq l-objettivi tagħha u twettaq il-politiki tagħha;

Baġit li jappoġġa l-objettivi ta’ Ewropa 2020

39.

Jemmen li l-istrateġija Ewropa 2020 għandha tkun ir-riferiment politiku ewlieni għall-MFF li jmiss; jisħaq, fl-istess ħin, li l-Ewropa 2020 mhijiex strateġija li tinkludi kollox u li tkopri l-oqsma kollha tal-politika tal-Unjoni; jenfasizza li politiki oħra bbażati fuq it-Trattat li għandhom objettivi differenti ukoll se jeħtieġu li jkunu riflessi kif xieraq fl-MFF li jmiss;

40.

Huwa tal-fehma li l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tgħin lill-UE tirkupra mill-kriżi u toħroġ aktar b’saħħitha billi ttejjeb il-kundizzjonijiet għal - u l-infiq pubbliku fuq - l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, tilħaq l-għanijiet tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija, ittejjeb il-livelli tal-edukazzjoni u tippromwovi l-inklużjoni soċjali, b’mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar; jinnota li Ewropa 2020 hija intiża li tindirizza mhux biss it-tkabbir ekonomiku u l-istabilità finanzjarja fuq żmien qasir, imma t-trasformazzjoni strutturali fuq żmien itwal għal passaġġ ta’ tkabbir aktar sostenibbli u b’karbonju baxx u bi ftit emissjonijiet tal-karbonju bbażat fuq l-użu aktar effikaċi tar-riżorsi;

41.

Iqis li l-kontenut attwali tal-istrateġija Ewropa 2020, bħall-miri ewlenin, il-proposti emblematiċi, l-imblokki u l-indikaturi għadhom ta’ natura ġenerali ħafna u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti aktar dettaljati; iqis, barra minn hekk, li t-tnedija mill-ġdid tas-suq uniku hija element essenzjali tal-istrateġija Ewropa 2020 li jżid is-sinerġiji bejn id-diversi inizjattivi emblematiċi tagħha; jenfasizza li kull objettiv tal-istrateġija jista' jintlaħaq biss permezz ta’ impenji konkreti mill-Istati Membri fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom, politiki b’mekkaniżmi li huwa ppruvat li jagħtu r-riżultati, u proposti leġiżlattivi konkreti u konsistenti;

42.

Jenfasizza, barra minn hekk, li l-istrateġija Ewropa 2020 tista' biss tkun kredibbli jekk tkun żgurata l-konsistenza bejn l-objettivi tagħha u l-fondi allokati għalihom f’livell nazzjonali u f’livell ta’ UE; huwa tal-fehma li l-MFF li jmiss għandu jirrifletti l-ambizzjonijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u huwa ddeterminat li jaħdem mal-Kummissjoni u l-Istati Membri jipproduċu qafas kredibbli ta’ finanzjament li jiżgura, b’mod partikolari, finanzjament adegwat għall-inizjattivi emblematiċi u l-objettivi primarji tagħha; jisħaq, f'dan ir-rigward, li l-kompiti, ir-riżorsi u r-responsabilitajiet iridu jkunu definiti b'mod ċar u orkestrati sew bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara d-dimensjoni baġitarja tal-inizjattivi emblematiċi peress li dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni prijoritarji jaffettwaw il-politiki kollha ffinanzjati mill-baġit tal-UE;

43.

Iwissi li l-iżvilupp ta’ strateġija Ewropa 2020 fuq għaxar snin jirrikjedi flessibilità baġitarja suffiċjenti biex jiġi żgurat li l-mezzi baġitarji jkunu jistgħu jiġu allinjati kif suppost maċ-ċirkostanzi u l-prijoritajiet skont kif jevolvu;

Baġit li jappoġġa l-governanza ekonomika

44.

Jenfasizza l-fatt li fil-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja attwali, sa EUR 60 biljun f'garanziji għas-self iridu jiġu koperti bil-marġni bejn ir-riżorsi proprji u l-infiq annwali bbaġitjat; jindika l-obbligi addizzjonali maqbula fil-kuntest tal-għajnuna finanzjarja għal perjodu medju ta’ żmien lil Stati li mhumiex membri taż-żona tal-euro, li jridu jiġu koperti bl-istess marġni;

45.

Jitlob li s-simestru Ewropew jipprevedi koordinament u sinerġiji baġitarji aħjar bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, biex b'hekk jiżdied il-VME; jitlob li s-simestru Ewropew iżid ukoll il-koordinament ekonomiku fost l-Istati Membri b’konformità mal-prinċipju tal-metodu tal-Komunità u li jipprovdi governanza ekonomika mtejba liż-żona tal-euro u lill-Istati Membri li jixtiequ jissieħbu biex b’hekk tonqos il-ħtieġa li jsir użu mill-Mekkaniżmu ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja; jemmen li s-simestru Ewropew għandu jiffoka fuq it-titjib tas-sinerġiji bejn l-investimenti pubbliċi Ewropej u nazzjonali;

46.

Jinnota li l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilità (MES) wara l-2013 ġie organizzat b’mod purament intergovernattiv; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar dan l-iżvilupp u jenfasizza n-nuqqas ta’ kontroll u responsabilità demokratiċi kif ukoll l-infurzar tal-approċċ intergovernattiv; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi kkunsidrat il-metodu Komunitarju għall-MES; ifakkar li l-baġit tal-UE jipprovdi garanziji għal self għall-Istati Membri mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja, kif ukoll il-faċilità tal-għajnuna ta’ nofs it-terminu għall-bilanċ tal-pagamenti tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-Euro;

47.

Ifakkar li l-munita Ewropea nħolqot mingħajr konverġenza ekonomika reali bejn l-istati li xtaqu jintroduċuha, u fin-nuqqas ta’ baġit tal-Unjoni kbir biżżejjed biex jakkomoda munita tiegħu nnifsu; iqis li dan il-baġit ikun jeħtieġ li partijiet sinifikanti mill-infiq attwali tal-Istati Membri jiġi sostitwit bl-infiq tal-Unjoni mir-riżorsi fiskali tagħha stess sabiex jitqies kif dovut il-metodu Komunitarju u jipprovdi liż-żona tal-Euro u lill-UE bl-istabilità fiskali meħtieġa sabiex tingħeleb il-kriżi tad-dejn; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta l-impatt li jista’ jkun hemm minn sistema tal-Eurobonds fuq il-Baġit tal-UE;

Għarfien għat-tkabbir

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

48.

Jinnota l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija li tkun minn ta’ quddiem fid-dinja, ibbażata fuq l-għarfien u sostenibbli; jemmen għalhekk li l-MFF li jmiss għandu jkun fih ammont ikbar ta’ riżorsi baġitarji f’oqsma li jistimulawi t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività, bħala huma r-riċerka u l-innovazzjoni skont prinċipji Ewropej ta’ valur miżjud u eċċellenza;

49.

Huwa konvivnt bis-sħiħ tal-valur miżjud tal-ġbir flimkien tal-infiq nazzjonali għar-riċerka u innovazzjoni fil-baġit tal-UE sabiex ikun jista’ jilħaq il-massa kritika u l-ekonomiji tal-kobor meħtieġ, jitjieb l-impatt u jitnaqqas l-irduppjar u ħela ta’ fondi skarsi;

50.

Jemmen li huwa meħtieġ sforz pubbliku u privat miftiehem, inkluż kemm fil-livelli Ewropej u nazzjonali biex tintlaħaq il-mira ta’ Ewropa 2020 ta’ 3 % tal-prodott gross domestiku (PGD) f’nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, biex jinkiseb il-ħolqien taż-Żona Ewropea ta’ Riċerka u għal “Unjoni tal-Innovazzjoni”; jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri biex jaqblu mingħajr dewmien ulterjuri dwar pjan direzzjonali speċifiku dwar kif se jintlaħaq dan l-objettiv, u jindika l-impenn ekonomiku kbir li dan se jġib miegħu u, li jammonta għal 130 biljun euro fis-sena, kemm għall-baġit tal-UE kif ukoll għal dak nazzjonali, u d-doppju għas-settur privat;

51.

Jemmen li fondi pubbliċi għar-riċerka u l-iżvilupp jeħtieġ jiżdiedu sostanzjalment għaliex l-investiment pubbliku bosta drabi jservi ta’ inċentiv għall- investiment privat li jirriżulta; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ, jiġi stimulat u jiġi żgurat il-finanzjament tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fl-Unjoni permezz ta’ żieda sinifikanti fin-nefqa rilevanti mill-2013 'il quddiem, b’mod partikolari għat-Tmien Programm Qafas għar-Riċerka; jenfasizza f’dan ir-rigward ir-rwol katalitiku li kellha l-politika għall-koeżjoni fil-perjodu attwali ta’ programmazzjoni għaż-żieda tal-investiment fl-iżvilupp u r-riċerka, u jħeġġeġ li din ix-xejra titkompla u tissaħħaħ fil-perjodu li jmiss.

52.

Jenfasizza li ż-żieda fil-fondi trid isseħħ flimkien ma’ simplifikazzjoni radikali tal-proċeduri ta’ finanzjament; huwa mħasseb b’mod partikolari dwar l-assorbiment baxx ta’ fondi tal-UE mill-komunita xjentifika Ewropea u jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli l-isforzi tagħha biex tirrikonċilja d-domandi biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u biex jiġi ssimplifikat l-aċċess għal flussi ta’ finanzjament għar-riċerkaturi u l-SMEs u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, filwaqt li jinżamm kontroll baġitarju suffiċjenti; jenfasizza l-ħtieġa li l-SMEs jiġu eżentati minn ċerti rekwiżiti amministrattivi billi titnaqqas il-burokrazija u titħeġġeġ l-innovazzjoni permezz ta’ aċċess aktar faċli għall-finanzi;

53.

Jitlob rabta isħaħ bejn ir-riċerka bażika u l-innovazzjoni industrijali u bejn l-innovazzjoni u l-proċess tal-manifattura; ifakkar b’mod partikolari li waħda mid-diffikultajiet ewlenin fir-riċerka u l-iżvilupp Ewropej huwa l-fatt li mhumiex jiotwasslu riżultati b’mod effikaċi għas-suq; jenfasizza, f’dan ir-rigward u jenfasizza l-importanza li jinħolqu inċentivi biex prodotti tar-riċerka u l-iżvilupp jiġu kummerċjalizzati, b’mod partikolari permezz ta’ aċċess aktar faċli għall-finanzjament; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza ta’ fondi differenti li jiffunzjonaw tajjeb flimkien sabiex jintlaħaq dan u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel aġġustamenti neċessarji sabiex il-fondi rilevanti jkunu jistgħu jikkompletaw lil xulxin;

54.

Ifakkar li biex jintlaħqu l-miri tal-UE dwar il-klima u l-enerġija, l-isforzi għar-riċerka u l-iżvilupp l-UE għandhom jitkabbru b’mod sinifikattiv l-aktar fuq ir-riċerka ambjentali, l-effiċjenza enerġetika u t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli; iqis, barra minn hekk, li l-istatus ta’ pożizzjoni quddiemija tal-Ewropa fuq it-teknoloġiji l-ħodor tista’ tinżamm biss jekk tkun mirfuda minn sforzi xierqa ta’ riċerka;

55.

Jemmen li mhumiex biss is-sussidji li l-kumpaniji Ewropej innovattivi jeħtieġu, iżda wkoll leġiżlazzjoni aħjar, rabtiet aħjar mal-bażi ta’ riċerka u aċċess aħjar u aktar divers għall-iffinanzjar u l-finanzjament, li jvarjaw minn għotjiet, għal self u finanzjament ta’ ekwità; jitlob għalhekk lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex joħolqu fil-livell nazzjonali u f’dak Ewropew il-kundizzjonijiet it-tajba li jagħtu lok biex is-settur privat iżid is-sehem tiegħu fl-investimenti għar-riċerka u l-iżvilupp; jenfasizza l-bżonn li jissaħħu l-partnerships pubbliċi u privati, inkluż permezz tat-tneħħija tal-burokrazija u l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri eżistenti; jenfasizza, f’dan ir-rigward, ir-rwol importanti li għandu jkollhom il-BEI u l-FEI u jqis, b’mod partikolari, li l-istrumenti permanenti għall-kondiviżjoni tar-riskji offruti mill-BEI permezz tal-RSFF għandhom jitkabbru, b’mod partikolari f’appoġġ lil SMEs;

56.

Jenfasizza li l-innovazzjoni hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020; jirrikonoxxi r-rwol potenzjali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija bħala xprun tat-tkabbir sostenibbli u tal-kompetittività tal-UE, permezz tal-istimolu ta’ innovazzjoni fost l-aktar avvanzata fid-dinja, u jitlob li l-Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni jitwessgħu u jiġu ffinanzjati kif jixraq; jenfasizza l-importanza tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka biex jipprovdi l-għarfien l-aktar avvanzat għal innovaturi futuri u li jingħata appoġġ għal ideat ta’ riċerka b’riskju għoli; jappoġġja barra minn hekk il-ħtieġa ta’ tfassil ta’ strateġiji finanzjarji fit-tul sabiex jinkiseb finanzjament għall-proġetti fuq skala kbira tar-riċerka u l-iżvilupp;

L-industrija u l-SMEs

57.

Jenfasizza li l-bażi industrijali kompetittiva, innovattiva u diversifikata hija importanti biex jintlaħaq l-objettiv li tinħoloq ekonomija Ewropea kompetittiva, sostenibbli u inklużiva; ifakkar li l-SMEs huma xpruni ewlenin tat-tkabbir ekonomiku, tal-kompetittività, tal-innovazzjoni u tal-impjiegi, u jirrikonoxxi r-rwol importanti tagħhom biex jiġi żgurat l-irkupru u tingħata spinta lill-ekonomija tal-UE sostenibbli; jilqa', għalhekk, l-enfasi li tpoġġiet mill-istrateġija Ewropa 2020 fuq l-innovazzjoni u l-politika industrijali, l-iktar permezz tal-inizjattivi ewlenin “Unjoni ta’ Innovazzjoni” u "Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni", u jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-azzjonijiet li huma rilevanti għall-SMEs f'inizjattivi ewlenin oħra;

58.

Jitlob li l-SMEs u l-intraprendisti jitqiegħdu fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020; jitlob, għalhekk, appoġġ imsaħħaħ fl-MFF li jmiss għall-programmi u l-istrumenti kollha immirati għat-trawwim tal-SMEs, b’mod partikolari l-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, kif ukoll l-użu tal-Fondi Strutturali; jipproponi ggruppar aħjar tal-istrumenti u l-fondi Komunitarji għall-SMEs fil-baġit tal-UE; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa ta’ aċċessibilità akbar għall-istrumenti ta’ finanzjament u tal-adattament tagħhom għall-ħtiġijiet tal-SMEs, inter alia permezz ta’ enfasi isħaħ fuq il-mikrofinanza u l-istrumenti finanzjarji “mezzanine”, tal-estensjoni u l-espansjoni tal-istrumenti ta’ garanzija tas-CIP u tal-RSFF fil-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka;

L-aġenda diġitali

59.

Jemmen li l-UE għandu jkollha rwol ta’ tmexxija fil-ħolqien u fit-tkabbir tar-rwol tal-ICT u ta’ standards miftuħa għall-innovazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-kontenut u tal-għarfien, l-hekk imsejħa "ħames libertà"; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat it-twettiq rapidu tal-Aġenda Diġitali tal-Unjoni u li jitkomplu l-isforzi favur l-ilħuq sal-2020 tal-miri li jinkiseb aċċess għaċ-ċittadini kollha tal-UE għall-internet ta’ spid għoli, ukoll fir-reġjuni l-anqas żviluppati;

L-ajru u l-ispazju

60.

Jemmen li attivitajiet dwar l-ispazju jservu ta’ bażi għall-attività tal-innovazzjoni u l-industrija, impjiegi ta’ ħiliet kbar u jtejbu l-benessri u s-sigurtà taċ-ċittadini; huwa tal-fehma li l-iżvilupp tal-politika spazjali tal-UE li għadha kif ġiet stabbilita, tkun teħtieġ loġikament li jkollha finanzjament adegwat; jenfasizza l-importanza strateġika ta’ proġetti kbar f'dan il-qasam: is-sistemi Globali Ewropej ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (Galileo u s-Servizz Ewropew ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja), il-programm ta’ Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES), u s-sistema Ewropea tal-Ġenerazzjoni Ġdida għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (SESAR) li se jwasslu għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew; jinsisti li, meta jitqiesu l-perjodi twal ta’ eżekuzzjoni involuti u l-livelli ta’ investiment kapitali diġà impenjati għal dawn il-proġetti, huma meħtieġa impenji finanzjarji suffiċjenti u konsistenti tul il-perjodi tal-programmazzjoni finanzjarja;

Il-ħiliet it-tajba għall-forza tax-xogħol tal-ġejjieni

61.

Jenfasizza li n-nuqqas ta’ invesiment xieraq fl-edukazzjoni u tagħlim għal tul il-ħajja fuq perjodu qasir ta’ żmien jista’ jikkomplika l-kriżi u jtawwalha, minħabba li ċ-ċittadini ma jkollhomx il-ħiliet rikjesti għall-impjiegi fl-ekonomija tal-għarfien il-ġdida; jenfasizza għalhekk, bħala kwistjoni urġenti, il-bżonn li l-UE tappoġġja investimenti pubbliċi f’dawn l-oqsma; ifakkar li r-rata ta’ studenti li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien u l-aċċess ristrett għall-edukazzjoni għolja u fil-livell universitarju huma fatturi bażiċi tal-iġġenerar ta’ rata ta’ qgħad għolja fuq perjodu ta’ żmien twil u jikkostitwixxu frustrazzjoni għat-tama tal-koeżjoni soċjali; jemmen f’dan il-kuntest fil-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ ir-rabta bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-impjiegi;

62.

Jindika l-importanza li jiġu ffinanzjati b’mod adegwat il-programmi tal-edukazzjoni, skemi tal-mobilità għaż-żgħażagħ, programmi ta’ taħriġ u tagħlim tul il-ħajja, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u anke miżuri li jkollhom l-għan li jadattaw is-suq tax-xogħol peress li dan jagħti kontribut importanti fil-ġlieda kontra tluq prematur mill-iskejjel, il-qgħad u favur l-ilħuq tal-miriet ewlenin ta’ Ewropa 2020; jemmen li t-tranżizzjoni lejn soċjetà sostenibbli fis-snin li ġejjin timplika li għandha tingħata konsiderazzjoni għall-importanza tal-promozzjoni ta’ impjiegi ambjentali filwaqt li jkun meħtieġ taħriġ ġdid f’din id-direzzjoni;

63.

Huwa tal-fehma li l-inizjattiva emlematika dwar ħiliet u impjiegi ġodda għandha tippermetti ffukar usa' fuq il-gruppi u n-nies l-aktar vulnerabbli li jifaċċjaw diffikultajiet ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol, bħar-Roma; jenfasizza r-rwol fundamentali tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) biex jintlaħqu l-objettivi soċjali u tal-impjiegi tal-istrateġija Ewropa 2020; hu tal-fehma li għaldaqstant li l-FSE għandu jiġi ttrattat bħala prijorità politika u ffinanzjat kif xieraq; jinkoraġġixxi applikazzjoni aktar strateġika tal-FSE għat-titjib tal-ugwaljanza bejn is-sessi, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni mill-ġdid, u li jiġġieldu kontra l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni

Koeżjoni għat-tkabbir u l-impjiegi

64.

Jenfasizza l-VME tal-politika ta’ koeżjoni, peress li din il-politika hija mekkaniżmu stabbilit sew biex jintlaħqu t-tkabbir u l-impjiegi, strument importanti bħall-konverġenza, l-iżvilupp sostenibbli u s-solidarjetà u waħda mill-aktar politiki sinifikanti, viżibbli u li kellhom suċċess tal-Unjoni għal deċennji sħaħ; jirrimarka, madankollu, li politika ta’ koeżjoni moderna għandha twettaq numru ta’ riformi strutturali, partikolarment fil-qasam tas-semplifikazzjoni, tirreaġixxi għall-isfidi l-kbar li qed taffaċċja l-Unjoni u tippromwovi sinerġiji ma’ politiki u strumenti oħra fil-post; huwa konvint li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandha tibqa' politika f'livell Ewropew li tagħti l-aċċess għal riżorsi, esperjenzi u assistenza lir-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea;

65.

Ifakkar li l-politika ta’ koeżjoni għandha importanza ikbar wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u bl-ankraġġ tal-koeżjoni territorjali fit-Trattat; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li għandha tissaħħaħ kull forma ta’ kooperazzjoni territorjali (transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali); jenfasizza li jeħtieġ jiġu affrontati wkoll il-kooperazzjoni u l-istrateġiji makroreġjonali;

66.

Jenfasizza r-rwol predominanti tal-politika ta’ koeżjoni għall-ilħuq tal-objettivi ta’ Ewropa 2020 u huwa tal-fehma li politika ta’ koeżjoni soda u awtonoma hija prerekwiżit għall-implimentazzjoni b'suċċess ta’ din l-istrateġija; jenfasizza li, minħabba n-natura orizzontali tagħha, il-politika ta’ koeżjoni tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tliet prijoritajiet li huma tal-istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u li dan għandu jkun rifless fl-istruttura tal-MFF li ġej bir-riġett ta’ kull frammentazzjoni ta’ din il-politika fit-titoli u sottotitoli varji; ifakkar, madankollu, li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandha l-missjoni u l-objettivi ddelineati fl-Artikolu 174 tat-TFUE li jmorru lil hinn mill-Istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza li dawn għandhom jiġu ppreservati fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, speċjalment minħabba l-ħtieġa persistenti ta’ konverġenza ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni;

67.

Jenfasizza li politika ta’ koeżjoni msaħħa u li tirnexxi teħtieġ finanzjament adegwat, u li l-ammonti allokati għaliha fil-perjodu ta’ programmazzjoni finanzjarja attwali għandhom jinżammu tal-anqas fl-istess livell fil-perjodu li jmiss bil-għan li jiġu intensifikati l-isforzi biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn ir-reġjuni tal-UE; itenni, f'dan il-kuntest, it-talba qawwija tiegħu li jiġi żgurat li, fl-MFF li jmiss, ir-riżorsi tal-fondi ta’ koeżjoni li ma jkunux intefqu jew li jkunu ġew diżimpenjati jibqgħu fil-baġit tal-UE u ma jiġux irritornati lill-Istati Membri; ifakkar il-pożizzjoni tiegħu li skont din il-PDG per capita għandu jibqa' l-kriterju ewlieni biex tiġi stabbilita l-eleġibilità għall-għajnuna tal-politika reġjonali;

68.

Iqis li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jikkonċentraw ir-riżorsi nazzjonali u tal-UE fuq numru żgħir ta’ prijoritajiet u ta’ proġetti li huma ta’ interess Ewropew ġenwin, bħar-R&Ż u l-innovazzjoni, relatati mal-isfidi speċifiċi li jridu jħabbtu wiċċhom magħhom; jitlob, f'dan il-kuntest, li l-Kummissjoni tfassal proposti konkreti biex tiżgura konċentrazzjoni tematika aktar b'saħħitha tal-finanzjament ta’ koeżjoni fuq il-prijoritajiet ta’ Ewropa 2020 u jqis li għandha tibda titħaddem sistema orjentata aktar lejn ir-riżultati mill-"allokazzjoni" attwali, filwaqt li tiggarantixxi fl-istess ħin li jitqiesu l-esiġenzi u l-prijoritajiet speċifiċi ta’ kull reġjun; jilqa', f'dan ir-rigward, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taqbel ma’ kull Stat Membru u r-reġjuni tiegħu jew direttament mar-reġjuni - fil-kuntest tal-kuntratti ta’ sħubija għall-iżvilupp u għall-investiment u l-programmi operazzjonali - dwar termini u kundizzjonalitajiet speċifiċi għall-ilħuq ta’ miri stabbiliti;

69.

Jemmen fil-qawwa fl-importanza ta’ approċċ politiku integrat u jqis li l-investimenti kollha speċifiċi għal kull settur fl-MFF li jmiss għandhom ikunu kkoordinati mal-investimenti mwettqa fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni; jenfasizza, għalhekk, il-bżonn li jitjieb il-koordinament, jitnaqqsu sovrappożizzjonijiet superfluwi u jinħolqu sinerġiji akbar bejn il-FEŻR, il-FSE, il-fond ta’ koeżjoni, il-FAEŻR u l-Fond Ewropew għas-Sajd (FES); jenfasizza l-bżonn ukoll li tiġi evitata d-duplikazzjoni u jitjieb il-koordinament bejn il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-FSE; jemmen, għalhekk, li l-ħolqien ta’ qafas strateġiku komuni li jistabbilixxi prijoritajiet komuni ta’ investiment għal dawn il-fondi kollha huwa pass importanti f'din id-direzzjoni; iqis, barra minn hekk, li jkun meħtieġ koordinament fil-livelli kollha tat-tfassil tal-politiki, mill-ippjanar strateġiku sal-implimentazzjoni; huwa konvint li l-FSE għandu jibqa' komponent integrali tal-politika ta’ koeżjoni f'kull fażi tal-programmazzjoni, implimentazzjoni u ġestjoni tiegħu;

70.

Jemmen li l-inħawi urbani – bħala postijiet b’konċentrazzjoni għolja ta’ sfidi (il-qgħad, l-esklużjoni soċjali, il-migrazzjoni) – jista’ jkollhom rwol importanti fl-iżvilupp reġjonali u jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fil-post; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jkun hemm approċċ aktar viżibbli u aktar iffukat għad-dimensjoni urbana tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li fl-istess ħin jiġu żgurati kundizzjonijiet bilanċjati għall-iżvilupp sinerġiku ta’ nħawi urbani, suburbani u rurali;

71.

Jirrikonoxxi li skont it-Trattat ta’ Lisbona għandha tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni rurali, liż-żoni affettwati mit-tranżizzjoni industrijali, u lir-reġjuni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti, bħar-reġjuni mbiegħda tat-Tramuntana b'densità demografika baxxa ħafna, il-gżejjer, ir-reġjuni transkonfinali u muntanjużi, kif ukoll ir-reġjuni l-aktar imbiegħda; jemmen li r-riżorsi u l-kapaċitajiet li jinsabu f'dawn ir-reġjuni jistgħu jiżvolġu rwol sinifikanti fil-kompetittività futura tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza, għaldaqstant, li dawn iż-żoni li qed jiffaċċjaw sfidi għandhom jiġu rikonoxxuti wkoll fl-MFF futur; iqis li għar-reġjuni bi żvantaġġi permanenti huwa neċessarju li tiġi elaborata strateġija speċjali, kif previst mir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Settembru 2010;

72.

Ifakkar li waħda mill-kritiki ewlenin diretti lejn il-politika ta’ koeżjoni tirrigwarda l-kumplessità tar-regoli tagħha; jinsisti fuq l-importanza tal-cross-financing u tas-semplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri ta’ din il-politika, fuq it-tnaqqis tal-kumplessità u tal-piżijiet amministrattivi u fuq allokazzjoni iktar trasparenti u effikaċi tar-riżorsi lill-bliet, lill-muniċipalitajiet u lir-reġjuni; jisħaq li s-sistemi ta’ verifika u kontroll għandhom jottemperaw mal-ogħla standards, ħalli l-abbużi jinqabdu u jkunu ssanzjonati mill-ewwel; jenfasizza li l-frekwenza tal-kontrolli għandha tikkorrispondi mar-riskju tal-irregolaritajiet, bi qbil mal-prinċipju tal-proporzjonalità;

73.

Jappella għal titjib fis-sistemi ta’ sorveljanza u valutazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza li l-prinċipju tas-sħubija jista' jiżvolġi rwol kruċjali f'dan it-titjib u għandu jiġi adattat fil-kuntest tas-semplifikazzjoni; jemmen li l-elaborazzjoni ta’ indikaturi tal-eżitu konkreti u li jistgħu jitkejlu għandha titqies bħala prerekwiżit għat-tkejjil tal-progress reali li jkun sar b'rabta mal-miri maqbula; jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni għal valutazzjoni ex-ante, kontinwa u tal-impatt għal kull programm operazzjonali; ifakkar li prinċipji tal-politika ta’ koeżjoni oħrajn, bħar-regola ta’ kofinanziament, il-governanza f'diversi livell, l-approċċ minn isfel għal fuq, l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet tal-ġeneru u l-addizzjonalità, urew l-importanza tagħhom u għandhom jinżammu fl-MFF li jmiss;

74.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kategorija intermedjarja għat-tul tal-perjodu ta’ programmazjoni li jmiss għar-reġjuni li l-PGD tagħhom per capita huwa bejn 75 % u 90 % tal-PGD tal-UE, sabiex jingħataw stejtus aktar ċar u aktar sigurtà fir-rigward tal-iżvilupp tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tagħti aktar informazzjoni dwar il-konsegwenzi baġitarji ta’ tali għażla; jitlob li l-Kummissjoni tfassal ukoll proposti konkreti biex issaħħaħ l-ekwità bejn dawk ir-reġjuni u reġjuni oħra fl-istess livell ta’ żvilupp; jenfasizza li dawn il-miżuri tranżizzjonali għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss għar-reġjuni ħerġin mill-objettiv tal-konverġenza u għar-reġjuni bi PGD per capita ta’ bejn 75 % u 90 % tal-medja tal-UE ma għandhomx jiġu stabbiliti spejjeż tar-reġjuni tal-konverġenza attwali (Objettiv 1) u tar-reġjuni tal-kompetittività attwali (Objettiv 2) jew tal-objettiv tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Objettiv 3);

75.

Iwissi sabiex il-fondi ta’ koeżjoni ma jiġux suġġetti għal sanzjonijiet fil-qafas tal-kundizzjonalità makroekonomika marbuta mal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir peress li dan imur kontra l-objettivi li l-politika ta’ koeżjoni hija maħsuba li tipprova tilħaq; partikolarment it-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali; jisħaq għaldaqstant fuq il-bżonn ta’ sorveljanza msaħħa biex tiggarantixxi li l-finanzjamenti strutturali jintużaw skont id-dritt tal-UE u l-objettivi mixtieqa;

76.

huwa partikolarment imħasseb dwar il-bidu kajman tal-programmi operazzjonali fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ programmazzjoni minħabba, fost raġunijiet oħrajn, fażi sovraposta mat-tlestija ta’ dawk preċedenti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din il-problema jeħtieġ li tiġi ttrattat fil-ħin billi jiġu indirizzati l-fatturi li jikkontribwixxu għal dewmien bħal dan; jindika, għal dan il-għan, il-bżonn li tiġi garantita ċerta kontinwità bejn il-perjodi ta’ programmazzjoni għal dak li għandu x'jaqsam mal-ħolqien ta’ sistemi u awtoritajiet ta’ ġestjoni u kontroll nazzjonali;

77.

Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jużaw kemm jistgħu l-istrumenti finanzjarji innovattivi, inter alia, għall-fondi revolving għall-miżuri ta’ effiċjenza enerġetika; jitlob li dawk l-istrumenti finanzjarji jkunu ssemplifikati imma wkoll soġġetti għal skrutinju demokratiku akbar;

Il-ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-iżvilupp sostenibbli

Il-politika agrikola komuni

78.

Jafferma li l-politika agrikola komuni (PAK) għandha tkun orjentata wkoll biex tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 u li ż-żewġ pilastri tal-PAK għandhom jagħtu kontribut validu u distint għaliha, b’mod komplementari; jenfasizza li l-PAK hija ankrata b’mod sod fit-Trattat ta’ Lisbona, li jiddefinixxi l-objettivi u l-kompiti tagħha;

79.

Jenfasizza li filwaqt li r-rwol primarju tal-PAK attwali u dik riformata huwa li tiggarantixxi s-sikurezza tal-ikel tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-provvistà globali tal-ikel fi żminijiet ta’ żieda fil-prezzijiet, hija qiegħda fl-istess ħin tipprovdi varjetà ta’ beni pubbliċi lil hinn mis-swieq agrikoli, bħall-garanzija tas-sigurtà tal-ikel tal-Unjoni billi l-art agrikola fl-Ewropa kollha tinżamm fi produzzjoni, it-tiswir tad-diversità tal-pajsaġġi, it-tisħiħ tal-bijodiversità u tal-benessri tal-annimali, it-tnaqqis fil-bidla fil-klima, il-konservazzjoni tal-ħamrija u ilma, il-ġlieda kontra d-depopulazzjoni rurali, il-faqar u s-segregazzjoni, il-forniment ta’ impjiegi u servizzi ta’ interess ġenerali f’żoni rurali, il-kontribuzzjoni għal produzzjoni aktar sostenibbli ta’ ikel u appoġġ għal sorsi ta’ enerġija li tiġġedded;

80.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti għal PAK riformata, li jimmiraw għal allokazzjoni u użu effikaċi u effiċjenti tal-baġit tal-PAK, inter alia permezz ta’ distribuzzjoni ekwa tal-ħlasijiet diretti bejn l-Istati Membri, r-reġjuni u l-bdiewa, billi tissaħħaħ il-kundizzjonalità fir-rigward tal-forniment tal-beni pubbliċi mistennija mis-soċjetà u permezz ta’ ħlasijiet aktar immirati biex jiġi assigurat l-akbar ritorn għall-fondi pubbliċi; jenfasizza l-bżonn li tinżamm is-sistema ta’ żewġ pilastri tal-PAK għas-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi;

81.

Jappoġġja l-awtonomija tal-ikel tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakar fl-impenn li ħadu l-membri tad-WTO fil-Konferenza Ministerjali ta’ Ħong Kong fl-2005 sabiex tinkiseb l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta’ susssidji għall-esportazzjoni; iqis li l-PAK il-ġdida għandha tkun konformi mal-kunċett tal-UE ta’ koerenza politika għall-iżvilupp; jenfasizza li l-Unjoni m’għandhiex tibqa’ tuża sussidji tal-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli u għandha tkompli tikkoordina l-isforzi mal-produtturi agrikoli dinjija ewlenin sabiex jitneħħew is-sussidji li jikkawżaw tagħwiġ tal-kummerċ;

82.

Jinsisti li, meta titqies il-firxa wiesgħa ta’ kompiti u objettivi li l-PAK hija mitluba li tirreaġixxi għalihom, l-ammonti allokati lill-PAK fil-baġit għas-sena 2013 għandhom għallinqas jinżammu matul il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

83.

Jitlob li jkun hemm koordinament akbar tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), u fondi oħra ta’ koeżjoni u strutturali biex jissaħħaħ l-approċċ territorjali; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti speċifiċi dwar kif jistgħu jintlaħqu sinerġiji aħjar fir-rigward tal-finanzjament għal attivitajiet li mhumiex relatati mal-agrikoltura fil-FAEŻR u fi strumenti rilevanti oħrajn; jistenna li l-ispejjeż marbuta mad-diversifikazzjoni ekonomika fir-reġjuni fejn l-agrikoltura qed tonqos se jiżdiedu matul il-perjodu tal-MFF li jmiss;

Sajd

84.

Jenfasizza li r-riżorsi tas-sajd huma beni pubbliċi vitali għas-sigurtà tal-ikel fil-livell globali; jindika l-fatt li s-settur tas-sajd u l-akkwakultura u l-attivitajiet relatati ta’ spiss huma s-sors ewlieni ta’ għajxien u ta’ impjiegi sostenibbli f’reġjuni kostali, reġjuni gżejjer u reġjuni remoti; iqis li, biex tilħaq l-għanijiet tagħha fuq perjodu ta’ żmien medju u perjodu ta’ żmien twil (settur tas-sajd stabbli, sostenibbli u vijabbli), l-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut u l-indirizzar tal-aspetti soċjali marbuta mat-tnaqqis tal-isforz tas-sajd, il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) riformata se tirrikjedi riżorsi finanzjarji adegwati wara l-2013; jirrikonoxxi li hemm bżonn aktar koordinament mal-politika ta’ koeżjoni; jenfasizza li l-Fond Ewropew għas-Sajd għandu jintuża biex jappoġġja prattiki tas-sajd sostenibbli, skont il-prinċipju ta’ rendiment massimu sostenibbli, kif ukoll biex jippreserva l-ekosistemi marini filwaqt li jagħti attenzjoni speċjali lis-settur tas-sajd fuq skala żgħira;

L-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-effiċjenza tar-riżorsi

85.

Jenfasizza li l-Unjoni għandha tmexxi t-trasformazzjoni lejn ekonomija sostenibbli u tippromwovi tranżizzjoni għal soċjetà sostenibblui bi ftit emissjonijiet tal-karbonju b’industrija Ewropea kompetittiva u bi prezzijiet tal-enerġija affordabbli biex jiġi żgurat li l-ambjent li wieħed jgħix fih ikun nadif u ma jagħmilx ħsara lis-saħħa; jenfasizza li dan għandu jintlaħaq, inter alia, permezz ta’ konsum inqas ta’ enerġija fis-setturi kollha, li jirrikjedi bħala prerekwiżit suq intern u infrastruttura li jaħdmu sew, id-deċentralizzazzjoni tal-provvista tal-enerġija, żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli u protezzjoni aħjar tal-bijodiversità, u l-iżgurar tar-reżiljenza tal-ekosistema;

86.

Jissottolinja li kien hemm implimentazzjoni b'suċċess ta’ LIFE+ u li ġie ppruvata l-importanza tal-istess fis-salvagwardja tal-bijodiversità u l-ħarsien tal-ambjent; jisħaq dwar il-ħtieġa ta’ programmi kontinwati mogħnijin kif jixraq għan-natura u l-bijodiversità ħalli jintlaħqu l-objettivi ambjentali tal-UE, l-aktar għal-LIFE+ u n-NATURA 2000;

87.

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ orizzontali, li jiġbor miżuri biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra – b’mod partikolari miżuri għall-iffrankar tal-enerġija – fl-oqsma politiċi rilevanti kollha, inklużi l-politiki esterni; huwa konvint li inċentivi pożizzjonati sew bħall-kundizzjonalità tal-infiq tal-UE u l-leġiżlazzjoni huma l-elementi ewlenin biex jintlaħqu l-miri ta’ Ewropa 2020 f’dan il-qasam; iqis, konsegwentement, li l-azzjonijiet tal-klima għandhom jiġu ssimplifikati fit-taqsimiet kollha rilevanti tal-infiq, inkluż dak estern, u li għandhom jiġu introdotti strumenti ta’ ħarsien tal-klima għall-infiq kollu tal-UE; iqis li proporzjon ikbar mid-dħul tal-iskema Ewropeja ta’ skambju ta’ emissjonijiet għandu jkun investitit fil-mitigazzjoni u fl-innovazzjoni relatati mal-klima;

88.

Huwa tal-fehma li l-indirizzar tal-isfida tas-sostenibilità, permezz tal-introduzzjoni ta’ kriterji ambjentali u ż-żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi u tal-enerġija biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima huwa wieħed mill-objettivi fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020;

89.

Jappoġġa, għalhekk, is-suġġeriment espress fir-Rieżami Baġitarju tal-Kummissjoni li jiġi inkluż obbligu li jiġi identifikat b'mod trasparenti fejn il-programmi settorjali ppromwovew l-objettivi 20/20/20 tal-klima u tal-enerġija speċifikati fl-istrateġija Ewropa 2020 u fejn ikkontribwew biex jintlaħqu l-miri tal-inizjattiva emblematika "Ewropa li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti";

90.

Jenfasizza r-responsabbiltà globali tal-UE li tindirizza l-bidla fil-klima; ifakkar li l-wegħdiet li saru bil-ftehimiet ta’ Kopenħagen u Kankun biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jew biex jadattaw għall-effetti tiegħu għandhom ikunu “ġodda u addizzjonali” għall-għajnuna għall-iżvilupp eżistenti, filwaqt li jinżamm livell ta’ koerenza adegwat bejn iż-żewġ politiki; jissuġġerixxi li jinħoloq programm ġdid għal dan l-iskop; itenni l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħtieġa li fil-baġit tal-UE jinżamm il-finanzjament tal-politiki Ewropej kollha; jitlob li l-wegħdiet internazzjonali tal-UE rigward il-bidla fil-klima jiġu integrati fil-baġit sabiex jinkiseb l-effett massimu tal-influwenza tar-riżorsi tal-komunità;

Enerġija

91.

Huwa konvint li s-sehem tal-enerġija fl-MFF li jmiss għandu jiżdied; jemmen li teknoloġiji tal-enerġija ġodda u rinnovabbli, l-effiċjenza tal-enerġija u l-politiki tal-iffrankar tal-enerġija għandhom ikunu prijoritajiet ewlenin u jitlob li jkun hemm żieda korrispondenti tal-finanzjament tal-UE f’dawn l-oqsma; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa punti ta’ riferiment konkreti u tiżgura li l-miri maqbula jintlaħqu u li jkunu jistgħu jiġu ssorveljati b’mod effiċjenti fil-qafas tas-simestru Ewropew tal-koordinament tal-politika u permezz ta’ pjanijiet speċifiċi bħalma huma l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza Enerġetika;

92.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-finanzi fir-riċerka, fl-iżvilupp u fid-dimostrazzjoni tat-teknoloġija fil-qasam tal-enerġija, sabiex tiġi żviluppata enerġija sostenibbli disponibbli għal kulħadd; jitlob li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET), li diġà ġie adottat, matul l-MFF li jmiss;

Ewropa konnessa

93.

Minħabba l-ħtiġijiet enormi ta’ finanzjament fl-oqsma tat-trasport u tal-infrastruttura enerġetika, u minħabba l- esternalitajiet pożittivi ta’ dawn il-proġetti, jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas regolatorju li jista’ jservi ta’ inċentiv għall-promozzjoni ta’ investimenti pubbliċi u privati fuq medda twila ta’ żmien f’dawn l-oqsma; jitlob li jiġu żviluppati strumenti finanzjarji innovattivi b’kooperazzjoni ma’ investituri fuq medda twila ta’ żmien;

Netwerks tal-enerġija Trans-Ewropej

94.

Jirrimarka l-ħtieġa li l-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli jingħataw prijorità fid-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament tal-infrastruttura tal-enerġija; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi mmodernizzata u mtejba l-infrastruttura enerġetika Ewropea, li jiġu żviluppati grilji intelliġenti u li jinbnew interkonnessjonijiet li huma meħtieġa biex jinkiseb suq tal-enerġija intern, il-ħtieġa ta’ sorsi u rotot diversifikati ma’ pajjiżi terzi li jsaħħu s-sigurtà tal-provvista, iż-żieda tas-sehem tal-enerġija li tiġġedded u li jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima; jieħu nota tal-estimi li skonthom huma meħtieġa investimenti sostanzjali ta’ madwar EUR 1 000 biljun sal-2020 f’dan il-qasam; b’mod partikolari sabiex tkun żġurata l-kapaċità ta’ trażmissjoni, inklużi kapaċità ta’ produzzjoni u investiment ġodda fi grilji tal-elettriku; jinnota li skont il-prezzijiet attwali dinjin tal-enerġija, l-investiment sostanzjali meħtieġ jista’ joriġina primarjament mis-settur privat; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mmassimizzati l-impatt tal-finanzjament Ewropew u l-opportunità offruta mill-fondi strutturali u minn strumenti finanzjarji innovattivi għall-finanzjament ta’ proġetti prijoritarji nazzjonali u transkonfinali ewlenin tal-infrastruttura enerġetika Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa ta’ allokazzjoni sostanzjali mill-baġit tal-Unjoni Ewropea għal strumenti finanzjarji innovattivi f’dan il-qasam;

It-trasport u n-netwerks trans-Ewropej tat-trasport

95.

Jenfasizza li l-investimenti f’infrastruttura effikaċi tat-trasport transkonfinali għandhom rwol ewlieni biex l-Ewropa tkun tista’ tiddefendi l-kompetittività tagħha u twitti t-triq għal tkabbir ekonomiku fit-tul wara żmien il-kriżi; jemmen li n-netwerks Trans-Ewropej tat-trasport (TEN-T) huma vitali sabiex jiggarantixxu l-funzjonament xieraq tas-suq intern u jipprovdu VME importanti peress li jikkontribwixxu għal titjib tal-aċċessibilità u l-interoperabilità bejn il-partijiet differenti tal-UE billi jiggarantixxu rabtiet transkonfinali u jeliminaw il-konġestjoni, itejbu l-użu tal-ġestjoni tat-traffiku u s-sistemi tal-informazzjoni u jassiguraw l-infrastruttura transkonfinali, li l-Istati Membri weħidhom kieku ma jinvestux fiha; iqis li t-TEN-T għandhom jipprovdu netwerk Ewropew ewlieni ġenwin aktar milli l-ġabra tal-proġetti nazzjonali u li l-finanzjament ta’ proġetti ewlenin għandu jiġi evalwat u rieżaminat fid-dawl tal-progress fil-post u l-VME; jemmen b’fehma soda li t-TEN-T għandhom għalhekk ikunu prijorità ewlenija fl-MFF li jmiss;

96.

Iqis li l-kundizzjonalità għandha tissaħħaħ bl-introduzzjoni tal-prinċipju “użah jew titilfu” (diżimpenn); meta fondi allokati ma jkunux intużaw, ir-riżorsi mhux minfuqa jew diżimpenjati tal-fondi maħsuba għat-trasport għandhom jibqgħu fil-baġit tal-UE u ma jintraddux lura lill-Istati Membri;

97.

Ifakkar li se jkun meħtieġ investiment globali ta’ EUR 500 biljun fil-perjodu 2007-2020 għat-TEN-T; iqis, għaldaqstant, li żieda fil-fondi tat-TEN-T hija neċessarja fl-MFF li jmiss, flimkien ma’ aktar koordinament bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, kif ukoll il-fondi disponibbli għat-TEN-T u l-finanzjament għall-proġetti tat-trasport, fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni u tal-kooperazzjoni territorjali; jenfasizza r-rwol li strumenti ta’ finanzjament innovattivi, inklużi l-PPPs u l-bonds għall-proġetti, jistgħu jiżvolġu anki fil-finanzjament ta’ dawk il-proġetti; iqis li l-infiq użat mill-fond ta’ koeżjoni għandu jkollu bħala kundizzjoni r-rispett tal-prinċipji ġenerali tal-politika Ewropea tat-trasport; iqis li l-finanzjament tat-TEN-T għandu jintegra b'mod attiv l-objettivi tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll l-obbligi fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020; u għandu kemm jista’ jkun jagħti prijorità lit-trasportazzjoni b’emissjonijiet tal-karbonju baxxi;

98.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis, b’mod partikolari, il-ħtieġa li l-flussi tal-merkanzija u tal-passiġġieri jiġu orjentati mill-ġdid lejn flussi sostenibbli u effiċjenti tat-trasport filwaqt li tiġi pprovduta komodalità effiċjenti; iqis li r-reviżjoni imminenti tal-linji gwida tat-TEN-T jeħtieġ li ssib soluzzjonijiet għall-interoperabilità bejn is-sistemi ferrovjarji nazzjonali u transkonfinali u tintroduċi kundizzjonalità fuq l-infiq tal-UE biex tintlaħaq politika Ferrovjarja Ewropea Unika ġenwina, u tiggarantixxi użu akbar tal-ilmijiet navigabbli interni u tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra;

It-turiżmu

99.

Ifakkar li t-turiżmu huwa kompetenza ġdida tal-UE li ġiet stabbilita mit-Trattat ta’ Lisbona u li għalhekk għandha tkun riflessa wkoll fl-MFF li jmiss; jenfasizza l-kontribut importanti tat-turiżmu għall-ekonomija Ewropea u huwa tal-fehma li l-istrateġija Ewropea għat-turiżmu għandha timmira biex iżżid il-kompetittività ta’ dan is-settur u għandha tiġi appoġġjata minn fondi adegwati waqt il-perjodu li jmiss;

Il-Politika Marittima

100.

Jirrikonoxxi li fil-futur, l-ibħra u l-oċeani se jkollhom rwol dejjem aktar importanti għat-tkabbir ekonomiku globali; iqis li l-Politika Marittima Integrata għandha tkun immexxija u orjentata lejn l-għelib tal-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żoni kostali u marittimi, b’appoġġ tal-hekk imsejjaħ tkabbir “blu” u lejn ekonomija marittima sostenibbli li tkun konformi mal-Istrateġija UE-2020; jitlob li l-UE żżid l-isforzi tagħha biex tappoġġja politika marittima ambizzjuża tal-UE li tippermetti lill-Ewropa takkwista l-pożizzjoni internazzjonali tagħha f’dan is-settur strateġiku; jinsisti li għandhom isiru disponibbli l-mezzi baġitarji adegwati għall-ġid ta’ din il-politika;

Ċittadinanza, libertà, sigurtà u ġustizzja

Il-promozzjoni tal-kultura u tad-diversità Ewropea

101.

Jenfasizza li l-promozzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea għandha impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-Ewropej u li tikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-opportunitajiet ipprovduti mill-politiki tal-Unjoni, kif ukoll id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fit-Trattati; huwa konvint mill-bżonn li jiġi garantit finanzjament adegwat fil-qasam taċ-ċittadinanza;

102.

Jirrimarka li l-politiki relatati maż-żgħażagħ u mal-kultura huma essenzjali u fost l-ewwel prijoritajiet rikonoxxuti għall-valur miżjud tagħha u li kapaċi jaslu saċ-ċittadini; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-importanza dejjem tikber tal-industriji kulturali u kreattivi għall-ekonomija Ewropea u l-effetti mifruxa tagħhom fuq setturi ekonomiċi oħrajn; jenfasizza b'mod qawwi li l-potenzjal sħiħ ta’ dawn il-politiki jista' jintlaħaq biss jekk jingħataw livelli adegwati ta’ finanzjament u jitlob li l-potenzjal tagħhom jiġi totalment sfruttat fl-ambitu tal-iżvilupp rurali u tal-politika ta’ koeżjoni;

103.

Ifakkar l-importanza li għandu l-isport għas-saħħa, l-iżvilupp ekonomiku u l-impjiegi, it-turiżmu u l-inklużjoni soċjali, u l-fatt li Artikolu 165 tat-TFUE jagħti lill-UE kompetenzi ġodda f'dan il-qasam, jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar 'L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport'(COM(2011)0012) bħala l-ewwel pass fil-valutazzjoni tal-valur miżjud tal-isport, u partikolarment fl-eżerċizzji ta’ kuljum, u fil-konċentrazzjoni fuq id-dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u organizzativi tal-isport;

Politika dwar iż-żgħażagħ

104.

Jenfasizza li ż-żgħażagħ għandhom ikunu prijorità kbira għall-Unjoni u li d-dimensjoni taż-żgħażagħ għandha tkun viżibbli u infurzata fil-politiki u l-programmi tal-UE; iqis li ż-żgħażagħ għandhom jitqiesu bħala tema trasversali tal-UE, biex jiġu żviluppati sinerġiji bejn ambiti politiċi differenti marbuta maż-żgħażagħ, mal-edukazzjoni u mal-mobilità; jilqa’ l-inizjattiva emblematika “Żgħażagħ Mobbli” bħala bażi fundamentali tal-Istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza partikolarment li l-programmi relatati mal-qasam taż-żgħażagħ bħall-programm għat-tagħlim tul il-ħajja u l-programm ‧Żgħażagħ Attivi‧, li jqumu ftit flus għall-benefiċjarju u b'hekk għandhom effiċjenza għolja, għandhom jinżammu bħala programmi separati fl-MFF li jmiss u li jistħoqqilhom investimenti ħafna iktar qawwijin;

Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja

105.

Jenfasizza li l-ħolqien ta’ kultura soda tad-drittijiet fundamentali u tal-ugwaljanza stabbiliti fit-Trattat ta’ Lisbona għandha tibqa' prijorità għall-Ewropa; jenfasizza li t-tali valuri għandhom ikunu integrati fil-baġit filwaqt li fl-istess ħin jiġi garantit finanzjament adegwat immirat;

106.

Jinnota li t-tkabbir ekonomiku, kulturali u soċjali tal-Unjoni jista' jirnexxi biss f'ambjent stabbli, legali u sikur, li jirrispetta u jinforza d-drittijiet fundamentali u li jissalvagwardja l-libertajiet ċivili; iqis għalhekk li politiki effiċjenti tal-intern u tal-ġustizzja huma prerekwiżit għall-irkupru ekonomiku u element essenzjali f'kuntest politiku u strateġiku usa'; jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tal-prijoritajiet tal-UE fil-qasam tal-intern fid-dimensjoni esterna tal-Unjoni, inkluża l-Politika Ewropea tal-Viċinat, b'mod partikolari fid-dawl tal-impatt li l-flussi migratorji dejjem ikbar se jkollhom fuq l-iżvilupp tal-politiki tal-UE fil-konfront ta’ pajjiżi terzi; jenfasizza l-ħtieġa ta’ finanzjament xieraq tal-politiki fil-qasam tal-immigrazzjoni, l-asil u s-sigurtà filwaqt li jittieħdu f'kunsiderazzjoni wkoll il-prijoritajiet tal-UE waqt li dawn ikunu qed jiġu implimentati;

107.

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ integrat għal kwistjonijiet urġenti tal-immigrazzjoni u l-asil kif ukoll għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, b’finanzjament u għodod ta’ appoġġ suffiċjenti biex jiġu ttrattati sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u li jkunu disponibbli fi spirtu ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem u ta’ solidarjetà fost l-Istati Membri kollha, hekk li jkunu rispettati r-responsabbiltajiet nazzjonali u b’definizzjoni ċara tal-kompetenzi;; jinnota, f’dan ir-rigward, li l-isfidi akbar tal-FRONTEX, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil u l-Fondi għas-Solidarjetà u l-Ġestjoni tal-Flussi ta’Migrazzjoni jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni;

108.

Jinnota li s-sehem tal-finanzjament għaż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fil-baġit tal-Unjoni huwa relattivament żgħir u jenfasizza li fl-MFF futura dawn il-politiki għandu jingħatalhom finanzjament xieraq u oġġettivament iġġustifikat biex l-Unjoni tkun tista' twettaq l-attivitajiet tagħha, speċjalment dawk relatati ma’ kompiti ġodda, kif identifikati fil-Programm ta’ Stokkolma u fit-Trattat ta’ Lisbona;

109.

Jenfasizza l-bżonn li jiġu żviluppati sinerġiji aħjar bejn fondi u programmi differenti u jindika l-fatt li s-simplifikazzjoni tal-ġestjoni tal-fondi u l-possibilità ta’ finanzjament transkonfinali jippermettu l-allokazzjoni ta’ aktar fondi għal objettivi komuni; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas in-numru totali ta’ strumenti baġitarji fil-Politika tal-Intern għal struttura b’żewġ pilastri u taħt tmexxija maqsuma fejn ikun possibbli; jemmen li dan l-approċċ għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal aktar simplifikazzjoni, razzjonalizzazzjoni, konsolidazzjoni u trasparenza tal-fondi u l-programmi attwali; jenfasizza madankollu l-bżonn li jkun żgurat li l-objettivi differenti tal-politiki tal-intern ma’ jitħawdux;

Ewropa Globali

110.

Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar is-sottofinanzjament kroniku u l-problemi ta’ flessibilità partikolarment akuti fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet esterni tal-Unjoni, minħabba n-natura mhux prevedibbli tal-avvenimenti, u kriżijiet u emerġenzi internazzjonali rikorrenti; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jingħalaq id-distakk bejn l-ambizzjonijiet u r-riżorsi tagħha fil-politika barranija, billi jiġu żgurati riżorsi finanzjarji adegwati u mekkaniżmi ta’ flessibilità effiċjenti biex l-Unjoni tkun tista' tirreaġixxi għall-isfidi globali u għal avvenimenti mhux previsti; itenni t-talba tiegħu li l-implikazzjonijiet baġitarji li jirriżultaw minn impenji u kompiti ġodda li tassumi l-Unjoni għandhom ikunu addizzjonali għall-ammonti pprogrammati, biex jiġi evitat li jiġu pperikolati l-prijoritajiet eżistenti;

111.

Jindika d-diskrepanza bejn il-livell tal-għajnuna finanzjarja globali tal-Unjoni u l-influwenza ta’ spiss limitata tagħha fin-negozjati relatati u jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol politiku tal-Unjoni u l-influwenza tagħha f’istituzzjonijiet u f’fora internazzjonali; jemmen li l-UE għandha tiżgura rwol politiku li huwa proporzjonali għall-appoġġ finanzjarju li tipprovdi;

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

112.

Jinnota li s-SEAE jinsab fil-fażi ta’ “żvilupp” tiegħu; jenfasizza li skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-26 ta’ Lulju 2010, “l-istabbiliment tas-SEAE għandu jkun iggwidat mill-prinċipju tal-kost-effiċjenza li jimmira lejn in-newtralità baġitarja” (6); jisħaq dwar il-ħtieġa li jkun hemm servizz ġdid b'fondi biżżejjed li jippermettu lill-UE tilħaq l-objettivi tagħha u tiżvolġi r-rwol bħala attur globali; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li s-servizz il-ġdid jisfrutta għalkollox il-gwadanji ta’ effiċjenza li jirriżultw mill-ġbir tar-riżorsi fil-livell tal-Unjoni kif ukoll is-sinerġiji mal-Istati Membri, billi jiġu evitati d-duplikazzjonijiet, sovrimpożizzjonijiet eżistenti jew potenzjali, inkonsistenzi u inkoerenzi li jwasslu għall-qtugħ u t-tifdil fil-baġits nazzjonali kollha, b’hekk jiġi dimostrat il-valur miżjud reali tad-diplomazija tal-Unjoni;

It-taffija tal-faqar

113.

Ifakkar li l-iskadenza tal-2015 biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju (MDG), u l-mira kolletta ta’ 0.7 % tal-introjtu gross nazzjonali (IGN) f' Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA), huma inklużi fil-perjodu tal-MFF li jmiss; jenfasizza, għalhekk, li huwa meħtieġ livell globali xieraq ta’ għajnuna u finanzjament għall-iżvilupp biex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tilħaq l-impenji internazzjonali tagħha fil-qasam tal-iżvilupp, inklużi l-impenji finanzjarji stabbiliti fil-Qbil ta’ Kopenħagen, kif ukoll fil-Ftehim ta’ Kankun; barra minn hekk, jenfasizza li wegħdiet ta’ nfiq futuri maħsuba biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jew biex jadattaw għall-effetti tiegħu għandhom ikunu addizzjonali, filwaqt li tinżamm koerenza adegwat bejn iż-żewġ politiki; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni immedjata biex jilħqu l-miri tal-ODA u biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom għall-iżvilupp;

114.

Jenfasizza l-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn l-appoġġ baġitarju dirett fuq naħa u l-finanzjament ta’ proġetti sostenibbli fuq in-naħa l-oħra; jisħaq fuq il-punt li l-għajnuna għall-iżvilupp għandha tintuża b’mod inklusiv hekk li tilħaq lill-gruppi l-aktar marġinati u l-aktar esklużi;

115.

Jitlob għal darba oħra li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) jiġi baġitizzat, billi dan iżid il-konsistenza u t -trasparenza; jinsisti madanakollu li l-inkorporazzjoni tal-FEŻ fil-baġit tal-UE għandha twassal għal żieda ġenerali fil-baġit tal-UE bl-ammont allokat fil-bidu għall-finanzjament tal-FEŻ;

116.

Jemmen li l-Kummissjoni Ewropea/is-SEAE għandhom sistematikament jivvalutaw l-impatt tal-assistenza tal-UE, ħalli jibdew proċess sabiex itejbu l-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp li ġejja mill-UE kif ukoll biex itejbu s-sinerġiji bejn l-għajnuna għall-iżvilupp nazzjonali u dik tal-UE, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi;

117.

Iqis li huwa importanti li l-għajnuna għall-iżvilupp li qed tingħata mill-UE tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi riċevituri; jenfasizza hemm bżonn isiru valutazzjonijiet u li jiġu stabbiliti kriterji biex jiġi rrispettat dan l-objettiv;

118.

Jinnota li l-ogħla perċentwali tal-ifqar nies fid-dinja jgħixu f’pajjizi b’ekonomija emerġenti; madankollu, jinsisti li sabiex dawn il-gvernijiet jiġu mmotivati jinvolvu ruħhom aktar fit-tnaqqis tal-faqar fil-konfini tal-pajjiżi tagħhom, għandhom jiġu introdotti b’mod gradwali skemi alternattivi għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma’ dawn il-pajjiżi, bħall-kofinanzjament;

L-ipprojettar tal-valuri u tal-interessi tal-UE fil-livell globali

119.

Jenfasizza li l-politika barranija tal-UE għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji u l-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, jiġifieri d-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-diversità, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt; itenni l-ħtieġa li l-Unjoni tiġi mgħammra b'mezzi aktar adegwati u mmirati biex tippromwovi dawn il-valuri madwar id-dinja u biex tkabbar l-isfera tal-paċi u l-istabilità fil-viċinat tagħha; jenfasizza l-kontribut partikolari magħmul permezz tal-EIDHR;

120.

Iqis li l-UE għandha responsabilità speċjali fi ħdan il-komunità internazzjonali għall-promozzjoni tas-sigurtà, id-demokrazija, u l-prosperità fil-pajjiżi ġirien tal-Ewropa fejn l-iżvilupp ekonomiku u l-progress tal-istabilità huma fl-interess dirett tal-UE; għalhekk iqis li l-bini ta’ relazzjonijiet mill-qrib u effikaċi mal-pajjiżi ġirien għandu jibqa' prijorità fl-aġenda esterna tal-Unjoni; jenfasizza li huma meħtieġa impenji finanzjarji akbar biex l-Unjoni tilqa' l-isfidi l-kbar - l-appoġġ għat-tranżizzjoni demokratika u l-konsolidament demokratiku, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem - u l-istennijiet kbar li jirriżultaw minn din ir-responsabilità morali; jemmen fl-istess ħin li l-użu iżjed immirat tal-fondi hu importanti mill-inqas daqs il-livelli tal-finanzjament; jitlob għalhekk li tissaħħaħ il-kundizzjonalità tal-programmi ta’ għajnuna tal-UE bl-iskop li jittejbu l-iżvilupp demokratiku u l-ġestjoni baġitarja soda, it-tnaqqis tal-korruzzjoni u l-kapaċità tal-użu tal-appoġġ mill-UE b’mod trasparenti, effettiv u responsabbli;

121.

Jinnota li l-UE qed toqrob lejn tkabbir ġdid, b’mod partikolari fid-direzzjoni tal-Balkani tal-Punent; jitlob biex l-MFF li jmiss iqis l-ispejjeż tat-tkabbir futur, l-aktar permezz ta’ finanzjament adegwat għall-Istrument ta’ Qabel l-Adeżjoni; iqis li l-istrument IPA għandu jagħti prijorità biex jappoġġja t-titjib meħtieġ biex il-pajjiżi kandidati jikkonformaw mal-acquis communautaire u jiffaċilita l-użu tal-fondi tal-UE b’mod partikolari għas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali, il-minoritajiet, l-NGOs, il-wirt kulturali, kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

122.

Jenfasizza li l-Unjoni teħtieġ li tadatta malajr il-politika tagħha fir-rigward tal-pajjiżi emerġenti u tiżviluppa sħubijiet strateġiċi ġodda magħhom; jitlob lill-Kummissjoni sabiex f’dan ir-rigward tipproponi strument ta’ politika mmirat fuq l-attivitajiet li mhumiex relatati mal-ODA iżda li jaqgħu taħt żoni ta’ interess reċiproku;

123.

Huwa tal-fehma li, meta wieħed iqis l-isfidi globali li qegħdin jikbru, kif ukoll ir-reponsabilitajiet globali tal-Unjoni, speċjalment fid-dawl tal-iżviluppi politiċi attwali fid-dinja Għarbija, ristrutturar tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE se jkun indispensabbli; iħeġġeġ għaldaqstant reviżjoni sħiħa u applikazzjoni iżjed strateġika tal-istrumenti esterni tagħha, kif ukoll l-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ kooperazzjoni u mekkaniżmi tat-twettiq mal-pajjiżi msieħba biex jittejbu l-impatt u l-viżibilità tal-azzjoni esterna tal-UE kif ukoll biex jintlaħaq l-objettiv globali ta’ iżjed konsistenza u koerenza tal-azzjoni esterna tal-UE; jenfasizza li l-MFF li jmiss għandu jappoġġja l-koerenza politika, jiġifieri billi jiġi żgurat li l-politiki u l-infiq tal-UE dwar l-agrikoltura, is-sajd, il-kummerċ u l-enerġija ma jkunux direttament f’konflitt mal-objettivi tal-politika għall-iżvilupp;

Ir-reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi

124.

Itenni li l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet huma prijoritajiet ewlenin tal-UE; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jiġu żgurati strumenti effikaċi u ffinanzjati adegwatament f'dan ir-rigward; huwa tal-fehma li l-Istrument attwali għall-Istabilità għadu mezz importanti għal reazzjoni immedjata tal-Unjoni għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi, iżda għandha ssir aktar enfasi fuq azzjonijiet preventivi fuq perjodi itwal ta’ żmien, inklużi l-konsolidazzjoni tal-paċi u l-prevenzjoni tal-kunflitti jiġifieri permezz ta’ programmi ġeografiċi li jirreaġixxu aktar;

125.

Jemmen li l-għajnuna umanitarja għandha rwol ewlieni fir-relazzjonijiet esterni tal-UE; jinnota li d-diżastri naturali għandhom ħabta jsiru iżjed frekwenti kif ukoll iżjed devastanti fil-konsegwenzi tagħhom, filwaqt li l-konflitti aktarx li jfaqqgħu iżjed spiss minħabba l-ġlieda għar-riżorsi bħall-enerġija, l-ilma u l-materja prima; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati allokazzjonijiet baġitarji xierqa għall-Istrument għall-Għajnuna Umanitarja u r-Riżerva għal Għajnuna ta’ Emerġenza, ħalli jkunu evitati t-talbiet ad hoc ta’ kull sena mill-Kummissjoni Ewropea għal finanzjament extra; dan il-baġit għandu jibqa’ indipendenti biex jiggarantixxi n-newtralità tal-għajnuna umanitarja - mingħajr kunsiderazzjonijiet jew interessi oħrajn (pereżempju ġeopolitiċi);

L-amministrazzjoni

126.

Jemmen li amministrazzjonijiet pubbliċi ta’ kwalità għolja, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak nazzjonali, huma element essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi ċara tal-infiq amministrattiv wara l-2013, filwaqt li tqis kif jixraq l-isforzi ta’ konsolidament tal-finanzi pubbliċi, il-kompiti u l-kompetenzi l-ġodda mogħtija lill-Unjoni bit-Trattat ta’ Lisbona u l-gwadanji ta’ effiċjenza li se jirriżultaw minn użu ottimali tar-riżorsi umani b'mod partikolari permezz tar-ridistribuzzjoni u teknoloġiji ġodda;

127.

Jirrimarka li tali analiżi għandha tinvestiga l-ambitu għal sinerġiji u, notevolment, iffrankar, inter alia permezz ta’ ristrutturar, iżjed kooperazzjoni interistituzzjonali, rieżami tal-metodi ta’ ħidma u l-postijiet tax-xogħol ta’ kull istituzzjoni jew korp, separazzjoni aħjar tal-kompiti tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji, l-impatt finanzjarju fuq perjodu ta’ żmien medju u twil tal-politika tal-bini, tas-sistemi tal-pensjonijiet u ta’ oqsma oħra ta’ dispożizzjonijiet statutorji tal-persunal li jaħdem fl-istituzzjonijiet tal-UE; jemmen li din l-analiżi tista' turi li hemm possibilità ta’ tnaqqis tal-baġit amministrattiv globali tal-UE mingħajr ma jiġu kompromessi l-kwalità għolja, il-prestazzjoni u l-ġibda tal-amministrazzjoni pubblika tal-EU;

128.

Jirrimarka li jista’ jsir tfaddil sinifikanti jekk il-Parlament Ewropew ikollu sede unika;

Parti IV:     L-organizzazzjoni u l-istruttura tal-qafas finanzjarju

Struttura biex jiġu riflessi l-prijoritajiet

129.

Iqis li l-istruttura tal-MFF li jmiss għandha tiffaċilita kemm il-kontinwità tal-ippjanar, kif ukoll il-flessibilità fi ħdan u bejn l-intestaturi, u tevita n-nuqqasijiet tal-MFF attwali, b’mod partikolari rigward nuqqasijiet fis-sottointestatura 1a “Kompetittivtià għat-Tkabbir u l-Impjiegi”, is-sottointestatura 3b "Ċittadinanza” u l-intestartura 4 “Relazzjonijiet Esterni”; iqis li l-istruttura tal-IMF għandha żżid il-viżibilità tal-prijoritajiet politiċi u baġitarji tal-UE għaċ-ċittadini Ewropej; jinsisti, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiġu evitati bidliet radikali mhux iġġustifikati u li tiġi kkonsolidata u mtejba l-istruttura attwali;

130.

Itenni li l-istrateġija Ewropa 2020 għandha tkun ir-riferiment politiku ewlieni għall-MFF li jmiss; iqis, konsegwenza ta’ dan, li l-istruttura għandha tirrifletti u tagħti viżibilità politika lid-dimensjonijiet ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv ta’ Ewropa 2020; jipproponi għalhekk struttra ġdida li biha l-politiki interni kollha jinġabru taħt l-intestatura ‘Ewropa 2020’;

131.

Jipproponi li taħt l-intestatura Ewropa 2020 jiġu stabbiliti erba’ sottointestaturi li jinvolvu politiki konnessi li għandhom jiffavorixxu wkoll koordinament aħjar u sinerġiji implimentattivi fosthom; jipproponi għalhekk sottointestatura li jkun fiha l-politiki relatati mal-għarfien; it-tieni sottointestatura ddedikata għall-politika ta’ koeżjoni li tkun tirrifletti n-natura orizzontali tagħha u l-kontribut tagħha għall-objettivi ta’ Ewropa 2020, kif ukoll il-politika soċjali; it-tielet sottointestatura li tkun tinkludi l-politiki dwar is-sostenibilità u dawk relatati mal-effiċjenza tar-riżorsi; u r-raba’ sottointestatura dwar iċ-ċittadinanza, li tkun tikkombina s-sottointestaturi 3a (ċittadinanza) u 3b (libertà, sigurtà u ġustizzja) tal-MFF attwali f’sottointestatura waħda minħabba d-diffikultajiet esperjenzati fil-passat li jirriżultaw meta numru ta’ programmi żgħar jinġiebu flimkien taħt sottointestatura żgħira;

132.

Jemmen li l-MFF li jmiss għandu jippermetti delimitazzjoni ta’ proġetti fuq skala kbira li huma ta’ importanza strateġika għall-Unjoni fi ħdan l-intestatura “Ewropa 2020”; jemmen li l-baġit tal-UE għandu jagħmel kontribuzzjoni annwali fuq perjodu twil ta’ żmien għal dawn il-proġetti, biex jiżgura l-kontinwità fl-ippjanar tagħhom u l-istabilità tal-organizzazzjoni; iqis li fil-każ li jkunu meħtieġa riżorsi addizzjonali għal dawn il-proġetti fuq skala kbira, dawn m’għandhomx jinstabu askapitu ta’ proġetti iżgħar li rnexxew u li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE;

133.

Iqis li, meta titqies in-natura integrata tal-istrateġija Ewropa 2020, u biex jiġi żgurat li l-mezzi baġitarji jkunu allinjati kif jixraq mal-iżvilupp progressiv tal-istrateġija, huwa essenzjali li jiġi żgurat grad ogħla ta’ flessibilità fost il-erba’ sottointestaturi ta’ Ewropa 2020;

134.

Ifakkar fid-diffikultajiet li jirriżultaw meta numru ta’ programmi pjuttost żgħar jinġabru flimkien f'sottointestatura żgħira; jipproponi, għalhekk, li s-sottointestaturi 3a (ċittadinanza) u 3b (politiki tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja) tal-MFF 2007-2013 jinġabru f'sottointestatura waħda;

135.

Jitlob li tinżamm intestatura għall-politiki esterni;

136.

Jitlob li tinżamm intestatura għall-amministrazzjoni;

137.

Jitlob li jinħoloq "marġni globali tal-MFF" li jaqdi l-intestaturi kollha 'l isfel mil-limitu massimu globali tal-MFF u 'l fuq mill-marġni disponibbli separati ta’ kull intestatura li għandu jiġi mmobilizzat fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali; jemmen li marġni bħal dan għandu jirċievi wkoll il-marġni li ma jkunux intnefqu kif ukoll l-approprjazzjonijiet diżimpenjati u mhux minfuqa (impenji u ħlasijiet) tas-sena baġitarja preċedenti;

138.

Iqis barra minn hekk li biex jitjiebu t-trasparenza u l-viżibilità, għandu jintuża "marġni ta’ riżerva" addizzjonali taħt il-limitu massimu tar-riżorsi proprji u 'l fuq mil-limitu massimu tal-MFF biex jinkludi r-riskji ta’ inadempjenzi marbuta mal-garanziji fuq self tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja u mal-Faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja fuq perjodu ta’ żmien medju lill-bilanċ ta’ pagamenti tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-Euro, kif ukoll intervent possibbli tal-baġit tal-UE fil-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà wara l-2013;

139.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi f’anness mal-baġit tal-UE l-infiq kollu li jsir rigward l-UE – wara proċedura intergovernattiva – lil hinn mill-baġit tal-UE; jemmen li din l-informazzjoni pprovduta fuq bażi annwali tipprovdi l-istampa sħiħa tal-investimenti kollha li l-Istati Membri jaqblu li jwettqu fil-livell tal-UE;

140.

Jissuġġerixxi li l-baġit tal-UE għandu jidentifika b’mod ċar – possibilment permezz ta’ anness – l-investimenti kollha li qegħdin isiru f’kull qasam ta’ politika tal-UE, li joriġinaw ukoll minn partijiet differenti tal-baġit tal-UE; jemmen, fl-istess ħin, li l-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll stima tal-ħtiġijiet tal-investiment li huma previsti għat-tul kollu tal-perjodu ta’ programmazzjoni;

141.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi informazzjoni dettaljata dwar in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE fl-Abbozz tal-Baġit tagħha, kif trażmess lill-awtorità baġitarja tal-UE; jieħu nota li preżentazzjoni konġunta tan-naħa tad-dħul u tan-nefqa tal-baġit fil-fatt hija prattika standard għall-baġits nazzjonali kollha; jemmen b’mod qawwi li b’dan il-mod jinżamm dibattitu permanenti fuq is-sistema ta’ finanzjament tal-Unjoni, filwaqt li jirrikonoxxi li l-awtorità baġitarja fil-preżent m’għandha l-ebda kompetenza li tipproponi bidliet f’din il-parti tal-baġit;

142.

Jipproponi, għalhekk, l-istruttura li ġejja għall-MFF li jmiss:

1.

EWROPA 2020

1A.

GĦARFIEN GĦAT-TKABBIR

TINKLUDI L-POLITIKI TAR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI, TAL-EDUKAZZJONI U TAT-TAGĦLIM TUL IL-ĦAJJA U TAS-SUQ INTERN.

1B.

KOEŻJONI GĦAT-TKABBIR U L-IMPJIEGI

TINKLUDI L-KOEŻJONI (EKONOMIKA, SOĊJALI U TERRITORJALI) U L-POLITIKI SOĊJALI.

1C.

IL-ĠESTJONI TAR-RIŻORSI NATURALI U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI

TINKLUDI L-POLITIKI TAL-AGRIKOLTURA, TAL-IŻVILUPP RURALI, TAS-SAJD, TAL-AMBJENT, TAT-TIBDIL FIL-KLIMA, TAL-ENERĠIJA U TAT-TRASPORT.

1D.

ĊITTADINANZA, LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA

TINKLUDI L-POLITIKA KULTURALI, TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, TAL-KOMUNIKAZZJONI U TAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM U TAL-LIBERTÀ, TAS-SIGURTÀ U TAL-ĠUSTIZZJA.

2.

EWROPA GLOBALI

TINKLUDI L-POLITIKI TAL-AZZJONI ESTERNA, TAL-VIĊINAT U TAL-IŻVILUPP.

3.

L-AMMINISTRAZZJONI

ANNESS

Ir-reazzjoni għal ċirkostanzi li qed jinbidlu: il-flessibilità

143.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu inkluża fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2009 dwar ir-Reviżjoni ta’ nofs iż-żmien tal-Qafas Finanzjarju 2007-2013 (7), li hija neċessità assoluta li jkun hemm aktar flessibilità ġewwa u fost l-intestaturi għall-kapaċitajiet ta’ funzjonament tal-Unjoni mhux biss biex wieħed jaffaċċja l-isfidi l-ġodda iżda wkoll biex jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet;

Rieżami ta’ Nofs it-Terminu

144.

Jenfasizza l-ħtieġa, f’każ li l-perjodu tal-MFF ikun itwal minn 5 snin, ta’ Rieżami obbligatorju ta’ Nofs it-Terminu li jippermetti li jkun hemm analiżi kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva u bilanċ tal-funzjonament tal-MFF; jenfasizza li, fil-futur, ir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu għandha ssir obbligu li jorbot legalment imnaqqax fir-Regolament tal-MFF, bi proċedura speċifika li tinkludi kalendarju vinkolanti, li jiżgura l-involviment sħiħ tal-Parlament fir-rwol tiegħu ta’ awtorità leġiżlattiva u baġitarja; jenfasizza li, jekk ir-rieżami jistabbilixxi n-nuqqas ta’ adegwatezza tal-limiti massimi għall-bqija tal-perjodu, għandha tiġi garantita possibilità reali li jiġu riveduti;

Ir-reviżjoni tal-limiti massimi

145.

Jinsisti li l-grad ta’ flessibilità li huwa fil-fatt ipprovdut mill-mekkaniżmu ta’ reviżjoni jiddependi fuq il-proċedura biex jiġi eżerċitat, u qed jiffaċċja rifjut ġenerali mill-Kunsill li jużah; iqis li huwa essenzjali - jekk l-aġġustament tal-limiti massimi tal-infiq għandu jibqa' għażla realistika - li l-mekkaniżmi futuri għar-reviżjoni jipprevedu proċedura simplifikata għal bidliet taħt limitu minimu maqbul; jitlob, barra minn hekk, li tinżamm il-possibilità li jiżdied il-limitu massimu globali tal-MFF;

L-iżgurar ta’ marġni suffiċjenti u flessibilità taħt il-limiti massimi

146.

Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati riżervi suffiċjenti għal kull intestatura; jinnota b'interess il-proposta tal-Kummissjoni li jiġi stabbilit perċentwali fiss għall-marġni; iqis, madankollu, li din l-għażla tista' biss tipprovdi flessibilità aħjar jekk il-limiti massimi futuri jkunu stabbiliti f'livell għoli biżżejjed, b'mod li tippermetti li jkun hemm spazju addizzjonali bħal dan għall-immanuvrar;

147.

Jirrimarka li l-flessibilità taħt il-limiti massimi għandha tissaħħaħ bil-modi kollha possibbli u jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni mressqa fir-Rieżami Baġitarju;

148.

Iqis bħala importanti li tinżamm il-possibilità li tiġi antiċipata (frontload) jew posposta (backload) in-nefqa fil-qafas ta’ allokazzjoni multiannwali ta’ intestatura, biex tkun permessa azzjoni antiċiklika u risposta sinifikanti għall-kriżijiet il-kbar; iqis, f'dan ir-rigward, li s-sistema attwali ta’ flessibilità għall-atti leġiżlattivi ħadmet tajjeb biżżejjed fl-MFF attwali; jappella, għaldaqstant, biex fl-MFF li jmiss jinżamm il-limitu minimu ta’ flessibilità ta’ 5 % iktar jew inqas mill-ammonti stabbiliti b'kodeċiżjoni;

149.

Huwa konvint li l-marġni mhux użati u l-approprjazzjonijiet diżimpenjati jew mhux użati (kemm impenji kif ukoll il-ħlasijiet) ta’ baġit ta’ sena għandhom ikunu riportati għas-sena suċċessiva u jiffurmaw marġni kumplessiv fl-MFF li jiġi assenjat lid-diversi intestaturi skont il-ħtiġijiet stmati tagħhom; jemmen, għaldaqstant, li l-flus allokati għall-baġit tal-UE għandhom jintefqu biss f'dan il-kuntest u ma jiġux irritornati lill-Istati Membri, kif qed isir bħalissa;

150.

Jemmen ukoll li t-tali proposti għandhom ikunu integrati minn flessibilità ta’ riallokazzjoni bejn l-intestaturi f'sena partikolari u minn aktar flessibilità bejn is-sottointestaturi;

151.

Itenni li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandu jitfassal b'mod li jippermetti l-użu effikaċi ta’ dawn l-istrumenti;

Il-mekkaniżmi ta’ flessibilità

152.

Iqis li huwa kruċjali li jinżammu strumenti speċjali (l-Istrument ta’ Flessibilità, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, ir-Riżerva għal Għajnuna ta’ Emerġenza), li jistgħu jiġu mmobilizzati fuq bażi ad hoc, billi jiġi ssimplifikat aktar l-użu tagħhom u jingħatawlhom pakketti suffiċjenti, kif ukoll billi possibilment jinħolqu strumenti ġodda fil-ġejjieni; jenfasizza li l-mobilizzazzjoni ta’ sorsi addizzjonali ta’ finanzjament bħal dawn għandha tikkonforma mal-metodu Komunitarju;

153.

Iqis li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) kellu suċċess billi pprovda s-solidarjetà u l-appoġġ tal-UE lil ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-effetti negattivi tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u għandu, għaldaqstant, jinżamm taħt l-MFF il-ġdid; iqis, madankollu, li l-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-FEG jieħdu ħafna ħin u huma kkumplikati; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi modi kif dawn il-proċeduri jistgħu jiġu ssemplifikati u mqassra fil-futur;

154.

Jemmen li l-Istrument ta’ Flessibilità, li kien l-aktar mekkaniżmu ta’ flessibilità li ġie implimentat għalkollox, kien essenzjali fl-għoti ta’ flessibilità addizzjonali; jipproponi li jiżdied b'mod sinifikanti l-ammont inizjali tal-Istrument ta’ Flessibilità, b'żieda annwali sussegwenti tul il-perjodu tal-MFF, u li tinżamm il-possibilità li jiġi ttrasferit 'il quddiem sas-sena n+2 il-porzjon tal-ammont annwali li ma jkunx intuża;

155.

Jinnota li f'dawn l-aħħar snin il-fondi disponibbli biex jiġu indirizzati diżastri naturali u umanitarji urġenti ma kinux biżżejjed; jitlob, għalhekk, li jkun hemm żieda sostanzjali fil-pakkett tar-Riżerva għal Għajnuna ta’ Emerġenza kif ukoll il-possibilità ta’ mobilizzazzjoni multiannwali tal-istrument;

Il-perjodu tal-MFF

156.

Jenfasizza li l-għażla tal-perjodu ta’ validità tal-MFF il-ġdid għandha ssib bilanċ tajjeb bejn l-istabilità għaċ-ċikli ta’ programmazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki individwali, u l-perjodu taċ-ċikli politiċi tal-istituzzjonijiet – b'mod partikolari dawk fil-Kummissjoni Ewropea u fil-Parlament Ewropew; ifakkar li perjodu itwal jirrikjedi iżjed flessibilità;

157.

Jemmen li ċiklu ta’ 5 snin jikkonforma għalkollox mar-rieda espressa tal-Parlament li l-perjodu tal-MFF jiġi allinjat, kemm jista' jkun, mal-perjodu taċ-ċikli politiċi tal-istituzzjonijiet, għal raġunijiet ta’ rendikont u responsabilità demokratika; huwa mħasseb, madankollu, li ċiklu ta’ 5 snin jaf ikun qasir wisq f'dan l-istadju għal politiki li jeħtieġu programmazzjoni fuq perjodu itwal ta’ żmien (jiġifieri l-koeżjoni, l-agrikoltura, it-TENs) u ma jikkonformax għalkollox mar-rekwiżiti tal-programmazzjoni u taċ-ċiklu tal-ħajja tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki;

158.

Jinnota li l-MFF għal għaxar snin, kif propost mill-Kummissjoni fir-Rieżami Baġitarju, jista' jipprovdi stabilità u prevedibilità sostanzjali għall-perjodu ta’ programmazzjoni finanzjarja, iżda peress li l-limiti massimi globali u l-istrumenti legali ewlenin ikunu fissi għal għaxar snin, dan iżid ir-riġidità tal-MFF u jagħmilha estremament diffiċli li jsiru aġġustamenti għal sitwazzjonijiet ġodda; iqis, madankollu, li ċiklu ta’ 5+5 snin jista' jiġi previst biss jekk jintlaħaq ftehim mal-Kunsill dwar livell massimu ta’ flessibilità, li jkun jinkludi rieżami obbligatorju ta’ nofs it-terminu, u dan il-ftehim jiġi inkorporat fir-regolament tal-MFF;

159.

Huwa tal-fehma li għall-MFF li jmiss, ċiklu ta’ 7 snin, stabbilit sal-2020, għandu jkun is-soluzzjoni tranżitorja preferuta peress li jista' jipprovdi aktar stabilità billi jiżgura l-kontinwità tal-programmi għal perjodu itwal, u jagħmel konnessjoni ċara wkoll mal-istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza, madankollu, li l-għażliet kollha għall-perjodu tal-MFF li jmiss huma suġġetti għal finanzjament suffiċjenti u flessibilità adegwata u li tkun mogħnija b'biżżejjed riżorsi kemm fil-qafas kif ukoll barra minnu biex jiġu evitati l-problemi li qamu matul il-perjodu 2007-2013;

160.

Jemmen li deċiżjoni dwar MFF ġdid għal 7 snin m’għandux jeskludi l-possibilità li jintgħażel perjodu ta’ 5 snin jew ta’ 5+5 snin mill-2021; itenni l-konvinzjoni tiegħu li sinkronizzazzjoni tal-programmazzjoni finanzjarja mal-mandat tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni żżid ir-responsabilità demokratika, ir-rendikont u l-leġittimità;

Parti V:     It-tqabbil tal-ambizzjonijiet mar-riżorsi: ir-rabta bejn l-infiq u r-riforma tal-finanzjament tal-UE

Riżorsi baġitarji suffiċjenti

161.

Huwa konxju għalkollox li ħafna Stati Membri qegħdin jagħmlu aġġustamenti fiskali diffiċli lill-baġits nazzjonali tagħhom u jtenni li l-ksib ta’ valur miżjud Ewropew u l-garanzija ta’ ġestjoni finanzjarja tajba (effiċjenza, effikaċja, ekonomija) għandhom ikunu, issa iktar minn qatt qabel, prinċipji gwida għall-baġit tal-UE;

162.

Jenfasizza li, indipendentement mit-tfaddil li sar, il-baġit tal-UE, fil-livell globali attwali ta’ 1 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING), mhuwiex kapaċi jimla d-distakk li ġej mill-ħtiġijiet ta’ finanzjament supplementari marbuta mat-Trattat kif ukoll mal-prijoritajiet u mal-impenji politiċi eżistenti, ngħidu aħna:

il-ksib tal-objettivi primarji tal-istrateġija Ewropa 2020 fl-oqsma tal-impjiegi, R&Ż, klima u enerġija, edukazzjoni u tnaqqis tal-faqar;

iż-żieda fin-nefqa għar-riċerka u l-innovazzjoni minn 1.9 % attwali tal-PDG għal 3 % tal-PDG, li jammontaw għal madwar EUR 130 biljun ta’ nfiq pubbliku u privat fis-sena;

l-investimenti meħtieġa fl-infrastrutturi;

il-finanzjament komplut u essenzjali, ikkalkolat b'mod trasparenti, ta’ proġetti kbar adottati mill-Kunsill, bħall-ITER u Galileo kif ukoll il-Politika Spazjali Ewropea;

l-approprjazzjonijiet addizzjonali li għadhom mhumiex kwantifikabbli meħtieġa fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, inklużi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Politika Ewropea tal-Viċinat;

il-ħtiġijiet ta’ finanzjament addizzjonali relatati mat-tkabbir futur tal-UE;

il-finanzjament tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja attwali u tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà wara l-2013, bil-għan li liż-żona tal-euro u lill-UE tingħatalhom stabblità fiskali meħtieġa biex jegħlbu l-kriżi tad-dejn;

l-isforz finanzjarju b'rabta mal-ilħiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDG) għall-infiq ta’ 0.7 % tal-ING fuq l-għajnuna għall-iżvilupp, jiġifieri madwar EUR 35 biljun fis-sena iżjed meta mqabbel mal-infiq attwali ta’ 0.4 % tal-ING;

l-impenji li jirriżultaw mill-ftehimiet ta’ Kopenħagen u Cancún biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima u jadattaw ruħhom għall-effetti tiegħu li għandhom ikunu ġodda u jiżdiedu mal-impenji li saru fil-qafas tal-MDG u jammontaw għal 100 biljun dollaru fis-sena sal-2020, li minnhom madwar terz għandu jitħallas mill-UE;

163.

Għalhekk huwa tal-opinjoni soda li l-iffriżar tal-MFF li jmiss fil-livell tal-2013, kif mitlub minn xi Stati Membri, mhuwiex alternattiva vijabbli; jirrimarka li anke b'żieda ta’ 5 % fil-livell tar-riżorsi għall-MFF li jmiss meta mqabbel mal-livell tal-2013 (8), tkun tista' ssir biss kontribuzzjoni limitata għall-ilħuq tal-objettivi u l-impenji miftehma tal-Unjoni u għall-prinċipju tas-solidarjetà tal-Unjoni; għalhekk huwa konvint li hija meħtieġa żieda ta’ mill-inqas 5 % għall-MFF li jmiss; jistieden lill-Kunsill, f’każ li ma jikkondividix dan l-approċċ, biex jidentifika b’mod ċar liema mill-prijoritajiet jew proġetti politiċi tiegħu jistgħu jitneħħew kompletament, minkejja l-valur miżjud Ewropew tagħhom;

164.

Itenni li mingħajr riżorsi addizzjonali suffiċjenti fl-MFF ta’ wara l-2013, l-Unjoni mhux se tkun tista' tilħaq il-prijoritajiet politiċi eżistenti, l-iktar dawk marbuta mal-istrateġija Ewropa 2020 u l-kompiti l-ġodda mogħtija mit-Trattat ta’ Lisbona, biex ma ngħidu xejn dwar ir-reazzjoni għal avvenimenti mhux previsti;

165.

Jinnota li l-limitu massimu tar-riżorsi proprji ilu ma jinbidel mill-1993; jemmen li l-limitu massimu tar-riżorsi proprji jista' jeħtieġ xi aġġustament progressiv hekk kif l-Istati Membri jagħtu aktar kompetenzi lill-Unjoni u jistabbilixxu aktar objettivi għaliha; iqis li filwaqt li l-limitu massimu attwali tar-riżorsi proprji stabbilit b'mod unanimu mill-Kunsill (9) jipprovdi biżżejjed flessibilità baġitarja biex jintlaqgħu l-aktar sfidi urġenti tal-Unjoni, xorta ma jkunx biżżejjed sabiex il-Baġit tal-UE jsir għodda reali għal governanza ekonomika Ewropea jew biex jikkontribwixxi b’mod kbir għall-istrateġija Ewropa 2020 fil-livell tal-UE;

Sistema ta’ finanzjament aktar trasparenti, sempliċi u ekwa

166.

Ifakkar li skont it-Trattat ta’ Lisbona "salv kull dħul ieħor, l-estimi għandhom ikunu ffinanzjati kompletament minn riżorsi proprji"; jenfasizza li l-mod kif evolviet is-sistema tar-riżorsi proprji, li gradwalment issostitwixxiet ir-riżorsi proprji ġenwini bl-hekk imsejħa “kontributi nazzjonali”, iqiegħed enfasi sproporzjonata fuq il-bilanċi netti bejn l-Istati Membri biex b'hekk jikkontradixxi l-prinċipju tas-solidarjetà tal-UE, ixejjen l-interess komuni Ewropew u jinjora b’mod ġenerali l-valur miżjud Ewropew; jinnota li fil-prattika, din is-sitwazzjoni tfisser li d-daqs tal-baġit huwa affettwat miċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-Istati Membri individwali, kif ukoll l-attitudni tagħhom lejn l-UE; jitlob b’mod qawwi, għalhekk, għal riforma fil-fond tar-riżorsi tal-UE biex il-finanzjament tal-UE jiġi riallinjat mal-ispirtu u r-rekwiżiti tat-Trattat;

167.

Iqis li l-għan ewlieni tar-riforma huwa li tinkiseb sistema ta’ finanzjament aktar awtonoma, ekwa, trasparenti, sempliċi u ekwitabbli, li tkun tista' tinftiehem aħjar miċ-ċittadini, u tiċċara aktar il-kontribuzzjoni tagħhom għall-baġit tal-UE; jitlob, f'dan il-kuntest, li jintemmu r-ribassi, l-eċċezzjonijiet u l-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni eżistenti; huwa konvint li l-introduzzjoni ta’ riżorsa jew riżorsi proprji ġenwini għall-Unjoni, biex tiġi sostitwita s-sistema bbażata fuq l-IGN, hija indispensabbli jekk l-Unjoni għandux qatt ikollha l-baġit li teħtieġ biex tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-istabilità finanzjarja u l-irkupru ekonomiku; ifakkar li kwalunkwe bidla fir-riżorsi proprji għandha tiġi implimentata b’konformità mas-sovranità fiskali tal-Istati Membri; jinsisti, f'dan il-kuntest, li l-Unjoni għandha tkun tista' tiġbor direttament ir-riżorsi proprji tagħha, indipendenti mill-baġits nazzjonali;

168.

Jenfasizza li r-ristrutturar tas-sistema tar-riżorsi proprji ma tikkonċernax id-daqs tal-baġit tal-UE iżda s-sejba ta’ taħlita aktar effikaċi ta’ riżorsi biex jiġu ffinanzjati l-politiki u l-objettivi maqbula tal-UE; jirrimarka li l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ma żżidx il-piż globali tat-taxxa għaċ-ċittadini, iżda minflok tnaqqas il-piż fuq it-teżori nazzjonali;

169.

Jenfasizza li l-Parlament Ewropew huwa l-uniku parlament li huwa involut fuq in-naħa tan-nefqiet iżda mhux fuq in-naħa tad-dħul; għaldaqstant jenfasizza l-ħtieġa kruċjali ta’ riforma demokratika tar-riżorsi tal-UE;

170.

Jieħu nota tar-riżorsi proprji potenzjali proposti mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-Rieżami Baġitarju (tassazzjoni tas-settur finanzjarju, irkantar taħt is-Sistema tal-Kummerċ tal-Emissjonijiet tal-Gassijiet b'effett serra, miżata tal-UE li tirrigwarda t-trasport bl-ajru, VAT, taxxa tal-enerġija, taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji); jistenna l-konklużjonijiet tal-analiżi tal-impatt ta’ dawn l-għażliet, inkluż studju ta’ fattibilità dwar id-diversi għażliet għal Taxxa tal-UE fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, li għandha teżamina wkoll il-mekkaniżmi rilevanti tal-ġbir, fid-dawl tal-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ proposta leġiżlattiva sal-1 ta’ Lulju 2011;

171.

Iqis li TTF tista’ tikkostitwixxi kontribuzzjoni sostanzjali, mis-settur finanzjarju, għall-ispiża ekonomika u soċjali tal-kriżi, u għas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi; huwa tal-fehma li TTF tista’ wkoll tikkontribwixxi parzjalment għall-iffinanzjar tal-baġit tal-UE kif ukoll biex jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tad-DNG tal-Istati Membri u li l-Unjoni għandha taġixxi wkoll bħala xempju fir-rigward taċ-ċaqliq ta’ fondi lejn rifuġji fiskali;

Parti VI:     Lejn proċess ta’ negozjar interistituzzjonali mingħajr xkiel u effiċjenti

172.

Ifakkar li, skont it-Trattat ta’ Lisbona, l-approvazzjoni tal-Parlament, mogħtija b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, hija obbligatorja għall-adozzjoni tal-MFF mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament;

173.

Jenfasizza r-rekwiżiti ta’ maġġoranza stretti kemm għall-Parlament kif ukoll għall-Kunsill u jindika l-importanza li tiġi sfruttata kemm jista' jkun id-dispożizzjoni tat-Trattat fl-Artikolu 312(5) tat-TFUE, li tirrikjedi lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, tul il-proċedura li twassal għall-adozzjoni tal-MFF, li jieħdu kwalunkwe miżuri meħtieġa għal dan il-għan; jinnota li dan jimponi b'mod espliċitu fuq l-istituzzjonijiet id-dmir li jwettqu negozjati biex jaslu għal ftehim dwar test li l-Parlament ikun jista' jagħti l-approvazzjoni tiegħu għalih; jirrimarka barra minn hekk li jekk l-ebda MFF ma jkun ġie adottat sal-aħħar tal-2013, il-livelli massimi u dispożizzjonijiet oħra korrispondenti għas-sena 2013 għandhom jiġu estiżi sa dak iż-żmien li fih jiġi adottat MFF ġdid;

174.

Jilqa' l-impenn tal-Presidenzi tal-Kunsill (10) li jiżguraw djalogu miftuħ u kostruttiv u kollaborazzjoni mal-Parlament waqt il-proċedura kollha għall-adozzjoni tal-MFF futur fi u jafferma mill-ġdid ix-xewqa tiegħu li jaħdem mill-qrib mal-Kunsill u l-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona matul il-proċess tan-negozjati;

175.

Iħeġġeġ konsegwentament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkonformaw mat-Trattat u jagħmlu kull sforz neċessarju biex jilħqu ftehim malajr mal-Parlament dwar metodu ta’ ħidma prattiku għall-proċess ta’ negozjati tal-MFF; itenni r-rabta bejn riforma tad-dħul u riforma tal-infiq u jitlob, għalhekk, impenn sod mill-Kunsill li jiddiskuti l-proposti dwar ir-riżorsi proprji l-ġodda fil-kuntest tan-negozjati tal-MFF;

176.

Jitlob li jinbeda dibattitu pubbliku estensiv fil-livell tal-UE dwar l-iskop, l-ambitu u d-direzzjoni tal-MFF tal-Unjoni u r-riforma tas-sistema ta’ dħul tagħha; jipproponi, b'mod partikolari, li titlaqqa' konferenza tat-tip ta’ Konvenzjoni dwar il-finanzjament futur tal-Unjoni, li għandha tinkludi Membri tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-parlamenti nazzjonali;

*

* *

177.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet u l-entitajiet l-oħra kkonċernati, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri;


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU C 27 E, 31.1.2008, p. 214.

(3)  ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2010)0225.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2011)0080.

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(7)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 95.

(8)  Livell tal-2013: 1.06 % tal-IGN; Livell tal-2013 + 5 %: 1.11 % tal-IGN; kemm f'approprjazzjonijiet għall-impenji kif ukoll fi prezzijiet kostanti tal-2013. Dawn iċ-ċifri huma bbażati fuq MFF ta’ 7 snin bl-użu tal-estimi u l-previżjonijiet li ġejjin mill-Kummissjoni:

l-previżjoni ta’ Mejju 2011 tal-IGN tal-2012 minn DĠ BUDG: EUR 13 130 916,3 miljun (prezzijiet tal-2012);

L-estimi ta’ Jannar 2011 tad-DĠ ECFIN tat-tkabbir nominali ta’ 1.4 % fl-IGN għall-2011-2013 u 1.5 % għall-2014-2020.

NB:

Iċ-ċifri huma suġġetti għal bidliet bi qbil mal-varjazzjonijiet tal-estimi u l-previżjonijiet tal-Kummissjoni kif ukoll bis-sena ta’ referenza u t-tip ta’ prezzijiet użati (attwali jew kostanti).

(9)  1.23 % tal-IGN totali tal-Istati Membri f'approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet u 1.29 % f'approprjazzjonijiet għall-impenji

(10)  Ittra tal-Prim Ministru Yves Leterme lill-President Buzek, 8 ta’ Diċembru 2010.