|
11.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 380/51 |
L-Erbgħa 8 ta’ Ġunju 2011
Strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp
P7_TA(2011)0261
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-Regolament (KE) 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp: lezzjonijiet miksuba u perspettivi għall-ġejjieni (2009/2149(INI))
2012/C 380 E/08
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 208 sa 211, u 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (1) (Strument ta’ Finanzjament tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp – DCI), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tat-8 ta’ Settembru 2000, li tistabbilixxi l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs) bħala kriterji stabbiliti b’mod kollettiv mill-komunità internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-faqar, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqa’ fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar Politika ta’ Żvilupp tal-Unjoni Ewropea: ‧Il-Kunsens Ewropew‧, iffirmata fl-20 ta’ Diċembru 2005 (2), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Iskrutinju Demokratiku u l-Koerenza tal-Azzjoni Esterna u d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Iskrutinju Demokratiku u l-Koerenza tal-Azzjoni Esterna mehmuża mal-Ftehima Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja soda (3), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni mdaħħla fil-minuti tal-Kunsill li jadottaw formalment il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ DCI (4), u b’mod partikolari d-‘Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 5 tad-DCI’, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ittra D (2007) 303749 tal-5 ta’ Marzu 2007 mingħand il-President tal-Kumitat għall-Iżvilupp ta’ dak iż-żmien, Josep Borrell Fontelles, lill-Kummissarji ta’ dak iż-żmien, Ferrero-Waldner u Michel (5), |
|
— |
wara li kkunsidra l-ittra A (2007) 5238 tas-26 ta’ Marzu 2007 mill-Kummissarju ta’ dak iż-żmien Ferrero-Waldner lill-President ta’ dak iż-żmien tal-Kumitat għall-Iżvilupp, Josep Borrell Fontelles (6), |
|
— |
wara li kkunsidra d-‘Direttivi ta’ Rappurtaġġ għas-Sistema ta’ Rappurtaġġ tal-Kreditur’ tal-Kumitat għall-Għajnuna tal-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD/DAC) (7), |
|
— |
wara li kkunsidra s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2007 fil-Każ C-403/05 (Il-Parlament Ewropew vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej) Azzjoni għall-annulamment tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova proġett relatat mas-sigurtà tal-fruntieri tal-Filippini (Deċiżjoni adottata fuq il-bażi tar-Regolament (KEE) Nru 443/92), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1337/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (8), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tad-29-30 ta’ Ottubru 2009 (Dok. 15265/2009), |
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2010 dwar ‘Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE’ (COM(2010)0700), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Green Paper mill-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2010 dwar ‘Il-futur tal-appoġġ baġitarju tal-UE lil pajjiżi terzi’ (COM(2010)0586), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Green Paper mill-Kummissjoni tal-10 ta’ Novembru 2010 dwar ‘Politika tal-Iżvilupp tal-UE għall-appoġġ ta’ tkabbir inklussiv u żvilupp sostenibbli: Żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE’ (COM(2010)0629), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Frar 2007 dwar l-abbozz ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż u Programmi Indikattivi għall-Malasja, il-Brażil u l-Pakistan (10), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Dokumenti ta’ Strateġija Reġjonali u Programmi Indikattivi Reġjonali għall-Mercosur u għall-Amerika Latina (11), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ġunju 2007 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Dokument ta’ Strateġija Reġjonali 2007-2013 u Programm Indikattiv Pluriennali għall-Asja (12), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar l-iskrutinju demokratiku tal-implimentazzjoni tal-istrument ta’ finanzjament għall-koperazzjoni għall-iżvilupp (DCI) (13), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Miżura Speċjali 2007 għall-Iraq (14), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar l-abbozzi tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu l-Programmi ta’ Azzjoni Annwali għall-Brażil għall-2008 u għall-Arġentina għall-2008 (15), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2007 dwar l-awtoritajiet lokali u l-koperazzjoni għall-iżvilupp (16), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ‧Awtoritajiet lokali: atturi għall-iżvilupp‧ (COM(2008)0626), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Djalogu Strutturat li tnieda fl-2010 mill-Kummissjoni bl-iskop li tinvolvi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) u l-awtoritajiet lokali (LAs) fil-koperazzjoni għall-iżvilupp fil-KE, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-Programm Annwali ta’ Azzjoni għall-2009 għall-Atturi Mhux Statali u għall-Awtoritajiet Lokali fl-Iżvilupp (Parti II: Proġetti fil-Mira) (17), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-3 ta’ Frar 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp (18), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-3 ta’ Frar 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp (19), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjonil-pożizzjoni tiegħu tat-3 ta’ Frar 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli (20), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0187/2011), |
|
A. |
billi, skont l-Artikolu 2(1) tad-DCI, l-objettiv predominanti tal-koperazzjoni skont dan l-istrument huwa ‘l-qerda tal-faqar fil-pajjiżi msieħba’, inkluż ‘it-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju’ (MDGs), |
|
B. |
billi, skont l-Artikolu 2(4) tad-DCI, il-miżuri kollha inklużi fi programmi ġeografiċi u 90 % tal-ispejjeż previsti fl-ambitu ta’ programmi tematiċi jridu jissodisfaw il-kriterji għall-Għajnuna Uffiċjali tal-Iżvilupp (ODA) stabbilita mill-OECD/DAC, |
|
C. |
billi skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, 0,2 % biss tal-impenji ffinanzjati fl-ambitu tal-programmi tematiċi tad-DCI bejn l-2007 u l-2009 ma jissodisfawx il-kriterji tal-ODA, |
|
D. |
billi, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (id-‧deċiżjoni tal-Komitoloġija‧) (21), il-Parlament fl-2007 nieda proċess ta’ skrutinju demokratiku tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006, li jinkludi d-Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż (CSPs), id-Dokumenti ta’ Strateġija Reġjonali (RSPs), id-Dokumenti Strateġiċi Tematiċi (TSPs) u l-Programmi Pluriennali Indikattivi kollha, u l-biċċa l-kbira tal-Programmi ta’ Azzjoni Annwali (AAPs), |
|
E. |
billi skont id-Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Iskrutinju Demokratiku u l-Koerenza tal-Azzjonijiet Esterni u d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Iskrutinju Demokratiku u l-Koerenza tal-Azzjonijiet Esterni annessi mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja soda, il-Kummissjoni impenjat ruħha li “tikkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew meta timplimenta l-istrateġiji”, |
|
F. |
billi l-prinċipji ta’ sjieda, parteċipazzjoni u governanza tajba jitolbu li jkun hemm approċċ minn bosta atturi u li fih l-imsieħba varji għall-iżvilupp, jiġifieri, l-awtoritajiet lokali u atturi mhux statali, jaġixxu b’mod komplimentarju u koerenti; u billi, madankollu, huwa importanti li jkun hemm distinzjoni ċara bejn ir-rwol speċifiku tal-awtoritajiet lokali u dak tal-atturi mhux statali f’dawk li huma l-isferi tagħhom ta’ kompetenza, leġittimità u kontroll demokratiku, esperjenza fil-ġestjoni ta’ affarijiet lokali u involviment fl-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi, |
|
G. |
billi l-finanzjament mill-UE tal-koperazzjoni internazzjonali mal-Afrika ġej minn erba’ strumenti ġeografiċi: il-FEŻ għall-pajjiżi Afrikani-PAK, it-TDCA għall-Afrika t’Isfel, l-ENPI għal ħames Stati tat-Tramuntana tal-Afrika, u d-DCI għall-programmi tematiċi, |
|
H. |
billi l-Kummissjoni trid tipprova tiżgura li 20 % tal-għajnuna allokata lilha skont il-programmi tal-pajjiż koperti bid-DCI se jkunu ddedikati, sal-2009, għall-edukazzjoni bażika u sekondarja u s-saħħa bażika, permezz ta’ proġett, għajnuna għall-programm jew għall-baġit marbuta ma’ dawn is-setturi, billi tittieħed medja fiż-żoni ġeografiċi kollha, |
|
I. |
billi l-UE impenjat ruħha għall-mira kollettiva li tonfoq 0,7 % tad-dħul nazzjonali gross nazzjonali (DNG) tagħha fuq l-ODA sal-2015, |
|
J. |
billi s-Samit dwar id-Dinja 2012 għandu l-iskop li jiżgura tiġdid tal-impenn politiku għal żvilupp sostenibbli, jevalwa l-progress li sar lejn l-għanijiet miftiehma internazzjonalment dwar l-iżvilupp sostenibbli u li jindirizza l-isfidi ġodda li qed jitfaċċaw, |
|
K. |
billi l-Artikolu 290 tat-TFUE jistqarr li att leġiżlattiv jista’ jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv, |
Lezzjonijiet miksuba
|
1. |
Jilqa’ r-rieda tal-Kummissjoni li tonora l-impenn tagħha li tidħol fi djalogu regolari mal-Parlament dwar l-implimentazzjoni tad-DCI; jirrikonoxxi l-isforzi magħmula biex il-gruppi ta’ ħidma tad-DCI fi ħdan il-Parlament jinżammu informati dwar kif l-impenji tagħha dwar id-dokumenti strateġiċi tqiesu fit-tfassil tal-AAPs; |
|
2. |
Jinnota li, b’mod partikolari matul ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu, id-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Parlament bħala parti mill-eżerċizzju ta’ skrutinju demokratiku għen sabiex ġiet evitata l-adozzjoni ta’ dokumenti strateġiċi li jinkludu fihom dispożizzjonijiet ultra vires u biex id-dokumenti strateġiċi jiġu konformi mar-rekwiżiti tar-regolament tad-DCI u b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ eliġibilità għal ODA; |
|
3. |
Jiddispjaċih li diversi preokkupazzjonijiet tal-Parlament li tqajmu waqt il-proċess ta’ skrutinju demokratiku, b’mod partikolari dwar nuqqas ta’ enfasi fuq il-faqar u fuq l-MDGs, ma ġewx ikkunsidrati biżżejjed mill-Kummissjoni; |
|
4. |
Jiddispjaċih li, filwaqt li l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp (2005) u d-DCI jenfasizzaw l-importanza tas-sjieda, l-involviment tal-parlamenti nazzjonali fit-tfassil ta’ Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż, fil-prattika kien estremament fqir; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma implimentatx adegwatament id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 19, 20 u 33 tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 dwar il-konsultazzjoni ta’ atturi mhux statali u l-awtoritajiet lokali; |
|
5. |
Jinnota li ‧strateġija favur it-tkabbir‧ m’għandhiex tkun konfuża ma’ strateġija għal żvilupp fuq medda twila ta’ żmien li tfisser il-finanzjament ta’ objettivi għal perjodu twil ta’ żmien bħalma huma s-saħħa, l-edukazzjoni, l-aċċess għall-enerġija f’żoni rurali, l-appoġġ għall-impriżi agrikoli żgħar, eċċ.; |
|
6. |
Jiddispjaċih li, b’rispons għar-riżoluzzjonijiet tiegħu li jenfasizzaw nuqqas ta’ rispett għar-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament biex jiġu ssodisfati l-kriterji ta’ eliġibilità għall-ODA, il-Kummissjoni emendat jew irtirat 3 biss mill-11-il abbozz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni konċernati; |
|
7. |
Jiddispjaċih li l-kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 35 tad-DCI ma weġibx għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament li indikaw li l-Kummissjoni kienet marret lil hinn mill-poteri implimentattivi tagħha; jinnota bi tħassib li x-xogħol sostanzjali ta’ skrutinju li għamel il-Parlament ma ngħata ebda widen mir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kumitat tad-DCI; u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom u sabiex jiżguraw, b’kollaborazzjoni stretta mal-Parlament, li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni jkunu f’konformità totali mal-preskrizzjonijiet tad-DCI; |
|
8. |
Jitlob lill-Kummissjoni tindika, fl-ordni tal-prijorità u tal-piż rispettiv taħghom, il-kriterji li użat għall-allokazzjoni ta’ fondi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni tad-DCI u lid-diversi setturi ta’ attività fi ħdan kull programm ġeografiku u tematiku; |
|
9. |
Iqis li ħafna mill-karti strateġiċi tal-pajjiżi u dawk tar-reġjuni ma jallokawx riżorsi biżżejjed għall-għan sovrastanti tal-DCI għall-eradikazzjoni tal-faqar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli, u li ħafna dokumenti huma nieqsa minn indikazzjonijiet ċari dwar kemm l-azzjonijiet proposti jistgħu jikkontribwixxu għall-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju; |
|
10. |
Jiġbed attenzjoni partikolari għar-rekwiżit ta’ eliġibilità għall-ODA għall-programmi ġeografiċi fl-ambitu tad-DCI u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u s-SEAE jiżguraw konformità sħiħa ma’ dan l-obbligu ġuridiku f’kull każ; |
|
11. |
Jindika l-fatt li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, ‧sjieda‧ tal-iżvilupp u għajnuna li ma tkunx frammentata huma essenzjali sabiex jiżguraw l-effettività tal-għajnuna; |
Perspettivi għall-ġejjieni: prinċipji
|
12. |
Jenfasizza li l-UE għadha teħtieġ strument ta’ finanzjament speċifiku għall-koperazzjoni għall-iżvilupp, li jimmira esklussivament lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u b’mod espliċitu jaħdem għall-ilħuq tal-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 208 tat-TFUE; jinsisti li l-figuri annwali ta’ ODA fil-perjodu tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għandhom jiżdiedu f’termini reali biex tinkiseb il-mira kollettiva li 0,7 % tad-DNG jintefaq fuq ODA sal-2015; |
|
13. |
Jenfasizza li l-konformità sħiħa mal-kriterji tal-ODA, u b’mod partikolari mar-rekwiżit tal-OECD/DAC li ‧kull tranżazzjoni tiġi amministrata bl-għan ewlieni li tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u l-benessri tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw‧ (22), trid tibqa’ kundizzjoni tal-miżuri kollha li jiġu ffinanzjati bħala parti minn programmi ġeografiċi fl-ambitu tal-istrument il-ġdid; jitlob li jkun hemm kwota tal-ODA aktar stretta għal programmi tematiċi meta mqabbla ma’ dik fl-ambitu tad-DCI attwali, speċjalment għal programmi dwar ‧il-migrazzjoni u l-ażil‧, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma wrietx b’mod ċar kif attivitajiet iffinanzjati fil-kuntest tal-kontrolli tal-fruntieri huma eliġibbli bħala ODA skont il-kriterji OECD/DAC; |
|
14. |
Jenfasizza li l-ilħuq tal-MDGs irid jibqa’ l-objettiv ewlieni tal-istrument għall-perjodu li jispiċċa fis-sena 2015; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-għajnuna tal-UE tkompli tkun konformi mal-objettivi u l-miri għall-iżvilupp miftiehma internazzjonalment li se jiġu adottati min-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti oħra għall-perjodu ta’ wara l-2015; |
|
15. |
Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ koperazzjoni mhux ODA ma’ ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-provvista ta’ beni pubbliċi globali; jemmen li dan it-tip ta’ koperazzjoni għandu jkun regolat u li l-fondi għandhom jgħaddu minn strument separat wieħed jew aktar, sabiex tkun żgurata t-trasparenza u mħarsa n-natura partikolari tal-koperazzjoni għall-iżvilupp bħala qasam politiku awtonomu fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni; jinsisti, skont l-impenn meħud fil-Kunsill Ewropew tad-29 u t-30 ta’ Ottubru 2009, li l-finanzjament għat-tibdil fil-klima m’għandux idgħajjef jew jipperikola l-ġlieda kontra l-faqar u l-progress kontinwu lejn l-MDGs, u li l-fondi skarsi tal-ODA disponibbli għat-tnaqqis tal-faqar m’għandhomx imorru għal skopijiet oħra għajr l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li d-definizzjoni tal-OECD ta’ ODA m’għandhiex tinbidel u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-ebda proġetti għall-iżvilupp iffinanzjat mill-UE ma jkun f’kunflitt mal-isforzi globali ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u li l-proġetti kollha ta’ dan it-tip ma jaffettwax il-klima, b’mod partikulari proġetti infrastrutturali kbar jew proġetti fi gżejjer żgħar li jkunu minn tal-ewwel li jsofru l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima; |
|
16. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu, fi żmien ta’ restrizzjonijiet serji tal-baġit pubbliku, dwar l-enfasi qawwija magħmula fuq l-investiment tas-settur privat bħala mezz biex jiġġenera aktar riżorsi finanzjarji għall-iżvilupp; jindika l-fatt li l-koperazzjoni għall-iżvilupp hija l-unika politika ta’ azzjoni esterna (minbarra l-għajnuna umanitarja) li ma kenitx imfassla biex isservi l-interessi tal-UE, anzi tfasslet biex tiddefendi l-interessi tal-aktar popolazzjonijiet emarġinati u vulnerabbli ta’ din il-pjaneta; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li kwalunkwe finanzi pubbliċi użati biex jappoġġaw investiment tas-settur privat fin-Nofsinhar ma jittiħdux minn setturi li diġà huma sottofinanzjati (bħal pereżempju fil-każ ta’ atturi mhux statali u awtoritajiet lokali), u li tali appoġġ ikun jippermetti effettivament l-iżvilupp tas-settur privat domestiku u impriżi żgħar u medji f’pajjiżi bi dħul baxx; |
|
17. |
Jaqbel li jinħtieġ approċċ divrenzjat lejn il-grupp divers ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li l-għajnuna finanzjarja tradizzjonali tista’ ssir inqas relevanti għal pajjiżi emerġenti; iqis li l-għajnuna għal pajjiżi emerġenti, filwaqt li tippromwovi tkabbir ekonomiku sostenibbli, xorta għandha tiffoka fuq it-tisħiħ tal-politika fiskali tal-pajjiż sieħeb u l-promozzjoni tal-mobilizzazzjoni ta’ dħul domestiku li għandu jwassal għat-tnaqqis tal-faqar u tad-dipendenza fuq l-għajnuna; |
|
18. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi appoġġ aqwa biex tgħin pajjiżi emerġenti u pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-riformi fiskali, bl-iskop li jingħata appoġġ lil sistemi effettivi, effiċjenti, ġusti u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra b’mod effikaċi l-prinċipji ta’ governanza tajba fil-kwistjonijiet fiskali fil-programmazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tad-dokumenti ta’ strateġija għall-pajjiżi u r-reġjuni, filwaqt li jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jinfurzaw rappurtar pajjiż pajjiż mill-kumpaniji transnazzjonali; |
|
19. |
Jenfasizza li l-istrument ġejjieni ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp għandu jkompli jkopri l-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw tar-reġjuni ġeografiċi li japplika għalihom, skont il-lista tal-OECD/DAC ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw; |
|
20. |
Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex tinkiseb il-preskrizzjoni tat-Trattat tal-Artikolu 210 TFUE, u jappoġġa l-iżvilupp ta’ dokumenti strateġiċi konġunti Ewropej; jemmen li d-dokumenti ta’ programmazzjoni kollha għal kull pajjiż u reġjun għandhom jinkludu matriċi ta’ donaturi dettaljata u aġġornata, kif ukoll kapitolu speċjali dwar l-effettività tal-għajnuna tal-UE, li jispeċifika azzjonijiet li ttieħdu biex tiżdied il-koordinazzjoni, l-armonizzazzjoni u l-kumplimentarjetà tad-donaturi u biex jittejjeb il-qsim tax-xogħol bejn id-donaturi u partikolarment bejn l-Istati Membri tal-UE; |
|
21. |
Itenni t-talba tiegħu li l-FEŻ jiddaħħal fil-baġit tal-UE, sabiex ikunu simplifikati l-proċeduri u tiżdied l-effikaċja u l-effiċjenza tal-għajnuna tal-KE; jinsisti li dan m’għandux iwassal għal xi tnaqqis fl-ammonti globali ta’ finanzjament fil-livell tal-UE għad-DCI u għall-FEŻ, u lanqas fl-ammont totali ta’ finanzjament disponibbli fil-livell tal-UE għal ODA; |
|
22. |
Jemmen li jeħtieġ jisseddaq l-appoġġ għall-gruppi vulnerabbli (nisa, persuni b’diżabilità, żgħażagħ u nies bla xogħol, nies indiġeni), kif ukoll għall-integrazzjoni tas-sessi u għall-indirizzar ta’ ‧kwistjonijiet trasversali‧ oħrajn; jinsisti li l-istrument suċċessur tad-DCI jeħtieġ standards ta’ referenza ċari fid-dokumenti ta’ programmazzjoni sabiex jiżġuraw li l-impatt tal-intervent tal-UE f’dawn l-oqsma jkun jista’ jitkejjel; |
|
23. |
Jenfasizza li l-involviment tal-awtoritajiet lokali fil-politiki għall-iżvilupp huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-MDGs u biex tiġi żgurata governanza tajba; jindika l-fatt, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet lokali għandhom rwol kruċjali f’oqsma bħalma huma l-edukazzjoni, il-ġlieda kontra l-ġuħ, is-saħħa, l-ilma, is-sanità, il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku lokali, eċċ.; iqis, għalhekk, li hu essenzjali li jittejjeb ir-rwol tagħhom fl-istrument finanzjarju li jmiss, bi qbil mal-prinċipju tas-sjieda tal-iżvilupp; |
|
24. |
Jenfasizza l-ħtieġa ta’ djalogu regolari u strutturat bejn il-Kummissjoni, is-SEAE, atturi mhux statali (NSAs) u awtoritajiet lokali (LAs) dwar il-programmazzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tad-dokumenti ta’ strateġija; jinsisti għalhekk fuq il-ħtieġa li l-konklużjonijiet tad-Djalogu Strutturat jitqiesu fl-istrumenti finanzjarji tal-ġejjieni; |
|
25. |
Jenfasizza l-ħtieġa ta’ dispożizzjonijiet ta’ flessibilità li jippermettu rispons għal bidliet f’termini ta’ ħtiġijiet u prijoritajiet min-naħa tal-UE; jissuġġerixxi eżami tal-mudell tal-FEŻ ta’ allokazzjonijiet nazzjonali limitati ta’ għajnuna mhux programmata bħala mudell possibbli għall-istrument ġejjieni ta’ għajnuna għall-iżvilupp; jenfasizza, madankollu, li l-fondi użati b’mod aktar flessibbli jridu jkunu ġenwinament dedikati għal għanijiet ta’ żvilupp; |
|
26. |
Iqis li l-istrument ġejjieni ta’ għajnuna għall-iżvilupp għandu jipprovdi bażi għal għajnuna mmirata u aktar flessibbli f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità; jemmen li l-istruttura finanzjarja l-ġdida għandha tgħin sabiex tkun żgurata rabta xierqa bejn l-għajnuna ta’ emerġenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD) permezz tal-flessibilità u tal-kumplimentarjetà tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament; |
Perspettivi għall-ġejjieni: programmi ġeografiċi u tematiċi
|
27. |
Jitlob li benchmark ta’ 20 % tal-infiq fl-ambitu ta’ programmi ġeoġrafiċi jiġi allokat għal servizzi soċjali bażiċi kif definiti min-Nazzjonijiet Uniti fl-MDGs (indikatur 8.2 għal għan 8: ‧L-iżvilupp ta’ sħubija globali għall-iżvilupp‧); |
|
28. |
Jinsisti fuq kriterji ta’ eleġibilità stretti għall-appoġġ baġitarju; jinsisti li l-Kummissjoni m’għandhiex tuża l-appoġġ baġitarju f’pajjiżi fejn ma tistax tkun żgurata t-trasparenza fl-infiq pubbliku, li l-appoġġ baġitarju dejjem għandu jiġi akkumpanjat minn azzjonijiet għall-iżvilupp tal-kontroll parlamentari u kapaċitajiet ta’ verifika tal-pajjiż li jirċievi u għal żieda fit-trasparenza u l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni, u li s-soċjetà ċivili għandha tkun involuta fil-monitoraġġ tal-appoġġ baġitarju; |
|
29. |
Jirrikonoxxi r-rwoli importanti li għandha s-soċjetà ċivili fl-iżvilupp, bħal meta din taġixxi ta’ gwardjan fir-rigward tal-gevrn biex tiżgura r-responsabilizzazzjoni, u jitlob li jkun hemm finanzjament adegwat indirizzat għas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; |
|
30. |
Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi analiżi finanzjarja komprensiva li tkopri l-appoġġ baġitarju ġenerali, l-appoġġ skont is-settur, l-appoġġ skont il-progetti u l-appoġġ ta’ kwalunkwe tip ieħor mogħti lill-gvern lokali; jenfasizza li dan ir-rendikont ġenerali jagħmel l-appoġġ li jingħata lill-gvernijiet lokali aktar konsistenti u jtejjeb il-governanza fil-pajjiżi sħab; |
|
31. |
Jinnota li l-programmi tematiċi kollha fl-ambitu tad-DCI taw prova tar-relevanza tagħhom, u jenfasizza li huwa ta’ importanza kbira li jinżamm kemm il-programm tematiku kif ukoll dak ġeografiku, iżda jitlob li jsir eżerċizzju ta’ ffukar mill-ġdid, fid-dawl ta’ sfidi ġodda bħall-kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali, il-kriżi dinjija tal-ikel, it-tibdil fil-klima u l-ħtiġijiet speċjali ta’ stati fraġli u ta’ stati fi tranżizzjoni; |
|
32. |
Jindika l-fatt li l-migrazzjoni hija qasam li fih hemm bżonn ċar ta’ prijoritizzazzjoni tal-koerenza politika għall-iżvilupp dwar kunsiderazzjonijiet rigward migrazzjoni tal-UE f’terminu qasir ta’ żmien, indirizzati l-aktar għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali; jenfasizza li l-fondi għall-iżvilupp għall-migrazzjoni m’għandhomx jintużaw biex tissaħħaħ il-ġestjoni fil-fruntieri u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni; jinsisti li kwalunkwe programm tematiku ġejjieni dwar il-migrazzjoni jrid ikun allinjat bis-sħiħ mal-objettivi tal-iżvilupp tal-UE u li l-finanzjament ewlieni fl-ambitu ta’ dan il-programm irid jissodisfa l-kriterji ta’ eleġibilità għall-ODA; jenfasizza b’mod partikulari li proġetti li jirrigwardaw migrazzjoni min-Nofsinhar għan-Nofsinhar għandhom jingħataw prijorità fi ħdan il-programm tematiku; |
|
33. |
Jenfasizza li programm tematiku ġdid bit-tema ‧Ninvestu fin-Nies‧ jeħtieġ jiffoka fuq – mingħajr ma jillimita ruħu biss għalihom – dawk l-MDGs li l-ilħuq tagħhom għadu ’l bogħod, b’attenzjoni partikolari għal pajjiżi u reġjuni b’indikaturi kritiċi tal-MDGs; jenfasizza li l-edukazzjoni bażika u l-alfabetiżmu huma l-punt tat-tluq għall-proċess tas-sensibilizzazzjoni u għas-sjieda tal-iżvilupp; għalhekk jitlob li l-programm jiffoka fuq l-edukazzjoni bħala għodda għall-emanċipazzjoni u l-parteċipazzjoni; |
|
34. |
Jemmen li l-istrument ġdid għandu jipprovdi approċċ differenzjat għall-finanzjament ta’ organizzazzjonijiet ta’ soċjetajiet ċivili u awtoritajiet lokali, u għandu wkoll jevita l-kompetizzjoni mhux meħtieġa bejn iż-żewġ tipi ta’ attur; jenfasizza l-bżonn li tiġi indirizzata l-problema ta’ sottoskrizzjoni żejda tal-programm attwali; jitlob li r-riżultati tad-Djalogu Strutturat jiġu riflessi bis-sħiħ fil-programm tematiku futur u fil-modalitajiet tal-għajnuna proposti; |
|
35. |
Jindika l-fatt li waħda mir-raġunijiet għala l-MDGs ma ntlaħqux hija n-nuqqas li jiġu rikonoxxuti l-kontributi tal-ambjent, tar-riżorsi naturali u tal-ekosistemi għall-iżvilupp tal-bniedem u għall-eliminazzjoni tal-faqar; jinnota bi tħassib li, filwaqt li l-ODA Ewropea talloka 3 % biss tal-infiq totali għal kwistjonijiet ambjentali, problema oħra hi li parti mill-finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija investita fi proġetti li jiffavorixxu t-tibdil fil-klima, pjuttost milli jnaqqsuh; jenfasizza li jeħtieġ titjib fil-koerenza tal-politka għall-iżvilupp fil-qasam tat-tibdil fil-klima, speċjalment fir-rigward tal-finanzjament għall-klima u l-integrazzjoni fil-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE tal-preokkupazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima; |
|
36. |
Jindika l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet fir-‧Rapport Speċjali 6/2006‧ tagħha li l-UE għamlet biss progress limitat mill-2001 ’l hawn rigward l-integrazzjoni tal-ambjent fil-koperazzjoni għall iżvilupp tagħha, għaliex il-Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż ma kkunsidrawx biżżejjed il-kwistjonijiet ambjentali; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-kwistjonijiet ambjentali jiġu integrati u mmoniterjati aħjar fil-politiki esterni u fl-istrumenti finanzjarji kollha, speċjalment vis à vis l-isfidi attwali tat-tibdil fil-klima u tat-telf tal-bijodiversità; |
|
37. |
Itenni li l-Artikolu 290 TFUE hu applikabbli b’mod sħiħ għad-DCI, u għaldaqstant jenfasizza li l-applikazzjoni tal-proċedura tal-atti delegati hi obbligatorja għal dawk id-deċiżjonijiet li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 290 TFUE, fosthom dawk dwar it-tfassil tal-objettivi ġenerali, il-prijoritajiet, ir-riżultati mistennija u l-allokazzjonijiet finanzjarji; |
*
* *
|
38. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.
(3) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(4) Annessa mal-Komunikazzjoni tal-24.10.2006 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251 (2) tat-Trattat KE dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-koperazzjoni għall-iżvilupp (COM(2006)0628).
(5) Irreġistrata bħala d-dokument tal-Komitoloġija Nru CMT-2007-1709 – anness irreġistrat bħala d-dokument tal-komitoloġija Nru CMT-2007-1709-2.
(6) Irreġistrata bħala d-dokument tal-komitoloġija Nru CMT-2007-1709-3.
(7) DCD/DAC (2007)39/finali tal-4.9.2007, 145 paġna.
(8) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 62.
(9) ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.
(10) ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 507.
(11) ĠU C 125 E, 22.5.2008, p. 213.
(12) ĠU C 146E, 12.6.2008, p. 337.
(13) ĠU C 175E, 10.7.2008, p. 595.
(14) ĠU C 263E, 16.10.2008, p. 624.
(15) ĠU C 294E, 3.12.2009, p. 19.
(16) ĠU C 301E, 13.12.2007, p. 249.
(17) ĠU C 212E, 5.8.2010, p. 8.
(18) Testi adottati, P7_TA(2011)0032.
(19) Testi adottati, P7_TA(2011)0030.
(20) Testi adottati, P7_TA(2011)0033.
(21) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(22) Ara OECD/DAC: Direttivi ta’ Rappurtaġġ għas-Sistema ta’ Rappurtaġġ tal-Kreditur’ (‧Reporting Directives for the Creditor Reporting System‧).