7.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 377/108


Il-Ħamis 12 ta’ Mejju 2011
Unjoni tal-Innovazzjoni: Inbiddlu l-Ewropa għad-dinja wara l-kriżi

P7_TA(2011)0236

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2011 dwar Unjoni tal-Innovazzjoni: Inbiddlu l-Ewropa għad-dinja wara l-kriżi (2010/2245(INI))

2012/C 377 E/15

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 bit-titolu ‘Ewropa 2020 Inizzjattiva Ewlenija: Unjoni tal-Innovazzjoni’ (COM(2010)0546),

wara li kkunsidra l-Artikolu 179(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li skont it-termini tiegħu ‘(1) l-Unjoni għandu jkollha l-objettiv li ssaħħaħ is-sisien xjentifiċi u teknoloġiċi tagħha billi tistabbilixxi żona ta' riċerka Ewropea li fiha r-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġiji jiċċirkolaw liberament, u li tinkoraġixxi l-iżvilupp tal-kompetittività tagħha u tal-industrija tagħha, kif ukoll li tippromwovi l-attivitajiet kollha ta' riċerka li huma meqjusa meħtieġa għal Kapitoli oħra tat-Trattati’,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2010 dwar Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni fl-inizjattiva ewlenija Unjoni ta' Innovazzjoni (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu ‘Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2011 bit-titolu ‘Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza – Inizzjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020’ (COM(2011)0021),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2010 bl-isem “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2011 bit-titolu ‧Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050‧ (COM(2011)0112),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar politika industrijali għall-era globalizzata (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar il-politika Komunitarja għall-innovazzjoni f’dinja li qed tinbidel (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020 (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2010 dwar is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni ta' Programmi Qafas tar-Riċerka (5),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta' Frar 2011 dwar l-innovazzjoni,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-3049 laqgħa tal-Kunsill għall-Kompetittività tal-25 u s-26 ta’ Novembru 2010, dwar Unjoni tal-Innovazzjoni għall-Ewropa,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-3035 laqgħa tal-Kunsill għall-Kompetittività tat-12 ta' Ottubru 2010 dwar ‧nagħmlu l-programmi ta' Riċerka u ta' Innovazzjoni tal-UE aktar attraenti: l-isfida tas-simplifikazzjoni’,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2010 bit-titolu ‧Politika Industrijali Integrata għall-Era Globalizzata: Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali’ (COM(2010)0614),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 bit-titolu ‘Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020’ (COM(2010)0553),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2009 bit-titolu ‘Tħejjija għall-ġejjieni tagħna: Żvilupp ta' strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE” (COM(2009)0512),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Marzu 2009 bit-titolu ‘Strateġija għar-R&D u l-Innovazzjoni fil-qasam tal-ICT fl-Ewropa: Ngħollu l-mira’ (COM(2009)0116),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu ‧L-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi‧,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2011 bit-titolu ‘Reviżjoni tal-Att Ewropew għan-Negozji ż-Żgħar’ (COM(2011)0078),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Frar 2007 bit-titolu ‘Informazzjoni xjentifika fl-era diġitali: aċċess, disseminazzjoni u preservazzjoni’ (COM(2007)0056,

wara li kkunsidra r-rapport ‧Nippromwovu Mudelli ta’ Negozju Innovattivi b’Benefiċċji Ambjentali‧ ta’ Novembru 2008 li tħejja f’isem il-Kummissjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0162/2011),

A.

billi, skont l-Artikolu 179(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni għandha tinkuraġġixxi l-impriżi, inklużi l-impriżi żgħar u ta' daqs medju, ċ-ċentri ta' riċerka u l-universitajiet fl-attivitajiet tagħhom ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku ta' kwalità għolja; għandha tappoġġa l-isforzi tagħħom biex jikkooperaw ma' xulxin, notevolment billi tippermetti li r-riċerkaturi jikkooperaw liberament b'mod transkonfinali u billi tgħin lill-impriżi sabiex jisfruttaw il-potenzjal tas-suq intern, b'mod partikolari permezz tal-ftuħ ta' kuntratti pubbliċi nazzjonali, id-definizjoni ta' livelli komuni u t-tneħħija ta' xkiel legali u fiskali għal dik il-kooperazzjoni,'

B.

billi l-aċċellerazzjoni tar-riċerka u tal-innovazzjoni mhijiex biss essenzjali biex jinkiseb mudell ekonomiku sostenibbli u kompettittiv u jiġu żgurati l-impjiegi għall-futur, iżda tiġġenera wkoll soluzzjonijiet għall-isfidi l-kbar komuni soċjetali li qed taffaċċa s-soċjetà Ewropea, b'mod partikolari:

it-tibdiliet demografiċi attwali: soċjetà li kulma jmur qed tixjieħ, popolazzjoni dinjija li kulma jmur qed tikber (nutrizzjoni, saħħa, prevenzjoni tal-mard), urbanizzazzjoni, koeżjoni soċjali u migrazzjoni;

it-tranżizzjoni għal ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi (bijoloġiċi u mhux bijoloġiċi): tibdil fil-klima, enerġija rinnovabbli, effiċjenza tar-riżorsi, skarsezza tal-ilma, għargħar u sforzi għas-sigurtà u s-sostituzzjoni ta' materja prima;

bażi ekonomika b'saħħitha, stabbli, ekwitabbli u kompetittiva: irkuprar ekonomiku, sfruttar ta' soċjetà bbażata fuq l-għarfien, u spinta lill-kompetittività u l-impiegji tal-UE,

C.

billi sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni jeħtieġ li:

jitqiegħdu fl-ewwel post il-kreattività taċ-ċittadini u l-kapital uman, l-adattabilità tan-negozji u l-imprenditorija, l-iskemi tal-konsum u r-rispons għall-ideat ġodda,

jkun hemm qafas regolatorju fit-tul, stabbli, sempliċi, trasparenti u li jservi ta' appoġġ,

jkun hemm aċċess aħjar għal possibilitajiet diversifikati ta’ finanzjament fil-fażijiet diffferenti taċ-ċiklu tal-innovazzjoni (b'mod partikolari għall-SMEs),

jkun hemm leverage u stimulazzjoni għall-investimenti mis-settur privat,

jkun hemm· kooperazzjoni li tagħti l-frott bejn istituti ta' edukazzjoni u riċerka, inklużi organizzazzjonijiet ta’ riċerka u teknoloġija (RTOs), negozji, gvernijiet u ċittadini, ukoll permezz tat-twaqqif ta' pjattaformi kondiviżi u għodod bħalma huma n-netwerks miftuħa, standards miftuħa, gruppi ta' approċċi għal tqassim tal-għarfien u ta' ideat,

li jkun żgurat l-involviment tal-atturi kollha relevanti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet,

jkun hemm għodod aktar effikaċi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija,

D.

billi r-rieda li jittieħdu riskji hija prerekwiżit neċessarja għal innovazzjoni b'suċċess,

E.

billi sabiex tinżamm il-kompetittività Ewropea hi meħtieġa bidla fil-kultura sabiex jittejjeb l-intraprenditorjat u l-potenzjal għall-innovazzjoni Ewropew; billi jeħtieġ li jsiru bidliet sabiex jitfaħħar it-teħid tar-riskju u jittejbu l-kundizzjonijiet għal intraprendituri u intrapriżi innovattivi għadhom fil-bidu,

F.

billi mil-lat tal-kuntest ekonomiku globali l-Unjoni Ewropea trid tieħu qagħda offensiva u tadotta pożizzjoni soda minn ta’ quddiem nett fil-kompetittività, l-UE għandha għalhekk tinvesti fi splużjoni ta’ innovazzjoni,

G.

billi l-Ewropa teħtieġ sistema moderna, affordabbli u li taħdem sew ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex tiġi promossa l-innovazzjoni u tissaħħaħ l-kompetittività tagħha,

H.

billi l-IPRs jikkostitwixxu prerekwiżit ewlieni għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni bi proporzjon kbir ta' kapital,

I.

billi l-akbar opportunità biex tissaħħaħ l-innovazzjoni fl-Ewropa fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali hija l-ħolqien tal-privattiva tal-UE,

J.

billi sistema moderna ta' trademarks tal-Unjoni hija essenzjali sabiex jitħarsu l-valuri rrappreżentati minn investimenti li jsiru minn kumpaniji Ewropej fid-diżinn, il-ħolqien u l-innovazzjoni,

K.

billi l-allokazzjoni ta' 3 % tal-PGD tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp sal-2020 jista' joħloq 3,7 miljun impjieg u l-PGD jista' jiżdied b'madwar EUR 800 miljun sal-2025,

L.

billi 30 % biss tar-riċerkaturi Ewropej huma nisa u 13 % biss tal-kapijiet tal-istutuzzjonijiet ta' riċerka huma nisa,

Approċċ integrat u interdixxiplinarju

1.

Jilqa' l-inizjattiva ewlenija Unjoni tal-Innovazzjoni, li s'issa kien l-aktar tentattiv sinifikattiv u konkret biex tiġi introdotta politika Ewropea tal-innovazzjoni li tkun integrata, strateġika u orjentata lejn in-negozju, ħalli tissupplementa l-isforzi tal-istati membri, li permezz tagħha l-innovazzjoni tkun immexxija u l-progress ikun osservat fuq l-ogħla livell politiku, li s-suċċess tagħha madankollu jiddependi mill-kooperazzjoni sħiħa tal-Istati Membri, inkluż permezz tal-appoġġ finanzjarju tagħhom u l-konsolidazzjoni fiskali intelliġenti, bil-għoti ta' prijorità għall-infiq sostenibbli li jkun favur it-tkabbir f'oqsma bħalma huma l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-edukazzjoni, b’mod li l-objettivi komuni tal-innovazzjoni jmexxu l-politiki tagħhom fl-oqsma relevanti kollha; jilqa’ bi pjaċir l-approċċ strateġiku tal-Kunsill tal-Ewropa fil-laqgħa tiegħu tal-4 ta’ Frar 2011;

2.

Jappoġġa l-inizjattiva tal-Unjoni tal-innovazzjoni bħala pilastru ewlieni tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali fl-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-edukazzjoni inklużiva fil-livelli kollha, inklużi l-Edukazzjoni Vokazzjonali u t-Taħriġ;

3.

Jitlob li jkun hemm kunċett wiesa' tal-innovazzjoni li jkun jiffoka fuq l-impatt u jmur oltre l-innovazzjoni teknoloġika u orjentata għall-prodott, li jkun jinvolvi lill-istakeholders kollha, b'mod partikolari lill-impriżi, u jkun jaċċentwa l-bosta rwoli li jagħtu setgħa liċ-ċittadini filwaqt li jwettaq bidla fil-mentalità; ifakkar li l-innovazzjoni tfisser l-applikazzjoni ta' ideat fil-prattika b'suċċess u hija mmirata lejn prodotti, proċessi, servizzi, movimenti, sistemi u strutturi organizzattivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta definizzjoni tal-innovazzjoni;

4.

Iqis li l-innovazzjoni fl-oqsma tal-għarfien u tal-attività ekonomika u soċjali kollha, għandha titmexxa minn kriterji ta’ interess pubbliku, mit-titjib tal-kwalità tal-ħajja, mill-promozzjoni tal-benesseri soċjali u l-preservazzjoni tal-ambjent u tal-bilanċ naturali;

5.

Hu tal-fehma li, peress li l-innovazzjoni hija kunċett kumpless, għandhom jissaħħu l-isforzi ta’ innovazzjoni mhux teknoloġika, u li, f’dan il-kuntest, għandhom jitferrxu l-aħjar prattiki rigward dan it-tip ta’ innovazzjoni, u għandhom jiġu speċifikati r-regoli l-kundizzjonijiet dwar l-aċċess għall-finanzjament tal-UE abbażi ta’ approċċ miftuħ u li jinkludi kollox;

6.

Jitlob li ssir distinzjoni ċara bejn ‧innovazzjoni oriġinali‧, jiġifieri xi ħaġa li saret għall-ewwel darba u li mhiex disponibbli fuq is-suq, minn titjib kummerċjali jew tibdiliet fil-prodott, servizzi, proċessi jew movimenti li huma diġà preżenti fuq is-suq;

7.

Jikkunsidra li l-innovazzjoni soċjoekonomika għandha bżonn tkun definita b'mod preċiż imma flessibbli, għax f'ħafna każijiet ma tiħux l-għamla ta' prodott jew tal-applikazzjoni ta' soluzzjoni teknika iżda tieħu l-għamla ta' tibdiliet interkonessi, fit-tul, tekniċi u ta' ġestjoni li jikkostitwixxu proċess;

8.

Jiġbed l-attenzjoni li l-miri kif stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020, l-Istrateġija għall-Effiċjenza tal-Enerġija 2020, l-Inizjattiva għal Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi, l-Inizjattiva għall-Materja Prima, l-Istrateġija għall-Enerġija għall-Ewropa 2011-2020, li taw bidu għall-pass prinċipali lejn il-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija 2050 u l-Pjan ta’ Direzzjoni għal Ekonomija b'Livell Baxx ta' Emissjonijiet ta' Karbonju sal-2050 għandhom jingħataw prijorità fl-Unjoni tal-Innovazzjoni;

9.

Jirrimarka li l-internazzjonalizzazzjoni u l-innovazzjoni huma ewlenin għall-kompetittività esterna u għat-tkabbir u huma kruċjali għall-objettivi strateġiċi tal-UE 2020;

10.

Jenfasizza l-importanza tat-teknoloġiji rinovabbli u effiċjenti mil-lati tal-klima u tal-enerġija fil-bidla favur ekonomija globali sostenibbli; jirrikonoxxi l-pożizzjoni ta' tmexxija li għandha l-UE f'ħafna setturi ewlenin rigward il-produzzjoni industrijali li jiffavorixxu l-klima u b'użu effiċjenti tar-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi strateġiji fuq l-internazzjonalizzazzjoni u l-innovazzjoni f'dawn is-setturi;

11.

Jirrikonoxxi li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-isforzi lejn effiċjenza tal-enerġija u d-dematerjalizzazzjoni tal-produzzjoni industrijali teħtieġ politika attiva fuq id-disseminazzjoni globali ta' teknoloġiji ġodda;

12.

Jenfasizza li l-oqsma tal-ħarsien tal-ambjent, is-saħħa pubblika u s-sigurtà tal-ikel kif ukoll il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima huma fost dawk li l-iktar jeħtieġu sforz ta’ innovazzjoni msaħħaħ li jinkludi t-tisħiħ tal-bażi xjentifika u teknoloġika attwali; jisħaq li l-programmi ta’ riċerka u l-innovazzjoni tal-ġejjieni tal-UE se jeħtieġu li jqisu dawn l-oqsma b’mod adegwat; għal dan il-għan, jenfasizza l-bżonn għall-adozzjoni ta’ approċċ transsettorjali bbażat fuq ir-reżistenza tal-ekosistema;

13.

Jinnota li l-frammentazzjoni tas-suq fl-oqsma kulturali u kreattivi sseħħ ukoll minħabba d-diversità kulturali u l-preferenza tal-lingwa tal-konsumaturi;

14.

Jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq l-isfidi soċjetali kbar, u jisħaq li l-innovazzjoni u r-riċerka huma meħtieġa ħalli tiżdied il-produttività tar-riżorsi, l-użu u s-sostituzzjoni sostenibbli filwaqt li, fl-istess ħin, jinstabu mezzi ġodda kif tiżdied l-effiċjenza tar-riżorsi u l-konsum tal-enerġija;

15.

Jirrimarka li għandna nevitaw li nirrestrinġu l-prijoritizzazzjoni tal-innovazzjonijiet għal oqsma limitati, sabiex fit-tul ma nitilfux potenzjal innovattiv ta' valur;

16.

Hu tal-fehma li l-innovazzjoni jista' jkollha rwol importanti fit-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali billi ttejjeb il-kwalità tas-servizzi provduti u li għalhekk għandhom jitwaqqfu programmi speċifiċi ta' taħriġ professjonali;

17.

Jinnota li, f'ekonomija tas-suq, l-innovazzjoni mhiex esklussivament maħsuba biex tilqa' l-isfidi maġġuri tas-soċjetà iżda għandha wkoll rwol importanti fil-manifattura ta' prodotti faċli għall-użu mill-konsumatur u attraenti fl-oqsma tad-divertiment, tat-teknoloġija, tal-industrija, tal-kultura u tal-ispettaklu; jinnota li hemm suq internazzjonali wiesgħa għall-prodotti innovattivi ta' divertiment b' teknoloġija avvanzata (smart phones, tablet PCs, logħob console, apparati li jinġarru ta' rikreazzjoni eċċ.), kif ukoll suq dinji għan-netwerking soċjali u servizzi online innovattivi, li fihom impriżi Ewropej għandhom rwol ta' importanza żgħira;

18.

Jisħaq dwar l-importanza tal-inizjattivi flagship tal-Politika għal Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi u għall-Industrija, u tal-isforzi li jinfatam it-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi naturali, billi tkun appoġġjata ċ-ċaqliqa lejn ekonomikja li temetti ftit karbonju u tkun imsejsa fuq l-għarfien, jiżdied l-użu tar-riżorsi enerġetiċi rinnovabbli u sostenibbli, jiżdied it-tnaqqis fil-karbonja u t-teknooloġiji aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u t-trasport sostenibbli, titjieb fl-istess waqt il-kompetittitività tal-kumpaniji Ewropej;

19.

Ifakkar li d-dinja diġitali u l-ICTs huma magni tal-innovazzjoni u għalhekk l-aċċess għal broadband ta’ spîd għoli huwa prekondizzjoni essenzjali, ukoll għall-Partenarjati Ewropej għall-Innovazzjoni (EIPs), billi jgħolli l-koperazzjoni u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; f’dan is-sens, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħollu l-livell tal-implimentazzjoni tagħhom tal-internet ta’ spîd għoli kif ukoll il-promozzjoni tal-e-inizjattivi li jippermettu l-eżekuzzjoni rapida tal-Aġenda Diġitali tal-UE;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti konsiderazzjoni xierqa lit-teknoloġiji li jsejsu s-sistemi sostenibbli “aktar għaqli” li jippermettu lid-ditti jiżviluppaw servizzi f’ħin reali f’setturi tant differenti bħal servizzi tat-trasport u loġistika, kostruzzjoni u mmaniġġjar ta’ faċilitajiet, distribuzzjoni tal-enerġija, it-telekomunikazzjonijiet u servizzi finanzjarji;

21.

Jenfasizza li s-suċċess tar-riċerka u ta' politika ta' innovazzjoni jiddependi fuq:

orjentament strateġiku, l-iżvilupp, disinn u implimentazzjoni tal-politiki u l-miżuri kollha, bl-għan li jikkontribwixxu u jkabbru l-innovazzjoni fl-Ewropa (permezz ta', pereżempju, l-edukazzjoni u taħriġ, servizzi ta’ konsulenza, is-suq tax-xogħol, is-suq uniku, ġestjoni xierqa tal-jeddijiet tal-proprjetà intellettwali, l-infrastruttura, l-istrumenti fiskali, il-politika industrijali, l-akkwist pubbliku u l-kummerċ, l-interazzjonijiet innovattivi konġunti bejn is-servizzi u l-kumpaniji tal-manifattura, b’enfasi speċjali fuq l-SMEs);

kooperazzjoni multidixxiplinari b'koordinazzjoni tajba fuq il-livell tal-UE, dak tal-Istati Membri, reġjonali u dak lokali;

involviment massimu tal-atturi rilevanti kollha, eż. l-SMEs., l-industriji, l-universitajiet, l-istituti ta' riċerka, RTOs, il-gvernijiet, Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u s-sħab soċjali, inklużi forom produttivi potenzjalment ġodda bejn l-istituti tal-għarfien u l-industrija;

koordinazzjoni, koerenza u sinerġija fost l-oqsma, l-azzjonijiet u l-istrumenti ta' politika differenti biex tiġi evitata l-frammentazzjoni u d-duplikazzjoni li tirriżulta minn sforzi ta' riċerka u innovazzjoni mhux ikkoordinati;

tiswir ta’ ambjent regolatorju pożittiv għall-prodotti tal-innovazzjoni biex ikun adattament għall-ħtiġiet tas-suq;

politika tal-valutazzjoni tal-metolodoġiji u proċessi, inklużi pannelli ta' reviżjoni mill-pari u d-disseminazzjoni tal-esperimenti b'suċċessi;

Jenfasizza li l-iskop ewlieni tal-politika tal-Unjoni tal-Innovazzjoni għandu jkun il-faċilitazzjoni tal-koordinazzjoni tal-politiki u l-koerenza fost l-istrumenti varji tagħhom u l-ħolqien ta’ sinerġiji f’dak li għandu x’jaqsam mal-politika tal-innovazzjoni permezz tal-adozzjoni ta' approċċ verament olistiku ffukat fuq l-isfidi soċjetai l-kbar;

22.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-politika tal-kummerċ u tal-innovazzjoni tal-UE tinbidel f'mezz reali li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi, għall-qerda tal-faqar u għall-iżvilupp sostenibbli globali; jemmen bis-sħiħ li l-konsistenza bejn l-aspetti interni u esterni tal-politiki tal-UE huma indispensabbli u li l-iffurmar ta' politika ġdida dwar il-kummerċ trid tkun konsistenti ma' politika b'saħħitha dwar l-industrija u l-innovazzjoni li toħloq l-impjiegi, biex tiżgura t-tkabbir ekonomiku u finalment tiġġenera tkattir u titjib tal-impjiegi;

23.

Jenfasizza r-relazzjoni tal-inizjattiva ewlenija Unjoni tal-Innovazzjoni mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir bħala għodda kruċjali għall-kooperazzjoni msaħħa, li turi l-progress annwali fl-Istati Membri;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema integrata ta’ indikaturi, li tqis id-diversità tas-sistemi ekonomiċi eżistenti fl-Istati Membri u li tinvolvi impriżi ħalli jkunu permessi monitoraġġ u valutazzjoni għall-progress u l-impatt li jitkejjel tal-politiki u l-programmi tal-innovazzjoni; jitlob li jkun hemm il-ħolqien ta' infrastrutturi affidabbli tad-dejta li jgħinu fil-monitoraġġ tal-iżviluppi għall-finanzjament tar-riċerka u jħeġġeġ aktar żvilupp tal-‘iscoreboard‧ permezz tal-koperazzjoni internazzjonli, u bħala sistemi li tkun aktar imsejsa fuq l-indikaturi u l-evidenza li tkejjel il-kapaċità tal-innovazzjoni tal-UE f’termini assoluti filwaqt li tuża intelliġentement ir-riżorsi disponibbli;

25.

Jinnota li l-innovazzjoni u l-kreattività huma proċessi li, sa ċertu punt, jistgħu jiġu kkultivati, mgħallma u msaħħa; iħeġġeġ, għalhekk, li l-innovazzjoni u l-kreattività jiġu inklużi fuq livell ogħla fis-sistema edukattiva tal-Istati Membri tal-UE; jitlob rikonoxximent u disseminazzjoni tal-aħjar prattika fir-rigward tal-kreattività u tal-kurrikuli edukattivi innovattivi u tal-metodi ta' istruzzjoni li jużaw l-Istati Membri;

26.

Jenfasizza r-rwol kruċjali li se jkollha l-ekoinnovazzjoni biex jintlaħqu l-miri tal-UE tal-2020; jitlob għalhekk l-adozzjoni tal-Pjan ambizzjuż ta' Azzjoni ta' Ekoinnovazzjoni li jipproponi miżuri biex l-ekoinnovazzjoni tiġi introdotta f'kull pass tal-katina tal-valuri, inkluż id-disinn u ż-żieda tal-fondi għal inizjattivi f'dan il-qasam permezz tal-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni;

27.

Jemmen li, peress li l-innovazzjoni ħafna drabi hi marbuta mas-suq u tiżviluppa permezz ta' mezzi mhux formali, l-UE għandha tirfina l-metodi tagħha ta' evalwazzjoni tal-innovazzjoni biex jirriflettu l-fatt li ma jistgħux jintużaw l-istess kriterji biex tivvaluta kull qasam;

28.

Jenfasizza l-periklu tat-termini ‧innovazzjoni‧ li ssir klixé użata ta' spiss li tnissel kompjaċenza sempliċiment permezz ta' użu ripettitiv; l-innovazzjoni waħedha mhiex rimedju biex taffaċċa kull problema u ma tistax titqajjem meta wieħed irid fi żmienijiet ta' kriżi ekonomika u soċjali. Bil-maqlub, għandha tkun sforz kostanti fis-settur pubbliku u privat u għandha tkun appoġġjata b'mod attiv permezz ta' strateġiji ta' edukazzjoni koeżiva, ta' riċerka, industrijali, soċjali u ambjentali min-naħa tal-UE u l-Istati Membri tagħha;

29.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-industriji kulturali u kreattivi fil-kuntest tal-innovazzjoni, meta jitqies li l-istudji juru li l-kumpaniji li jagħmlu użu proporzjonalment akbar mis-servizzi tal-industriji kulturali u kreattivi għandhom prestazzjoni li b'mod sinifikanti hija aħjar fir-rigward tal-innovazzjoni;

30.

Jafferma l-prinċipju tan-newtralità tan-netwerk u tal-istandards miftuħa bħala xpruni tal-innovazzjoni;

Soċjetà ta’ Innovazzjoni li ddur madwar iċ-Ċittadin

31.

Jisħaq li t-talbiet taċ-ċittadini u l-impenn attiv tan-negozji jagħtu impetu kruċjali lill-innovazzjoni; jinnota li l-ħolqien ta' soċjetà innovattiva għalhekk għandu jkun ibbażat fuq il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tagħha, billi jingħataw l-oportunità li jleħħnu l-bżonnijiet u l-potenzjal tal-kreattività tagħhom permezz ta' approċċ minn isfel għal fuq u billi jiġu pprovduti soluzzjonijiet innovattivi li jippermettu liċ-ċittadini individwali jikkontribwixxu għall-effiċjenza tar-riżorsi;

32.

Jisħaq dwar il-ħtieġa li tinħoloq kultura ta’ tagħlim, kurżità u teħid ta’ riskji; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom kollha biex iġibu bidla fil-mentalità favur ħsieb innovattiv u mmexxi mill-kurżità u t-teħid tar-riskji u attitudni li tittollera aktar il-falliment, billi jinkuraġġixxu bidliet lejn tendenzi sostenibbli tal-konsumatur u billi jippromwovu b'mod attiv l-involviment taċ-ċittadini u tan-negozji fl-innovazzjoni u f’sistema ta’ innovazzjoni miftuħa; jisħaq li l-innovazzjoni bħala proċess li la tista' u lanqas għandha tkun kompletament immexxija mill-gvernijiet, għandha bżonn kundizzjonijiet favorevoli li jippermettu flessibbiltà suffiċjenti biex tappoġġa żviluppi mhux previsti;

33.

Iqis li l-avvanz tal-għarfien u l-applikazzjonijiet multipli tiegħu ma jeliminawx il-ħtieġa għal valutazzjoni aktar miftuħa u parteċipatorja dwar l-implikazzjonijiet etiċi, soċjali u politiċi ta’ dawk l-applikazzjonijiet; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ promozzjoni u ta’ tixrid ta’ kultura xjentifika fost il-pubbliku ġenerali;

34.

Iqis li għandhom jittieħdu passi li jappoġġaw inizjattivi maħsuba għall-promozzjoni tad-djalogu xjentifiku u t-tixrid tar-riżultati mal-akbar ammont ta' nies possibbli, kif ukoll mal-komunità xjentifika, li jżidu r-rwol tas-soċjetà ċivili fir-riċerka;

35.

Jikkunsidra li għandha tingħata prijorità biex jitħeġġeġ l-iżvilupp fil-livell reġjonali ta’ kultura ta’ innovazzjoni, kemm fost l-imprendituri, iż-żgħażagħ li jkunu qed iwettqu taħriġ vokazzjonali u l-ħaddiema, kif ukoll fost is-sħab li jkollhom influwenza fuq l-attivitajiet kummerċjali, bħal dawk responsabbli mit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell pubbliku reġjonali, iċ-ċentri ta’ riċerka, ir-raggruppamenti kummerċjali u l-entitajiet ta’ finanzjament, li sikwit ma jkunux konxji biżżejjed tal-kapaċitajiet ta’ innovazzjoni tal-kumpaniji fir-reġjun tagħhom, b’mod partikulari tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (inklużi l-mikroimpriżi u d-ditti artiġjanali);

36.

Jenfasizza li ftehim xieraq tal-progress xjentifiku u x'jinvolvi huwa essenzjali jekk il-pubbliku għandu jiġi involut fl-isforz tal-innovazzjoni; jitlob li jiżdied it-tixrid tal-għarfien xjentifiku u teknoloġiku; jenfasizza l-importanza kemm tal-edukazzjoni tul il-ħajja kif ukoll tal-miżuri mmirati speċifikament għall-gruppi ta' popolazzjoni li għandhom aċċess inqas faċli għax-xjenza u t-teknoloġija f'komunitajiet rurali partikolari;

37.

Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu l-iżvilupp ta' mudelli ekonomiċi sostenibbli bbażati fuq l-innovazzjoni u l-kreattività li joħolqu u jipproteġu l-impjiegi ta' kwalifiki għoljin fl-Ewropa;

38.

Jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni minn isfel ’il fuq u ambjent miftuħ għal ideat kreattivi, sabiex jitħeġġeġ it-tkabbir tal-produttività, tingħata s-setgħa lill-impjegati u jiġu żviluppati soluzzjonijiet għall-bżonnijiet soċjali mhux milħuqa (bħalma huma l-inklużjoni u l-immigrazzjoni);

39.

Jitlob li jkun ikkomplimentat il-finanzjament up-front kurrenti b'mekkaniżmu ġdid ta' finanzjament, bħalma huma l-kompetizzjonijiet bi premji jew premji ta' inkoraġġiment għall-innovaturi Ewropej (individwi jew skwadri) għall-inkoraġġiment tatl-ideat u l-ippremjar tal-invenzjonijiet, ngħidu aħna f'oqsma soċjali ta' valur li bihom jinħoloq l-għarfien bħala beni pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra jekk pilota bikri ta’ sistema ta’ premjijiet fi ħdan il-Partenarjat Ewropew għall-Innovazzjoni pilota dwar it-tixjiħ f’saħħtu jkunx xieraq;

40.

Jenfasizza li l-innovazzjoni soċjali tirrigwarda soluzzjonijiet ġodda u effikaċi għal bżonnijiet soċjali l-aktar urġenti, maħluqa minn individwi jew organizzazzjonijiet b'importanza soċjali, u mhux neċessarjament kummerċjali; inoltre jisħaq li l-innovazzjoni soċjali tagħti oppotunità liċ-ċittadini, f’kull rwol, li jtejbu l-ambjent tagħhom tax-xogħol u tal-ħajja u b’hekk ikunu jistgħu jsaħħu l-mudell soċjali Ewropew;

41.

Jenfasizza r-rwol li għandu s-settur tal-ekonomija soċjali (kooperattivi, impriżi mutwi, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet) fl-innovazzjoni soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-mezzi biex jiġu ssodisfati ħtiġijiet li ma jitqiesux mis-suq u mill-forom konvenzjonali ta' intraprenditorjat;

42.

Jikkunsidra li l-istrateġija tal-Innovazzjoni tal-UE għandha tħoll il-potenzjal tal-impjegati billi tagħti ċans lill-impjegati li mhumiex akkademiċi li jagħmlu parti minn tipi ta' skemi differenti u proġetti ta' innovazzjoni tal-UE u li jkunu jistgħu jipparteċipaw fihom;

43.

Jinnota li, fil-każ tal-innovazzjoni, l-istrateġija tal-Unjoni tal-Innovazzjoni trid tirrikonoxxi l-importanza tal-ideat, suġġerimenti u kompetenzi tal-impjegati komuni. Bosta studji jiġbdu l-attenzjoni lejn il-fatt li l-innovazzjoni mmexxija mill-impjegat mhux biss hija tajba għan-negozju iżda wkoll għas-sodisfazzjon tal-impjieg – u – jekk issir kif suppost - hi xi ħaġa li tista' finalment tnaqqas l-istress;

44.

Jitlob lill-UE, lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jniedu proġett pilota u tippromwovu r-riċerka fuq l-innovazzjoni soċjali u li jagħtu fondi pubbliċi b’appoġġ għall-istess kif ukoll għas-sħubijiet pubbliċi-privati, li jistgħu jiswew ta’ bażi għall-attivitajiet futuri f’dan il-qasam; jisħaq li l-innovazzjoni soċjali għandha tkun inkluża fi programmi ta' finanzjament u ta' appoġġ bħalma huma l-Fond Soċjali Ewropew, il-Programmi Qafas (FPs) u l-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP);

45.

Jisħaq fuq l-importanza tar-riċerka fil-qasam mediku, li flimkien mal-applikazzjonijiet innovattivi, tħeġġeġ it-tkabbir u l-benessri f'soċjetà li qed tixjieħ; jappoġġa l-kooperazzjoni mill-qrib bejn dipartimenti tar-riċerka tal-universitajiet u l-industrija medika sabiex jiġġeneraw prodotti u servizzi li ċ-ċittadini tal-UE se jeħtieġu b'mod urġenti fid-deċennju li ġej;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tissupplimenta r-riżorsi tal-Qafas Strateġiku Komuni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE biex tkun żgurata l-implimentazzjoni sostenibbli tal-Infrastrutturi ta’ Riċerka Bioloġiċi u tax-Xjenzi Mediċi bħala servizz pubbliku tar-Riċerka u l-Iżvilupp, orjentati lejn kwalità ta’ ħajja aħjar taċ-ċittadini, li hu mod kif soċjetà bbażata fuq l-għarfien titmexxa ‧l quddiem u tkun tista‧ taffronta l-isfidi tas-soċjetà fl-Ewropa;

47.

Iqis li enfasi akbar fuq il-politika tal-innovazzjoni tirrappreżenta opportunità għall-immodernizzar u t-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi kemm fl-oqsma eżistenti kif ukoll f’dawk emerġenti, f’firxa sħiħa ta’ oqsma tal-ħajja ekonomika u soċjali, biex b’hekk jissaħħu l-kwalità u l-effikaċja, il-ħolqien tal-impjiegi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

48.

Iqis li l-koordinament aktar mill-qrib tal-isforzi fl-STI m'għandux jimplika diżinvestiment jew nuqqas ta' investiment fir-rigward tal-ħila xjentifika ta' ċerti Stati Membri u reġjuni, bi ħsara għal oħrajn; jemmen li minflok, din għandha tfisser investiment fl-iżvilupp ta’ bażi tal-STI soda u konsistenti f’pajjiżi u f’reġjuni differenti, skont il-karatteristiċi u l-livelli ta’ żvilupp tagħhom, bil-għan li tingħata promozzjoni lis-sinerġiji ta’ benefiċċju u ta’ kooperazzjoni utli;

49.

Jisħaq l-importanza tal-modernizzazzjoni tas-sistema edukattiva; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni ħallu jtejbu l-ħiliet u t-taħriġ imprenditorjali u kwantittattiv tal-Ewropej (żgħażagħ) billi jinkorporaw l-imprenditorija, il-kreatività u l-innovazzjoni f’oqsma kollha tal-edukazzjoni u jtejbu l-kapital uman li jippermettilhom ikollhom rwol attiv fl-innovazzjoni, pereżempju permezz tal-programm “Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ” tal-Kummissjoni, filwaqt li jissalvagwardjaw is-snajja’ bħala għajn ta’ innovazzjoni;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni taħdem aktar mill-qrib mal-Istati Membri sabiex isiru previżjonijiet għal żmien medju u fit-tul dwar il-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol u biex jiġu inkoraġġiti sħubijiet bejn l-universitajiet u s-settur tan-negozju biex titjieb it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol filwaqt tingħata għajnuna biex tinħoloq soċjetà innovattiva bbażata fuq l-għerf, tiġi żviluppata r-riċerka applikata u jinħolqu prospetti ta' xogħol aħjar għall-gradwati;

51.

Jinnota li fi żminijiet ta’ kriżi, huwa essenzjali li jiġu attirati ż-żgħażagħ lejn it-tipi l-ġodda ta' impjiegi disponibbli u li jkun żgurat li l-programmi tal-ħiliet jippromwovu l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, bil-ħsieb li jkunu jistgħu japprofittaw ruħhom mill-potenzjal ta’ impjiegi, sabiex tiġi miġġielda r-rata għolja tal-qgħad fost iċ-ċittadini ta' taħt il-25 sena u sabiex isir kapital mill-ħiliet tal-ġenerazzjoni żagħżugħa fl-użu ta' teknoloġiji ġodda;

52.

Jitlob li jsir sforz sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet tal-ħiliet fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika; jenfasizza l-importanza li tiżdied il-kwalità tat-taħriġ, jitjieb l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ vokazzjonali, ikun promoss it-taħriġ kontinwu tal-impjegati, filwaqt li jsiru arranġamenti għall-aċċess u l-organizzazzjoni ta’ dan it-taħriġ li huma inklużivi u ma jiddiskriminawx kontra n-nisa; hu tal-fehma, madankollu, li dawn il-miżuri għandhom ikunu mmirati primarjament għal ħaddiema li jiġi assenjat lilhom xogħol li jeħtieġ inqas kwalifiki milli kien meħtieġ qabel, li huma f'riskju li jitilfu l-impjiegi tagħhom minħabba l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda, u dawk li ġew issensjati minħabba li m'għandhomx il-ħiliet meħtieġa mir-ristrutturar u mill-konverżjoni; ifakkar ukoll fil-bżonn li jiġu żviluppati l-attivitajiet ta’ taħriġ kollha b’mod aktar komprensiv, fil-livelli kollha ta’ taħriġ, sabiex tissaħħaħ il-kreattività, l-innovazzjoni u l-imprenditorjat;

53.

Jenfasizza l-importanza li jiżdied il-livell tat-tagħlim tul il-ħajja u li jiġu żviluppati attivitajiet ta' taħriġ għal kulħadd sabiex jiżdiedu l-ekoinnovattività u l-imprenditorjat u biex jiġi żgurat li l-forza tax-xogħol tkun tista' taġġusta l-ħiliet tagħha għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol ta' ekonomija aktar sostenibbli bbażata fuq kunċetti ta' taħriġ ibbażati fuq il-kompetenza; jistieden lill-Istati Membri, lil min iħaddem u lill-impjegati biex jagħrfu bħala responsabilità konġunta l-ġestjoni tal-ħiliet, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja għall-innovazzjoni, bħalma ġie rrikonoxxut fil-ftehim ta’ qafas tas-sħab soċjali tal-2002 dwar it-tagħlim tul il-ħajja;

54.

Jirrimarka li, meta jitqies in-nuqqas ta' studenti tal-edukazzjoni ogħla fl-oqsma tax-xjenza u tat-teknoloġija, jeħtieġ li jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-ebda student ma jabbanduna l-istudji tiegħu jew ikun limitat fl-għażla tiegħu ta' stabbiliment edukattiv minħabba raġunijiet finanzjarji, u li għalhekk huwa neċessarju li jitkompla jiġi promoss l-aċċess għal self minn banek li jista' jiġi parzjalment iffinanzjat mill-Istati Membri;

55.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati ‧innovaturi reqdin‧, b’mod partikulari fost l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; jindika r-rwol importanti li jiżvolġu l-organizzazzjonijiet intermedji fl-identifikazzjoni tal-innovaturi reqdin, fil-forniment ta’ inċentivi, fl-għoti ta’ pariri u fl-appoġġ għall-innovazzjoni; hu tal-fehma li dawn l-organizzazzjonjiet għandhom jissaħħu u li għandu jiġi żviluppat għalihom programm immirat lejn it-titjib tat-taħriġ, tal-kwalifiki u tal-għarfien espert, u li fil-ġejjieni għandha tikber l-importanza ta' mudelli għal korsijiet ta' taħriġ bi skop doppju għal żewġ professjonijiet;

56.

Itenni l-importanza li jinkiseb nukleu ta' kompetenzi bażiċi u livell tajjeb ta' kultura ġenerali biex tiġi żgurata addattabilità aħjar għall-ambjent tax-xogħol; jenfasizza li, f'dan il-kuntest, it-tagħlim tal-lingwi huwa ta' importanza partikolari;

57.

Jistieden lill-Istati Membri joħolqu raggruppamenti u kundizzjonijiet li permezz tagħhom tiġi aċċellerata l-innovazzjoni u jappoġġaw l-iżvilupp ta' sħubijiet aktar b'saħħithom bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u d-dinja kummerċjali, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak internazzjonali, filwaqt li jqisu wkoll il-ħtiġijiet tan-negozji meta jiżviluppaw il-kurrikula;

58.

Iqis li huwa essenzjali li jiġu stabbiliti programmi b'mod speċifiku biex tiġi promossa kultura xjentifika u teknoloġika bħala parti mill-miżuri biex tiġi promossa l-innovazzjoni fl-oqsma kollha;

59.

Jappoġġja l-proposta tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-ħolqien ta’ “netwerk virtwali ta’ kreattività” li jkun miftuħ għal kulħadd (negozji, awtoritajiet lokali u reġjonali, l-awtoritajiet pubbliċi ċentrali, is-settur privat u ċ-ċittadini) u li jipprovdi pariri, assistenza u aċċess għal kapital ta’ riskju u servizzi tekniċi; jenfasizza li netwerk virtwali joffri l-vantaġġ addizzjonali li jipprovdi, lill-abitanti ta’ gżejjer, reġjuni periferiċi, żoni rurali u muntanjużi u żoni b’popolazzjoni ta’ densità baxxa, aċċess aktar faċli għal pariri esperti, edukazzjoni u informazzjoni, appoġġ għan-negozju u gwida finanzjarja

60.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel progress fit-titjib ta' prospettivi ta' karrieri għar-riċerkaturi u żżidilhom il-mobilità bejn is-setturi tar-riċerka u minn naħa għal oħra tal-fruntieri nazzjonali. Dan jgħin biex jiżgura forniment adegwat ta' riċerkaturi u jsaħħaħ il-kwalità tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE. Ir-riċerkaturi madwar l-UE għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mit-taħriġ xieraq, kundizzjonijiet ta' karriera attraenti u tneħħija ta' ostakoli għall-mobilità;

61.

Jinnota li l-innovazzjoni soċjali hi sfida ta' Kapital Uman fejn l-Universitajiet għandu jkollhom rwol imsaħħaħ permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ tul il-ħajja, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija; jenfasizza l-importanza ta' Universitajiet aktar miftuħa u mmodernizzati u l-bżonn ta' awtonomija akbar tal-Università biex tiddefinixxi prijoritajiet strateġiċi u azzjoni proprja bħala reazzjoni għall-prijoritajiet soċjetali;

62.

Jenfasizza, sabiex tiġi żgurata integrazzjoni akbar tal-komponenti tat-trijangolu tal-għarfien, il-bżonn ta' promozzjoni tal-politiki biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u d-dinja tan-negozju fl-iżvilupp ta' kurrikuli u programmi ta' dottorat;

63.

Jitlob lill-Kummisjoni toħloq pjattaforma diġitali "Innovazzjoni Miftuħa" fejn problemi ta' politika madwar l-Ewropa jkunu jistgħu jintbagħtu, u ideat u soluzzjonijiet ikunu jistgħu jitressqu minn ċittadini u dawk kollha interessati madwar l-Ewropa;

64.

Jinnota n-nuqqas rigward kompetenzi li hemm fl-Universitajiet f’dak li jolqot interazzjoni aħjar u proattiva mas-settur tan-negozju; Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tniedi programm mal-Ewropa kollha għat-taħriġ u l-edukazzjoni ta’ mamiġers ta’ universitajiet, ta’ uffiċjali għat-trasferiment tat-teknoloġija, u ta’ brokers professjonali tat-teknoloġija u sabiex toħroġ linji gwida għall-professjonalizzazzjoni ta’ karrieri bħal dawn fl-Universitajiet;

Is-semplifikazzjoni, it-tnaqqis tal-frammentazzjoni, il-finanzjament u l-istandardizzazzjoni

65.

Jenfasizza li hemm kosts ta’ opportunità importanti assoċjati ma’ setturi ta’ nfiq tal-UE iktar tradizzjonali u jindika l-ħtieġa li l-prijoritajiet strateġiċi UE2020 jiġu allinjati mal-politika baġitarja; għalhekk jitlob biex sehem ikbar tal-baġit tal-UE jiġi allokat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

66.

Jenfasizza d-daqs żgħir tal-baġit tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni meta mqabbel mal-baġits tal-Istati Membri li jirrappre\entaw il-biċċa l-kbira tal-finanzjament pubbliku għar-riċerka; għalhekk, jitlob għal enfasi ikbar fuq l-istrumenti ta’ finanzjament b’effett ta’ massimizzazzjoni tan-nefqa ta’ riċerka nazzjonali, fuq l-investiment privat, u fuq il-finanzjament tal-BEI, biex tiġi promossa l-koordinazzjoni tal-isforzi u biex jiġi stimulat l-investiment sal-miri Ewropej;

67.

Jistieden lill-Kummissjoni tgħaqqad skemi ta’ għajnuna eżistenti ma’ strutturi ta’ appoġġ sabiex tqarreb lejn sistema sempliċi u aċċessibbli biex tħaffef l-innovazzjoni, tiffoka fuq l-isfidi soċjetali l-kbar u tipprevjeni l-frammentazzjoni u l-burokrazija;

68.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-iskemi eżistenti ta’ assistenza u strutturi ta’ appoġġ u twaqqaf ‧punt ta' waqfa waħda‧ b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, jiġifieri, bank ta' servizz fejn il-partijiet interessati kollha (speċjalment l-impriżi innovattivi ż-żgħar u ta’ daqs medju) – inklużi l-gvern lokali u reġjonali – jistgħu jfittxu l-informazzjoni u japplikaw għal appoġġ finanzjarju jew jiġu f'kuntatt ma' sħab potenzjali;

69.

Jenfasizza l-ħtieġa li jappoġġa lill-SMEs mill-ewwel stadju ta’ innovazzjoni sat-tmiem, sabiex ikunu jistgħu jinnovaw u jipparteċipaw fil-Programmi ta’ Appoġġ Ewropej;

70.

Huwa favur strateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni tar-ragruppamenti maħsuba għall-istabbiliment ta’ appoġġ xieraq u sistemi ta' gwida għall-SMEs;

71.

Jenfasizza l-ħtieġa li r-raggruppamenti Ewropej itejbu l-profil tagħhom u jsiru iktar effikaċi biex juru s-suċċessi u r-riżultati tagħhom; hu tal-fehma li għandha tiġi stabbilita pjattaforma ta’ servizz għall-SMEs innovattivi fil-forma ta’ rabta ta’ raggruppamenti billi jingħaqdu diversi raggruppamenti u parks teknoloġiċi fl-Ewropa u madwar id-dinja (pereżempju, fiż-żona tal-Mediterran);

72.

Jenfasizza li l-investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp għandu t-tendenza li jonqos f'perjodi ta' kriżi ekonomika, avolja ġie ppruvat li dawk il-kumpaniji u l-Istati Membri li jinvestu l-aktar matul perjodi bħal dawn huma dawk li jiggwadanjaw l-akbar vantaġġ komparattiv fis-suq;

73.

Jistieden lill-Kummissjoni ddaħħal qafas wieħed ta’ politika għall-appoġġ u finanzjament tal-innovazzjoni b’regoli uniformi, toħloq sinerġiji u twaħħad il-programmi ta’ appoġġ għar-Riċerka, L-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (R&D&I), fejn dan ikun possibbli, u li tappoġġja l-innovazzjoni, billi tidderiġi iktar fondi lejn l-innovazzjoni u billi tħeġġeġ aktar involviment tas-settur finanzjarju; ifakkar lill-Istati Membri biex jirrispettaw l-impenn tagħhom biex jiddedikaw id-dħul mill-ETS għall-finanzjament ta’ azzjonijiet relatati mal-klima, inklużi proġetti ta’ innovazzjoni;

74.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra programmi ffinanzjati minn fondi differenti għall-Istati Membri u r-reġjuni li jixtiequ jużawhom; jikkunsidra li dan jikkontribwixxi għall-ħidma b’mod iktar integrat u flessibbli u jżid l-effikaċja tal-interazzjoni bejn id-diversi fondi (il-Fondi Strutturali u l-Programmi Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp);

75.

Jingħaqad mal-Kunsill fis-sejħa għal bilanċ ġdid bejn il-fiduċja u l-kontroll, u bejn it-teħid tar-riskju u l-evitar tar-riskju, filwaqt li jiġi rikonoxxut li r-riċerka u l-innovazzjoni huma attivitajiet ta’ riskju kbir mingħajr garanzija ta’ riżultati;

76.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li dawk li jipparteċipaw fil-proċess ta’ innovazzjoni għandhom jindirizzaw id-diversi proċeduri u l-kriterji ta’ eliġibilità kemm fil-programmi Ewropej varji kif ukoll bejn dawn u l-programmi nazzjonali; dan iwassal għal burokrazija, spejjeż kbar u ħela ta’ ħin u opportunitajiet; Jitlob għal impenn konġunt min-naħa tal-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jimplimentaw proċess ta’ simplifikazzjoni u konverġenza fir-rigward tal-proċeduri ta’ selezzjoni u l-kriterji ta’ eliġibilità użati fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni;

77.

Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta lill-Parlament Ewropew evalwazzjoni esterna dwar l-istrumenti ta’ innovazzjoni maħluqa fi ħdan is-Seba’ Programm Qafas bħall-Pjattaformi Teknoloġiċi u l-JTIs fejn l-evalwazzjoni għandha tinkludi attivitajiet, sejħiet, proġetti ta’ innovazzjoni u riżultati (jekk jeżistu) u l-kontribut ekonomiku mill-fondi pubbliċi u privati;

78.

Itenni l-ħtieġa għal żieda sinifikanti fl-investiment għar-Riċerka u l-Iżvilupp, kemm dak privat u dak pubbliku, sabiex l-industrija tal-UE tibqa’ fuq quddiem nett fil-qasam tat-teknoloġija u tibqa' kompetittiva fix-xena internazzjonali f’oqsma bħalma huma dawk tat-trasport u l-effiċjenza fl-enerġija; barra minn hekk, hi meħtieġa żieda fil-finanzjament pubbliku tar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni sabiex jissaħħaħ l-investiment privat;

79.

Jitlob biex il-programm qafas futur irawwem l-użu massimu tas-sejbiet tar-riċerka billi jorbothom mal-proċess tal-innovazzjoni permezz tal-ambitu tal-finanzjament tal-proġetti biex ikunu inklużi l-istadji ta’ dimostrazzjoni u l-prototipi;

80.

Jenfasizza l-importanza ta’ għajnuna aħjar fl-implimentazzjoni ta’ politiki u programmi li jsaħħu s-sinerġija fi ħdan il-katina ta’ infrastrutturi tar-riċerka u l-iżvilupp – innovazzjoni – ħolqien tax-xogħol;

81.

Simplifikazzjoni amministrattiva u finanzjarja ta’ proċeduri ta’ finanzjament pubbliku, partikolarment fil-Programmi Qafas tal-UE, hija prerekwiżit għall-istabbilità, iċ-ċertezza legali għall-parteċipanti u b’konsegwenza, żieda fil-parteċipazzjoni tal-industriji;

82.

Itenni li l-Programmi Qafas għandhom ikomplu jappoġġaw riċerka kollaborattiva fl-industrija, minħabba li dan isaħħaħ il-fondi industrijali u għandu influwenza pożittiva fuq il-ħolqien ta’ innovazzjoni produttiva fis-suq uniku;

83.

Iħeġġeġ iż-żamma ta' bażi soda ta' eċċellenza fir-riċerka bażika, permezz tal-bini fuq is-suċċess tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC) u ż-żamma ta’ bażi b’saħħitha għar-riċerka xjentifika applikata u l-innovazzjoni, billi tinħoloq aġenzija fuq il-mudell tal-ERC għar-riċerka applikata u l-innovazzjoni, fejn jingħaqdu strutturi eżistenti kif xieraq;

84.

Jemmen li l-innovazzjoni u l-kreattività huma elementi prinċipali għall-irkupru ekonomiku tal-Unjoni u li wieħed m'għandux jissottovaluta l-importanza tal-konverżjoni tal-innovazzjonijiet xjentifiċi u teknoloġiċi tal-Unjoni fi prodotti u servizzi ġodda;

85.

Ifakkar li l-innovazzjoni hija l-applikazzjoni b’suċċess ta’ ideat fil-prattika u jaċċentwa r-rabta fundamentali bejn l-innovazzjoni u s-suq; għalhekk, għandhom ikunu disponibbli strumenti finanzjarji xieraq li jaċċelleraw l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji, servizzi jew proċessi ta’ suċċess fis-suq tal-UE, partikolarment dawk li jindirizzaw l-isfida kbar tas-soċjetà;

86.

Hu tal-fehma li l-isfruttar kummerċjali tas-sejbiet tar-riċerka fl-UE hu wisq bil-mod jew mhux suffiċjenti, u jirrakkomanda li jiġu stabbiliti inkubaturi tan-negozji li jfittxu l-innovazzjonijiet b'mod attiv u jkunu f'kuntatt ma' stabbilimenti tal-edukazzjoni ogħla u tar-riċerka, u li l-kompitu tagħhom ikun li jippromwovu l-isfruttament kummerċjali tas-sejbiet tar-riċerka, pereżempju permezz tal-kuntatti mal-impriżi jew billi jgħinu biex jinstabu investituri privati jew kapital inizjali għall-istabbiliment ta' negozji ġodda;

87.

Jenfasizza l-ħtieġa, biex jiġu stimulati d-domanda u s-suq għal prodotti innovattivi, li tiġi promossa l-innovazzjoni billi jinħolqu opportunitajiet ġodda tas-suq;

88.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiddefinixxu u jimplimentaw oqsfa ta’ politika mmirati li jistimolaw l-aċċess rapidu tal-innovazzjonijiet ta' valur għall-utenti fl-UE, u li jiżguraw li innovazzjoni ġodda jkunu jistgħu jilħqu l-utenti aħħarija tagħhom fi żmien raġjonevoli;

89.

Jenfasizza l-importanza li ssir differenza bejn l-innovazzjoni u r-riċerka; jindika li l-innovazzjoni hija proċess soċjoekonomiku trasversali kumpless, li jinvolvi sforzi biex jiżdiedu n-nefqa fir-riċerka u l-iżvilupp, u l-appoġġ għall-SMEs u għall-attivitajiet ta’ teknoloġija avvanzata u li jiffoka fuq l-iżvilupp ta’ sistemi integrati bbażati fuq il-karatteristiki u l-ispeċifiċitajiet tat-territorji differenti;

90.

Jistieden lill-Kummissjoni torbot l-istrumenti ta' finanzjament aktar mill-qrib mal-innovazzjoni orjentata lejn id-domanda u tidderiġi dan l-appoġġ lejn l-SMEs u l-kumpaniji li għadhom jibdew li jkollhom bżonn aċċess bikri għas-swieq tal-UE jew internazzjonali; iqis għalhekk li hu neċessarju li jkunu approvati “Regoli ta’ Parteċipazzjoni” ċari u speċifiċi li jkun fihom miżuri li jkattru l-parteċipazzjoni mill-impriżi żgħar u mikro;

91.

Jenfasizza l-importanza ta’ programmi dottorali għall-innovazzjoni Ewropea u jipproponi l-iżvilupp ta’ qafas Ewropew għall-programmi dottorali li jħeġġu t-tagħlim tul il-ħajja u jinvolvu negozji fl-appoġġ, il-promozzjoni u l-użu tar-riżultati tar-riċerka; jitlob lill-Istati Membri jeliminaw kwalunkwe ostakolu leġiżlattiv jew amministrattiv li jista’ jillimita l-aċċess tal-partijiet interessati għall-programmi dottorali;

92.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra programmi ffinanzjati minn fondi differenti għall-Istati Membri u r-reġjuni li jixtiequ jużawhom; iqis li dan jikkontribwixxi għall-ħidma b’mod iktar integrat u flessibbli u jżid l-effikaċja bejn id-diversi fondi (il-Fondi Strutturali u l-Programmi Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp);

93.

Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm appoġġ għall-arkitettura finanzjarja komposta, kif ukoll l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi finanzjarji ġodda, filwaqt li jingħaqdu strumenti awtomatiċi ma strumenti bbażati fuq għotjiet sabiex jitrawmu investimenti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri strateġiċi tar-Riċerka u l-Iżvilupp;

94.

Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għall-ħelsien ta’ approprjazzjonijiet sal-2014 sabiex tgħin biex jiżdied u jittejjeb il-finanzjament privat meħtieġ għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fl-Ewropa;

95.

Jirrakkomanda bidla tal-mandat tal-BEI biex jiġi permess finanzjament ta’ riċerka u innovazzjoni ta' riskju u qrib is-suq; fid-dawl ta’ dan, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tespandi Faċilità għall-Finanzjament bil-Qsim tal-Riskju (l-RSFF) tal-BEI, li kellha suċċess, billi:

iżżid il-fattur tal-garanzija tar-riskju,

ittejjeb il-garanziji disponibbli u s-self għall-kumpanniji privati jew istituzzjonijiet pubbliċi bi profil ogħla ta’ riskju finanzjarju għall-attivitajiet tagħhom ta’ R&D&I,

l-għoti ta’ EUR 500 miljun addizzjonali fl-2011, li jgħolli l-finanzjament kurrenti minn EUR biljun għal EUR 5 biljuni wara l-2013, u

id-diversifikazzjoni tat-tip ta’ strutturi ta’ kondiviżjoni tar-riskju, ħalli jkun hemm aċċess aħjar għall-finanzjamenti mill-impriżi – b’mod partikolari l-SMEs;

96.

Huwa tal-opinjoni li fond ta’ finanzjament Ewropew għall-innovazzjoni għandu jiġi stabbilit biex tingħata spinta lill-investiment f’SMEs innovattivi permezz tal-qsim ta’ riskji li jinvolvi l-isfruttar ta’ riżorsi privati;

97.

Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu definiti investimenti speċifiċi maħsuba għal kumpaniji ġodda innovattivi;

98.

Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi proporzjon ikbar ta' riċerka viċin is-suq għal proġetti ta’ dimostrazzjoni, għal strumenti ta’ debitu u ekwità fil-programmi futuri ta’ qafas, li jkun jistgħu jagħmlu leverage ta’ aktar kapital privat bħalma huma l-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), il-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), u tagħti lill-SMEs aċċess fl-Ewropa kollha għalihom; jenfasizza l-ħtieġa li jonqsu d-disparitajiet ta' finanzjament għal kumpaniji ġodda (transkonfinali);

99.

Jenfasizza li komprensjoni aħjar tal-ispeċifitajiet assoċjati mad-daqs u l-iżvilupp tal-kumpanija, l-istadju u s-settur tal-attività huma meħtieġa meta jkun qegħdin jitfasslu l-istrumenti tal-fondi; jitlob li tittieħed azzjoni urġenti ħalli jkunu ttrattati l-imblokki fl-istadji inizjali tal-innovazzjoni b’aċċess imtejjeb għal seed funding, angel funding u aktar finanzjament ta’ ekwità u kważi-ekwità kemm f’livell ta’ UE kemm f’livell reġjonali u lokali;

100.

Jenfasizza li l-potenzjal tal-iżvilupp tal-kapital ta’ riskju fl-UE huwa ’l bogħod milli jiġi sfruttat minħabba differenzi fir-regoli u fl-arranġamenti ta’ tassazzjoni nazzjonali; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex sal-2012 tiżgura li fondi ta’ Kapital ta’ Riskju stabbiliti fi kwalunkwe Stat Membru jkunu jistgħu jiffunzjonaw u jinvestu b’mod ħieles fl-UE u għalhekk jinħoloq “Suq Uniku ta’ Kapital ta’ Riskju tal-UE” ġenwin;

101.

Jitlob għal iktar żvilupp tal-istrumenti u l-mekkaniżmi għat-titjib tal-aċċess tal-SMEs għas-servizzi tar-riċerka u l-innovazzjoni (bħal vawċers tal-innovazzjoni) u servizzi bbażati fuq l-għarfien oħra (l-immudellar, il-valutazzjoni tar-riskji, eċċ) li huma kruċjali biex l-SMEs ikunu jistgħu jinnovaw u jsibu soluzzjoni innovattiva għas-suq;

102.

Jenfasizza l-benefiċċji fin-negozju u l-ekoeffiċjenza tas-sistemi tal-prodotti u s-servizzi u l-mudelli tan-negozju orjentati lejn il-funzjoni u jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija f’dan il-qasam;

103.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jerġgħu jevalwaw is-sistema kollha tal-innovazzjoni bl-għan li jitneħħew l-ostakli finanzjarji u amministrattivi bla bżonn, pereżempju:

għall-aċċess għal self jew opportunitajiet u strumenti oħra ta' appoġġ finanzjarju għall-universitajiet u għall-RTOs,

għall-iżvilupp ta' attivitajiet ta' trasferiment teknoloġiku abbażi tal-valorizzazzjoni tal-proprjetà intellettwali;

104.

Jiddispjaċih li l-protokolli tal-innovazzjoni huma soġġetti għal proċessi ta’ approvazzjoni burokratiċi twal li jrażżnu l-innovazzjoni, jillimitaw il-kompetittività tas-suq tal-UE u jwaqqfu l-iżvilupp tat-tagħrif xjentifiku fil-komunità medika, biex b'hekk iwasslu għal dewmien fit-twassil tal-benefiċċji għall-pazjenti;

105.

Jenfasizza l-importanza li tingħata prijorità lir-reviżjoni tad-direttiva dwar il-provi kliniċi fi djalogu mar-riċerkaturi, bil-għan li jiġi żgurat qafas regolatorju mtejjeb għall-iżvilupp ta' prodotti mediċinali u li jitqabblu kuri alternattivi ma' prodotti mediċinali fir-riċerka klinika (kif iddikjarat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Innovazzjoni u s-Solidarjetà fil-Farmaċewtiċi adottati fi Brussell fis-6 ta’ Diċembru 2010);

106.

Jenfasizza l-importanza kbira li jintuża għarfien ġdid biex jinħolqu modi ġodda u aħjar li jipprevjenu, isibu, u jfejqu l-kanċer u li jiġu promossi mekkaniżmi rapidi li jagħmlu dawn l-iskoperti disponibbli għall-pazjenti;

107.

Jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni fit-Trijangolu tal-Għarfien u jisħaq dwar il-ħtieġa tal-iżvilupp ta’ kultura ta’ innovazzjoni fil-perspettiva finanzjarja u l-perspettivi ta’ wara l-2013;

108.

Jistieden lill-Istati Membri, b’kooperazzjoni mill-qrib mar-reġjuni, jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-Fondi Strutturali għar-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni fil-perjodu finanzjarju attwali, filwaqt li jindirizzaw l-isfidi soċjetali l-kbar, jagħmlu sforz biex jilħqu koeżjoni fl-innovazzjoni u fir-riċerka u jallinjaw il-prijoritajiet tal-Fondi Strutturali mal-objettivi UE2020; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevitaw xogħol doppju li jiswa l-flus billi jippromwovu strategiji speċjalizzati intelliġenti u mmirati iktar; iqis li r-reġjuni għandhom jingħataw inċentivi biex jippromwovu din l-istruttura ta' speċjalizzazzjoni Ewropea;

109.

Jenfasizza li l-fondi ta’ koeżjoni ppjanati għall-innovazzjoni fil-biċċa l-kbira tagħhom jispiċċaw ma jintnefqux minħabba rekwiżiti amministrattivi mhux xierqa u minħabba l-ħtieġa għal fondi li jmorru flimkien li ma jkunux disponibbli fi żminijiet ta' restrizzjoni finanzjarja; jinnota li dan il-fatt jikkontribwixxi għat-tkabbir tad-disparità ekonomika fost l-Istati Membri, li tinsab fil-qalba tal-kriżi attwali taż-żona tal-Euro; jitlob riforma u s-simplifikazzjoni tal-fondi strutturali, biex ikunu aċċessibbli għall-istrutturar mill-ġdid tal-atturi ekonomiċi involuti, partikolarment l-SMEs;

110.

Jemmen li l-istabbiliment ta’ referenzi u standards wera li kien katalist b’saħħtu għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u tal-kompetittività sostenibbli f’bosta setturi industrijali; Jingħaqad mal-Kunsill u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti biex il-proċeduri ta' standardizzazzjoni jiġu aċċellerati, issimplifikati, b’inqas spejjeż u jiġu mmodernizzati permezz ta’ iktar trasparenza u involviment ikbar tal-partijiet interessati, biex b'hekk jiġġeneraw reazzjoni Ewropea b'aktar ħeffa għall-iżviluppi innovattivi tas-suq globali; jitlob lill-Kummissjoni biex tqis bis-serjetà l-mekkaniżmi innovattivi li jirnexxu bħall-istabbiliment ta’ standards miftuħa li jintegraw lill-partijiet interessati tul il-katina tal-valur;

111.

Jirrimarka li l-istandardizzazzjoni tista' żżid l-innovazzjoni u l-kompetittività billi tiffaċilita l-aċċess għas-swieq u billi tippermetti l-interoperabilità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel aktar ħalli tippromwovi l-inklużjoni tal-istandards Ewropej, l-aktar fl-oqsma soċjali u ambjentali, fil-ftehimiet futuri rigward il-kummerċ ħieles;

112.

Jenfasizza għalhekk li l-istrateġiji kollha marbuta mat-trasformazzjoni tal-Ewropa għal dinja wara l-kriżi għandhom ikunu ggwidata mill-ħolqien tal-impjiegi sostenibbli;

113.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea ssegwi r-rakkomandazzjoni tal-Evalwazzjoni Interim tas-Seba' Programm Qafas (Grupp ta' Esperti), meta titlob li jitqies moratorju fuq l-istrumenti ġodda sakemm dawk eżistenti jkunu ġew żviluppati biżżejjed u evalwati kif xieraq; għalhekk, jitlob għal prekawzjoni partikolari sabiex tiġi evitata proliferazzjoni li tfixkel ta' strumenti;

114.

Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament evalwazzjoni esterna tal-istrumenti ta' innovazzjoni maħluqa taħt is-Seba' Programm Qafas, bħal, pereżempju, il-pjattaformi teknoloġiċi u l-JETIs (Inizjattivi Konġunti Ewropej fil-qasam tat-Teknoloġija), u jqis li l-evalwazzjoni għandha tkopri l-attivitajiet, it-talbiet biex jitressqu proposti, il-proġetti ta' innovazzjoni, ir-riżultati (jekk disponibbli), kif ukoll il-kontribuzzjoni ekonomika minn fondi pubbliċi u privati.

115.

Jitlob lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tal-mira ta’ finanzjament tal-2020 għall-iżvilupp tar-riċerka u t-teknoloġija sabiex dawn jammontaw għal 3 % tal-PGD u sabiex jingħaraf li r-riċerka u l-innovazzjoni huma l-uniċi mezzi sikuri biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku fl-UE, biex tqis il-possibbiltà tal-istabbiliment ta' livell minimu vinkolanti interim ta’ finanzjament għall-Istati Membri għall-iżvilupp tar-riċerka u t-teknoloġija li jkun jammonta għal madwar 1 % tal-PGD sal-2015;

116.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-innovazzjoni hija essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tirrekluta madwar miljun riċerkatur addizzjonali biex tilħaq l-għan li tonfoq 3 % tal-PGD fuq ir-riċerka u l-iżvilupp kif stipulat fl-Istrateġija Ewropa 2020; jemmen li dan l-għan jista' jintlaħaq aktar faċilment billi jiżdied b'mod sostanzjali n-numru ta' riċerkaturi nisa, li jammontaw biss għal 39 % tar-riċerkaturi impjegati fis-settur pubbliku u fl-edukazzjoni ogħla u 19 % tar-riċerkaturi li jaħdmu fis-settur privat (6);

117.

Jappoġġa l-objettiv li jiżdied b'miljun in-numru ta' riċerkaturi fl-UE sal-2020, u josserva li investiment enormi bħal dan ikollu effetti ta' multiplikatur sinifikanti fuq l-impjiegi, iżda fl-istess ħin iqis li dan huwa objettiv ambizzjuż ħafna li jirrikjedi li jiġu stabbiliti objettivi għal kull pajjiż individwali u li jsiru sforzi mmirati; jinnota li s-settur pubbliku ma għandux neċessarjament il-fondi biżżejjed biex jagħmel dan, jiġifieri għalkemm hemm bżonn qawwi li jiżdied l-għadd ta' postijiet għar-riċerkaturi fi stabbilimenti tal-edukazzjoni ogħla u f'istituti pubbliċi ta' riċerka, il-biċċa l-kbira tar-riċerkaturi se jiġu impjegati fis-settur privat; jinnota li l-attenzjoni għandha tiffoka anqas fuq in-numru ta’ riċerkaturi u aktar fuq l-innovazzjoni tagħhom, il-kwalità tal-edukazzjoni tagħhom, id-diviżjoni Ewropea tax-xogħol fil-qasam tar-riċerka, ir-riżorsi għar-riċerka u l-kwalità tar-riċerka;

118.

Jilqa' bi pjaċir l-appoġġ tal-Kummissjoni għal innovazzjoni miftuħa u kollaborattiva li se ġġib benefiċċji soċjali u ekonomiċi fuq perjodu twil ta' żmien; japprova f'dan il-kuntest l-impenn tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tixrid, it-trasferiment u l-użu tar-riżultati tar-riċerka, inklużi l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet u għad-data minn riċerka ffinanzjata pubblikament; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni ssib il-mezzi meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, u jenfasizza r-rwol li Europeana jista' jkollha f'dan il-qasam;

Is-suq uniku u l-proprjetà intellettwali

119.

Jisħaq li s-suq uniku tal-Ewropa jrid ikun lest b'urġenza għall-oġġetti u s-servizzi kollha, inklużi l-prodotti tas-saħħa innovattivi, biex b'hekk jipprovdi aċċess għal 500 miljun konsumatur; itenni li sfida kbira għas-suq uniku Ewropew hija l-frammentazzjoni tal-liġijiet u l-proċessi ta’ validazzjoni;

120.

Jenfasizza li f’xi setturi, bħal dak tas-saħħa, ir-riżultati tar-riċerka wasslu għall-innovazzjoni kull darba li x-xjenza ppermettiet, u għalhekk iqis li l-pessimiżmu tal-Kummissjoni fir-rigward tal-innovazzjoni f’ħafna każijiet mhuwiex ġustifikat;

121.

Jenfasizza li l-prattiki attwali ta' ħruġ ta' liċenzji jikkontribwixxu għall-frammentazzjoni tas-suq intern tal-UE; jinnota li għalkemm sar progress, id-domanda tal-konsumaturi għal liċenzji multiterritorjali u multirepertorjali għal użi transkonfinali u online ma ġietx indirizzata b'mod sodisfaċenti;

122.

Ifakkar li l-objettiv tal-UE huwa li tippromwovi l-industriji kulturali kreattivi kemm online kif ukoll offline u jqis li l-għan għandu jkun l-użu wiesa' ta' liċenzji pan-Ewropej skont id-domandi tas-suq u tal-konsumaturi u li, jekk dan ma jistax jintlaħaq f'perjodu qasir ta' żmien, għandha ssir valutazzjoni komprensiva tal-leġiżlazzjoni meħtieġa biex jiġu affrontati l-ostakli potenzjali kollha għall-ħolqien ta' suq intern effikaċi tal-UE, inkluż il-prinċipju tat-territorjalità;

123.

Jilqa' r-reviżjoni mill-Kummissjoni tas-sistema Ewropea tat-trademarks u jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni tiżgura li t-trademarks ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess livell ta' protezzjoni kemm fl-ambjent online kif ukoll f'dak offline;

124.

Jisħaq li sistema b'saħħitha, ibbilanċjata u implimentata sew ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali (IPR) li tikkontribwixxi għal aktar trasparenza u tipprevjeni kwalunkwe frammentazzjoni hi waħda mill-kundizzjonijiet ta' qafas prinċipali għall-innovazzjoni; jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tipprevjeni l-IPR milli jikkostitwixxu ostakolu għall-kompetizzjoni u l-innovazzjoni; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva dwar il-proprjetà intellettwali – u fejn xieraq tippreżenta proposti leġiżlattivi – li tibbilanċja d-drittijiet tal-inventuri mal-promozzjoni ta' użu wiesa' tal-għarfien u l-invenzjonijiet u l-aċċess għalihom;

125.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-iżgurar li l-SMEs ikunu jistgħu jużaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u industrijali b'mod effiċjenti;

126.

Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-problemi speċifiċi li jiltaqgħu magħhom l-SMEs fir-rigward tal-affermazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom skont il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” stabbilit mill-Att tan-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa, inter alia billi jiġi applikat il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni għall-SMEs;

127.

Huwa tal-fehma li infurzar li jiffunzjona sew tal-IPRs iżid l-inċentivi għall-kumpaniji biex jiżviluppaw prodotti innovattivi u għalhekk iżid il-firxa ta' prodotti u servizzi disponibbli għall-konsumaturi;

128.

Jitlob l-introduzzjoni ta' privattiva Ewropea unika bbilanċjata; jilqa', sadanittant, l-appoġġ wiesa' fil-Kunsill għall-proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa dwar privattiva unika tal-UE biex tibda fl-2011;

129.

Jirrimarka li għandhom jiġu adottati il-privattiva unika Ewropea u l-Istatut tal-Kumpanija Ewropea sabiex jippromwovu t-tranżizzjoni għal kummerċ barra mis-suq Komunitarju; jenfasizza l-bżonn ta’ tnaqqis fl-ispejjeż ta' privattivi tal-UE u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, fid-dawl tad-differenzi ekonomiċi eżistenti fl-Istati Membri tal-UE, sabiex dawn ikunu iktar kompetittivi meta mqabbla mal-prezzijiet fl-Istati Uniti u fil-Ġappun;

130.

Jitlob l-ikkompletar taż-Żona Ewropea tar-Riċerka – obbligu skont it-Trattat – sal-2014, sabiex l-UE tkun tista' żżomm u tattira l-aqwa talent, timmassimizza l-libertà tal-moviment tar-riċerkaturi u tippromwovi l-attività transkonfinali tal-istituti tar-riċerka u tat-teknoloġija kif ukoll it-tixrid, it-trasferiment u l-isfruttar tar-riżultati tar-riċerka; jenfasizza li għalhekk ikun ta’ importanza kbira li jiġu żviluppati mekkaniżmi ta’ finanzjament xierqa;

131.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi politiki li jinkoraġġixxu r-riċerkaturi jibqgħu fl-Istati Membri tal-UE billi jippromwovu kundizzjonijiet attraenti ta' xogħol fl-istituti ta' riċerka pubbliċi;

132.

Jemmen li politika effiċjenti ta' innovazzjoni u ta' tkabbir trid bilfors tinvesti fi programmi ta' riċerka li jiffaċilitaw il-mobilità u l-iskambji bejn ir-riċerkaturi fil-livell internazzjonali u jsaħħu l-kooperazzjoni bejn id-dinja tax-xjenza u dik kummerċjali (Azzjonijiet Marie Curie);

133.

Jenfasizza l-importanza li jinħolqu, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, kundizzjonijiet favorevoli u inċentivi sabiex tingħata spinta lill-parteċipazzjoni fl-istudji dottorali, kif ukoll lill-parteċipazzjoni fir-riċerka innovattiva, biex titwaqqaf il-ħarba tal-imħuħ u biex l-UE tkun tista' tieħu benefiċċji sostanzjali, filwaqt li ssaħħaħ il-kompetittività tagħha permezz ta' riċerka u studji avvanzati u innovattivi;

134.

Jitlob reviżjoni mħeffa tal-leġiżlazzjoni dwar it-trademark Komunitarju u, f’dan ir-rigward, it-teħid ta’ passi xierqa biex jiġi żgurat li t-trademarks jingħataw l-istess livell ta’ protezzjoni kemm f’ambjenti fuq l-internet kif ukoll mhux fuq l-internet;

135.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi żviluppat suq tal-għarfien Ewropew għall-IPR u l-għoti ta' liċenzji sa tmiem l-2011, inkluż l-aċċess iffaċilitat għal proprjetà intellettwali mhux użata, fost affarijiet oħra, billi titħeġġeġ il-formazzjoni ta’ pjattaformi ta’ privattivi komuni u gruppi ta’ privattivi;

136.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti leġiżlattivi meħtieġa għall-ħolqien ta' Suq Diġitali Uniku li jiffunzjona bis-sħiħ sal-2015, peress li dan se jtejjeb b'mod sinifikanti l-kundizzjonijiet qafas għall-innovazzjoni; jisħaq li l-inizjattivi għandhom ikunu ambizzjużi b'mod partikolari f'oqsma prinċipali bħad-dritt tal-awtur, il-kummerċ elettroniku, inkluża politika tal-konsumatur għall-kummerċ elettroniku, u l-użu tal-informazzjoni tas-settur pubbliku;

137.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ipoġġu t-tlestija tas-Suq Uniku, inklużi miżuri li jippromwovu s-Suq Diġitali Uniku, fil-qalba tal-politika ta' innovazzjoni, peress li din se tikseb prezzijiet aħjar u iktar kwalità għall-konsumaturi, tappoġġa l-iżvilupp ta' prodotti innovattivi, tkattar il-ħolqien tal-impjiegi fl-UE u tiġġenera opportunitajiet ġodda ta' tkabbir fl-UE fis-swieq pilota;

138.

Jindika li, li kieku kellna noqorbu lejn suq innovattiv uniku, irid jintlaħaq ftehim dwar il-metodi ta’ valutazzjoni tal-benefiċċji ekonomiċi u soċjali, diretti u indiretti, fuq terminu ta’ żmien qasir u twil;

Akkwist pubbliku

139.

Ifakkar li l-akkwist pubbliku, li jirrappreżenta 17 % tal-PDG annwali tal-UE, għandu rwol importanti fis-suq uniku Ewropew u biex jistimula l-innovazzjoni;

140.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw b'mod strateġiku l-akkwist pubbliku li jindirizza l-isfidi soċjali, jistimulaw l-innovazzjoni u jidderieġu l-baġit tal-akkwist pubbliku tagħhom lejn prodotti, proċessi u servizzi innovattivi, sostenibbli u ekoeffiċjenti, filwaqt li jitqies li l-irħas offerta mhijiex dejjem l-iktar waħda vijabbli ekonomikament; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni:

tiffaċilita, fil-proposti leġiżlattivi tagħha, akkwist pubbliku li jippermetti l-innovazzjoni, inkluż rieżami tal-opportunitajiet ta' akkwist prekummerċjali;

tipprovdi possibilitajiet biex jintuża l-kofinanzjament mill-UE permezz tal-Fondi Strutturali bħala inċentiv għal korpi reġjonali u lokali tas-settur pubbliku,

toħroġ linji gwida tal-aħjar prattika u programmi ta' taħriġ għall-akkwirenti pubbliċi fil-livell tal-Istati Membri, bl-għan li jiġu żviluppati ħiliet f'akkwisti prekummerċjali u innovattivi kumplessi;

141.

Jinsisti li l-innovazzjoni għandha tkun element ewlieni tal-politika pubblika f’oqsma bħall-ambjent, l-ilma, l-enerġija, it-trasport, it-telekomunikazzjoni, is-saħħa u l-edukazzjoni; jisħaq dwar il-ħtieġa tal-promozzjoni tat-tixrid u l-assorbiment wiesa' tal-innovazzjoni fis-settur pubbliku, f’intrapriżi privati u speċjalment fl-SMEs;

142.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-isforzi tas-settur pubbliku biex jadotta approċċi innovattivi u biex iniedu l-programm il-ġdid ta' riċerka dwar l-innovazzjoni fis-settur pubbliku, pereżempju fl-oqsma tal-gvern elettroniku, is-saħħa elettronika u l-akkwist elettroniku, u wkoll biex ixerrdu l-aħjar prassi fl-amministrazzjoni pubblika, ħaġa li tnaqqas il-burokrazija u tħaddan politiki ċċentrati fuq iċ-ċittadin; jenfasizza l-importanza tas-settur pubbliku fit-tisħiħ tal-fiduċja pubblika fis-suq diġitali intern;

143.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jinkoraġġixxu l-użu tal-akkwist elettroniku u speċjalment l-użu tal-akkwist prekummerċjali, inluż l-akkwist konġunt u elettroniku, filwaqt li tingħata attenzjoni xierqa lill-osservanza tar-regoli tal-protezzjoni tad-data bħala parti integrali mill-istrateġija innovattiva tal-UE; jistieden b'mod partikolari lill-Kummissjoni, bħala parti mir-reviżjoni ġenerali tal-qafas legali għall-akkwist pubbliku, biex tiċċara u tissimplifika r-regoli relevanti u tagħmilha possibbli għall-awtoritajiet kontraenti li jagħmlu użu iktar trasparenti tal-akkwist prekummerċjali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-inklużjoni trasparenti ta' kriterji soċjali, ambjentali, ta' kummerċ ġust u innovattivi li jkunu speċifikati u reali fl-akkwist pubbliku mingħajr ma jiġi pperikolat l-involviment attiv tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fil-proċess tat-tfassil ta' soluzzjonijiet ġodda u innovattivi u filwaqt li jiġu osservati r-regoli applikabbli tal-kompetizzjoni;

144.

Jinnota li l-SMEs innovattivi jħabbtu wiċċhom ma problemi fl-aċċess għall-finanzjament għall-internazzjonalizzazzjoni u l-assigurazzjoni ta’ kreditu kummerċjali internazzjonali, fost ostakoli oħra, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati miżuri ta’ appoġġ ġodda għall-SMEs fil-qafas tal-Att tan-Negozji ż-Żgħar rivedut u l-Komunikazzjoni mistennija dwar il-Politika tal-Kummerċ Internazzjonali u l-SMEs;

145.

Jenfasizza li hemm bżonn ta' reċiproċità internazzjonali fir-rigward tal-aċċess għal swieq ta' akkwist pubbliku, biex b'hekk tingħata l-opportunità lin-negozji tal-UE jikkompetu b'kundizzjonijiet ġusti internazzjonalment;

146.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikulari lill-ostakoli mhux relatati mat-tariffi, li, minħabba li t-tariffi qegħdin gradwalment jitnaqqsu jew jitneħħew, għandhom it-tendenza li jsiru l-ostakoli ewlenin għall-kummerċ internazzjonali; iqis bħala mhux ġustifikati l-ostakoli kollha li jirriżultaw mill-implimentazzjoni inkonsistenti ta' regoli kummerċjali bilaterali u multilaterali; iqis bħala ġustifikati, min-naħa l-oħra, l-ostakoli kollha li jirriżultaw minn attivitajiet leġittimi leġiżlattivi u amministrattivi minn awtoritajiet pubbliċi li joriġinaw minn oqsma mhux kummerċjali imma li għandhom konsegwenzi mhux intenzjonati fuq il-kummerċ, li t-tneħħija tagħhom għandha tkun suġġetta għall-konsultazzjoni u d-deliberazzjoni pubblika;

147.

Jirrikonoxxi li t-trasferiment tat-teknoloġija fl-interess tal-iżvilupp u rigward l-ilħiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju jeħtieġ ikun aspett importanti fil-politika kummerċjali Ewropea, imma jirrikonoxxi li t-trasferiment tal-għarfien dwar it-teknoloġija ta' livell għoli tal-UE lil pajjiżi terzi għandha tissorveljah il-Kummissjoni biex tikseb informazzjoni aħjar fuq il-forom tal-innovazzjoni u l-iżviluppi futuri, u biex tevita l-kompetizzjoni inġusta;

148.

Jenfasizza r-rwol importanti li jista’ jkollhom l-SMEs jekk ir-regoli tal-akkwist pubbliku jitfasslu b’rekwiżiti li jistgħu jiġu adattati (inklużi rekwiżiti tal-kapital u d-daqs tal-kuntratti) skont id-daqs tan-negozji li jipparteċipaw;

149.

Jenfasizza l-importanza tal-involviment tal-UE u l-Istati Membri tagħha f’kooperazzjoni xjentifika ma’ pajjiżi terzi; hu tal-opinjoni li l-intrapriżi tal-UE għandhom jiggarantixxu aċċess aħjar għal programmi ta’ riċerka u żvilupp f’pajjiżi terzi;

150.

Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri għandhom jaġixxu b’mod ikkoordinat dwar ftehimiet u miżuri fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija marbuta ma’ pajjiżi terzi; hu tal-opinjoni li għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-potenzjal għal ftehimiet qafas mill-UE u l-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi;

Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni (EIPs)

151.

Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni (EIPs) fejn:

jiddikjara l-prinċipju l-aktar importanti tal-intelliġenza tar-riżorsi fl-EIPs kollha, biex b'hekk jiġu promossi l-effiċjenza tar-riżorsi, il-konsum intelliġenti u l-produzzjoni u l-ġestjoni effiċjenti fil-katina kollha ta' provvista,

jilqa' l-proġett pilota dwar it-tixjiħ attiv u fis-saħħa;

152.

Jisħaq li l-EIPs:

ma għandhomx jaqbżu n-numru limitat ta’ sfidi soċjetali kbar u għandhom ikunu allinjati magħhom,

għandhom jiġġeneraw ispirazzjoni permezz ta' miri "tal-bniedem fuq il-qamar" ambizzjużi iżda fattibbli, iffukati fuq l-impatt, fuq riżultati tanġibbli ċari u li jissarrfu b'mod koerenti f'objettivi speċifiċi,

għandhom joħolqu sinerġiji u jsegwu l-prinċipji SMART,

għandhom ikunu kondiviżi u kkoordinati fost aktar minn żewġ oqsma ta' politika (DĠs) fi ħdan il-Kummissjoni,

għandhom jintegraw u jikkoordinaw aħjar l-istrumenti u l-inizjattivi kollha eżistenti tar-riċerka, tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni, inklużi l-Komunitajiet ta' Għarfien u Innovazzjoni tal-IET, filwaqt li jevitaw xogħol doppju mhux meħtieġ,

għandhom jiżguraw il-parteċipazzjoni tas-sħab pubbliċi u privati rilevanti kollha, inklużi l-SMEs u l-organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, tul il-katini tal-provvista, fl-għażla, fl-iżvilupp u fl-operazzjoni ta' sħubijiet futuri;

Għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tippromwovi u tappoġġa inizjattivi oħra bbażati fuq il-prinċipju tas-Sħubiji tal-Innovazzjoni Ewropej;

153.

Iqis eżemplari l-objettiv assenjat lis-sħubija pilota dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu li jestendi l-għomor b'saħħtu b'sentejn sal-2020, u hu tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti objettivi ċari għas-sħubiji innovattivi kollha, li mingħajr miżuri innovattivi, ikunu nieqsa mill-viżjoni u mill-motivazzjoni u jsir iktar diffiċli li jiġu stabbiliti objettivi interim u parzjali li jkunu jistgħu jitkejlu;

154.

Jilqa’ s-“Sħubijiet Ewropej tal-Innovazzjoni” maħsuba biex iżidu u jikkoordinaw l-investimenti fir-Riċerka u l-Iżvilupp kif ukoll biex l-akkwist pubbliku jkun ikkoordinat aħjar biex titħaffef l-introduzzjoni ta’ innovazzjonijiet fis-suq. jenfasizza madankollu li l-politiki ta’ akkwist ma għandhomx jitfasslu biex jieħdu post is-swieq privati jew biex joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni iżda biex jiffaċilitawhom, jistimulaw id-diffużjoni tal-innovazzjoni, waqt li l-swieq jinżammu liberi li jimxu f'direzzjonijiet ġodda;

155.

Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti fir-Regolament għall-fondi differenti fil-perjodu 2014-2020, sabiex tkun faċilitata s-Sħubija tal-Innovazzjoni Ewropea f’termini konkreti;

156.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament dwar l-EIPs kollha, u darbtejn fis-sena dwar l-ewwel proġett pilota u jitlob li l-Parlament Ewropew ikun involut fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-EIPs;

157.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sħubija ta’ innovazzjoni għall-materji primi;

Ir-reġjun bħala sieħeb importanti

158.

Jenfasizza li l-involviment sħiħ tal-awtoritajiet reġjonali u lokali huwa kruċjali biex jinkisbu l-għanijiet tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, minħabba li għandhom rwol importanti fil-ġabra flimkien tan-negozji, l-istituti tal-għarfien, l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadin fl-istandard "diamond 4", biex b'hekk iservu ta' intermedjarju bejn dawn l-atturi varji, l-Istati Membri u l-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tissuġġerixxi oqsma għal diskussjoni u arranġamenti operattivi li permezz tagħhom ir-reġjuni jkunu jistgħu jipparteċipaw u jagħtu kontribut fir-reazzjoni l-aktar xierqa għall-isfidi soċjetali l-kbar, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà filwaqt li fl-istess ħin jiġu rikonoxxuti l-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni differenti;

159.

Jinnota l-konklużjonijiet tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni tal-2009 dwar l-effetti sproporzjonati li l-kriżi ekonomika u finanzjarja qed ikollha f’pajjiżi u f’reġjuni differenti, li qegħdin jimminaw l-għan ta’ konverġenza; jinsab imħasseb li r-restrizzjonijiet baġitarji attwali imposti fuq l-Istati Membri jistgħu jwasslu għal restrizzjonijiet akbar fuq l-investiment fl-STI, b’effetti potenzjalment ta’ ħsara; jaqbel li l-inizjattiva tal-"Unjoni tal-Innovazzjoni” għandha tinkludi l-Istati Membri u r-reġjuni kollha u li dan hu essenzjali biex jiġi evitat il-ħolqien ta’ “diskrepanza tal-innovazzjoni" bejn pajjiżi u reġjuni b’innovazzjoni akbar jew anqos;

160.

Jistieden lir-reġjuni kollha jinvestu fl-innovazzjoni u jaġġustaw l-istrateġiji għall-innovazzjoni tagħhom biex iżidu l-effiċjenza tagħhom, itejbu l-kapital uman tagħhom u jsaħħu l-kapaċità u r-rieda tal-impriżi tagħhom li jkunu innovattivi u kompetittivi fil-livell internazzjonali;

161.

Jindika li dawk li huma responsabbli mit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell reġjonali għandhom ikunu kompletament konxji mill-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku li l-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni joffru fir-reġjuni kollha, peress li l-biċċa l-kbira tal-innovazzjonijiet jinħolqu fil-livell tal-interfaċċja prattika (innovazzjonijiet ibbażati fuq id-domanda u fuq l-utent) u fil-biċċa l-kbira tagħhom huma ffinanzjati mill-FEŻR; jinnota għalhekk li, sal-punt li l-attivitajiet ta' innovazzjoni mhux bilfors jew mhux prinċipalment jirrikjedu l-eżistenza ta' stabbilimenti ta' edukazzjoni ogħla, anke dawk ir-reġjuni mingħajr universitajiet u ċentri ta’ riċerka għandhom ikunu kapaċi jiżviluppaw il-kapaċitajiet ta' innovazzjoni proprji u jisiltu l-benefiċċju massimu mir-riżorsi u mill-beni reġjonali u lokali f’termini ta’ potenzjal ta' innovazzjoni;

162.

Jinnota li t-trawwim tal-innovazzjoni fil-livell reġjonali jista’ jgħin sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi reġjonali; minkejja dan, jinkuraġġixxi l-livelli differenti (reġjonali, nazzjonali u tal-UE) biex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom b’mod aktar effikaċi bħala parti mill-ippjanar tal-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp madwar l-Ewropa;

163.

Jindika li l-innovazzjoni – kemm fit-tfassil tal-politika u fl-attivitajiet tan-negozji u taċ-ċentri ta' riċerka – hija ta’ importanza fundamentali biex tingħata sostanza lill-politika ta’ koeżjoni territorjali tal-UE u li, minħabba n-natura proprja tagħha, tista’ tagħti kontribut deċiżiv biex jintlaħqu l-objettivi ta’ koeżjoni u biex jingħelbu l-ostakoli għal din il-koeżjoni fiż-żoni b’karatteristiki ġeografiċi u demografiċi speċifiċi;

164.

Jiġbed l-attenzjoni għall-kontribut li d-diversità kulturali tagħti lill-innovazzjoni; jikkunsidra, f’dan ir-rigward, li l-azzjoni biex tiġi ssalvagwardjata u promossa d-diversità kulturali reġjonali għandha tingħata rwol prominenti fil-politika ta’ innovazzjoni;

165.

Jisħaq fuq ir-rwol fundamentali tar-reġjuni fit-tfassil tal-politiki biex jistimulaw l-innovazzjoni fil-livell nazzjonali; jindika madankollu li, f’ħafna Stati Membri, il-baġits reġjonali u lokali mhumiex biżżejjed u l-baġits nazzjonali għall-innovazzjoni huma baxxi;

166.

Jisħaq fuq il-fatt li l-potenzjal innovattiv sħiħ tar-reġjuni tal-UE għandu jitqanqal sabiex jintlaħaq l-objettiv Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u jindika li l-politika reġjonali futura għandha titratta din l-isfida bħala prijorità ewlenija; jemmen li din il-prijoritizzazzjoni tapplika għall-objettivi kollha tal-politika reġjonali, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kompetittività tal-Ewropa tkun garantita skont standards dinjijin; jitlob li l-industrija tiġi involuta fl-ekoinnovazzjoni, billi l-imprendituri għandhom rwol importanti ħafna fit-tixrid tal-ekoinnovazzjoni b'mod aktar estensiv fil-livell reġjonali; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-informazzjoni għall-imprendituri – billi jintwerew opportunitajiet kummerċjali ġodda – se tkun kruċjali għas-suċċess ta' strateġija mmirata għall-iżvilupp ta' ekonomiji b'użu effiċjenti tar-riżorsi u ta' industriji sostenibbli;

167.

Jenfasizza r-rwol tal-potenzjal innovattiv ta' pajjiżi li mhumiex membri tal-UE iżda li jikkooperaw mal-UE fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, u jitlob li dawn il-pajjiżi jiġu inklużi fl-inizjattiva tal-"Unjoni tal-Innovazzjoni";

168.

Jenfasizza l-potenzjal kbir tal-bliet għar-riċerka u l-innovazzjoni; jemmen li politika urbana aktar intelliġenti, u l-inizjattiva ta’ ‘Bliet Intelliġenti’ fil-qasam tal-enerġija, bbażata fuq l-avvanzi teknoloġiċi u li tindirizza l-fatt li 80 % tal-popolazzjoni tal-Ewropa tgħix fil-bliet, li propju fihom insibu l-akbar differenzi soċjali, tikkontribwixxi għal innovazzjoni ekonomika sostenibbli;

Implimentazzjoni tal-Istrateġija

169.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ssarraf id-dokument strateġiku attwali “Unjoni tal-Innovazzjoni” fi pjan ta’ azzjoni b’objettivi speċifiċi u li jistgħu jitkejlu u miri b’tul ta’ żmien speċifiku; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja l-progress regolarment, billi tivvaluta l-ostakoli u tistabbilixxi mekkaniżmu li jiffaċilita t-titjib, b’rapporti regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill;

170.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-istrumenti speċifiċi tal-Politika ta’ Innovazzjoni Ewropea mal-kompetituri esterni ewlenin tagħna (l-Istati Uniti, il-Ġappun, u l-pajjiżi BRIC) u tirraporta dwar ir-rendiment komparattiv tagħhom fir-rigward tal-innovazzjoni;

*

* *

171.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2010)0398.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2011)0093.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2010)0209.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2010)0223.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2010)0401.

(6)  Stqarrija għall-stampa bit-titlu ‘She Figures 2009 – major findings and trends’, Kummissjoni Ewropea, 2009, http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=MEMO/09/519&format=HTML&aged=0&language=EN&guiLanguage=en.