|
7.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 377/95 |
Il-Ħamis 12 ta’ Mejju 2011
Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u l-Mawritanja
P7_TA(2011)0232
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd UE-Mawritanja
2012/C 377 E/11
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 208 u 218 TFUE, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1982, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1801/2006 tat-30 ta’ Novembru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja (1), |
|
— |
wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kumitat għas-Sajd fil-Mawritanja f’Novembru 2010, |
|
— |
wara li kkunsidra l-mistoqsija orali lill-Kummissjoni dwar negozjati rigward it-tiġdid tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja (O-000038/2011 – B7-0018/2011), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi l-protokoll attwali tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd (FSS) mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja jiskadi fil-31 ta’ Lulju 2012, u billi l-Kummissjoni Ewropea biħsiebha tibda negozjati għat-tiġdid tiegħu, li għalihom talbet mandat preskrittiv mill-Kunsill, |
|
B. |
billi l-FSS mal-Mawritanja ddispona kontribut finanzjarju ta' EUR 305 miljun fuq erba' snin u b'hekk dan il-ftehim internazzjonali għamlu importanti għall-Mawritanja peress li l-pagament u d-drittijiet għal-liċenzji tal-UE jikkostitwixxu madwar terz mid-dħul kollu tal-istat, |
|
C. |
billi s-settur tas-sajd tal-Mawritanja huwa estremament importanti għall-ekonomija tal-pajjiż, għax jirrappreżenta 10 % tal-PDG tal-pajjiż u bejn 35 % u 50 % tal-esportazzjonijiet tiegħu, kif ukoll jikkontribwixxi 29 % tad-dħul tal-baġit nazzjonali, |
|
D. |
billi l-Mawritanja hija wieħed fost l-ifqar pajjiżi fl-Afrika, ikklassifikat bħala Pajjiż Fqir b'Ħafna Dejn (HIPC) u finanzjarjament dipendenti mill-assistenza barranija, u kkaratterizzat minn instabbiltà politika konsiderevoli, |
|
E. |
billi l-kooperazzjoni trid tkun ibbażata fuq l-interess komuni u tieħu s-sura ta' inizjattivi u miżuri li, b'mod konġunt jew separatament, ikunu kumplementari u jiżguraw politiki konsistenti, |
|
F. |
billi, waqt iż-żjara riċenti tiegħu fil-Mawritanja, il-Kumitat għas-Sajd ma rnexxilux jiċċara diversi kwestjonijiet importanti relatati mal-politika tas-sajd fil-pajjiż, inkluż l-istatus tal-istokkijiet u l-livell tal-attivitajiet tas-sajd imwettqa mill-flotot tal-Mawritanja u oħrajn, |
|
G. |
billi, skont l-Artikoli 61 u 62 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, is-sajd għandu jiġi mmaniġġjat b'tali mod li “l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet li jinqabdu jinżammu jew jerġgħu jinġiebu fil-livelli li jistgħu jagħtu l-ogħla qabdiet sostenibbli, fil-qies ta' fatturi ambjentali u ekonomiċi relevanti”, |
|
H. |
billi l-FSS ikkontribwixxa għall-isfruttament żejjed ta' xi stokkijiet, partikularment il-qarnit, u għaldaqstant naqqas l-opportunitajiet tas-sajd għas-sajjieda tal-Mawritanja u ta vantaġġ kompetittiv lill-industrija tal-UE minħabba t-tariffi sussidjati għall-aċċess għall-bastimenti tal-UE, |
|
I. |
billi huwa essenzjali, meta jiġu negozjati l-opportunitajiet ta' sajd tal-protokoll il-ġdid, li jitqiesu r-relazzjonijiet tal-Mawritanja ma’ pajjiżi terzi li wkoll jistadu fiż-Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE) tagħha permezz ta' ftehimiet bilaterali jew privati, |
|
J. |
billi l-Artikolu 218 TFUE jipprovdi dwar kundizzjonijiet ċari skont liema l-Parlament għandu jkun involut f'deċiżjonijiet dwar ftehimiet tas-sajd, u billi dawn jiġġustifikaw ix-xewqa tal-Parlament li jikkontribwixxi għall-proċess, filwaqt li jindika l-prijoritajiet tiegħu għal—protokolli l-ġodda li għandhom jiġu nnegozjati, |
|
K. |
billi l-Anness II tal-Ftehim ta' Qafas dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea jirregola l-mogħdija ta' informazzjoni kunfidenzjali lill-Parlament u t-trattament ta' tali informazzjoni, kif definit fil-punt 1.2 tal-Anness II, mill-Kummissjoni b'konnessjoni mal-eżerċizzju tal-prerogattivi u l-kompetenzi tal-Parlament; billi ż-żewġ Istituzzjonijiet għandhom jaġixxu skont l-obbligi reċiproċi tagħhom ta' koperazzjoni sinċiera, fi spirtu ta' fiduċja reċiproka sħiħa u b'ottemperanza mill-aktar stretta mad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, |
|
L. |
billi, minħabba l-iżvilupp skars tas-settur tas-sajd fil-Mawritanja, inkluż in-nuqqas ta' portijiet sinifikanti għall-ħatt barra Nouadhibou, il-pajjiż huwa mċaħħad mill-valur miżjud li kien jikseb li kieku kien qed jisfrutta r-riżorsi tas-sajd tiegħu huwa stess (inklużi l-ipproċessar u l-bejgħ tal-ħut), |
|
M. |
billi l-linji ta' appoġġ li ġejjin għas-settur tas-sajd tal-Mawritanja ma ġewx implimentati b'mod sodisfaċenti: il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp tal-industrija tradizzjonali ta' skala żgħira tas-sajd ta' mal-kosta u tal-industriji relatati mas-sajd; l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-portijiet u kundizzjonijiet aħjar għall-ħatt tal-qabdiet; l-iżvilupp ta' proġetti tal-akkwakultura; u monitoraġġ u sorveljanza mtejba fuq il-baħar, |
|
1. |
Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li jinfetħu n-negozjati għat-tiġdid tal-protokoll bejn l-UE u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja, filwaqt li jissottolinja li għandu jinżamm biss jekk ikun ta' benefiċċju reċiproku, aġġustat kif jixraq u implimentat b'mod korrett; |
|
2. |
Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiddaħħal klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem; |
|
3. |
Jinsisti li kwalunkwe u kull aċċess negozjat għall-bastimenti tas-sajd tal-UE fl-ibħra tal-Mawritanja għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta' stokkijiet żejda, kif deskritt fil-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar; jenfasizza, b'mod partikolari, li għandu jkun hemm valutazzjoni rigoruża tal-istokkijiet kollha li qed ikun imfittex aċċess għalihom jew li aktarx jinqabdu mill-flott tal-UE bħala qbid inċidentali; jisħaq li kull aċċess mogħti lill-UE għandu jkun marbut ma’ dawk ir-riżorsi li ma jkunux jistgħu jinqabdu mill-flotta tal-Mawritanja; jisħaq li, jekk kemm-il darba jkun neċessarju tnaqqis fl-isforzi, dawk il-flotot ta' pajjiżi terzi (UE u oħrajn) li jikkawżaw l-akbar danni ambjentali għandhom ikunu l-ewwel li jagħmlu tali tnaqqis; |
|
4. |
Jinsisti fuq ir-riċeviment ta' dejta affidabbli dwar l-opportunitajiet tas-sajd u l-qabdiet minn pajjiżi terzi fl-ibħra tal-Mawritanja biex tkun possibbli l-identifikazzjoni ta' kull riżorsa li tkun f'eċċess; jemmen li, fil-każ ta' dawk l-istokkijiet kondiviżi ma’ Stati oħrajn tal-Afrika tal-Punent, il-livell ta' aċċess għas-sajd fil-Mawritanja għandu jkun negozjat bil-qies dovut għal-livelli ta' sajd fl-istati l-oħrajn; |
|
5. |
Jinnota bi tħassib mhux żgħir li l-valutazzjoni ex-post ikkonkludiet li l-parti l-kbira tal-istokkijiet fil-Mawritanja kienu jew sfruttati għalkollox jew saħansitra sfruttati żżejjed, u rrakkomandat tnaqqis fl-isforz tas-sajd għal dawk l-istokkijiet; jemmen li l-Kumitat Xjentifiku Konġunt għandhom jingħatawlu riżorsi biżżejjed ħalli jkun jista' jagħmel xogħlu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddiskuti mal-Mawritanja l-iżvilupp tal-pjanijiet fit-tul għall-ġestjoni tas-sajd li jkunu jinkludu l-allokazzjonijiet kollha tas-sajd mill-awtoritajiet tal-Mawritanja, kemm lill-flotot nazzjonali tagħhom kemm lill-flotot ta' pajjiżi terzi, inkluża l-eliminazzjoni ta' kull sovrakapaċità tal-flotot; |
|
6. |
Jemmen li l-informazzjoni xjentifika relevanti kollha, inklużi r-rapporti tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt, id-dejta dwar il-qabdiet mill-flotot tal-UE u l-informazzjoni dwar il-kundanni għall-infrazzjonijiet, għandhom jingħaddu lill-Parlament u jkunu fid-dominju pubbliku; |
|
7. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet tal-Mawritanja jagħtu garanzija dwar l-interpretazzjoni tagħhom tal-miżuri ta' kontroll; itenni, b'mod partikolari, li l-bastimenti tal-UE huma mgħammrin b'sistemi ta' monitoraġġ tal-bastimenti (VMS), u li dan għandu jkun l-istrument użat għad-determinazzjoni tal-pożizzjoni tagħhom; jissottolinja li d-dipendenza fuq l-istima viżiva approssimattiva tad-distanza mill-kosta għandha tkun projbita, billi ntwera li mhijiex affidabbli u wasslet għal inċertezza ġuridika għall-flotta; jisħaq li kull sistema alternattiva għandha tkun bi qbil reċiproku bil-quddiem; jemmen li s-sinjali tal-pożizzjoni għandhom jiġu trażmessi direttament lill-awtoritajiet tal-Mawritanja f'ħin reali; jemmen ukoll li l-protokoll għandu jippreskrivi li jekk is-sistema VMS ta' bastiment ma tibqax taħdem, il-bastiment għandu jara li s-sistema tissewwa fi żmien ġimagħtejn, inkella l-awtorizzazzjoni tiegħu li jistad tkun sospiża sa ma jitlestew it-tiswijiet; |
|
8. |
Ifisser it-tħassib tiegħu dwar il-proċeduri għat-tlugħ abbord il-bastimenti tal-UE mill-awtoritajiet tal-Mawritanja, li hi problema rikorrenti; iqiegħed f'dubju l-ottemperenza tal-awtoritajiet tal-Mawritanju mal-Kapitolu VI tal-Anness II tal-protokoll, b'mod partikolari l-paragrafu 3 tiegħu, li għandu x'jaqsam mal-proċeduri tat-tlugħ abbord tal-bastimenti; |
|
9. |
Jitlob lill-Kummissjoni tinnegozja simultanjament l-opportunitajiet ta' sajd għal kategoriji differenti ta' bastimenti u l-miżuri tekniċi li għandhom jiġu applikati f'kull każ, ħalli jiġu evitati utlizzazzjoni mhux suffiċjenti u sitwazzjonijiet fejn is-sajd jispiċċa jkun impossibbli minħabba f'miżuri tekniċi, li jwasslu għal telf sostanzjali fid-dħul; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd skont l-FSS jissodisfaw l-istess kriterji ta' sostenibilità bħall-attivitajiet ta' sajd fl-ibħra tal-UE, inklużi dawk marbutin mas-selettività; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi djalogu mal-Mawritanja bil-għan li l-pajjiż jiġi megħjun jiżviluppa aktar politika responsabbli dwar is-sajd li tissodisfa kemm ir-rekwiżiti tal-konservazzjoni kif ukoll l-objettiv tal-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku tar-riżorsi tas-sajd; |
|
10. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Kodiċi ta' Kondotta għal Sajd Responsabbli tal-FAO ikun irrispettat, speċjalment fir-rigward tar-rakkomandazzjoni li jingħata aċċess preferenzjali lis-sajjieda tradizzjonali għar-riżorsi fl-ibħra tal-Mawritanja; |
|
11. |
Iħeġġeġ lill-Mawritanja tirratifika l-istrumenti internazzjonali relevanti dwar is-sajd, bħall-Ftehim dwar l-Istati Portwali u l-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet tal-Ħut; |
|
12. |
Jemmen li l-ftehimiet tas-sajd bejn l-UE u pajjiżi terzi għandhom jiġu preċeduti minn dibattitu wiesa' fil-pajjiżi kkonċernati, li jippermetti l-parteċipazzjoni tal-pubbliku, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-parlamenti nazzjonali, għall-promozzjoni ta' aktar demokrazija u trasparenza: |
|
13. |
Jemmen li l-flus imħallsa bħala kumpens għall-aċċess għall-istokkijiet tal-ħut fl-ibħra tal-Mawritanja għandhom jiġu separati b'mod ċar mill-appoġġ finanzjarju għall-programm settorjali mutliannwali għas-sajd fil-Mawritanja, b'tali mod li kwalunkwe tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd m'għandux iwassal għal tnaqqis fil-ħlasijiet tal-UE skont il-programm mutliannwali; |
|
14. |
Jemmen ukoll li l-appoġġ finanzjarju għall-programm multiannwali għas-sajd tal-Mawritanja jeħtieġlu jkun konformi mal-ħtiġijiet tal-pajjiż għall-iżvilupp sostenibbli tas-sajd, b'mod partikulari l-ġestjoni (ir-riċerka, il-kontroll, il-mekkaniżmi għall-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, l-infrastrutturi, eċċ.), kif espressi fil-qafas ta' kooperazzjoni u żvilupp bejn l-UE u l-Mawritanja; isostni li l-appoġġ finanzjarju skont l-FSS għandu jappoġġa u jtejjeb l-objettivi tal-UE dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, bil-għan li l-obbligu legali tal-UE skont l-Artikolu 208 TFUE li tiżgura koerenza tal-politki għall-iżvilupp; |
|
15. |
Iqis li jeħtieġ li titwettaq evalwazzjoni komprensiva u dettaljata tar-raġunijiet għala ma ntlaħqux b'mod adegwat l-objettivi rigward il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u d-diversi linji ta' appoġġ għas-settur tas-sajd fil-Mawritanja; jenfasizza li din l-evalwazzjoni jeħtiġilha tinvolvi l-awtoritajiet tal-Mawritanja; |
|
16. |
Jemmen li l-FSS jeħtieġlu jinkludi mekkaniżmi adegwati ta' sorveljanza biex jiżguraw li l-fondi allokati għall-iżvilupp, u b'mod partikoalri għat-titjib tal-infrastruttura fis-settur tas-sajd, jintużaw sewwa; |
|
17. |
Jilqa' r-rieda tal-Kumitat Konsultattiv Reġjonali għad-Distanzi Twal li s-sidien tal-bastimenti jħallsu sehem ġust għall-valur tal-qabda; |
|
18. |
Jirrikonoxxi l-investimenti sinifikanti li kemm l-UE kemm ċerti Stati Membri għamlu u segwew fil-Mawritanja, imma jitlob li jsiru sforzi akbar sew mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Istati Membri għall-ilħiq ta' koordinament akbar tal-kontibuzzjonijiet finanzjarji tagħhom, ħalli jkun hemm kooperazzjoni reali fil-ikuntest tal-żvilupp tal-Mawritanja u tkun evitata duplikazzjoni mhux koordinata; |
|
19. |
Jemmen li, kif previst fl-Artikolu 6(3) tal-protokoll attwali, l-UE għandha tappoġġa l-kostruzzjoni l-aktar rapida possibbli ta' faċilitajiet adegwati għall-ħatt tal-qabdiet matul il-kosta ċentrali u tan-Nofsinhar tal-Mawritanja, ikluż – imma mhux biss – Nouakchott, ħalli l-ħut li jinqabad fl-ilmijiet tal-Mawritanja jkun jista' jinħatt l-art f'portijiet nazzjonali u mhux barra l-pajjiż, kif spiss jiġri llum; jemmen li dan għandu jkattar il-konsum tal-ħut lokali u jappoġġa l-impjiegi lokali; |
|
20. |
Huwa tal-fehma li dan it-titjib, ikkombinat mat-tneħħija tal-bastimenti mgħarrqa u l-mmodernizzazzjoni tal-port ewlieni ta' Nouadhibou, għandu jippermetti li l-flotta tal-UE topera aktar effikaċement, jiffaċilita l-influssi ta' investiment u jkabbar l-impatt tal-FSS fuq l-ekonomija lokali; |
|
21. |
Jissottolinja l-ħtieġa li l-Parlament ikun imdaħħal għalkollox kemm fil-proċess ta' negozjati kemm fil-monitoraġġ fit-tul tal-funzjonament tal-Protokoll il-ġdid ħalli jottempera ruħu mal-obbligi tiegħu skont it-TFUE rigward l-għoti sħiħ u f'waqtu tal-informazzjoni lill-Parlament; ifakkar fil-konvinzjoni tiegħu li l-Parlament għandu jkun irrappreżentat fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ikkontemplat fil-ftehimiet tas-sajd u jinsisti li s-soċjetà ċivili, inklużi r-rappreżentanti kemm tal-UE kemm tas-settur tas-sajd tal-Mawritanja, għandha wkoll tieħu sehem f'dawn il-laqgħat; |
|
22. |
Jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-Parlament valutazzjoni ex-post tal-protokoll attwali bħala dokument mhux klassifikat, b'tali mod li l-Membri tiegħu jkunu jistgħu jagħmlu ġudizzju infurmat fuq jekk l-objettivi definiti f'dan il-ftehim intlaħqux jew le u, għalhekk, jekk għandhomx jagħtu l-kunsens tagħhom għat-tiġdid tal-protokoll; |
|
23. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jippreżenta din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Gvern tal-Mawritanja. |
(1) ĠU L 343, 8.12.2006, p. 1.