7.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 377/19


L-Erbgħa 11 ta’ Mejju 2011
Relazzjonijiet kummerċjali UE-Ġappun

P7_TA(2011)0225

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Mejju 2011 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun

2012/C 377 E/04

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Frar 2011 dwar l-Istrateġija Ewropa 2020 (1),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta’ kummerċ internazzjonali (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Frar 2009 dwar it-tisħiħ tar-rwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-impatt tal-iffalsifikar fuq il-Kummerċ Internazzjonali (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2008 dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2008 dwar il-kummerċ ta’ materja prima u ta’ prodotti bażiċi (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Frar 2008 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea li tiżgura aċċess għas-suq għall-kumpaniji Ewropej (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2007 dwar Ewropa Globali – l-aspetti esterni tal-kompetittività (8),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020” (COM(2010)0612),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “L-Ewropa Globali: kompetizzjoni dinjija. Kontribut lill-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi” (COM(2006)0567),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Ostakli għall-Kummerċ u l-Investiment ippubblikat fl-10 ta’ Marzu 2011,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-18 ta’ Lulju 1991 li saret fl-Aja dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Ġappun,

wara li kkunsidra l-Ftehim dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku bejn l-UE u l-Ġappun konkluż fl-2001 (9),

wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni rigward l-Attivitajiet Antikompetittivi bejn l-UE u l-Ġappun konkluż fl-2003 (10),

wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u l-Għajnuna Amministrattiva Reċiproka fi Kwistjonijiet Doganali bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġappun konkluż fl-2008 (11),

wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ għaxar snin adottat waqt l-għaxar Samit bejn l-UE u l-Ġappun, li sar fi Brussell fit-8 ta’ Diċembru 2001,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta adottata waqt id-dsatax-il Samit UE-Ġappun, li sar f'Tokjo fit-28 ta’ April 2010,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta adottata waqt it-tmintax-il Samit UE-Ġappun, li sar fi Praga fl-4 ta’ Mejju 2009,

wara li kkunsidra r-rapport minn Copenhagen Economics bl-isem “Assessment of barriers to trade and investment between the EU and Japan”, ippubblikat fit-30 ta’ Novembru 2009,

wara li kkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun, ippubblikati fil-21 ta’ Frar 2011,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2011,

wara li kkunsidra s-samit ippjanat bejn l-UE u l-Ġappun, li għandu jsir fi Brussell fil-25 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi s-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, stabbilita permezz tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), hija l-aktar qafas xieraq għar-regolazzjoni u l-promozzjoni ta’ kummerċ miftuħ u ġust,

B.

billi huwa essenzjali li wieħed iqis il-ftehimiet multilaterali, plurilaterali u bilaterali bħala parti minn kaxxa tal-għodod komuni tal-affarijiet internazzjonali, u b'hekk huma elementi standard fir-relazzjonijiet politiċi u kummerċjali bbilanċjati u kumplimentari,

C.

billi l-UE għandha tibqa' kommessa li tikseb riżultat ibbilanċjat fl-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp bħala l-approċċ preferut tagħha, ħaġa li tappoġġa l-integrazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fis-sistema kummerċjali internazzjonali, filwaqt li tagħmel progress b'mod paralleli fi ftehimiet kummerċjali bilaterali u plurilaterali ma’ pajjiżi oħra industrijalizzati fejn huwa realistiku li nistennew li jkun hemm beneffiċċji reċiproċi u tkabbir ekonomiku f'iqsar żmien,

D.

billi fl-2009 l-UE u l-Ġappun irrappreżentaw flimkien iktar minn kwart tal-PDG dinji u iktar minn 20 % tal-kummerċ dinji,

E.

billi l-Ġappun u l-UE huma investituri sinifikanti fl-ekonomiji ta’ xulxin b'volum kombinat ta’ investiment dirett barrani li laħaq EUR 200 biljun fl-2009,

F.

billi fl-2010 l-ammont totali ta’ kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Ġappun, it-tielet l-ikbar ekonomija nazzjonali fid-dinja f'termini ta’ PDG, kien jiswa EUR 120 biljun; billi l-Ġappun huwa s-sitt l-ikbar sieħeb kummerċjali għall-UE, u billi l-UE hija t-tielet l-ikbar sieħba kummerċjali tal-Ġappun,

G.

billi kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni nnotaw li l-kapaċità tal-Ġappun li jneħħi l-ostakli regolatorji għall-kummerċ hija kundizzjoni preliminari għall-varar ta’ negozjati dwar il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ġappun, li b'hekk tħeġġeġ integrazzjoni ekonomika eqreb bejn iż-żewġ sħab kummerċjali strateġiċi,

H.

billi l-UE u l-Ġappun qed jiffaċċaw sfidi komuni, bħall-qawmien politiku u ekonomiku taċ-Ċina, il-progress ekonomiku dejjem iktar kajman wara l-kriżi finanzjarja dinjija, it-tnaqqis demografiku, u bżonn dejjem jikber li jkun hemm aċċess għall-materji primi u s-sorsi tal-enerġija, kif ukoll l-iżgurar tal-istabilità fil-prezzijiet tagħhom, biex jikbru l-industriji rispettivi tagħhom,

I.

billi l-kummerċ miftuħ u ġust huwa għodda qawwija biex jinħoloq iktar tkabbir u benessri fis-soċjetà, filwaqt li jinbena fuq il-vantaġġi komparattivi ta’ kull ekonomija rispettiva u sinerġiji potenzjali li jirriżultaw minn integrazzjoni ekonomika ikbar u minn dħul ġdid f'ekonomija misjuqa mill-għarfien,

J.

billi kemm l-UE kif ukoll il-Ġappun għandhom tariffi ġeneralment baxxi fuq il-prodotti, b’aktar minn żewġ terzi tal-valur ta’ esportazzjoni tal-Unjoni lejn il-Ġappun ħielsa mid-dazji u iktar minn terz tal-valur ta’ esportazzjoni tal-Ġappun lejn l-UE,

K.

billi, minkejja dawn it-tariffi baxxi, il-volumi tal-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Ġappun għadhom lura meta mqabbla mal-iskambji kummerċjali tal-UE mas-sħab kummerċjali prinċipali l-oħra tagħha, prinċipalment minħabba l-effetti negattivi tal-ostakli mhux tariffarji Ġappuniżi fuq l-opportunitajiet tan-negozji Ewropej għal aċċess għas-suq,

L.

billi l-istudju ta’ Copenhagen Economics ta’ Novembru 2009 stima li l-ispejjeż kummerċjali assoċjati ma’ ostakli mhux tariffarji (ONT) huma ogħla mil-livelli tariffarji eżistenti u li l-parti l-kbira tal-gwadanji ekonomiċi potenzjali tinsab fit-tneħħija ta’ dawn l-ONT; billi l-istudju jistima żidiet potenzjali fl-esportazzjonijiet tal-UE għall-Ġappun ta’ EUR 43 biljun u EUR 53 biljun għall-esportazzjonijet Ġappuniżi lejn l-UE jekk il-miżuri tariffarji u mhux tariffarji jitnaqqsu kemm jista' jkun,

M.

billi l-Kummissjoni fir-rapport tagħha tal-2011 dwar l-Ostakli għall-Kummerċ u l-Investiment identifikat l-ostakli għall-aċċess għall-akkwist pubbliku, ir-rikonoxximent insuffiċenti tal-istandards internazzjonali fir-rigward tal-apparat mediku, u t-trattament preferenzjali għall-aħjar fornituri nazzjonali fis-servizzi finanzjarji (eż. servizzi tal-posta) bħala tliet oqsma maġġuri ta’ tħassib tal-UE fir-rigward tal-ostakli mhux tariffarji tal-Ġappun,

N.

billi l-protezzjoni tad-dritt ta’ proprjetà intelletwali u l-infurzar huma meqjusa bħala ta’ kwalità għolja fil-Ġappun; billi l-Ġappun u UE għandhom objettivi u approċċi komuni dwar materji relatati mad-dritt ta’ proprjetà intelletwali barra dwar l-indikazzjoni ġeografika, u t-tnejn ikkommettew ruħhom fil-ġlieda plurilaterali kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija bħala firmatarji tal-Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni,

O.

billi l-industrija tal-ICT fil-Ġappun hija settur ta’ valur miżjud kbir u sors ta’ tkabbir sew fl-UE kif ukoll fil-Ġappun, speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp ulterjuri ta’ prodotti u servizzi intelliġenti;

P.

billi jeħtieġ li, f’kull diskussjoni kummerċjali mal-Ġappun, jitqajmu kwistjonijiet ta’ investiment u kummerċ fis-servizzi, b'mod li jiġi żgurat li l-ftuħ tas-suq ma jikkomprometti la r-regoli Ewropej u lanqas dawk Ġappuniżi dwar il-protezzjoni tas-servizzi pubbliċi u d-diversità kulturali,

Q.

filwaqt li jafferma mill-ġdid is-solidarjetà tiegħu mal-poplu Ġappuniż wara d-diżastri naturali riċenti,

1.

Iqis li s-sistema kummerċjali multilaterali, inkorporata fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, tibqa' bil-bosta l-aktar qafas effettiv biex jintlaħaq il-kummerċ miftuħ u ġust madwar id-dinja; jemmen li l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għandhom jikkontribwixxu għal konklużjoni b'suċċess tan-negozjati tal-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp;

2.

Jenfasizza li huwa favur ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Ġappun, imma mhuwiex sodisfatt bil-progress negliġibbli li sar fil-Grupp ta’ Livell Għoli matul dawn l-aħħar snin; iqis li l-Ġappun, qabel ma jiġu varati n-negozjati, jeħtieġlu jagħmel impenji sinifikanti fuq it-tneħħija tal-ostakoli tal-kummerċ li jfixklu l-aċċess għall-akkwist pubbliku Ġappuniż;

3.

Jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-UE u l-Ġappun għandha sseħħ flimkien ma’ – minflok ma ttellef – regoli dwar il-protezzjoni tas-servizzi pubbliċi u tad-diversità kulturali, u trawwem konverġenza regolatroja u adeżjoni ma’ standards multilaterali fejn dawn diġà jeżistu;

4.

Jisħaq fuq li huwa kommess li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġappun billi jiffoka fuq it-tneħħija ta’ ostakoli mhux tariffarji għall-kummerċ u l-investiment, inklużi bosta regoli restrittivi u miżuri regolatorji li jħabbtu wiċċhom magħhom il-kumpaniji tal-UE li jkunu jridu aċċess għas-suq Ġappuniż;

5.

Iqis li, fin-negozjati kummerċjali mal-Ġappun, il-Kummissjoni għandha tikkoċentra, bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha, fuq it-tneħħija ta’ dawk l-ostakoli li l-aktar li jtellfu l-aċċess tas-suq lil SMEs Ewropej;

6.

Iqis li t-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tat-tariffi Ġappuniżi fuq il-prodotti tal-ICT, inklużi l-partijiet u l-komponenti tagħhom, iqawwu l-kompetittività u jiġġeneraw impjiegi ta’ kwalita għolja fl-UE; jitlob, barra minn hekk, kooperazzjoni intensifikata bejn l-UE u l-Ġappun fil-qasam tal-R&D u speċjalment fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjeta intellettwali, biex jitħaffef il-qsim tal-informazzjoni dwar il-privattivi bejn l-uffiċċji tal-privattivi rispettivi tagħhom;

7.

Jikkunsidra li l-livell ta’ ambizzjoni tal-Kummissjoni rigward il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ġappun, u b’mod speċjali rigward it-tkabbir tal-aċċess ta’ negozji Ewropej għas-suq, għandu jkun ikkumplimentat minn impenji komprensivi u maqbula b’mod konġunt dwar l-iżvilupp sostenibbli;

8.

Jenfasizza li l-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Ġappun mhux biss irendi benefiċċji f’termini ta’ żieda fil-kummerċ bilaterali fil-prodotti u s-servizzi, imma wkoll irawwem il-koooperazzjoni fuq il-prijoritajiet orizzontali tal-UE, bħalma huma l-kooperazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni, dik regolatorja u fil-ġlieda kontra l-abbuż tas-suq, u, fl-aħħar nett iżda mhux l-anqas importanti, il-kooperazzjoni fit-trattament ta’ firxa wiesgħa ta’ sfidi ambjentali;

9.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fid-diskussjonijiet kummerċjali kollha mal-Ġappun, jappoġġaw u jippromwovu inizjattivi bl-għan li jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali;

10.

Huwa tal-fehma li, valutazzjoni komprensiva tas-sostenibbiltà u tal-impatt hija ta’ importanza ewlenija għal valutazzjoni ġenerali tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta meta jkun il-waqt valutazzjoni bħal din, li tispjega fid-dettall b'mod partikolari l-vantaġġi u l-iżvantaġġi possibbli ta’ relazzjonijiet kummerċjali msaħħa bejn l-UE u l-Ġappun għas-setturi kollha involuti, u b'mod partikolari għas-setturi industrijali kollha u dawk aktar sensittivi, bħas-setturi tal-karozzi, tal-elettronika, tal-avjazzjoni u tal-makkinarju,

11.

Jirrakkomanda li miżuri effikaċi ta’ salvagwardja bilaterali jkunu inklużi fit-tfassil ta’ ftehim ta’ kummerċ ħieles Bejn l-UE u l-Ġappun biex jipprevjenu mewġa ta’ importazzjonijiet li tikkawża, jew thedded li tikkawża, ħsara serja lill-industriji tal-UE u tal-Ġappun, speċjalment f’setturi sensittivi bħall-industriji tal-karozzi, tal-elettronika u tal-makkinarju;

12.

Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ġappun għandu l-potenzjal li jwassal għal sitwazzjoni ta’ rebħ għaż-żewġ ekonomiji;

13.

Jenfasizza li l-Parlament se jintalab jagħti l-kunsens tiegħu għall-potenzjal tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ġappun;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern u l-parlament tal-Ġappun.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2011)0068.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2010)0434.

(3)  ĠU C 67E, 18.3.2010, p. 101.

(4)  ĠU C 45E, 23.2.2010, p. 47.

(5)  ĠU C 295E, 4.12.2009, p. 67.

(6)  ĠU C 279E, 19.11.2009, p. 5.

(7)  ĠU C 184E, 6.8.2009, p. 16.

(8)  ĠU C 102E, 24.4.2008, p. 128.

(9)  ĠU L 284, 29.10.2001, p. 3.

(10)  ĠU L 183, 22.7.2003, p. 12.

(11)  ĠU L 62, 6.3.2008, p. 24.